ONOR. AUSTIN GATT: Kif qiegħed id-drafting, jiġifieri li "eventwalment dan ir-rapport m'hemm xejn għaliex m'għandux ikun ippubblikat", qisu qed jindika li bħalissa hemm xi raġunijiet għaliex dan m'għandux jiġi ppubblikat. Jekk inhu hekk, x'inhuma dawn ir-raġunijiet?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Ir-raġunijiet li qed jirriferi għalihom l-Onor. Membru probabbilment qegħdin biss f'rasu! Dan ir-rapport qiegħed f'idejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tistudjah. Hemm ukoll rapport li qiegħed jagħmel il-kontro-kritika tiegħu ħalli jkun jista' jinstab il-bilanċ bejniethom u allura dawn m'humiex affarijiet li jiġu ppublikati meta għadhom qegħdin jiġu trattati. Wara kollox, l-Oppożizzjoni għandha membru tagħha fuq il-bord ta' l-Awtorita' li jista' jwaslilha kopja tar-rapport li, kif diġa' għidt, għalissa qiegħed isir studju fuqu.
Proprju f'dawn il-ġranet kelli reazzjoni dettaljata fuq dan ir-rapport wara li kien rikużat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fejn il-Perit Godwin Cassar, id-Direttur tal-Planning Authority, għamel assessment u counter proposals għal dak li hemm fir-rapport b'mod intelliġenti u b'mod kostruttiv ħafna. Kif diġa' għidt pero', dan ir-rapport għadu qiegħed jintuża ħalli jsiru l-inputs li hemm bżonn.