MADAM SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, is-suspetti jinqalgħu meta jkollok xi Onor. Membru ta' l-Oppożizzjoni li jgħid li l-periti tal-Planning Authority qed jaħdmu fil-privat biex imbagħad nitolbu jagħtini l-ismijiet tagħhom u jibqa' sal-lum ma jagħtihomlix. Huwa b'dan il-mod li toħloq is-suspetti fuq il-periti tal-Planning Authority u mhux billi tgħid li hemm rapport li eventwalment se jkun ippubblikat għax bħalissa għadu qed jiġi studjat. Jekk imbagħad trid toqgħod toħloq is-suspetti oħloqhom kemm trid, pero' s-suspetti inħolqu meta inti għidt li hemm nies fil-Planning Authority li jagħmlu xogħol privat u ma kontx raġel biżżejjed biex tiġi hawnhekk u tagħtina l-ismijiet tagħhom. Hemm inqalgħu s-suspetti, Madam Speaker.