ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, forsi jixraq li nerġa' nsemmi li l-Gvern qed ifalli minħabba tliet affarijiet. F'sena u nofs il-Gvern ġie quddiem il-Parlament biex jissellef iktar minn Lm300 miljun meta t-total ta' self li għamlet l-amministrazzjoni preċedenti f'disa' snin u nofs kien ta' Lm236 miljun. Imma rrid ngħid ukoll li l-Gvern naqas milli jagħmel dak li kien ippropona b'mod oġġettiv l-Onor. Spiteri f'Mejju 1995 meta kien qal li għandna naraw x'inhu l-impatt tas-self fuq id-debt servicing u għandna naraw ukoll kemm minn dak is-self li nkunu qed nawtorizzaw jittieħed mill-pubbliku u kemm jittieħed mil-banek għax jekk dan jittieħed mill-banek, kulma nkunu qed nagħmlu huwa li nġiegħlu lill-Bank Ċentrali jistampa iktar flus u nżidu l-għoli tal-ħajja, bil-konsegwenza li fil-pajjiż tiżdied l-inflazzjoni. Fil-fatt dan il-Gvern m'huwiex qed iwettaq dak li kien jgħid meta kien fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni - tant hu hekk li fil-budget ta' din is-sena l-Gvern qed jagħmel provvediment li bih se jgħolli l-imgħaxijiet minn Lm24.7 miljun għal Lm54.5 miljun - u l-ewwel spjegajt ukoll li l-parti l-kbira tat-treasury bills li ħarġu s-sena li għaddiet ma tteħdux mill-poplu Malti imma mill-banek Maltin, għax f'April minn Lm150.6 miljun il-banek ħadu Lm126 miljun, u f'Settembru minn Lm140.4 miljun il-banek ħadu Lm107.2 miljun.
Wieħed jista' jagħmel diversi argumenti oħra f'dan ir-rigward għax irridu naraw ukoll għalfejn ikun qed isir is-self. Per eżempju, jekk inħarsu lejn id-disa' snin u nofs ta' amministrazzjoni Nazzjonalista nsibu li qabel pajjiżna kellu gvern li kien qiegħed imexxi biex jagħti struttura lil pajjiżna verament, kemm f'dak li huwa bini tal-freeport, kemm f'dak li huwa bini ta' l-air terminal - fil-fatt hawn ikun tajjeb jekk ngħidu li dan il-Gvern se jbigħ l-ishma ta' l-MIA - kemm f'dik li hija sistema ta' telekomunikazzjoni - ħalli jekk il-Prim Ministru ma jkollux xi aħbarijiet oħra x'jagħti jkun jista' jirrikorri għand il-Borża ta' Malta u joqgħod jgħid kemm hu kuntent li se jmur Londra biex jassisti għal-launching tax-shares tal-Maltacom fuq il-London Stock Exchange - kemm f'dawk li huma l-impjanti l-ġodda tar-reverse osmosis, kif ukoll f'dik li hi l-power station il-ġdida, li qed tuża l-flus biex tagħti lill-pajjiż l-infrastruttura totali li hemm bżonn ħalli pajjiżna jkun jista' jimxi 'l quddiem verament.
Madam Speaker, apparti l-fatt li ħafna drabi s-self jieħdu l-Bank Ċentrali, ġaladarba qed nitkellmu dwar proġetti, ta' min jara eżattament x'jiġri verament meta l-Gvern iħabbar ċerti proġetti bil-ħsieb li jipparteċipa fihom is-settur privat. Illum għandna quddiemna l-esperjenza tal-ġranet li għaddew fejn il-Gvern ġie jgħid f'din il-Kamra li se jsir il-proġett tal-millennju l-ġdid, liema proġett jikkonsisti fil-bini tas-sit tat-Teatru Rjal, imma kif nafu mhux se jerġa' jinbena t-Teatru Rjal imma se jinbena shopping arcade. Ġaladarba qed insemmi l-millennju, ta' min jgħid ukoll li dan il-Gvern qed iħabbar proġett ieħor għall-millennju, li huwa l-famuż torri ta' 70 sular f'Paceville. Imma fil-fatt x'inhi r-realta' għar-rigward ta' dawn iż-żewġ proġetti kbar li huma ndikati mill-Gvern bħala l-proġetti tal-millennju, liema proġetti jridu jservu bħala t-termometru tal-fiduċja u ta' inizjattivi ġodda? Ħalli nibda biex nitkellem fuq il-proġett tal-bini tas-sit tat-Teatru Rjal.
