Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 283,88 Kb.
səhifə33/82
tarix10.01.2022
ölçüsü283,88 Kb.
#99998
1   ...   29   30   31   32   33   34   35   36   ...   82
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: ... li jien ġejt nitkellem hawnhekk biex naqdi dmiri. Jien m'iniex se nkompli nitkellem iktar fuq il-mozzjoni u fil-fatt se nħalli f'idejn sħabi sabiex jitkellmu fuqha. (Onor. Membri: Hear, hear) (Għajjat)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Madam Speaker, il-point of order tiegħi huwa li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni m'għandux joqgħod jgħaddili kummenti x'ħin inxejjer rasi. (Għajjat)
MADAM SPEAKER: Minħabba d-diżordni li hawn se jkolli nissospendi l-Kamra .
Il-Kamra ġiet sospiża fit-8.33p.m. u rriżumiet fit-8.43p.m.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, illum iltqajna biex niddiksutu l-iżviluppi li hawn fuq waħda mill-aktar azzjonijiet importanti li l-Gvern għandu fl-aġenda tiegħu. Hawn qed nirriferi għar-riforma tas-sistema ta' taxxi indiretti li għandna fil-pajjiż u li permezz tagħha l-pajjiż jista' jassigura ruħu li se jkompli għaddej bir-rata ta' investiment, bir-rata ta' mpjiegi u bil-livell ta' servizzi soċjali li kien imdorri bihom f'dawn id-disa' snin li għamlet l-Amministrazzjoni Nazzjonalista. Qed ngħid hekk għaliex biex il-Gvern ikun jista' jsostni l-programmi tiegħu ta' investiment, ta' amministrazzjoni u ta' servizzi soċjali, jiddependi minn kemm il-Gvern jirrnexxilu jiġbor mit-taxxi għax jekk jisfronda d-dħul tal-Gvern allura tisfronda l-ekonomija u tisfronda s-sistema li s'issa aħna konna mdorrijin biha.
Illum il-Gvern jinsab fi stadju ta' paniku sħiħ għax waqt li sitt xhur ilu għamel ħafna wegħdi dwar il-kwestjoni tat-tibdila fit-taxxa issa jinsab b'wiċċu mal-ħajt u f'konfużjoni sħiħa ta' ideat għax assolutament ma jistax ireġi sistema li tagħmel sens għal pajjiżna. Smajna ħafna dikjarazzjonijiet, temgħuna ħafna illużjonijiet, pero' llum, li qed jiffaċċja ir-realta, il-Gvern jinsab f'sitwazzjoni fejn ma jafx minn fejn hu ġej u ma jafx fejn hu sejjer minkejja li minn żmien għal żmien qed nisimgħu li kollox lest. Meta ftit ġimgħat ilu l-Onor.Lino Spiteri ħass li għandu jitlaq mill-kariga ta' ministru tal-finanzi, konna smajna lill-Onor. Alfred Sant jgħid fil-press conference li l-Onor. Lino Spiteri kien ħalla kollox lest warajh. Meta ġimgħa wara saret laqgħa bejn il-Prim Ministru u l-korpi kostitwiti kollha rriżulta illi ma kien hemm xejn lest u allura din ta' kollox lest kienet gidba oħra illi ntqalet minn dan il-Gvern. Wara bdejna nisimgħu l-qlajjiet u d-diċeriji dwar kif se jinbidlu ċerti affarijiet. Fil-fatt illum qed nindunaw - dan li nistgħu ngħidu s'issa għaliex m'għandna xejn spjegat dwar x'qed jiġri f'din il-materja tant importanti - illi dak li kien hemm fil-white paper ġie washed out kompletament u mhux se javvera ruħu. Għalhekk, wara li rrealizza li kulma kien hemm fil-white paper ma kienx se joħloq ħlief problemi, il-Gvern issa donnu qiegħed jipprova jsib soluzzjonijiet differenti. Immedjatament kif ħarġet il-white paper aħna konna għidna li din kienet qed tipprova toħloq sistema ta' taxxa illi f'pajjiżna ma setgħetx taħdem għax kellha ħafna konċetti u ideat illi fil-prattika ma setgħux jaħdmu b'mod komplet. Illum għandna sitwazzjoni fejn qed jerġa' jsir kollox mill-bidu billi qegħdin jipprovaw jaraw kif jieħdu idea mingħand dak u idea mingħand l-ieħor u jipprovaw iraqqgħuhom flimkien - bħal jigsaw puzzle minn stampi differenti - xi ħaġa li jkunu jistgħu jippreżentawha lill-poplu Malti. Pero' bħalma jiġri f'jigsaw puzzle minn stampi differenti, hawnhekk se jkollna quddiemna xi ħaġa magħmula bl-addoċċ biex taqdi lil dak jew biex tagħti raġun lill-ieħor u dan peress li t-tali għamel complaint u għaliex ċerti assoċjazzjonijiet ma ħadux gost b'xi proposti li saru. Madam Speaker, se jkollna sistema illi ma tagħmilx sens u dan kollu qiegħed jiġi propost minħabba li l-Gvern qed jgħid li għandu mandat elettorali. Dawn jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li huwa fl-interess tal-pajjiż għax biex iġibu l-voti ma qagħdux jaħsbu xi jfissru d-dikjarazzjonijiet li kienu għamlu qabel l-elezzjoni u ma kellhom xejn ippreparat dwarhom tant li lanqas biss kellhom idea ta' kif dawn il-wegħdiet kienu se javveraw ruħhom. Dan kollu qed narawh minn kif illum is-sitwazzjoni dwarhom qegħda tinbidel minn ġurnata għal ġurnata skond ma' min ikunu qed jitkellmu. Dawn ma kenux jafu fuqxiex qed jitkelllmu basta qalu lill-poplu Malti jivvota kontra l-VAT.
Madam Speaker, tan-naħa tal-Gvern qed jgħidu li issa għandhom il-mandat li jneħħu l-VAT, pero' hawn jien nargumenta li l-mandat li kellhom fl-elezzjoni diġa' nkiser għal ma nafx kemm-il darba. Il-mandat elettorali kien li jneħħu l-VAT, pero' jien nistaqsi: Imma dak biss kien il-mandat elettorali? L-ewwelnett, dawn kienu jgħidu li se jneħħu l-VAT f'sitt xhur u dan billi fl-ewwel tliet xhur jiddiskutuha u fit-tieni tliet xhur jgħaddu l-liġi. Jumejn oħra se jkunu għaddew is-sitt xhur u dawn il-liġijiet, li suppost iddiskutejnihom u għaddejnihom minn dan il-Parlament, għadhom ħafna 'l bogħod milli narawhom miktubin fuq biċċa karta. Huwa faċli li tgħid li se tikteb il-liġijiet imma meta tiġi biex fil-fatt tpoġġi l-konċetti u l-ideat flimkien u tiddefinixxihom f'liġi - aktar u aktar f'liġi importanti bħalma hija l-liġi dwar it-taxxa indiretta li se tkun waħda mill-kolonni ewlenin li fuqhom jiddependi d-dħul kollu tal-Gvern - l-affarijiet isiru ħafna u ħafna aktar diffiċli. Jien nawgura, b'risq il-pajjiż, li min qiegħed involut fid-drafting ta' dawn il-liġijiet ikun jaf x'inhu jagħmel. Aħna smajna li ġew esperti mill-Arġentina. (Interruzzjonijiet) Mill-Isvizzera le! (Interruzjonijiet) Imbagħad naraw għax fl-aħħar kollox jitla' f'wiċċ l-ilma u jkollkom tibilgħu kollox, kemm l-insinwazzjonijiet li qed tagħmlu, il-gideb li qed tivvintaw u l-komplotti li qed tagħmlu mal-mafjużi ta' Sqallija. Kollox għad tridu tibilgħu għaliex l-ilma jtella' kollox fil-wiċċ! (Interruzzjonijiet)
Sinjura President, jiena qiegħed ngħid li l-mandat li dawn qegħdin jgħidu li għandhom mill-elettorat diġa' kissruh għax qalu li se jneħħu l-VAT f'sitt xhur imma ma sarx hekk. Qalu li se jdaħħlu sistema ta' dazji u sisa kif kienet fl-1994 biex illum qegħdin jgħidu li din hija wegħda li ma jistgħux iwettquha. Dan ifisser li t-taxxa alternattiva li kellhom jagħmlu għall-VAT m'humiex se jagħmluha u allura m'għandhomx mandat biex idaħħlu ħafna traqqiegħ ta' taxxi oħra li bihom se jfarrku l-ekonomija ta' dan il-pajjiż. (Għajjat) Dawn m'għandhomx mandat biex idaħħlu t-tagħfiġa li se jgħaffġu jew biex jagħmlu l-frakass li qegħdin jipproponu li se jagħmlu fit-taxxi indiretti tal-pajjiż. Minħabba s-suppervja u l-arroganza li għandhom dawn qed jgħidu: Aħna naqgħu u nqumu mil-pajjiż u naqgħu u nqumu mill-effett li se jkollna b'dan it-tagħfiġ li se nagħmlu fl-ekonomija tagħna għax aħna hekk irridu nagħmlu.
Aktar 'il quddiem irrid nitkellem ukoll fuq il-konsultazzjonijiet li għamlu fejn l-ewwel kelma li qalulhom kienet: "Nitkellmu fuqhiex tridu pero' ssemmulniex il-VAT." Dik konsultazzjoni! Kulħadd qed jgħidilhom li qed jagħmlu ħmerija imma huma ma jridux jisimgħu għax ir-raġuni tagħhom hi li basta jneħħu l-VAT. Ara daqsxejn x'tip ta' amministrazzjoni tgħabba biha dan il-pajjiż, Sinjura President! Qalulna li se jdaħħlu sistema wara li jagħmlu konsultazzjoni sħiħa pero' x'tip ta' konsultazzjoni sħiħa hija din meta minn qabel tagħmel regola li tgħid: Aħna fuq dan se nitkellmu, tgħidu x'tgħidu u taħsbu x'taħsbu! Mhux ta' b'xejn imbagħad li l-constituted bodies qalulhom - b'mod li jmissu ħamrilhom wiċċhom: Aħna ġejjin nitkellmu magħkom biex innaqqsu l-ħsara li se tagħmlu. (GĦajjat) Imissu staħa dak li lilu kien indirizzat il-kumment tal-constituted bodies fejn qalulu: Aħna ġejjin nitkellmu miegħek mhux għax naqblu ma' dak li se tagħmel imma għaliex tant se tagħmel tagħfiġa kbira li aħna rridu li din tonqos xi ftit ħalli ma tagħmilx il-ħsara kollha li kontu se tagħmlu kieku tibqgħu tgħaffġu waħedkom.
Il-punt l-ieħor li ridt insemmi dwar il-mandat huwa li s-sistema li kellhom idaħħlu kienet se traħħas il-ħajja. Dan hu l-mandat u ħadd iktar m'għandu xi mandat ieħor! (Onor. Membri: Hear, hear) Jekk se jagħmlu sistema ta' taxxa li se tgħolli l-ħajja allura jien qed nerġa' ngħid li anke fuq dan il-punt qed jiksru l-mandat li għandhom mill-elettorat. Mela l-mandat kisruh fuq dawn l-affarijiet kollha, jiġifieri meta wegħdu lill-elettorat li se jneħħu l-VAT f'sitt xhur, li se jdaħħlu sistema ta' dazji u sisa kif kienu fl-1994, li se jdaħħlu sistema wara konsultazzjoni sħiħa u li se jdaħħlu sistema li se traħħas il-ħajja. (Interruzzjonijiet) Dawn daħku bil-poplu Madam Speaker. Din hija r-realta' tas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha.

Kemm-il darba qalulna illi se jkollhom din is-sistema alternattiva u fil-fatt fil-programm elettorali kienu preċiżi meta qalu li se jdaħħlu sistema ta' taxxi u dazji ekwivalenti għal dawk li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar, 1995. Dan hu l-mandat pero' huma mhux dan se jagħmlu imma xi ħaġa differenti li minn hawnhekk jien insostni li lanqas għadhom jafu x'inhi. Mhux ta' b'xejn li llum il-Prim Ministru ra kif għamel biex ma jsirx id-dibattitu li ridna nagħmlu. (Interruzzjonijiet) Il-Prim Ministru llum m'huwiex f'pożizzjoni li jgħidilna preċiż x'sistema ta' tassazzjoni se jdaħħal u kien għalhekk li ħarab mid-diskussjoni tal-lum. Il-Prim Ministru għandu jiġġustifika - u jekk hemm bżonn jagħmel press conference - l-ħneżrija li għamel illum. Aħna nisfidawh biex lill-poplu Malti jgħidlu x'sistema se jdaħħal. Jien ngħid li dan m'għandux idea ta' x'se jagħmel u allura ma żammx il-mandat tiegħu.


Qalulna li t-tneħħija tal-VAT se tnissel sens ġdid ta' fiduċja fis-settur kummerċjali, imma jien ngħidilhom: Staqsuhom lill-kummerċjanti x'sens ġdid ta' fiduċja għandhom illum! Staqsuhom kemm huma mħabbtin fl-azjendi u fil-ħwienet tagħhom ħalli b' hekk taraw kif inhu sejjer in-negozju!

F'sitt xhur dawn farrku kollox minħabba l-paroli vojt u minħabba s-signals ħżiena li qed jagħtu lil kulħadd li bihom ħolqu nċertezza enormi fil-pajjiż. Biex timmaniġġja l-ekonomija trid tkun kapaċi timmaniġġjaha. (Onor. Membri: Hear, hear) Biex timmaniġġja ekonomija ma tridx taħdem fuq id-diktat imma fuq kif tkun kapaċi tipperswadi lil kulħadd biex fl-ekonomija jieħu deċiżjonijiet tajbin u mhux billi ddawwar ruħek qisek xi chairman ta' xi IBM biex mingħalik qed tgħix f'xi fantasija bħal din! Madam Speaker, x'inhi l-vera sitwazzjoni? Is-sitwazzjoni vera hi - illum fuq dan qed nibbażaw l-argument kollu tagħna - li allavolja se jagħmlu frakass sħiħ fil-metodu ta' kif tinġabar it-taxxa u allavolja se joħolqu ħafna problemi, l-elementi essenzjali ta' x'inhi l-value added tax se jibqgħu hemm u għalhekk aħna qegħdin ngħidu li dan l-eżerċizzju kollu huwa inutli.


Ħalli nibdew mill-bidu billi ngħidu li din se tkun taxxa fuq il-konsum bħalma hija t-taxxa fuq il-konsum il-VAT, jiġifieri hawnhekk aħna m'aħniex qed niddeċiedu x'inhu l-aktar ġust bejn income tax u consumption tax. Mhux dak huwa l-argument. Il-proposti li qed jagħmel il-Gvern huma li se jintaxxa l-konsum u li l-importazzjoni se tiġi ntaxxata bil-15% kif inhi ntaxxata llum. Allura x'inhi d-differenza ? Id-differenza hi li qabel min kien iħallas il-15% kien jeħodhom lura u allura ma kellux għalfejn jipprova jara kif se jaħbi dak li jimporta. Għalfejn taħbi jekk inti se tieħu kollox lura! Ma kienx hemm bżonn toqgħod tgħid: Għax jekk ma niddikjarax dak l-oġġett jiswieni Lm1 minflok Lm10. Issa kollox inqata' u anke ż-żmien ta' l-eżenzjonijiet kien spiċċa meta min ikun se jibni lukanda kien imur japplika biex idaħħal l-affarijiet mingħajr dazju. Dan iż-żmien kien spiċċa għax hekk kien jaqbel.

Ara issa se nerġgħu ndaħħlu ż-żmien ta' meta, per eżempju, ikun hemm Mr "X" li għandu l-eżenzjoni għax se jibni lukanda - m'iniex ngħid li ma jkunx veru li se jibni lukanda - u allura jdaħħal id-drapp għall-purtieri mingħajr dazju mentri mbagħad ikun hemm ieħor li qed idaħħal id-drapp għall-purtieri bid-dazju, pero' jekk fil-fatt dak id-drapp bla dazju jmurx fil-lukanda jew le hija affari oħra. Dik hija l-burokrazija u l-kontrolli żejda li konna ħlisna minnhom imma issa se jerġgħu jiddaħħlu. L-uġiegħ ta' ras kbira għad-Dwana ma kenitx jekk hux veru li Mr "X" ikunx qed jibni lukanda imma l-problema għad-Dwana kienet kif wieħed jista' jgħid li dak kellu bżonn daqshekk metri drapp għall-purtieri u mhux daqskemm fil-fatt ikun importa? Din hija biċċa uġiegħ ta' ras li se nerġgħu ndaħħlu intortament u għalxejn.


Madam Speaker, punt ieħor huwa li se jerġa' jiġi ntaxxat il-valur miżjud. Bl-ETP, bl-ETS u bl-ETSS b'kollox se nerġgħu nintaxxaw attivament il-valur miżjud. Rigward is-servizzi jidher li kollox se jibqa' l-istess għax anke hawnhekk il-white paper warrbuha għax se jiġu ntaxxati s-servizzi kollha li kienu qed jiġu ntaxxati s'issa. L-unika differenza hija li qabel in-nies kienu jafu kemm iridu jħallsu taxxa mentri llum din se tinħeba fil-prezz, jiġifieri ħadd m'hu se jkun jaf kemm se titħallas taxxa.
Ħaġa oħra hija li se jibqgħu jingħataw il-kontijiet fiskali, se jibqgħu joħorġu sistemi fiskali u se titħalla s-sistema ta' rifużjoni li pero' mhijiex se tkun ħaġa awtomatika mil-lat amministrattiv għax issa trid tmur titlob exemption biex tieħu r-rifużjoni jew inkella, milli qed nisma' - għax peress li ma nafx eżattament x'inhu jiġri bilfors hekk ikolli ngħid - ...

Yüklə 283,88 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   29   30   31   32   33   34   35   36   ...   82




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin