ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Huwa veru li llum kien hawn xi ftit tal-kommozzjoni f'din il-Kamra pero' l-punt tiegħi huwa ċar u ma naħsibx li hawn kwestjonijiet dwaru. Kif għidt l-ewwel, biex kelliem jingħata extension irid ikun hemm proponent u sekondant, u jekk ikun hemm bżonn jittieħed vot ukoll. Skond l-Ordnijiet Permanenti, meta tiskadi l-ewwel extension ta' 30 minuta wieħed jista' jitlob li jkompli jinstema', pero' biex it-talba tiegħu tintlaqa' jrid ikun hemm l-unanimita' tal-Kamra. Jiġifieri jekk xi ħadd joġġezzjona allura dan ma jkunx jista' jkompli. Din hija l-prassi li dejjem ġiet segwita u jien ma jidhirlix li għandna bżonn rulings fuq din il-kwestjoni għax l-Ordnijiet Permanenti huma ċari daqs il-kristall.
Issa f'dan il-mument qegħdin f'pożizzjoni fejn l-Onor. Zammit Dimech, skond ir-ruling li tat is-Sinjorija Tiegħek - u aħna noqogħdu għal dan ir-ruling għax dik hija l-proċedura - skadewlu l-40 minuta u ngħata extension ta' 30 minuta. Jekk meta jiskadu t-30 minuta l-Onor. Zammit Dimech ikun irid ikompli jitkellem imbagħad ikollu bżonn il-leave of House. Jien ma nistax nifhem x'inhi l-problema li qed insibu hawnhekk.
MADAM SPEAKER: L-extension ingħatat u għalhekk nistieden lill-Onor. Zammit Dimech biex ikompli bid-diskors tiegħu.