ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU. 4) EXCISE DUTY (AMENDMENT) (NO. 4) BILL
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker għandi messaġġ tal-President.
MADAM SPEAKER: Se naqra l-messaġġ tal-President:
UGO MIFSUD BONNICI
PRESIDENT
Il-President wara li kien informat dwar is-suġġett ta' l-Abbozz ta' Liġi "biex ikompli jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa", jirrakkomandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra.
2 ta' Jannar 1998
Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex ikompli jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa.".
MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. JOE CILIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, fl-aħħar diskors tal-budget kien tħabbar illi mil-1 ta' Jannar 1998 kellha tidħol taxxa tas-sisa fuq l-inbid ta' 5c kull litru. Fil-fatt din it-taxxa titħallas fuq inbejjed importati u anke fuq inbejjed prodotti lokalment, bħalma jiġri fil-każ ta' oġġetti oħra soġġetti għat-taxxa tas-sisa, ngħidu aħna s-sigaretti u l-birra.
Tajjeb illi wieħed jispjega - għalkemm issa għadda ċertu żmien - illi ftit jiem wara li kien tħabbar il-budget kienet saret laqgħa bejn l-awtoritajiet tad-dwana u produtturi lokali ewlenin, fi ħdan il-Federazzjoni ta' l-Industrija, propju dwar l-introduzzjoni ta' din it-taxxa. Huwa stmat illi dawn il-produtturi bejniethom jipproduċu madwar 80% ta' l-inbid għall-konsum lokali, 10% jiġi prodott minn produtturi kummerċjali żgħar, waqt li 10% tas-suq jittieħed minn inbejjed importati. Matul din il-laqgħa kien ġie spjegat illi waqt li d-dwana ma kellha l-ebda ħsieb li toħloq tfixkil żejjed għall-kummerċ, id-dipartiment ried jimplimenta sistema li tipprovdi kontroll adegwat kemm għal dak li huwa ġbir ta' taxxa u anke kontra l-evażjoni tagħha. Fil-fatt issemmew diversi metodi ta' kontroll, bħal banderoles jew immarkar ta' tappijiet, iżda minħabba l-użu ta' diversi sistemi ta' ppakkeġġjar, li jvarjaw minn fliexken, tetra packs u damiġġjani ta' qisien differenti, inħass illi fiċ-ċirkostanzi kien aħjar illi l-kontroll ikun bbażat fuq records ta' produzzjoni u anke fuq accounts awditjati, bħalma huwa fil-każ tal-birra.
Wieħed irid jiftakar ukoll, Madam Speaker, illi l-produtturi huma obbligati illi jżommu dawn ir-records illi titlob il-liġi tat-taxxa tad-dwana u sisa, ħalli wieħed ikun jista' jqabbel ċerti figuri meta jiġi biex jagħmel il-verifiki meħtieġa. Naturalment id-dwana żżomm record ta' l-għeneb importat waqt li dwar għeneb lokali hemm dispożizjonijiet fl-Att dwar l-Inbid, liema liġi hija amministrata mid-dipartiment ta' l-agrikultura, u dawn l-għodda jkomplu jgħinu biex isaħħu l-kontrolli u l-verifiki neċessarji. Wieħed irid jgħid ukoll illi minn ċerti analisi li jistgħu jsiru fuq il-prodott tkun tista' tasal għall-figuri ta' produzzjoni, u dan kollu fl-interess tal-ġbir ġust tat-taxxa. Huwa rilevanti wkoll li jingħad illi l-Att dwar l-Inbid jipprovdi għar-regolamentazzjoni tal-produzzjoni, ta' l-importazzjoni u tal-bejgħ tal-inbid u jimponi ċerti ħteġijiet u parametri fuq min irid jipproduċi l-inbid, fosthom il-ħruġ ta' liċenzja mid-dipartiment ta' l-agrikoltura. Għalhekk id-dispożizzjonijiet f'dan l-abbozz ta' liġi huma b'żieda u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' Kap 211 tal-Liġijiet ta' Malta.
L-abbozz preżenti, Madam Speaker, jieħu ħsieb illi jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa billi fl-Ewwel Skeda tiegħu jiżdiedu "inbejjed, minbarra most tal-għeneb" mal-lista ta' oġġetti dazjabbli; tiżdied skeda ġdida biex jiġi speċifikat id-dazju tas-sisa li għandu jitħallas fuq l-inbejjed li huma deskritti fl-Ewwel Skeda; u wara t-Taqsima E tas-Seba' Skeda, li s'issa tidher bħala s-Sitt Skeda iżda li qed tiġi enumerata mill-ġdid, daħlet it-Taqsima F li titkellem dwar ir-Regolamenti tal-1997 dwar l-Inbid. Bħalma hu l-każ ta' l-oġġetti l-oħra dazjabbli, dawn ir-regolamenti waqt li huma speċifiċi għall-inbejjed, ikomplu jorbtu mar-Regolamenti ta' l-1995 dwar Oġġetti Dazjabbli illi jidhru fit-Taqsima A fl-istess skeda. Il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet qed jiddaħħlu permezz ta' regolamenti jippermetti illi xi tibdil fihom li tiegħu jista' fil-futur tinħass il-ħtieġa, ikun jista' jsir permezz ta' avviż legali f'inqas żmien minn dak li jitlob proċess parlamentari fejn jidħlu emendi għal-liġijiet.
Madam Speaker, għalkemm quddiemi għandi aktar notamenti rigward tibdil ta' natura teknika li qegħdin nipproponu, naħseb illi jkun aħjar li dan inħalluh għall-istadju ta' kumitat u fl-istess ħin ma ntawwalx wisq. Iżda osservazzjoni li nħoss li għandi nagħmel hija illi l-akbar sfida li se jkollu s-settur tal-inbid fil-ġejjieni huwa kemm se jkun kapaċi jkabbar għeneb lokalment. L-inbid importat minn barra jeħtieġ proċeduri speċjalizzati ta' handling li huma għaljin. Nafu pero' li kieku kellu jiġi intensifikat it-tkabbir ta' l-għenba Maltija jintgħelbu l-problemi ta' ħafna spejjeż tat-trasport. Fil-fehma tal-prodotturi nfushom, Madam Speaker, dan jista' jwassal għal kontroll tal-kwalita' aħjar, kemm qabel u anke waqt il-harvesting innifsu. Fil-fatt inbid prodott mill-għenba lokali jagħmilha aktar faċli biex produtturi lokali jesportaw il-prodotti tagħhom barra l-pajjiż. Hawnhekk niftaħ parentesi żgħira u nsellem lill-prodotturi ta' l-inbid Malti għat-titjib illi kien hemm fil-prodott tagħhom tul is-snin, speċjalment meta wieħed jipparagunah mal-livell ferm iktar inferjuri ta' inbid illi kellna għaxra jew 15-il sena ilu. Qed nitkellem b'mod ġeneriku imma naħseb li kull konsumatur jista' jara titjib sostanzjali fil-livell ta' l-inbid li ġie prodott riċentement ġewwa pajjiżna.
Naħseb iżda illi xorta jrid jibqa' jiġi diskuss il-fatt jekk għandniex nikkonsidraw dan il-prodott bħala prodott strateġiku jew le għaliex hemm min jgħid illi dan huwa prodott strateġiku u hemm min ma jaqbilx ma' din l-interpretazzjoni. Jiena naħseb illi l-iktar illi jinġab l-argument li dan huwa prodott strateġiku huwa ovvjament minn min jixtieq li jibqa' jgawdi l-protezzjoni tal-levy għal żmien indefinit jew inkella sakemm pajjiżna jsir awto-suffiċjenti f'dik li hija vitikultura, li naħseb li hija xi ħaġa pjuttost 'il bogħod biex naspiraw għaliha. Pero' dan is-settur, l-istess ma' setturi oħrajn, se jkun settur illi se jiġi diskuss mal-korpi kostitwiti u l-korpi relattivi meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar il-pjani ta' ristrutturazzjoni u se nkunu qed nagħtu widen u konsiderazzjoni xierqa għall-problemi li qed jiffaċċa dan is-settur bl-iktar mod realistiku mingħajr ma nxellfu l-bilanċ ta' l-interessi u tal-problemi li għandhom setturi oħrajn.
F'dan l-istadju, Madam Speaker, nagħlaq hawnhekk u nħalli l-ispazju għall-kollegi tiegħi.
Dostları ilə paylaş: |