Madam Speaker, forsi l-Onor. Membri tal-Kamra jiftakru li fit-2 ta' Marzu, 1998 il-Prim Ministru kien għamel stqarrija f'din il-Kamra fejn fost affarijiet oħra qal hekk:
"Se tinħareġ sejħa għal offerti għall-proġett kollu li b'mod trasparenti jkun jippermetti li tintgħażel l-aktar offerta vantaġġuża fuq kriterji ta' preġju arkitettoniku u ta' interess finanzjarju.".
Fil-fatt veru kienet trasparenti din is-sejħa għax tant ma ntefgħux offerti li ma tantx hemm x'tara!
Dakinhar il-Prim Ministru qalilna wkoll f'din il-Kamra li:
"Qed jinħatar kumitat tal-Kabinett biex ikun responsabbli mit-tmexxija ġenerali ta’ dan il-proġett. Il-membri ta' dan il-kumitat, li se jkun presedut minni, huma l-Viċi Prim Ministru, l-Onor. George Vella, il-Ministru Evarist Bartolo, il-Ministru Charles Buhagiar, il-Ministru Karmenu Vella u Dr. George Abela.".
Issa jien għandi nifhem li Dr George Abela, minħabba li rriżenja mill-kariga tiegħu bħala konsulent personali tal-Prim Ministru u mis-sotto-kumitati kollha tal-Kabinett, m'għadux jifforma parti minn dan il-kumitat, u għalhekk dan il-kumitat se jkun presedut mill-Prim Ministru u se jkollu erba' ministri bħala membri tiegħu. Sur President, dan x'ifisser fid-dawl ta' kif intefgħu l-offerti? Li kieku kelli naċċetta l-argument li hemm żewġ offerti, liema argument jien żgur li ma naċċettahx għax jeżisti dubju serju dwar il-validita' taż-żewġ offerti li huma, nistgħu ngħidu li hawnhekk hawn kumitat presedut mill-Prim Ministru, b'erba' ministri fih plus one, Dr. George Abela, li issa m'għadux hemm. Issa din m'hijiex il-five plus one ta' l-Unjoni Ewropea imma hija l-five plus one tal-Kabinett tal-Gvern preżenti! Madanakollu llum il-plus one spiċċa minus one biex fadal il-Prim Ministru u erba' ministri, jiġiferi fadal il-Prim Ministru u żewġ ministri għal kull offerta. Mela dawn veru huma żewġ offerti speċjali. Din hija s-sitwazzjoni li għandna bħalissa fil-pajjiż.
Hawn ta' min jgħid ukoll li dakinhar il-Prim Ministru spiċċa l-istqarrija tiegħu b'dan il-kliem:
"Fuq kollox dan il-proġett għandu jagħti xhieda ta' rieda moderna u progressiva tal-poplu Malti biex iħares lejn il-futur b'fiduċja sħiħa fil-ħila u fit-talenti tiegħu.".
Dak inhar hekk smajna u l-Onor. Membri tal-Gvern hekk baqgħu jgħidulna matul il-konferenzi ta' l-aħbarijiet. Fil-fatt indikawlna wkoll - din ħarġet anke minn risposta parlamentari - li l-Gvern se jkollu esperti mill-Italja biex jgħinuh fl-aġġudikazzjoni ta' Malta 2000, liema esperti kienu qalu li dan il-proġett se jirrikjedi bid bond ta' Lm2.5 miljun. Imma llum x'inhi s-sitwazzjoni reali, liema sitwazzjoni kellha tkun l-Oppożizzjoni li tindikaha lill-poplu Malti u GĦawdxi? Illum is-sitwazzjoni hija li ntefgħu żewġ offerti, li waħda minnhom hija mingħajr bid bond - u kif spjega l-Onor. Dalli, suppost lanqas kompliet tinfetaħ għax b'hekk inkisru r-regolamenti finanzjarji - u l-oħra minflok ma l-Gvern għamlilha l-kondizzjonijiet hu għamlithomlu hi. Illum il-Gvern tant sab ruħu dahru mal-ħajt u tant m'huwiex jispira viżjoni u fiduċja f'dan il-pajjiż li min jitfa' dawn it-tip ta' offerti qed jgħidlu: Jekk trid li nagħmillek dak il-proġett, allura inti trid toqgħod għall-kondizzjonijiet li nagħmillek jien u mhux inti tgħid lili x'kondizzjonijiet trid timponi fuqi.
Illum aħna nistaqsu jekk il-wegħda li dawn il-proġetti jkunu lesti sal-ħarifa tas-sena 2000 għadhiex valida. Fis-sitwazzjoni li llum jinsab fiha l-pajjiż, il-Gvern preżenti se jagħti lill-poplu Malti u GĦawdxi dak li indika f'din il-Kamra? Bla ebda dubju dak li l-Gvern indika f'din il-Kamra m'huwiex dak li jixraq lil pajjiżna għax kieku l-Gvern kien responsabbli verament kien iġorr ir-responsabbilta' li refgħet l-amministrazzjoni preċedenti, liema amministrazzjoni kienet qalet li l-proġett tal-millennju għal pajjiżna għandu jkun il-proġett li Malta jkollha ċentru nazzjonali ta' l-arti, li jkompli ma' dak li diġa' qed isir f'St. James Cavalier, jiġifieri li fis-sit tat-Teatru Rjal jerġa' jinbena teatru u mhux l-ewwel nipproponu li f'dak is-sit jinbena shopping arcade u niftaħru kemm se jkollna queues ta' nies bl-offerti, biex imbagħad spiċċajna f'din is-sitwazzjoni tal-mistħija!
Sur President, kif għidt diġa' l-Onor. Membri tal-Gvern kienu semmewlna proġett ieħor għall-millennju l-ġdid, il-proġett tat-torri. Meta l-Onor. Mizzi kien mar jagħmel il-launching ta' dan il-proġett fis-27 ta' Novembru, liema proġett se tkun responsabbli minnu l-Maltacom - għalkemm meta tħabbar kien għad hemm il-Korporazzjoni Telemalta - il-Ministru qal li issa s-sitwazzjoni m'għadhiex waħda sostenibbli għax f'pajjiżna hawn element qawwi ta' debt servicing li jammonta għal Lm54 miljun - din hija ċ-ċifra tal-budget ta' l-1998 - u dan id-debt servicing ma jistax ikompli jitla'. Issa l-Ministru m'għandux raġun hawnhekk għax bis-self li se jagħmel il-Gvern se jkollu iktar imgħaxijiet x'iħallas u mhux inqas. Hawn ikun tajjeb jekk ngħid li l-Ministru dakinhar qal dan il-kliem - issa hawnhekk m'iniex se nidħol fil-mertu ta' l-Ingliż li ġie wżat imma se nikkwota eżattament il-kliem li ntqal - ukoll:
"The road ahead is long but the wheels have started turning. We would like to see such initatives multiply."
Min sema' lill-Ministru jgħid dan il-kliem, jiġifieri li dawn l-inizjattivi se jimmoltiplikaw, żgur li beda jistħajlu jirrakkonta l-ktieb tal-Ġenesi!. Imma fil-fatt x'immoltiplika f'pajjiżna minn dakinhar tal-launching 'il quddiem? Il-qgħad, in-numru ta' Maltin u GĦawdxin li ma jistgħux ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja, minħabba l-miżuri li ħa dan il-Gvern, u n-nuqqas ta' viżjoni tal-Gvern preżenti. Ta' min jgħid ukoll li waqt il-launching il-Ministru Mizzi qal ukoll li: "The Malta millennium project is a case in point."
Sur President, x'ġara iktar matul dak il-launching? L-ewwel ħaġa li qalilhom il-konsulent Bill Whitney li qabbad il-Gvern kienet li: