ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-KOSTITUZZJONI TA' MALTA 7
CONSTITUTION OF MALTA (AMENDMENT) BILL 7
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA 20
MALTESE CITIZENSHIP (AMENDMENT) BILL 20
AĠĠORNAMENT 32
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 38
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 220 li saret fil-17 ta' Jannar, 2000 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI
BIEDJA - KOPERATTIVI NAZZJONALI 12252. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-ministru għall-agrikoltura u sajd: Jista' l-Ministru jinformani bil-programm tal-laqgħat li l-ministeru se jkollu mal-koperattivi nazzjonali tas-setturi tal-biedja u s-sajd matul dawn it-tliet xhur li ġejjin dwar l-impatt tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fuq is-setturi rispettivament?
ONOR. NINU ZAMMIT (Ministru għall-Agrikoltura u Sajd): Qabel jiġi mfassal programm ta' laqgħat mas-settur tal-biedja u s-sajd, irid isir il-bilateral meeting mal-kummissjoni tal-komunita' Ewropea dwar l-agrikoltura.
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): L-Onor. Cuschieri, domanda supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI:Jekk qed nifhem sew, il-laqgħat li qed jirriferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu l-Onor. Farrugia għadhom ma bdewx isiru. Jekk inhu hekk, għaliex ma jibdewx isiru minn issa biex qabel imorru jitkellmu fi Brussels, l-uffiċjali tal-gvern ikollhom stampa ċara ta' l-opinjonijiet tal-koperattivi nazzjonali fis-settur tal-biedja u s-sajd?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, naħseb li r-risposta hija ċara biżżejjed. L-ewwel isir il-bilateral screening, imbagħad isiru il-laqgħat mal-koperattivi nazzjonali tal-biedja u s-sajd u mbagħad isiru n-negozjati.
BRUSSELS - DISKUSSJONIJIET
12253. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-ministeru u tad-dipartimenti li fit-tliet xhur li ġejjin iridu jmorru għad-diskussjonijiet fi Brussels minħabba l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea? Jista' l-Ministru jgħid meta, fejn u ma' min se jsiru dawn il-laqgħat?
ONOR. NINU ZAMMIT: Il-laqgħa li jmiss fi Brussels hija l-bilateral meeting dwar l-agrikoltura. Id-delegazzjoni ta' Malta ser tkun immexxija mis-segretarju permanenti fil-ministeru ta' l-agrikoltura u sajd u ser tkun tikkonsisti f'diversi uffiċjali tal-gvern kif tkun il-ħtieġa.
BDIEWA - REGOLI ĠODDA
12254. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jinformani bir-regoli l-ġodda li jridu jadottaw il-bdiewa għar-rigward tal-methyl bromide matul is-sena 2000 u 'l quddiem?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH (Ministru għall-Ambjent): Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-ministru konċernat.
DISTRETT NRU. 12 - TISWIJA TA' TOROQ
12255. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd: Jista' l-ministru jinformani liema huma dawk it-toroq li d-dipartiment ta' l-agrikoltura rrapporta lid-dipartiment tar-roads, lid-dipartiment ta' l-ambjent u lid-dipartiment tal-kunsilli lokali biex jiġu rranġati u b'hekk il-bdiewa tat-12-il distrett - fosthom tal-Baħrija, ta' l-Imtaħleb, tal-Manikata u tal-Wardija - ikollhom toroq aċċettabbli fejn jistgħu jġorru l-biegħa tagħhom bla inkonvenjent u bla ma jkomplu jfarrku l-karozzi?
ONOR. NINU ZAMMIT: Meta l-bdiewa jirrappurtaw ħsarat f'toroq pubbliċi dawn jingħataw il-parir li jirrappurtaw lill-kunsill lokali jew lid-dipartiment tat-toroq. Meta jkun każ serju jew persistenti ta' ħsara fi triq pubblika wżata mill-bdiewa, id-dipartiment jiġbed l-attenzjoni tad-dipartiment tat-toroq sabiex dik il-ħsara tiġi rranġata. Id-dipartiment jidħol biss għal tiswija ta' toroq jew sqaqien billi dawn jingħataw wiċċ tal-konkos.
DISTRETT NRU.12 - XOGĦLIJIET
12256. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Liema huma dawk ix-xogħlijiet li se jsiru fil-kampanja tat-12-il distrett matul it-tliet xhur li ġejjien sabiex tissewwa l-ħsara kkawżata mill-maltemp li għamel fil-gżejjer tagħna?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ninsab informat li n-numru ta' nies fuq dan ix-xogħol huwa limitat ħafna. Dawn in-nies bħalissa huma okkupati fuq xogħlijiet oħra li m'humiex fit-12-il distrett. Għat-tliet xhur li ġejjin għad hemm ħafna xogħlijiet xi jsiru, fosthom ħitan delikati u għoljin sew madwar it-tempji Neolitiċi ta' Ħal Tarxien.
12257. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul għall-bdiewa u raħħala ta' l-Unjoni Ewropea matul l-1997, l-1998 u l-1999 u x'kien il-persentaġġ taż-żieda jew tnaqqis kull sena rispettivament?
ONOR. JOE BORG (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista' tinkiseb faċilment minn fuq l-internet.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri, domanda supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSHIERI: Mr Speaker, jiġifieri f'dan il-parlament ġejna f'pożizzjoni illi kull meta nagħmlu mistoqsija, il-ministru jirriferina għall-internet u ma jagħtiniex l-informazzjoni li nkunu qed nitolbu?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Fil-fatt il-mistoqsija ma tikkonċernax statistika dwar Malta imma tikkonċerna statistika ta' l-Unjoni Ewropea u kull membru għandu l-faċilita' ta' l-internet. Apparti minn hekk id-dipartiment ta' l-istatistika jżomm records ta' l-Eurostat u allura jista' jġibhom minn hemm.
ANZJANI - DJAR
12267. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Evarist Bartolo) staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tintlaqa' t-talba tagħha li tiġi aċċettata fid-dar ta' l-anzjani tal-gvern, peress li tgħix waħedha u għandha bżonn attenzjoni kontinwa?
ONOR. LAWRENCE GONZI (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali): Il-persuna li d-dettalji tagħna ntbagħtu separatament riċentement reġa' sarilha assessment minn social worker. Skond dan is-social assessment li sar fit-8 ta' Novembru, 1999 din il-persuna tixtieq li għalissa titniżżel fuq il-waiting list sakemm tħossha li ma tistax tkampa f'darha iżjed, speċjalment jekk ikompli jonqsilha d-dawl. In vista ta' dawn l-iżviluppi ġodda fl-istat fiżiku ta' din il-persuna, id-dħul tagħha fid-djar ta' l-anzjani qiegħed jingħata prijorita' akbar. Aktar minn sentejn ilu din il-persuna kienet ingħatat opportunita' ta' respite bħala prova ta' dħul pero' ma qagħditx aktar minn jumejn.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri, domanda supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex policy tad-dipartiment tad-djar li meta persuni anzjani u anke morda jagħmlu talba għall-akkomodazzjoni soċjali jingħataw parir, anke saħansitra mid-direttur ta' l-akkomodazzjoni soċjali, biex flok ikomplu jipproċedu bl-applikazzjoni tagħhom jidħlu fi djar għall-anzjani, meta dawn barra li verament ikollhom problema ta' mard kif kif ukoll ta' housing kbir ikunu qed jgħixu ma' xi ħadd li jkun qed jieħu ħsiebhom?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Le, m'hemmx regola stretta li meta xi ħadd anzjan japplika għall-akkomodazzjoni alternattiva jingħatalu l-parir li japplika għal residenza fi djar ta' l-anzjani jew inkella f'San Vincenz. Madanakollu jien dejjem sostnejt li f'dan il-qasam aħna ma naħdmux bil-garzelli, jiġifieri il-qasam ta' l-akkomodazzjoni soċjali ma jkollu x'jaqsam xejn mal-qasam tal-welfare jew mas-servizzi l-oħrajn kollha fil-komunita' jew f'istituzzjonijiet li l-pajjiż ikun qiegħed joffri biex lil dik il-persuna ifasslilha l-aħjar soluzzjoni.
Il-pjan hu li naslu f'sitwazzjoni fejn jekk persuna tavviċina dipartiment tal-gvern għal xi wieħed mis-servizzi li aħna nipprovdu, ikun xi ikun għax jista' jkun fid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, jista' jkun id-dipartiment ta' l-anzjani jew id-dipartiment tas-sigurta' soċjali - nagħtuha l-aħjar soluzzjoni mfassla għall-bżonnijiet partikolari tagħha. Jien m'iniex qiegħed ngħid li dan huwa faċli li nilħquh għax trid soluzzjoni integrata, b'expertise fil-postijiet partikolari li jkunu jistgħu jagħtu soluzzjoni mfassla u personalizzata għal dik il-persuna, imma qegħdin naħdmu lejn dik id-direzzjoni.
Ma niddejjaq xejn kieku applikant isib lil xi ħadd fid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali li jkun professjonalment kapaċi u jgħidlu li l-aħjar soluzzjoni għalih ma tkunx li jinsisti fuq l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva imma li jikkonsidra soluzzjonijiet oħrajn li jistgħu jkunu homehelp, residenza fid-djar ta' l-anzjanijew skemi oħrajn. Ma niddejjaq xejn kieku kellna naslu għal dik il-perfezzjoni sakemm il-motivazzjoni ta' dak il-parir ma tkunx biex ngħidu li ħlisna minn xi ħadd jew li naqqasna applikazzjoni għax f'dak il-każ inkunu qed noperaw bil-kontra. Pero' jekk l-iskop ikun li nippruvaw insibu l-aħjar soluzzjoni għal dik il-persuna, jien inkun l-ewwel wieħed li nissekonda inizjattiva bħal din.
SAĦĦA - HIP REPLACEMENT
12268. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI (f'isem l-Onor. Evarist Bartolo) staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se tiġi operata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għal hip replacement? Kemm hemm persuni jistennew għal din it-tip ta' operazzjoni? Kemm ilhom jistennew? Meta se ssirilhom l-operazzjoni?
ONOR. LOUIS DEGUARA (Ministru tas-Saħħa): Il-persuna indikata hija booked għall-operazzjoni ta` joint replacement għal seba' xhur oħra mill-lum. Hemm 175 persuna li qed jistennew din it-tip ta` operazzjoni. Il-persuna li ilha tistenna l-aktar fuq il-waiting list ilha tistenna bejn wieħed u ieħor 20 xahar. Dawn il-persuni jinqdew kollha fi żmien 18-il xahar.
MR SPEAKER: L-Onor. Cushieri, domanda supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSHIERI: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fid-dipartiment ta' l-OPU, fl-Isptar San Luqa, qed idumu ma jingħataw ċerti affarijiet li jkollhom bżonn, anke meta dawn ikunu ordnati minn tobba u professuri? Barra minn hekk, meta dawn l-affarijiet issirilhom il-ħsara - dawn ikunu importanti ħafna u jkun impossibli li taħdem mingħajrhom - qed ikun hemm ħafna dewmien qabel ma jingħataw replacement tagħhom.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: L-ewwelnett irrid ngħid li l-Onor. Interpellant qed jitkellem fuq l-OPU, li hija s-section tad-diviżjoni fejn il-pazjenti jiġu pprovduti bi prosthesis, jiġifieri jekk xi ħadd ikollu siequ amputata primarjament taffettwa r-replacement ta' sieq artifiċjali. Wieħed irid jiftakar li minkejja li għadna ma lħaqniex it-targets tagħna f'dak li hu waiting time u f'dik li hija effiċjenza ta' delivery, nistgħu ngħidu li sar titjib sostanzjali. Lanqas ma rridu ninsew li sa ftit taż-żmien ilu dan is-servizz kien jiġi pprovdut minn espert barrani, li kien jiġi hawn Malta biex ikejjel il-prostheses. Peress li dawn kienu jinħadmu fl-Ingilterra - ovvjament taħt sistema u f'post fejn kienu jinħadmu l-prostheses ta' pazjenti Ingliżi wkoll - kien ikun hemm ċertu dewmien sakemm dawn jitlestew - il-medja kienet tkun ta' tliet xhur - bir-riżultat li meta l-prosthesis kienet tasal lura Malta ma kenitx tkun tajba għall-pazjent,speċjalment meta dan ikun xi tifel jew tifla żgħira u allura din tkun laħqet kibret xi ftit.
Fil-fatt id-diviżjoni bagħtet persuna biex tispeċjalizza barra, din il-persuna reġgħet rritornat f'pajjiżna u bdiet tagħti dan is-servizz lokalment u għalkemm għadna ma lħaqniex it-targets li nixtiequ f'dak li huwa delivery ta' dawn il-prostheses, sar titjib sostanzjali. Naħseb li wieħed irrid jiftakar ukoll li meta jinbidel servizz li qabel kien provdut minn barra u issa qed jiġi provdut f'Malta, ikun hemm ċertu backlog u l-persuna li tkun qiegħda tagħmel dan ix-xogħol ikollha ċertu diffikulta' biex tleħħaq miegħu, pero' jiena konvint li fix-xhur li ġejjin dan il-backlog se jinqata' wkoll. Fis-servizz tas-saħħa backlog dejjem ikun hemm u fil-fatt id-domanda li saret kienet proprju dwar dawn it-tip ta' waiting lists għall-operazzjonijiet, pero' minkejja li wieħed jistinka biex jagħti l-aħjar forma ta' servizz ovvjament ikun hemm ċerti limitazzjonijiet.
MR SPEAKER: L-Onor. Cushieri.
ONOR. JOSEPH CUSHIERI: Jien informat li meta jiġi tabib mill-Ingilterra biex jagħmel viżti lill-pazjenti, qed ikun hemm folol kbar ta' nies jistennew għax b'kumbinazzjoni kulħadd ikollu appuntament dakinhar u dan qed jikkawża ħafna taħwid. X'inhi r-raġuni li filwaqt li dan it-tabib jiċċertifika li hemm bżonn tibdil f'dawn l-affarijiet, it-tobba u n-nurses Maltin jerġgħu jdawru kollox? Dan qed ikun ta' inkonvenjent għall-pazjenti li fis-sitwazzjoni li jkunu jinsabu fiha żgur li ma jkollhomx aptit jgħaddu minn id għal oħra jew minn dewmien żejjed.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ma naħsibx li l-Onor. kollega huwa informat eżattament dwar dak li qiegħed jiġri. Kif diġa' għedt, f'ċerti każi għadna qegħdin nagħmlu użu mis-servizzi tal-visiting consultant.
Dwar id-dewmien u l-konfużjoni li allega l-Onor. Membru, nista' ngħid li dan m'hu minnu xejn. Fl-fatt meta jkollna visiting consultant clinic, kull pazjent jingħata ħin speċifiku fejn jiġi eżaminat mill-istess konsulent.
Dwar il-claim illi t-tobba Maltin jerġgħu jaqilbu d-deċiżjoni li jkun ħa l-konsulent m'iniex informat pero' nista' nagħmel ir-riċerka neċessarja u nkun nista' ninforma lill-Onor. interpellant f'seduta oħra.
WIED IL-GĦAJN - TRIQ IL-SILLA - DAWL
12275. L-ONOR. DOLORES CRISTINA (f'isem l-Onor. Mario Galea) staqsiet lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm-il darba nqata' l-elettriku bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u l-aħħar ta' Diċembru, 1999 fi Triq is-Silla, Wied il-Għajn jew partijiet minnha? Huwa possibbli l-Enemalta tieħu l-passi biex dan l-ilment jiġi solvut peress li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq speċjalment issa li ninsabu fl-aqwa tax-xitwa? X'qed jikkaġuna dan il-qtugħ f'din it-triq partikolari u fil-viċinanzi?
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomici): L-informazzjoni mitluba qed tingabar u t-twegiba tingħata f`xi seduta ohra.
BENEFIĊĊJI SOĊJALI
12276. L-ONOR. DOLORES CRISTINA (f'isem l-Onor. Mario Galea) staqsiet lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jara għalfejn l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament baqgħet ma rċevitx l-benefiċċji soċjali ta' meta kienet bis-sick leave minkejja li sfat imweġġa' f'Settembru 1998 u damet bis-sick leave sa Marzu 1999?
Huwa possibbli li lil din il-persuna jinħarġulha l-benefiċċji dovuti għax minkejja li lmentat diversi drabi, baqgħet ma rċeviet xejn?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-persuna konċernata ġiet informata fuq it-talba li kellha biex tirċievi l-benefiċċju tal-mard.
POLITIKA SOĊJALI - KARTOLINI
12300. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil minn intbagħtu dawn il-kartolini?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sakemm ma ningħatax raġuni għalfejn qed tintalab din l-informazzjoni, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni hekk dettaljata.
MR SPEAKER: L-Onor. Cushieri, domanda supplimentari.
ONOR. JOSEPH CUSHIERI: Peress li kif jaf sew il-Ministru dawn il-mistoqsijiet huma orkestrati, li kulħadd jagħti l-istess risposta, u peress li l-informazzjoni li qed tintalab tikkonċerna nfiq pubbliku - ċioe' kemm intnefqu flus f'kartolini u pustaġġ mill-ministri fi żmien il-Milied minn flus miġbura mit-taxxi tal-poplu Malti - il-Ministru ma jħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata pubblikament?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Donnu l-Onor. kollega m'huwiex jaqbel li dan il-gvern jew xi ministri min-naħa ta' dan il-gvern jibagħtu kartolini fl-okkażjoni tal-Milied għax dawn ikunu qed jintużaw minn flus il-poplu!
ONOR. JOSEPH CUSHIERI: Fl-ebda ħin waqt li kont qed nagħmel il-mistoqsija tiegħi m'għedt li jien ma naqbilx li għandhom jintbagħtu kartolini iżda kulma għedt hu li għandha tingħata l-informazzjoni. (Interruzzjonijiet) Imma jien ħriġthom minn buti, Onor. Gonzi! Jien kulma tlabt kien biss kemm intnefqu flus mill-ministeri minn fondi miġbura mit-taxxi u m'għedtx li ma naqbilx.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Qed nieħu pjaċir nisma' lill-Onor. Cushieri jgħid li jaqbel li għandna nibagħtu l-kartolini! (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Jiena m'għedtx li naqbel!
ONOR. LAWRENCE GONZI: Fil-loġika sempliċi ta' moħħi meta xi ħadd jgħid illi huwa ma qalx li ma jaqbilx, jiena nifhem li qed jgħid li jaqbel. Għaldaqstant jien qed ngħid li l-Onor. Cushieri qed jaqbel li għandhom jintbagħtu l-kartolini. Jekk ma jaqbilx iqum u jgħid li ma jaqbilx. Jiena nirrispetta l-opinjoni tiegħu, ma ġara xejn, jista' jgħid li ma jaqbilx li għandhom jintbagħtu kartolini, jekk inhu hekk nirrispetta l-opinjoni tiegħu. Allura qed nifhem tajjeb li jaqbel.
Donnu l-Onor. Cushieri qed jgħid li fil-mistoqsijiet tiegħu qed jistaqsi biss kemm intnefqu flus. Jien ngħidlu li qed jistaqsi aktar minn hekk. Per eżempju, irid ikun jaf fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għalihom, jiġifieri biex naraw fejn ġew stampati. Imbagħad staqsa wkoll lil min intbagħtu dawn il-kartolini. Fi kliem ieħor l-Onor. Membru jrid li minflok il-ħin tiegħi u ta' l-uffiċjali tiegħi niddedikawh lill-anzjani, minflok niddedikawh għall-politika soċjali, minflok niddedikawh lil dawk li għandhom bżonn, nitilqu kollox minn idejna u niċċekkjawlu kull kartolina għand min marret, fejn marret, kemm swiet, min stampaha, fejn stampaha u din l-informazzjoni kollha!
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Jiena qed nerġa' ninsisti li l-Ministru jgħid għal xiex mhux qed jagħti informazzjoni li tikkonċerna purament infiq pubbliku.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Jiena nerġa' nirrepeti t-tweġiba li tajtek. (Interruzzjonijiet) Jiena mhux qed ngħidlek li ma nagħtikx din l-informazzjoni pero' l-ewwel agħtini r-raġuni għala jiena, fir-responsabbilta' tiegħi ta' ministru, għandi naqla' lill-uffiċjali kollha tal-ministeru u nordnalhom jitilqu minn idejhom biex jagħmlu dan l-eżerċizzju, li bir-rispett kollu lejk, huwa eżerċizzju redikolu għall-aħħar! (Onor. Membri: Hear, hear) AFFARIJIET BARRANIN - KARTOLINI 12301. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil min intbagħtu dawn il-kartolini?
ONOR. JOE BORG: Nassoċċa ruħi mal-Viċi Prim Ministru. Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab din l-informazzjoni, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Viċi Prim Ministru.