Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə76/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   72   73   74   75   76   77   78   79   ...   232
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m’hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-8.57 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Francis Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Sur President, jagħtini pjaċir li nista’ nitkellem fuq is-suġġett li għandna quddiemna llum għax l-argument tal-psikoloġija tas-self intuża bil-goff kontra l-Partit Nazzjonalista. Niftakru anke fis-sittinijiet kif waħda mill-issues ta’ l-elezzjoni ta’ l-1971 kienet proprju d-dejn li kien akkumula l-Gvern ta' Dr Ġorġ Borg Olivier. Jiena niftakar li fit-Telgħa tas-Saqqajja - kont għadni tifel żgħir dak iż-żmien - kont tara ċ-ċifra ta' Lm43 miljun miktuba mal-ħitan. Tambar illum, tambar għada, ċerti affarijiet jidħlu f'imħuħ in-nies - l-istess bħal meta b'insistenza kbira riedu jbellgħuha li l-Partit Laburista huwa assoċjat mas-social services u mas-social security benefits - imma llum qegħdin naraw li l-affarijiet daru kompletament.
Kif diġa’ ntqal, f’inqas minn sentejn dan il-Gvern reġa’ talab l-approvazzjoni ta' din il-Kamra biex ikun jista' jissellef somma li taqbeż sewwa s-somma totali illi kien issellef il-Partit Nazzjonalista f'disa snin u nofs, u għalkemm intqal ħafna dwar kif issarraf dak is-self - aktar ‘il quddiem se nelabora fuq kif dan is-self issarraf - imma naħseb illi fuq l-aspett tal-psikoloġija għad hemm ħafna x’jingħad. Kemm smajna argumenti illi d-dejn illi għamel il-Partit Nazzjonalista jridu jħallsuh iż-żgħażagħ tal-lum! Kemm twerwru n-nies għaliex inxterdet l-idea illi l-Gvern Nazzjonalista kien gvern irresponsabbli, li kien jonfoq bl-addoċċ u li jissellef bl-addoċċ! Għalhekk, Sur President, waħda mill-aktar mistoqsijiet li nixtieq nagħmel enfasi fuqha hija proprju għal xiex se jintuża dan is-self. Milli smajna u milli qrajna jidher li a paragun ma' dak li sar fid-disa' snin u nofs ta' amminstrazzjoni Nazzjonalista, ftit li xejn hemm proġetti. Jien naf li meta tissellef l-ewwelnett se tidħol fi spejjeż ta' servicing u nispera li l-Ministru jgħidilna eżattament x'inhuma l-projections, għaliex minn Novembru sal-lum għadna nitkellmu fuq il-budget li għadda u dalwaqt se jkun qed joqrob budget ieħor. L-investiment b'xi mod jew ieħor għandu jirrendi in the medium and in the long term u s'issa ma rajna l-ebda argument li jiġġustifika somma bħal din.
Il-Gvern s'issa għamel eżerċizzju li pprova jpinġi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż bħala kollu tort tal-Gvern Nazzjonalista. Il-Gvern qed igħid li meta kien fl-oppożizzjoni kien jaħseb mod u llum irriżultalu mod ieħor dwar is-sitwazzjoni finanzjarja - ħalliha li hemm ruxxmata kontradizzjonijiet f'diversi oqsma! - iżda bl-istess argument jiena ngħid li fil-każ tagħna wkoll hemm element li aħna m'aħniex nifhmu eżattament x'inhu jiġri fil-finanzi tal-pajjiż illum, u allura iktar u iktar se jkollna nagħmlu oppożizzjoni għal dan it-tip ta' self. Fid-dinja kulħadd jaf li kull pajjiż ikollu ammont ta' self imma jkollu wkoll ammont ta' riżorsi sew naturali, sew umani kif ukoll finanzjarji. Jien ċert li pajjiżna żgħir kemm hu żgħir - ħalli ma nużawx il-kelma ċkejken - għandu minn dawn ir-riżorsi, u jekk aħna verament nemmnu li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox, iċ-challenge tagħna lkoll huwa li f'kull mument nużaw dawn ir-riżorsi bl-aħjar mezz. Huwa veru li jeżistu konverġenzi bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra pero' naħseb li hemm bżonn naraw bis-serjeta' x'inhija l-pożizzjoni tal-finanzi tal-pajjiż u nieħdu stand reali u mhux wieħed partiġjan li jaqbel lilna.
Issa waħda mill-isfortuni li jkollu kull partit hija li jkun hemm kurrenti li jkunu jipprevalu f'dak il-mument bl-ideat ekonomiċi tagħhom. Aħna nafu li t-teoriji fl-ekonomija huma aktar ibbażati fuq opinjoni milli fuq xjenza, għalkemm wieħed jixtieq li kull deċiżjoni tittieħed aktar abbażi ta' xjenza. Nafu wkoll x'tip ta' statistika teżisti fil-pajjiż, statistika limitata li ħafna drabi ma tkunx available fil-mument li tkun tixtieqha. Fuq kollox ikun hemm fatturi politiċi li ħafna drabi jegħlbu kull deċiżjoni li wieħed jista' jieħu fuq bażi xjentifika. Per eżempju, nafu li l-Partit Laburista ddeċieda li Malta tibqa' barra minn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u mingħalih il-Prim Ministru seta' jaffordja li nneħħu l-VAT. Fl-istess ħin jirriżulta bl-iktar mod ċar li l-Gvern m'għandux ideat ġodda u allura wieħed jistaqsi għaliex qed isir dan is-self. Almenu fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm x'juri fejn intnefqu l-flus. Il-poplu għajnejh f'wiċċu u jista' jara l-power station, jista' jara li għandna l-ilma - xi ħaġa li neħduha for granted - u jara ħafna affarijiet oħrajn li fi żmenijiet oħra ma kenux available. Imma llum x'għandna? Illum għandna - u nixtieq nitkellem ftit fuq din l-issue għax hija issue attwali, relatata ħafna mad-deficit tal-gvern - żieda fir-rati tad-dawl u l-ilma.
Jien naħseb li għall-Gvern din kienet triq faċli li jieħu. Veru li ma kenitx triq tant popolari pero' f'termini tekniċi din kienet miżura faċli, aktar u aktar għax il-Partit Nazzjonalista fil-gvern laħaq irranġa s-sitwazzjoni tad-dawl u l-ilma b'sodisfazzjon għal kulħadd. Illum provvista adegwata ta' ilma hawn u allura l-ilma tista' tgħollih; illum hawn dawl u tista' tgħollih ukoll imma kieku ma jkollokx dawn l-affarijiet ma tantx tista' tgħollihom. Issa l-effett ta' dawn it-tariffi mostrużi għad irid jinħass. Jidher li l-Gvern ried jolqot lil kulħadd pero' żgur li b'dan il-mod mhux se jolqot lil kulħadd l-istess u l-effett se jkun li ċerti azjendi, speċjalment dawk żgħar, mhux se jkunu jifilħu għal din id-daqqa qawwija li dan il-Gvern fajjar b'din il-miżura. Prova ta' dan li qed ngħid hija d-diskussjoni qawwija li ma naqsitx minn Novembru 'l hawn u l-inċertezza - bilfors ikolli nuża din il-kelma - dwar x'qed jiġri f'dan il-qasam meta jibdew jintbagħtu il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dawn se jintbagħtu din il-ġimgħa stess. Għalhekk jien inħoss li flok li mexa fuq xi ħaġa xjentifika li wrietu kif għandu jimxi, il-Gvern mexa aktar fuq dik li aħna ngħidulha knee-jerk reaction, jiġifieri tagħtih daqqa u jfajjar oħra. Il-Gvern ħass li ried jagħmel tajjeb għad-deficit minn x'imkien u rnexxielu jagħmel dan fil-każ ta' l-Enemalta u fil-każ tal-Water Services Corporation.
Irrid ngħid ukoll li wieħed mill-parametri li bih tkejjel l-andament ta' l-ekonomija huwa ċertament ix-xogħol produttiv, xogħol sostenibbli, xogħol li mhux biss jagħtik sodisfazzjon imma li jkun jista' jitkompla, xogħol li għandu ħajja twila kemm jista' jkun u xogħol li jrendi lill-ħaddiem, lill-familja tiegħu u lill-pajjiż. F'dawn l-aħħar sena u nofs il-pajjiż għadu kważi ma ra assolutament xejn minn dan ix-xogħol. Kellna ħafna wegħdiet li se jkun hawn dan ix-xogħol pero' s'issa dan għadu ma bediex jimmaterjalizza. Imbagħad jiġu jgħidulna li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea jintilef ix-xogħol u minn fuq jgħajruna li aħna laqgħin ta' l-Ewropej. Jien din nirribattiha bl-iktar mod assolut u nixtieq li meta jasal il-mument li ninnegozjaw il-kondizzjonijiet tad-dħul ningħaqdu biex niġbdu ħabel wieħed biex il-poplu tagħna jkollu l-aħjar kondizzjonijiet. Pero' - u għalhekk semmejtha din f'dan l-istadju - jien nemmen ukoll li għandna bżonn nammettu hawnhekk that we have to put our house in order qabel ma nibdew niddiskutu l-fażi li jmiss. Hawnhekk hu fejn il-Partit Nazzjonalista, jgħidu xi jgħidu tan-naħa l-oħra, was so near and yet so far fuq din ta' l-Ewropa u hemm il-provi li qed juruna dan. Kulħadd jaf li dan huwa proċess twil u jekk tmur lura fl-istorja ta' l-Unjoni Ewropea tara li anke pajjiżi b'saħħithom u pajjiżi kbar kellhom jistennew u kellhom ukoll jagħmlu snin twal ta' diskussjoni interna. Jien nemmen li fuq din il-kwestjoni għandna nibqgħu with an open mind. Bħala rappreżentanti tal-poplu għandna responsabbilta' lejn din il-ġenerazzjoni u lejn ġenerazzjonijiet oħrajn. Dawn huma deċiżjonijiet li jiġu darba kull għexieren ta' snin għal pajjiż u ma għandniex neħduhom lightly. Kwestjoni bħal din m'għandiex tibqa' fl-14 il-post fuq l-aġenda tal-Parlament.
L-Oppożizzjoni ipprovat iddaħħal dan l-ispirtu ta' diskussjoni, fejn naraw bis-serjeta' x'inhuma l-vantaġġi u x'inhuma l-iżvantaġġi, u kif nistgħu ntaffu l-problemi li aħna identifikajna. Aħna lkoll kapaċi nidentifikaw x'inhuma l-problemi li għandna fil-pajjiż u lkoll kapaċi noffru soluzzjonijiet. Għaliex il-poplu m'għandux jieħu l-aħjar soluzzjonijiet fil-mument li għandu jeħodhom u mhux irridu nistennew snin twal? Għaliex għandna nitilfu opportunita' meta tiġi quddiemna? Sfortunatament wara l-elezzjoni ta' l-1996 dan il-Gvern - u għalhekk għidt yet so far - wassal lill-pajjiż 'il bogħod ħafna aktar mill-problemi li kellha l-amministrazzjoni ta' qabel sabiex issir membru sħiħ. Il-Gvern ħadna 'l bogħod mhux biss fl-isfera internazzjonali imma anke internament. Bħalissa l-pajjiż għaddej minn sitwazzjoni li qed toħloq mhux biss inċertezza ekonomika u domestika imma litteralment għal ħafna nies hemm halt u kollox jinsab wieqaf. Issa anke anke jekk titlef ġurnata waħda biss tkun mort lura, aħseb u ara jekk tieqaf għal dan iż-żmien twil. Id-deċiżjonijiet li ma teħux f'ġurnata jkunu tefgħuk lura.
Waħda mill-preokkupazzjonijiet kbar li jien nixtieq nesprimi f'din il-Kamra hija xi prospetti hemm għall-budgets li ġejjin. X'se jsib gvern ieħor, ikun min ikun? X'se niffaċċjaw fil-qagħda finanzjarja tal-pajjiż meta diġa' għandna dawn il-mijiet ta' miljuni f'dejn? Jien ma rridx inkun allarmista pero' verament nixtieq li fil-winding-up tiegħu l-Ministru - u forsi anke il-Prim Ministru aktar 'il quddiem - jipprova jurina kif dawn il-flus li se jintnefqu se jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiż biex dan irendi aħjar. II-fatt huwa li l-problema reali għall-finanzi tal-pajjiż se tkun permezz ta' dawn il-miżuri li se jaffettwaw ir-rata ta' l-inflazzjoni. Aktar kmieni jien semmejt ir-riżorsi u dan il-Gvern, taħt il-vesti tal-Partit Laburista, għandu vantaġġ kbir fejn jidħlu r-relazzjonijiet industrijali. Nieħdu, per eżempju, l-kwestjoni tat-Tarzna. Il-Gvern għandu s-saħħa politika f'dan il-qasam. Eżempju ieħor hu li minħabba l-pożizzjoni ta' waħda mill-unions il-kbar, il-Gvern jista' jagħmel ċerti affarijiet li jkunu ta' vantaġġ għalih fl-operat tiegħu bħala gvern.
Jien nista' nantiċipa wkoll x'se tkun il-kritika tan-naħa l-oħra għal dak kollu li ntqal u nimmaġina li dawn se jgħidulna li aħna qegħdin innewħu fuq l-Ewropa u li qed nagħmlu plejtu sħiħ fuq id-dejn tal-Gvern Laburista, imma apparti din it-tip ta' kritika nispera illi issa jkollna wkoll risposti għal mistoqsijiet serji li saru. Naħseb li ttieħed political mileage biżżejjed u għalhekk m'għandniex inkomplu nisimgħu d-diska tal-ħofor li jgħidu li ħalla Gvern Nazzjonalista. Issa t-Telemalta saret Maltacom - hawn diskors li l-Enemalta, l-MIA u entitajiet oħra wkoll se jkunu pprivatizzati - u naħseb li l-poplu nduna li din id-diska m'għadhiex in voga u li wara kollox is-sitwazzjoni li ħalla Gvern Nazzjonalista meta telaq il-poter ma kenitx daqshekk allarmanti.
Nixtieq ukoll nistaqsi liema setturi se jindirizza dan il-Gvern għaliex ħlief forsi għat-turiżmu ma jidhirx illi verament irid jindirizza xi problema partikolari f'xi settur partikolari. Huwa riskjuż li l-ekonomija ta' pajjiżna tkun tiddependi fuq settur wieħed. Jekk ikun hemm maltempati u gwaj f'dan il-qasam, żgur illi l-ekonomija tagħna se tħoss ħafna iżjed l-effett minħabba li m'għandniex dik il-firxa wiesgħa li tiggarantilna stabilita'. Pajjiżna huwa fraġili, pajjiżna qiegħed f'tarf ta' kontinent u f'tarf ta' kontinent ieħor. Għalkemm aħna dejjem ngħidu li qegħdin fiċ-ċentru, pajjiżna qiegħed fi crossroads ta' kulturi differenti, pero' wkoll għandu vantaġġi illi jidhirli illi m'aħniex nutilizzaw biżżejjed. Per eżempju, bħal Ċipru u Ġibilta', we are an English speaking country f'dinja illi l-lingwa Ingliża hija lingwa tant u tant importanti. Jiena naħseb li dan ir-riżors, li huwa riżors illi l-istorja tagħna ħallitilna, m'għandna bl-ebda mod nitrasskurawh anzi għandna nisfruttawh għall-ġid ta' l-ekonomija tagħna.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   72   73   74   75   76   77   78   79   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin