Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə53/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   49   50   51   52   53   54   55   56   ...   232
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, dan il-Parlament qed jikkonsidra jekk japprovax jew le li l-Gvern jissellef Lm110 miljun oħra. Hawnhekk naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu ngħidu hi li dan li qed jagħmel il-Gvern ifisser li f'sena u nofs se jkun talab l-approvazzjoni ta' dan il-Parlament għal self ta' Lm300 miljun, aktar mit-total kollu ta' self li kien talab il-gvern ifformat mill-Partit Nazzjonalista matul disa' snin, u dan meta suppost li bid-dikjarar għandna gvern modern, effiċjenti u trasparenti. Fil-fatt sas-sena 1995, l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet ġiet quddiem dan il-Parlament u talbet approvazzjoni għal aggregate sum ta' Lm235.8 miljun f'self.
L-ewwel self li talab il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant kien ta' Lm70 miljun. Naturalment wieħed jista' jargumenta li billi kien gvern ġdid, parti mis-self ta' Lm70 miljun li sar fl-aħħar tas-sena 1996 kien ippjanat mill-amministrazzjoni preċedenti. Iżda meta wieħed jara l-projections li kien hemm mill-amministrazzjoni preċedenti jsib li fil-fatt ma kienx ipproġettat li jkun hemm self ta' iktar minn Lm35 miljun. Allura mis-somma ta' Lm70 miljun li l-Gvern preżenti ssellef fl-aħħar ta' l-1996, wieħed irid jattribwixxi s-somma ta' Lm35 miljun lill-amminstrazzjoni preżenti u Lm35 miljun oħra lill-amministrazzjoni preċedenti. F'Mejju tas-sena li għaddiet, jiġifieri fl-1997, il-Gvern preżenti talab l-approvazzjoni ta' din il-Kamra sabiex jissellef Lm72.4 miljun. Aktar tard talab sabiex jissellef Lm25 miljun oħra għat-Tarzna u mbagħad f'Novembru reġa' talab biex jissellef Lm95 miljun - fil-fatt l-approvazzjoni kienet għal Lm100 miljun imma jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri kif jidhru fl-estimi din hija mniżżla bħala Lm95 miljun - u allura, anke jekk ma ngħodd xejn mill-ewwel self ta' Lm70 miljun, wieħed malajr jirrealizza li qabel ma saret id-diskussjoni tal-lum il-Gvern preżenti kien diġa' talab biex jissellef Lm200 miljun. Issa għandna talba għal approvazzjoni ta' Lm110 miljun oħra, u dan ifisser li qed naqbżu Lm300 miljun b'kollox. Meta wieħed iqabbel dan is-self mas-self totali ta' l-amministrazzjoni preċedenti jsib li qegħdin nipparagunaw self ta' aktar minn Lm300 miljun f'sena u nofs ma' self ta' Lm236 miljun f'aktar minn disa' snin. Dan kollu fi sfond li l-Partit Laburista, li mill-oppożizzjoni kien jitkellem kontra s-self u l-konċett ta' dejn, u kien jgħid li wieħed m'għandux jiġi quddiem il-Parlament għal self bħal dan, issa qed jgħdilna: Araw kemm aħna effiċjenti, kemm aħna moderni u kemm aħna trasparenti! Aħna għandna l-vapur miexi full steam ahead, u anything you can do we can do better! Aħna f'sena u nofs ġejna quddiem il-Parlament għal self akbar minn dak kollu li intom għamiltu f'aktar minn disa' snin. Naħseb li mbagħad irridu nirriflettu ftit xi jfisser dan, anke bħala konsengwenza fuq is-sistema ta' kif jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż.
Qed ngħid hekk, Madam Speaker, għaliex f'dan il-Parlament kemm-il darba kien hawn diskussjoni dwar self biex jagħmel tajjeb għad-deficit fil-budget nazzjonali. Anke fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kien ikun hawn numru ta' interventi li apparti li kienu jirriferu għal aspetti differenti tal-politika li kien qed isegwi l-Gvern Nazzjonalista - kif inhu normali li jsir fil-ħajja ta' parlament meta wieħed ikun qed jiddiskuti money bill - kien ikollna wkoll interventi li jitkellmu dwar x'inhu s-sinifikat ta' dan kollu, mil-lat ta' kif jolqot il-mod kif ikun qed jitmexxa l-pajjiż, u xi tkun tfisser preċiżament il-qagħda tal-finanzi tiegħu. F'dan ir-rigward nixtieq nirriferi għal diskors li kien għamel l-Onor. Lino Spiteri f'dan il-Parlament. Din id-darba m'iniex se nikkwota minn artikli tiegħu fil-gazzetti jew minn intervisti riċenti dwar aspetti fuq il-politika tal-Gvern preżenti li hu ma jaqbilx magħhom imma se nikkwota minn intervent li hu kien għamel f'din il-Kamra fl-aħħar ta' Mejju ta' l-1995, meta l-Kamra kienet qed tiddiskuti mhux biex il-Gvern Nazzjonalista jissellef Lm110 miljun imma biex jissellef Lm34.5 miljun.
Qed nirriferi għal din iċ-ċifra għaliex huwa interessanti wkoll li wieħed jifhem li meta nħarsu lejn iċ-ċifri kollha li l-gvern għal sena wara l-oħra jiġi quddiem dan il-Parlament biex jissellef, insibu li l-average ta' l-amministrazzjoni preċedenti huwa ta' madwar Lm33 miljun fis-sena. Jiġifieri jekk taħt l-amministrazzjoni preżenti f'sena u nofs diġa' kellna talba għal self ta' Lm300 miljun - qed nassumi li sa l-aħħar tas-sena l-Gvern ma jiġix jitlob għal self ieħor - meta dan nipparagunawh mas-self ta' Lm33 miljun li sar fid-disa' snin ta' l-amministrazzjoni preċedenti, allura nkunu qed nitkellmu fuq average li qed jaqbeż il-Lm150 miljun fis-sena. Meta fid-29 ta' Mejju ta' l-1995 kien hawn talba biex dan il-Parlament jawtorizza lill-Gvern ta' l-Onor. Fenech Adami self ta' Lm34.5 miljun, x'kienu l-kummenti ta' l-Onor. Spiteri, bħala l-kelliem uffiċjali ta' l-Oppożizzjoni Laburista fuq il-finanzi u l-ekonomija?
L-Onor. Membru qalilna li huwa kruċjali li l-ekonomisti ma jibqgħux iħarsu l-ewwel lejn l-aspett politiku u mbagħad lejn l-aspett professjonali, u appella biex inħarsu oġġettivament lejn is-self li jagħmel il-gvern u lejn l-effetti li jħalli s-self fuq l-ekonomija. Dakinhar fid-diskors tiegħu l-Onor. Membru qalilna wkoll li meta l-gvern joħroġ self permezz ta' treasury bills, wieħed irid jagħmel kalkolu biex jara kemm mis-self isir mill-poplu u kemm isir mill-banek jew mill-Bank Ċentrali, u dakinhar stess ingħatat tweġiba dwar dak li kien għaddej fil-Parlament, għax f'''The Times" l-Onor. Spiteri ġie rrapportat li qal li m'għandniex inħarsu biss lejn l-ammont ta' self. Fil-fatt qalilna hekk:
"When a central bank loans money to government it will be creating money out of nothing because more bills are printed thus galvanising the inflationary process."
Jiġifieri fi ftit kliem l-argument ta' l-Onor. Spiteri kien li jekk il-gvern jiġi quddiem il-Parlament jitlob l-awtorizzazzjoni għas-self u mbagħad il-parti l-kbira ta' dak is-self jispiċċa jerfgħu l-Bank Ċentrali ta' Malta u mhux il-poplu Malti, b'mod ġenerali kulma jkun qed jiġri hu li l-Bank Ċentrali jkun qed jistampa iktar flus. GĦalhekk m'hu veru xejn li b'hekk inkunu qed immexxu l-ekonomija 'l quddiem bil-parteċipazzjoni ġenerali tal-poplu imma nkunu qegħdin inżidu l-inflazzjoni, jiġifieri nkunu qed inżidu l-proċess ta' l-għoli tal-ħajja. Dan huwa l-qofol tad-diskors li kien għamel l-Onor. Spiteri. Fil-fatt matul l-istess seduta l-Onor. Membru kien saħansitra għamel suġġerimenti biex meta joħorġu t-treasury bills dawn ikunu iktar attraenti għall-pubbliku, forsi nibdew naraw parteċipazzjoni ikbar mill-pubbliku f'dawn is-sistemi.
Issa hawn wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-Onor. Spiteri kien qal dan meta dak iż-żmien konna qed nitkellmu fuq self totali ta' Lm34.5 miljun u meta l-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'issues bħal dawn kienet inkoraġġanti ħafna.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   49   50   51   52   53   54   55   56   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin