Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 308,56 Kb.
səhifə2/5
tarix18.01.2019
ölçüsü308,56 Kb.
#100396
1   2   3   4   5

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-għadd u l-eta' ta' persuni minn Haż-Żabbar, Żejtun u Wied il-Għajn li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol matul Novembru 1999, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12519.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG (Ministru ta' l-Intern): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar vetturi tas-servizz fid-distretti tal-pulizija fit-13 ta’ Jannar 2000, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12524.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-KOSTITUZZJONI TA' MALTA

CONSTITUTION OF MALTA (AMENDMENT) BILL




ONOR. TONIO BORG: Nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi): Nissekonda.
MR SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Borg.
ONOR. TONIO BORG: Mr Speaker, din hija waħda mill-okkażjonijiet rari meta fil-parlament niddiskutu emendi għall-kostituzzjoni. Jekk wieħed iħares lejn l-istorja kostituzzjonali ta' pajjiżna mill-indipendenza 'l hawn isib li l-kostituzzjoni ġiet emendata xi 14-il darba f'36 sena.
Dawn l-emendi li qegħdin nipproponu huma l-bidu ta' proċess sabiex għall-ewwel darba f'pajjiżna tiġi introdotta bħala regola u mhux biss bħala eċċezzjoni ċ-ċittadinanza doppja għall-Maltin kollha u se tispiċċa r-regola li hemm illum li jekk inti ċittadin ta' Malta ma tistax tkun ċittadin ta' pajjiż ieħor. Dawn l-emendi li qed nipproponu fil-kostituzzjoni proprjament ma jitkellmux dwar id-dettalji tal-proposti tagħna dwar ċittadininanza doppja iżda se jkun hemm stqarrija ta' prinċipju fil-kostituzzjoni. Ħafna mid-dettalji ta' kif takkwista ċ-ċittadinanza Maltija jiġu ttrasferiti fil-liġi ta' l-1965 dwar iċ-ċittadinanza Maltija u, bħalma ġara f'diversi kostituzzjonijiet oħrajn, fil-kostituzzjoni jkun hemm biss il-prinċipji bażiċi dwar iċ-ċittadinanza. Dan huwa pass importanti għax bl-emendi li qegħdin nipproponu qegħdin ngħidu li ċ-ċittadinanza doppja hija aċċettata u tiġi regolata bil-liġi tal-pajjiż.
Fil-fatt fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista ta' l-elezzjoni ta' Settembru ta' l-1998, f'paġna 4 konna wegħedna li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern jirrevedi - u qed nikkwota testwalment - il-liġi dwar ċittadinanza doppja li kien introduċa gvern Nazzjonalista bil-ħsieb li din tiġi aktar liberalizzata biex aktar persuni ta' nisel Malti jikkwalifikaw għal dan id-dritt. Kif se nispjega meta niġu biex niddiskutu l-abbozz ta' liġi dwar iċ-ċittadinanza, mhux talli din il-wegħda se nwettquha, anzi se mmorru ftit oltre minn hekk ukoll għax se nestendu ċerti benefiċċji taċ-ċittadinanza doppja mhux biss għal persuni ta' nisel Malti, kif konna wegħedna fil-programm elettorlai, iżda wkoll għal persuni miżżewġin lil-persuni ta' nisel Malti. Però ma nixtieqx nidħol wisq fid-dettal dwar x'qed nipproponu fl-abbozz dwar iċ-ċittadinanza Maltija għax dak huwa suġġett ta' diskussjoni separata.
Bl-emenda li qed nipproponu, dak iċ-chapter fil-kostituzzjoni li jitkellem dwar ċittadinanza, li llum fih xi 13-il paġna, issa se jiġi ridott għal tliet sections biss; jiġifieri l-artikli kollha ta' chapter 3 li jgħidulek kif issir Malti, x'għandek tagħmel biex takkwista ċ-ċittadinanza, x'jiġri min-nies li twieldu Malta qabel l-indipendenza u mbagħad saru Maltin ma' l-indipendenza fl-1964 - kif sal-lum kienet regolata ċ-ċittadinanza doppja - u l-materji kollha li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza se jitneħħew kompletament mill-kostituzzjoni u se jiġu ttrasferiti fil-liġi dwar iċ-ċittadinanza Maltija ta' l-1965. Imbagħad se nżidu magħhom ir-regoli ġodda taċ-ċittadinanza doppja li se nintroduċu għall-ewwel darba bħala regola f'pajjiżna. Għalhekk chapter 3 se jkun fih biss tliet artikli. Artiklu 22 se jkun jgħid hekk:
"Il-ksib, il-pussess, ir-rinunzja u t-telfien taċ-ċittadinanza Maltija għandhom jiġu regolati b'liġi."
Mela l-prinċipju qed jgħidlek li l-mod kif takkwista u kif titlef iċ-ċittadinanza Maltija se jiġu regolati b'liġi ordinarja u mhux bil-kostituzzjoni.
Subartiklu 22(2) jipprovdi li:
"Iċ-ċittadinanza doppja jew multipla hija permessa skond kull liġi li f'dak iż-żmien tkun fis-seħħ f'Malta."
Mela t-tieni prinċipju huwa li d-dual jew il-multiple citizenship ikun regolat skond kull liġi li tkun fis-seħħ f'Malta. U qed ngħidu wkoll "multiple citizenship"għax li se nintroduċu mhuwiex biss id-dritt li Malti jista' jkollu nazzjonalità oħra imma li Malti jista' jkollu anke iktar minn nazzjonalità oħra barranija. Nagħti eżempju żgħir. Wieħed Pakistani li għandu ċittadinanza doppja, dik tal-Pakistan u dik ta' l-Ingilterra - għax ħafna mill-commonwealth citizens li jkunu għexu l-Ingilterra jakkwistaw iċ-ċittadinanza Ingliża wkoll - jiżżewweġ tfajla Maltija. Mela wara li ngħaddu dawn l-emendi, dan ikollu dritt li jekk jipprova li ż-żwieġ tiegħu kien ġenwin u li għaddew iktar minn ħames snin miż-żwieġ tiegħu, dak jakkwista wkoll iċ-ċittadinanza Maltija u allura jiġi li jkollu tlieta, cioe' passaport Malti, passaport Ingliż u passaport tal-Pakistan. Għalhekk fil-kostituzzjoni mhux biss hemm riferenza għal ċittadinanza doppja - għalkemm komunement aħna ngħidu dual citizenship - imma anke għal multiple citizenship għax ir-regoli li se nagħmlu se japplikaw għal hekk ukoll. Jiġifieri aħna bħala Stat Malti, sakemm bniedem jikkwalifika skond ir-regoli tagħna biex isir ċittadin Malti, ma jinteressaniex x'ċittadinanzi oħrajn ikollu, mentri sal-lum il-pożizzjoni kienet li jekk ikollok passaport Malti, ħlief f'ċerti eċċezzjonijiet żgħar, ma jistax ikollok passaport ieħor.
Issa dawn l-emendi li qegħdin nipproponu għal chapter 3 tal-kostituzzjoni m'għandhomx bżonn maġġoranza kwalifikata. Fil-fatt artiklu 66 tal-kostituzzjoni jgħid li chapter 3 tal-kostituzzjoni m'għandux bżonn ta' żewġ terzi jew żewġ terzi u referendum, kif japplikaw għal ċerti provvedimenti oħra tal-kostituzzjoni, iżda kulma hemm bżonn huwa maġġoranza assoluta tal-membri kollha ta' din il-Kamra, li jfisser li fit-Tielet Qari ta' dan l-abbozz irid ikun hemm mill-inqas 33 deputat li jivvotaw favur dawn l-emendi. Jiena nittama li dan l-abbozz, li huwa l-ewwel pass ħalli mbagħad ngħaddu t-tieni abbozz dwar iċ-ċittadinanza doppja, jiġi approvat bil-vot unanimu ta' din il-Kamra, allavolja m'hemmx bżonn ta' vot unanimu. Nittama li jkun hemm vot unanimu għax milli stajt nisma' u naqra ma jidhirx li hemm kontroversja dwar dan l-abbozz.
Mr Speaker, b'dawn l-emendi bażikament aħna qegħdin nallineaw il-kostituzzjoni tagħna ma' kostituzzjonijiet ta' pajjiżi oħrajn. Fil-fatt hemm raġuni għaliex hemm daqshekk provvedimenti dettaljati fil-kostituzzjoni tagħna dwar iċ-ċittadinanza. Din hija li Malta flimkien ma' Ċipru huma l-uniċi żewġ pajjiżi fl-Ewropa li wara t-tieni gwerra dinjija kienu kolonji dominati minn ħaddieħor u mbagħad akkwistaw l-indipendenza. Allura l-kostituzzjoni tagħna ta' l-1964, kuntrarjament għal diversi kostituzzjonijiet oħrajn ta' l-Ewropa, ġiet akkwistata wara li aħna sirna indipendenti meta min kien qed jikkmandana tana kostituzzjoni. Allura bilfors kellu jkun hemm provvedimenti dettaljati fil-Kostituzzjoni ħalli malli jitwieled l-Istat indipendenti ta' Malta fil-21 ta' Settembru ta' l-1964 kulħadd ikun jaf fejn qiegħed. Jiġifieri n-nies li twieldu bħali u bħal ħafna oħrajn f'din il-Kamra qabel l-1964 ikunu jafu li jekk twieldu Malta, kienu ċittadini tar-Renju Unit u l-kolonji, u għallinqas wieħed mill-ġenituri tagħhom kien imwieled Malta wkoll, allura awtomatikament jsiru ċittadini Maltin.
L-istess fil-każ ta' persuni barranin miżżewġin lil ċittadini li twieldu f'Malta qabel l-indipendenza Bilfors kellu jkun hemm ċerti regoli dettaljati fil-kostituzzjoni ħalli ma jkun hemm ebda vojt bejn meta konna kolonja u meta sirna stat sovran f'dak li jirrigwarda ċittadinanza. Kien hemm diversi provvedimenti dettaljati oħrajn dwar il-perijodu ta' transizzjoni li bihom persuni ngħataw tliet snin ċans, sa l-1967 biex jagħżlu bejn ċittadinanza Maltija ġdida li akkwistaw bl-indipendenza u forsi xi ċittadinanza oħra li seta' kellhom. Bilfors kellu jkun hemm provvedimenti dettaljati fil-kostituzzjoni minħabba dawn il-problemi li jinqalgħu - jiġifieri mhux qed nikkritika l-fatt li l-kostituzzjoni tagħna sal-lum kienet tipprovdi 14-il paġna ta' regoli dettaljati li ftit nies jafu t-tifsira vera tagħhom - imma issa li se nagħmlu dan il-pass importanti bl-introduzzjoni taċ-ċittadinanza doppja bħala regola u mhux iktar bħala eċċezzjoni, dehrilna li ġaladarba se nbiddlu dawn il-provvedimenti b'mod dettaljat, ikun tajjeb li, kif jgħid il-Malti, fejn taqli bajda taqli tnejn u nirrevedu chapter 3 kollu tal-kostituzzjoni, u nagħmlu kif għamlu kostituzzjonijiet moderni.
Jien mhux se nkun pedantiku u nikkwota l-kostituzzjonijiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea dwar dan, imma jekk nieħdu l-kostituzzjoni ta' Franza tgħidlek l-istess, li ċ-ċittadinanza hija suġġett li m'huwiex regolat mill-kostituzzjoni b'mod tassattiv iżda huwa regolat mil-liġi ordinarja tal-pajjiż. L-istess jekk naraw il-kostituzzjoni ta' l-Italja, lanqas biss jissemma fil-kostituzzjoni Taljana kif issir ċittadin Taljan imma jgħidlek li una volta li inti ċittadin Taljan di nascita, allura ma tistax tiġi deprevat minn dik iċ-ċittadinanza u li kwalunkwe liġi li għandha x'taqsam maċ-ċittadinanza tiġi regolata mil-liġijiet ordinarji tal-pajjiż. L-istess jekk naraw il-kostituzzjoni tal-Greċja, din tgħid ukoll xi drittijiet għandhom iċ-ċittadini Griegi, li huma ugwali quddiem il-liġi, imma mbagħad kif inti tista' takkwista ċ-ċittadinanza ma ssibhiex fil-kostituzzjoni stess imma hija regolata bil-liġi ordinarja. Jekk nieħdu l-kostituzzjoni Irlandiża l-istess, meta DeValera kien għamel kostituzzjoni ġdida repubblikana kulmin kien ċittadin taħt l-Irish Free State, li kien ġie mwaqqaf fl-1922, awtomatikament sar ċittadin ta' l-Irish Republic. Imbagħad artiklu 9 subartiklu (2) jgħid li l-akkwist jew it-telfien taċ-ċittadinanza Irlandiża huwa regolat bil-liġi.
Issa li qegħdin nagħmlu aħna huwa proprju dan, li l-ksib, il-pussess u t-telfien taċ-ċittadinanza Maltija jkun regolat bil-liġi. Allura l-unika bidla vera għar-rigward is-sinifikat ta' dawn l-emendi hija li filwaqt li sal-lum biex temenda xi ħaġa fiċ-ċittadinanza kont trid maġġoranza assoluta tal-membri tad-deputati ta' din il-Kamra, wara li ngħaddu dan l-abbozz, biex nemendaw ir-regoli taċ-ċittadinanza Maltija jkun hemm bżonn biss maġġoranza sempliċi ta' dawk li qed jivvotaw, present and voting, għax tkun parti mil-liġi ordinarja. Lili jċempluli ħafna nies, bħalma jċemplu lill-membri ta' l-oppożizzjoni, għax mhux kulħadd ikun jaf x'qed jiġri. Ma nagħtihomx tort għax dan huwa suġġett ftit komplikat - mhux biex inkun paternalistiku - tant li anke jien li ilni sena u nofs fuqu, dejjem infittex il-liġi biex inkun żgur mir-risposta li qed nagħti għax kull każ ivarja, għandu ċirkostanzi differenti, trid tistaqsi domandi differenti u skond ir-risposti li tieħu tkun tista' tagħti r-risposta jekk bniedem igawdix minn xi benefiċċju jew le. Però rrid nagħmilha ċara li b'dawn ir-regoli ġodda taċ-ċittadinanza doppja jew multipla m'aħna se nbiddlu xejn mir-regoli ta' kif takkwista ċ-ċittadinanza Maltija.
Sur President, dawk in-nies li jiġu jħabbtu l-bibien tad-deputati li m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' Malta, qatt ma kienu Maltin u għax issa ilhom hawnhekk ħames snin jew sitt snin jixtiequ li jogħlew tarġa oħra billi mhux biss ikollhom il-permess li joqogħdu hawn u l-permess tax-xogħol imma wkoll iċ-ċittadinanza, li hija l-ogħla forma ta' integrazzjoni fis-soċjetà tagħna, hemmhekk m'hu se jinbidel xejn. Kollox se jibqa' kif inhu, jiġifieri jekk dawk setgħu jsiru Maltin qabel jistgħu jsiru Maltin illum, mhux se nżidu mal-kategoriji ta' nies li jistgħu jsiru Maltin. Ilum min hu miżżewweġ Malti jista' jsir Malti x'ħin irid. Li se nbiddlu huwa li waqt li qabel kien hemm projbizzjoni, ħlief f'ċerti eċċezzjonijiet, li inti jkollok passaport Malti u fl-istess ħin ikollok passaport ta' pajjiż ieħor, issa tkun tista' żżommhom it-tnejn. Allura dawk in-nies li ma kenux qegħdin jużaw id-dritt tagħhom li jsiru Maltin għax kienu jitilfu l-passaport tagħhom Awstraljan, Amerikan jew Ingliż issa jistgħu japplikaw. Dejjem setgħu japplikaw għal ċittadinanza Maltija imma l-penali li kien hemm qabel, ħa nsejħulha hekk, li inti titlef il-passaport ta' barra issa se tispiċċa.
Wara l-1989 ir-regoli ta' kif takkwista ċ-ċittadinanza Maltija jgħidu li biex issir ċittadin Malti trid tkun twelidt f'Malta u għallinqas wieħed mill-ġenituri tiegħek huwa Malti by birth, jew inkella tkun twelidt barra minn Malta u għallinqas wieħed mill-ġenituri tiegħek jkun twieled Malta wkoll; jiġifieri mill-1989 'l hawn hemm dik id-differenza bejn li titwieled Malta u li titwieled barra minn Malta. Qabel l-1989 ir-regoli kienu ftit differenti, fis-sens li kulmin kien jitwieled Malta anke b'inċident dak awtomatikament Malti - ngħidu aħna twieled hawn u l-ġenituri tiegħu ħaduh tarbija lejn pajjiżhom - u għar-rigward min jitwieleld barra minn Malta qabel l-1989, missierek ried ikun ċittadin Malti mwieled f'Malta u mhux ommok. Imbagħad fl-1989 għamilna l-emendi li bihom mhux kulmin jitwieled f'Malta huwa ċittadin Malti imma jrid ikollok mill-inqas wieħed miż-żewġ ġenituri tiegħek Malti. U għar-rigward dawk li jitwieledu barra minn Malta għedna li jekk kwalunkwe wieħed mill-ġenituri tiegħek, mhux il-missier biss, twieled f'Malta wkoll, inti ssir ċittadin Malti.
Mela tista' takkwista ċ-ċittadinanza by birth; by descent għax inti dixxendent ta' Maltin; by registration għax tiżżewweġ lil xi ħadd li huwa Malti; u r-raba' u l-iktar waħda problematika hija n-naturalisation, jiġifieri dawk in-nies li jew qatt ma kienu Maltin jew kienu xi darba Maltin u japplikaw biex jerġgħu jsiru Maltin. Dawk huma l-erba' metodi ta' kif inti tista' ssir ċittadin Malti. Issa b'dawn l-emendi li qed nipproponu għall-kostituzzjoni u anke bl-emendi li se nipproponu fl-abbozz ta' liġi dwar iċ-ċittadinanza Maltija ta' l-1965 m'aħna se nbiddlu xejn mill-mod kif issir ċittadin Malti. Jiġifieri jekk hemm erba' bibien mhux se nagħmlu ħamsa jew sitta, se jibqgħu erbgħa dawk il-bibien, però qed ngħidu li min jidħol minn bieb wieħed, jista' wkoll ikollu ċittadinanza ta' pajjiż ieħor. Proprjament mhux se nżidu għax ir-regoli ta' kif takkwistaha huma dejjem l-istess imma qed nagħmluha iktar faċli li nies japplikaw taħt waħda minn dawn ir-raġunijiet għax mhux se jkun hemm għalfejn jirrinunzjaw għall-passaport barrani tagħhom.
L-emendi li se nipproponi dwar ċittadinanza doppja - u se ngħid biss il-prinċipju u nieqaf hemm - huma bbażati fuq tliet kolonni. L-ewwelnett kull Malti jista' jkollu passaport ta' pajjiż ieħor. Mela dawn il-ħafna requirements li kien hemm u deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu minn Maltin, li meta jagħlqu 18-il sena jridu jagħżlu sakemm ikollhom 19-il sena jekk iżommux il-passaport tagħhom Malti jew il-passaport Awstraljan jew Amerikan jew Ingliż, issa se jispiċċaw. Meta ngħaddu dan l-abbozz meta Malti jakkwista ċittadinanza ta' pajjiż ieħor, ma jkollux għalfejn jirrinunzja għall-passaport Malti.
It-tieni kolonna jew regola hija li kulmin xi darba kien Malti - jiġifieri xi darba għadda minn dawk il-famużi erba' bibien li semmejt però biex jakkwista ċittadinanza oħra rrinunzja għaċ-ċittadinanza Maltija - issa se jkun jista' jerġa' japplika biex jerġa' jsir Malti u l-awtorità ta' Malta tagħtih lura n-nazzjonalità Maltija mingħajr ma ġġiegħlu jirrinunzja għall-passaport ta' barra. Anzi hawnhekk se nagħmlu regola speċjali għall-emigranti Maltin, li dawk li jippruvaw li għamlu sitt snin barra minn Malta - mhux bir-regoli kif kienu qabel li ma tridx tkun ġejt tliet xhur f'sena jew ma tridx tkun għamilt aggregate ta' sena hawnhekk inkella jerġgħu jibdew jgħoddu s-sitt snin - lanqas hemm bżonn japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija imma nagħtuhielhom lura awtomatikament. Din qiegħda ssir għax f'ċerti pajjiżi, partikolarment fl-Awstralja, jekk inti terġa' tapplika għaċ-ċittadinanza Maltija, hemm iċ-ċans jew il-periklu li titlef iċ-ċittadinanza ta' l-Awstralja. Iżda jekk nagħtuhielhom awtomatikament u allura jkunu akkwistawha mingħajr ma talbuha ma jitilfuhiex iċ-ċittadinanza Awstraljana. Allura biex nakkomodawhom għal-liġi tal-pajjiż il-ġdid tagħhom, nagħtuhom iċ-ċittadinanza awtomatikament ħalli ma jkollhomx problemi mal-pajjiż fejn qed jirresjedu llum.
It-tielet u l-aħħar kolonna f'dan l-abbozz hija li se nikkontrollaw u nipprovaw neliminaw iż-żweġijiet ta' konvenjenza, dawk iż-żweġijiet fażulli li jsiru biss biex bniedem jakkwista l-passaport Malti u fl-istess nifs nippremjaw jew nagħtu benefiċċju liż-żweġijiet li huma ġenwini bejn Maltin u barranin. Instemgħet ħafna kritika li hawn barranin li qed jiġu Malta għall-iskop pur u sempliċi li jakkwistaw il-passaport Malti. Hawnhekk irridu noqogħdu attenti li ma nkunux xenophobic. Dan il-pajjiż għex u żviluppa sforz in-negozju u t-taħlit li kellu ma' nies minn barra x-xtut tagħna, anzi żviluppa kif inhu u huwa kif inhu bit-taħlit f'dawk li huma sistemi ta' liġijiet u kultura, proprju għax kien pajjiż li dejjem wera ospitalità lejn il-barranin filwaqt li żamm it-tradizzjonijiet u l-kultura tiegħu. Mill-banda l-oħra lanqas huwa sew li l-passaport tagħna jiġi wżat billi nies barranin għall-flus jew għal skop ieħor, b'kollużjoni mal-partner Malti jew mingħajr il-kollużjoni ta' dak il-partner Malti, jiżżewġu għall-iskop biss li jakkwistaw il-passaport, imbagħad dak iż-żwieġ itir mar-riħ. Mhux qed ngħid li kull żwieġ li ma jirnexxix huwa żwieġ ta' konvenjenza, għax kieku nistgħu ngħidu li hawn diversi żweġijiet ta' konvenjenza bejn Maltin stess! Jiġifieri l-fatt li żwieġ daħal fi kriżi jew daħal fi problema ma jfissirx li kien żwieġ ta' konvenjenza meta sar, allura pprovajna nsibu regola li għalkemm ma tagħtix soluzzjoni perfetta, għallinqas tagħti indikazzjoni jekk żwieġ huwiex ta' konvenjenza jew le. Għalhekk qed ngħidu li barranin li jiżżewġu Maltin jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija biss wara ħames snin żwieġ u wara ħames snin li l-koppja tkun qed tgħix bħala koppja miżżewġa flimkien. Jekk f'dawk il-ħames snin jisseparaw, allura l-persuna barranija ma takkwistax iċ-ċittadinanza ta' Malta. Però jekk wara għaxar snin żwieġ jisseparaw xorta waħda l-persuna mhux Maltija tista' tapplika għaċ-ċittadinanza Maltija għax għalkemmi ż-żwieġ veru jkun daħal fi kriżi, xorta waħda jkunu għaddew il-ħames snin jgħixu flimkien, mela l-probabbiltà kbira hija li ż-żwieġ kien ġenwin u li bħal żweġijiet ġenwini oħrajn jistgħu jidħlu f'diffikultajiet.
Mr Speaker, qed ngħidu wkoll li una volta li wieħed jgħaddi minn dan it-test ta' ħames snin miżżewweġ u jgħix flimkien ma' ċittadin Malti mbagħad jista' mhux biss jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija, dritt li sal-lum kien jeżisti wkoll, imma se jingħata dritt ukoll li jżomm il-passaport ta' barra u jiġi ttrattat bħal kull ċittadin Malti ieħor. Mhux se ngħidu li lill-Maltin nagħtuhom dritt għaċ-ċittadinanza doppja u lill-barranin ma nagħtuhomx - għax il-barranin li jsiru Maltin għal skopijiet ta' liġi saru bħalna l-Maltin li twelidna hawnhekk - imma se nagħmluha iktar diffiċli, fis-sens li wieħed irid jistenna ħames snin biex jieħu l-passaport Malti, imma una volta li jgħaddu dawk il-ħames snin u jidher li dak iż-żwieġ kien ġenwin, allura jieħu l-benefiċċju li mhux biss jakkwista l-passaport Malti imma jista' jżomm ukoll il-passaport Ingliż, Amerikan, Tuneżin jew Libjan, hu x'inhu. Dawn id-dettalji niddiskutuhom iktar tard fl-abbozz ta' liġi dwar iċ-ċittadinanza imma ridt nagħti biss togħma ta' x'inhuma l-proposti prinċipali tal-gvern dwar iċ-ċittadinanza doppja.
L-istudju veru akkurat li se nagħmlu se jkun fit-tieni abbozz - nisperaw li ma ħallejna xejn barra meta ttrasportajna l-artikli mill-kostituzzjoni għal-liġi dwar iċ-ċittadinanza għax meta ġġorr xi kultant titlef xi ħaġa - u naturalment jekk ikun hemm xi proposta kemm minn din in-naħa tal-Kamra kif ukoll min-naħa ta' l-oppożizzjoni nkunu ferħanin li naċċettawha ħalli jkollna abbozz tajjeb kemm jista' jkun, kif ukoll iġib l-ikbar numru ta' approvazzjonijiet ta' din il-Kamra.
Mr Speaker, żammejna żewġ artikli antiki fil-kostituzzjoni tagħna li ma biddilna xejn fihom. Dawn huma l-artikli 28 u 29 li jittrattaw dwar min hu commonwealth citizen u l-criminal liability ta' commonwealth citizens, li issa se jsiru artiklu 23 u artiklu 24. Artiklu 28 kif inhu llum jgħid li min hu elenkat fir-raba' skeda ma' din il-kostituzzjoni huwa commonwealth citizen. Imbagħad artiklu 29, li jitkellem dwar il-criminal liability ta' ċittadini tal-commonwealth, huwa artiklu kkomplikat u trid taqrah xi erba' darbiet biex tifhmu. Imma bażikament dan jgħid li għal dak li jirrigwardja liability kriminali ta' ċittadini tal-commonwealth ma tistax tiddiskrimina bejn ċittadini tal-commonwealth u ċittadini li mhumiex fil-commonwealth.
Mr Speaker, għalkemm ma nafx li dawn qatt ġew applikati fil-prattika jew inkella kienu suġġett ta' xi każ ċelebri, xorta waħda ma dehrilniex li għandna nneħħuhom u ħallejniehom fil-kostituzzjoni. Allura Chapter 3 il-ġdid minn 14-il paġna se jkun fih paġna waħda . L-ewwel artiklu 22 se jgħid li l-akkwist u t-telfien taċ-ċittadinanza Maltija u ċittadinanza doppja jew multipla hija regolata bil-liġi ordinarja tal-pajjiż. Artiklu 23 jgħidlek min huma ċittadini tal-commonwealth u artiklu 24 jittratta dwar il-criminal liability of commonwealth citizens. Dawn l-aħħar żewġ artikli huma riproduzzjoni eżatta tal-kostituzzjoni kif inhi llum.
Nawgura li jkollna diskussjoni interessanti fil-jiem li ġejjin dwar il-proċess kollu li għandu jwassal għall-introduzzjoni taċ-ċittadinanza doppja bħala regola f'pajjiżna. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Gavin Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA: Mr Speaker, mill-esperjenza li kellna matul dawn l-aħħar sena u ftit xhur, fil-qasam ta' l-intern kien hemm abbozzi ta' liġi li qbilna dwarhom, kien hemm oħrajn li ma qbilniex dwarhom u ddibattejna b'mod sħun ukoll fuqhom però fuq dan l-abbozz, kif diġà aċċenna l-ministru x'qiegħed jistenna min-naħa ta' l-oppożizzjoni, hemm qbil u aħna se nappoġġjawh. Il-gvern Laburista ta' wara l-1996 wera b'fatti pożittivi kemm fil-fatt huwa favur li jsir dan it-tibdil li beda jiġi diskuss f'dan il-parlament proprju għaliex kien beda jipprepara dawn it-tibdiliet li qiegħed jipproponi l-ministru attwali ta' l-intern. Imbagħad b'sens ta' kontinwità wara l-1998 mill-oppożizzjoni jiena u oħrajn konna nvoluti u għadna nvoluti f'xogħol proprju biex naraw li dak li konna qed naħsbu li nwettqu - kieku bqajna fil-gvern u ma nqalgħetx il-kriżi politika - jitkompla u konna qed nesploraw jekk ħallejniex xi affarijiet barra u jekk inqalgħux xi ċirkostanzi oħra.
Mr Speaker, hija ħaġa ta' l-għaġeb - u għalhekk tajjeb li wieħed jimbotta dawn it-tibdiliet - kemm jinqalgħu ċirkostanzi ġodda u komplikazzjonijiet f'din il-liġi minn mistoqsijiet li jsiru min-nies li jistgħu jiġu affettwati jew li jixtiequ li jiġu affettwati minn dawn il-kambjamenti, tant li inti tkun mingħalik li solvejthom bl-emendi li tkun qed tipproponi u li eventwalment jgħaddu, imbagħad meta l-liġi tiġi amministrata tiskopri li għad hemm lakuni. Wieħed jiskopri li jkun hemm min għandu konnessjoni jew b'dixxendenza jew bi żwieġ jew għaliex ikun twieled Malta, li sfortunatament ma jkunux covered bl-emendi. Dan ifisser li notwithstanding all good intentions jinqalgħu ċirkostanzi fejn il-leġislatur ma jirrealizzax li jkun ħalla ċerti nies barra li għandhom konnessjonijiet importanti ma' Malta. Tant hu hekk li jidhirli li t-tibdil li qiegħed jiġi ssuġġerit illum, mhux neċessarjament b'din l-emenda li qed issir fil-kostituzzjoni imma b'dak li għad irid jiġi diskuss fl-abbozz l-ieħor, huwa konsegwenza ta' dak li l-emenda ta' l-1989 ma rnexxilhiex li tagħlaq. Dan għaliex wara li għaddiet l-emenda ta' l-1989 u bdiet titħaddem il-liġi, l-uffiċjali taċ-ċivil li jaħdmu f'dan il-qasam bdew jindunaw li hemm każi oħra li m'humiex koperti bl-emenda ta' l-1989. Naturalment dawn l-uffiċjali jwasslu dawn il-problemi lill-politiċi li min-naħa tagħhom ikunu sensittivi għat-talbiet li jsiru min-nies. Allura dawn l-emendi li se jiġu diskussi fil-parlament u li se jgħaddu żgur huma wkoll konsegwenza ta' rikjesti oħra li saru mill-1989 sal-lum.
Mr Speaker, jien ma neħodhiex bi kbira lanqas jekk anke wara li ngħaddu dawn l-emendi - imma jidhirli li dawn l-emendi huma aktar importanti minn dawk ta' l-1989 u suppost li issa huma all-embracing u jinkludu lil kulħadd - eventwalment ikollna nerġgħu immissuhom. Jien nemmen li jekk il-gvern Nazzjonalista se jkompli bil-politika tiegħu għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, se jerġa' jsir xi tibdil u jkolli l-opportunità li nitkellem dwaru fl-abbozz li jmiss. U għalhekk huwa importanti wkoll li din is-section tal-kostituzzjoni li tirregola ċ-ċittadinanza tispiċċa minn hemm u tmur f'liġi ordinarja li tirregola ċ-ċittadinanza. Għax jien personalment nemmen - u ħafna jemmnu bħali, anke fuq din in-naħa tal-Kamra - li għad jiġi żmien meta nkunu rridu nbagħbsuha mhux biss għal skopijiet ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni - li nittama li ma ssirx - imma għal raġunijiet oħrajn nazzjonali.
Jien m'għandi l-ebda intenzjoni li ntawwal f'dan l-istadju għax it-tibdil li qed jiġi propost huwa tibdil żgħir għalkemm b'effett kbir legali. Fis-sustanza m'hu se jinbidel xejn - se jsir xi tibdil fil-mertu wkoll, kif spjega diġà l-ministru, u kif se jkollna opportunità nitkellmu f'dan il-parlament - għax kulma qed isir huwa li minn artiklu 22 sa 31se jispiċċaw mill-kostituzzjoni u se jiġu ttrasferiti fl-abbozz ta' liġi dwar iċ-ċittadinanza li se niddibattu wara li jgħaddi dan l-abbozz ta' liġi li jemenda l-kostituzzjoni. Iżda fil-kostituzzjoni se jkun hemm żewġ provvedimenti żgħar fi klawsola waħda li jgħidu li l-ksib, ir-rinunzja jew it-telfien taċ-ċittadinanza, kif ukoll iċ-ċittadinanza doppja se jkunu regolati permezz ta' liġi li tkun fis-seħħ. Dawn iż-żewġ provvedimenti għandhom effett kbir legali għax mil-lum 'il quddiem mhux se nibqgħu nħarsu lejn il-kostituzzjoni kull meta rridu nbiddlu xi ħaġa dwar iċ-ċittadinanza imma permezz ta' emenda għal-liġi li tkun fis-seħħ.
Mr Speaker, kif diġà spjega l-ministru, fl-abbozz ta' wara dan hemm tibdil fis-sustanza għax iċ-ċittadinanza doppja se tiġi mwessa' ftit aktar. Waqt li kien qiegħed jitkellem il-ministru qal li hemm erba' bibien u erba' bibien se jibqgħu - għalkemm issa forsi nibdew insejħulhom bieb ta' garaxx minflok bieb normali għax il-mod kif wieħed jakkwista ċ-ċittadinanza doppja se jiġi mwessa' - però kif naraha jiena, dawn it-tibdiliet qishom l-espressjoni ta' l-Istat sabiex jagħti ċittadinanza Maltija lil nies oħrajn li b'xi mod jew ieħor ma bbenefikawx taħt l-emendi ta' l-1989 u issa awtomatikament se jiġu koperti b'din il-liġi u se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ċittadinanza Maltija.
Mr Speaker, gvern Laburista kien ħadem bis-serjetà lejn id-direzzjoni ta' dawn l-emendi. Dan jixhdu d-dokument li għandi quddiemi, li kien ħadem ħafna fuqu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni, dak iż-żmien prim ministru, Dr Alfred Sant, fejn kien ippropona li ssir white paper fuq il-leġislazzjoni proposta sabiex jiġu emendati l-liġijiet ta' l-emigrazzjoni u ċ-ċittadinanza. Fil-fatt din il-white paper ġiet preżentata fl-10 ta' Awissu ta' l-1998 u fiha kienu indikati t-tibdiliet li jridu jsiru f'chapter 3 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, kif ukoll għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza, Kap 188 tal-Liġijiet ta' Malta. Irrid ngħid li sija dan it-tibdil fil-kostituzzjoni li qed jiġi diskuss issa, kif ukoll il-kontenut ta' l-abbozz ta' liġi li se jemenda l-liġi dwar iċ-ċittadinanza, huma photocopy ta' l-abbozzi ta' liġi li qed jippreżenta dan il-gvern illum, ħlief tibdil żgħir f'ċerti termini. Per eżempju, gvern Laburista fil-white paper tiegħu kien qiegħed jipproponi li biex nevitaw iż-żweġijiet ta' konvenjenza, barrani miżżewweġ Maltija ma jkunx jista' jakkwista ċ-ċittadinanza qabel tliet snin. Gvern Nazzjonalista żamm il-prinċipju però estenda ż-żmien u minflok tliet snin qiegħed jipproponi li jkunu ħames snin. L-abbozz ta' liġi li qed jipproponi l-gvern Nazzjonalista huwa prattikament fotokopja tal-white paper li kien ippreżenta l-gvern Laburista fl-10 ta' Awissu ta' l-1998. Dan juri l-kontribut tal-gvern Laburista qabel l-elezzjoni ta' l-1998 għal dan l-abbozz.
Sur President, il-Partit Laburista dejjem ħares b'serjetà lejn l-aspetti varji taċ- ċittadinanza u anke waqqaf kummissjoni - komposta minni, mill-Onor. Anġlu Farrugia, mill-Onor. Helena Dalli u mill-Onor. Joe Mizzi - biex tixtarr it-tibdiliet li kien ippropona gvern Laburista fil-white paper, u tixtarr ukoll it-tibdiliet li kien qiegħed jipproponi l-gvern Nazzjonalista wara l-1998, għalkemm sfortunatament dak iż-żmien ma kellniex l-abbozz ta' liġi f'idejna. Però aktar milli hekk, l-idea tagħna kienet li nagħmlu kuntatt ma' dawk li riedu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija iżda ma kenux koperti bl-emenda ta' l-1989. Niftakar li ftit xhur ilu l-kummissjoni għamlet anke laqgħa pubblika, proprju fil-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista, fejn kellna interaction tajba ħafna ma' nies li se jibbenefikaw mill-emendi li se jgħaddu minn dan il-parlament permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi u stajna nserrħulhom rashom li l-pożizzjoni tagħhom se tiġi issa regolata.
Mr Speaker, kien hemm ukoll talbiet oħra ta' nies li kien jidher ċar li b'dawn l-emendi ma kenux se jkunu koperti, jew inkella kien għad hemm xi dubju jekk b'dawn l-emendi kenux se jiġu koperti. Minn dak iż-żmien 'l hawn dawn id-dubji ġew sorvolati proprju għax rajna l-abbozz ta' liġi li qed jippreżenta l-gvern Nazzjonalista u anke għaliex tkellimna ma' esperti li naturalment jifhmu f'dan il-qasam. U hawnhekk nixtieq nirringrazzja lin-nies tad-dipartiment taċ-ċittadinanza fl-uffiċċju tal-prim ministru li mhux l-ewwel darba li kelli bżonn nitlobhom kjarifika fuq ċerti affarijiet. Insemmi minn hawnhekk lis-Sur Treeby Ward li ċertament huwa persuna kapaċissima f'dan ir-rigward. Madanakollu wara li jgħaddi ż-żmien xorta waħda tkun trid terġa' tħares lejn il-liġi biex tara jekk każ partikolari jistax jiġi sodisfatt. U jista' jinqala' l-każ ukoll li waqt li tkun qed tiġi amministrata din l-emenda niskopru li għad hemm bżonn li jsir xi fine-tuning bħalma ġara wara li daħlet fis-seħħ l-emenda ta’ l-1989.
Sur President, niġu biex niddiskutu l-abbozz ta’ liġi li jmiss dwar iċ-ċittadinanza forsi jkolli opportunità nitkellem dwar l-implikazzjonijiet ta' l-applikazzjoni għal sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea - l-Onor. Tonio Borg semma kif iċ-ċittadinanza Maltija issa se tiġi estiża ftit aktar għal min għandu konnessjoni ftit aktar indiretta ma' Malta - għaliex issa biċ-ċittadinanza doppja se jkun possibbli għal min ma twelidx Malta imma twieled barra minn Malta minn ġenituri li wieħed minnhom twieled Malta, li jottjeni ċ-ċittadinanza Maltija. Bir-raġun il-ministru qal li tajjeb li nestenduha imma ma nistgħux nestenduha lil kulħadd. Semmieha fil-kuntest ta' żweġijiet ta' konvenjenza, fejn irridu noqogħdu attenti li wieħed ma jinqedix ukoll bil-passaport Malti. Dak huwa prinċipju li aħna naqblu miegħu kompletament u naqblu wkoll mat-terminu ta’ ħames snin li qiegħed jipproponi gvern Nazzjonalista li qed jagħmilha naqra aktar riġida minn dak li kien qiegħed jipproponi gvern Laburista.
Mr Speaker, wieħed irid jiftakar ukoll li jekk il-gvern ikompli jimbotta l-applikazzjoni għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u Malta eventwalment tidħol, se jkun hemm ċerti implikazzjonijiet fil-qasam ta' l-intern ukoll. Dan għaliex għalkemm l-Ewropa m'għandhiex ċittadinanza per se sostantiva u ma teżistix ċittadinanza Ewropea imma hemm effetti ta' ċittadinanza Ewropea. Aħna ċ-ċittadinanza nazzjonali norbtuha ma' ċittadinanza għaliex għandek per eżempju l-passaport Malti imma fl-Unjoni Ewropea ma jeżistux passaporti. Però hemm effetti bħalma huma l-freedom of movement u għandek effetti fejn tista' tibbenefika minn ċerti benefiċċji li jeżistu f'pajjiżi li huma msieħba fl-Unjoni Ewropea naturalment b'mod reċiproku. Allura jekk Malta timbotta l-applikazzjoni tagħha u eventwalment tissieħeb fl-Unjoni, se jkollok ċittadini minn pajjiżi ta' l-Unjoni li eventwalment jistgħu jiġu hawn Malta u jistgħu jibbenefikaw minn ċerti servizzi eżekuttivi, minn servizzi ta' saħħa, minn benefiċċji soċjali, mid-dritt li jaħdmu, mid-dritt li jirrisjedu hawn Malta li naturalment ma jagħtux dawn l-abbozzi ta' liġi.
B’dawn l-abbozzi ta' liġi qed nagħtu ċittadinanza u allura d-dritt li tagħmel dawn l-affarijiet kollha li semmejt għal min għandu konnessjoni Maltija, però ċertament mhux qegħdin nagħtuha lil min huwa Ġermaniż, Ingliż, Taljan, Spanjol jew Franċiż u m'għandux konnessjoni ma' Malta, sakemm naturalment ma jakkwistax iċ-ċittadinanza Maltija bil-metodi l-oħra tal-liġi, għalkemm huwa diffiċli biex takkwistah ukoll dak id-dritt taċ-ċittadinanza. Iżda meta eventwalment Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, għalkemm dawn iċ-ċittadini tal-pajjiżi barranin li għadni kemm semmejt mhux se nagħtuhom ċittadinanza Maltija bil-passport, dawn iċ-ċittadini kollha se jkollhom id-dritt li jgawdu mill-istess benefiċċji li diġà qed igawdu ċittadini Maltin hawn Malta u li kemm bl-emenda ta’ l-1989 u kemm bl-emenda li qed inressqu issa f'dan il-parlament qed nestenduhom għal nies li għandhom konnessjoni Maltija, jew għax twieldu Malta jew għax twieldu barra minn Malta u għandhom ġenitur wieħed tagħhom li huma Maltin.
Mr Speaker, hawnhekk qegħdin inwessgħu ftit ieħor, però dan ifisser li jekk eventwalment Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, ir- right of abode u d-dritt li tibbenefika minn dak li joffri l-Istat Malti se jingħata lil dawn iċ-ċittadini mingħajr il-bżonn li jkollhom passaport Malti. Malta jkollha tiftaħ il-fruntiera tagħha skond ix-Schengen agreement għax hekk qiegħda l-filosofija ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Nazzjonalista jgħid: Iva, imma din hija kwestjoni li tapplika għaż-żewġ naħat, jien inħokklok dahrek u inti tħokk tiegħi u bħalma huma jistgħu jiġu hawn aħna nkunu nistgħu mmorru hemmhekk. In-Nazzjonalisti jiddibutaw kemm se jiġu ċittadini mill-Unjoni Ewropea hawn Malta u jgħidu: Xejn m'għandhom x'jagħmlu, jiġu hawn Malta! Jista' jkun, imma jien għandi dubju dwar il-pajjiżi li huma fin-nofsinhar ta' l-Ewropa bħall-Italja, speċjalment Sqallija. Diġà għandna kuntatt magħhom mhux biss fuq livell matrimonjali imma anke fuq livell kummerċjali, u nafu kemm jiġu hawn Malta u fil-fatt qegħdin jaħdmu hawn Malta diġà. Naturalment jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea se jkun hemm id-dritt li dak li bħalissa qed jagħmlu minn taħt ‘il quddiem jagħmluh bil-miftuħ mingħajr problemi ta' xejn. Għal min forsi jistaqsi din x'għandha x'taqsam maċ-ċittadinanza, jien ngħidlu li għandha x'taqsam għaliex bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, dawk iċ-ċittadini msieħba fl-Unjoni, mingħajr ma jingħataw passaport Malti, se jgawdu mill-benefiċċji kollha li qed nestendu proprju b'dan l-abbozz ta' liġi lil ċerti kategoriji ta' Maltin li bħalissa ma jistgħux jibbenefikaw miċ-ċittadinanza Maltija. Jien naħseb li f'din id-diskussjoni tajjeb li wieħed jitkellem dwar l-implikazzjonijiet tal-politika barranija fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea. Mr Speaker, hemm imbagħad il-kwestjoni l-oħra rigward kemm dawn l-emendi jistgħu jkunu konsistenti ma’ l-għanijiet ta' l-Unjoni Ewropea li nitkellem dwarha meta niddibattu l-abbozz l-ieħor li huwa aktar sostantiv.
Mr Speaker, dawn iż-żewġ abbozzi jitkellmu dwar il-kriterji legali ta’ kif inti tista' takkwista ċ-ċittadinanza Maltija imma hemm kriterji oħra li naħseb li la l-gvern Laburista ma esplora u lanqas il-gvern Nazzjonalista. Qed nirriferi għall-kriterji amministrattivi li jirriflettu aktar trasparenza dwar kif tingħata ċ-ċittadinanza lil min jikkwalifika għaliha. Naturalment din m'hijiex a bone of contention, jiġifieri qed nagħmel proposta biex wieħed jara jekk fil-liġi jistax idaħħal kriterji amministrattivi għal meta tingħata ċ-ċittadinanza ħalli forsi jkun hemm mod aktar trasparenti kif tingħata ċ-ċittadinanza lil dawk li jikkwalifikaw u dawk li kienu jikkwalifikaw anke taħt l-emendi li saru qabel. M'għandiex dubju li l-ministru diġà antiċipa dak li eventwalment se ngħidu aħna rigward l-abbozz ta' liġi li se jemenda l-liġi dwar iċ-ċittadinanza u m'għandi l-ebda intenzjoni li ntawwal dan id-dibattitu. Però nieħu l-opportunità u nagħlaq biha sabiex nerġa' nenfasizza x-xogħol siewi li għamel l-aħħar gvern Laburista, li jien ċert li l-ministru u l-gvern Nazzjonalista ħarsu lejh, u nenfasizza wkoll ix-xogħol li għamlet l-oppożizzjoni Laburista wara l-l998 sabiex jiġu imbuttati dawn l-emendi.
Nagħlaq billi ngħid li l-Partit Laburista se jivvota favur din l-emenda li qed temenda l-kostituzzjoni, kif ukoll favur l-emenda tal-liġi dwar iċ-ċittadinanza.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Jekk m'hawnx aktar rimarki, allura nistieden lill-Ministru ta' l-Intern biex jagħmel il-winding-up.
ONOR. TONIO BORG: Mr Speaker, forsi din hija l-iktar emenda kostituzzjonali li għaddiet bil-kalma u b'diskussjoni ġenerali imma naħseb li dak li kellna ngħidu għednieh mingħajr ma dħalna f'dettalji żejda. Nieħu gost li l-oppożizzjoni se tivvota favur dan l-abbozz li, kif għedt, mhux biss jintroduċi l-prinċipju ta' ċittadinanza doppja jew multipla, imma wkoll se jagħmel eżerċizzju importanti li jneħħi wkoll ir-regoli kollha ta' kif takkwista ċ-ċittadinanza mill-kostituzzjoni u jpoġġihom f'liġi ordinarja. Naturalment kien hemm xi argumenti imma qbilt ma’ ħafna minn dak li qal il-kollega tiegħi - għalkemm hemm xi affarijiet li ma naqbilx magħhom - però ħalli niċċara xi affarijiet.
Nerġa' nirrepeti li dan l-abbozz u anke l-abbozz ta' warajh m'huwiex se jwessa' l-kategoriji ta' kif wieħed jakkwista ċ-ċittadinanza. Dawk huma erbgħa, u hemm regoli dettaljati li jirregolaw dawk l-erba' modi kif issir ċittadin Malti u dawk m'humiex se jinibidlu. Jiġifieri r-regola li takkwista ċ-ċittadinanza bit-twelid f'Malta, ir-regola li inti takkwista ċ-ċittadinanza Maltija jekk titwieled barra minn Malta minn ġenituri mweldin Malta, ir-regola taż-żwieġ u l-metodu tan-naturalisation, m'humiex se jinbidlu. Fil-fatt lanqas il-policy m’hi se tinbidel - l-Onor. Gulia qal li hemm bżonn ta' iktar trasparenza biex kemm jista' jkun wieħed itejjeb l-affarijiet - u allura fil-każ li wieħed jingħata ċ-ċittadinanza permezz tan-naturalisation, il-gvern se jibqa' jżomm id-dritt li jagħti jew ma jagħtix iċ-ċittadinanza.
Irrid ngħid li sa l-1987 ma kienx hemm regoli interni dwar kif tingħata ċ-ċittadinanza u l-prim ministru kien jagħtiha fid-diskrezzjoni assoluta tiegħu. Wara l-1987 kienu ħarġu l-kriterji li xorta waħda jibqgħu fid-diskrezzjoni tal-prim ministru - illum tiegħi, bħala l-ministru responsabbli għaċ-ċittadinanza - imma hemm ċerti guidelines. U dawn il-guidelines huma li biex takkwista ċ-ċittadinanza Maltija permezz tan-naturalisation, l-ewwelnett trid tkun ilek ċertu żmien tgħix f'Malta, imma kien hemm ukoll ċerti regoli interni li m'humiex assoluti, m'humiex liġi, li sal-lum dejjem segwa d-dipartiment. Dawn huma li trid tkun jew ta' nisel Malti, jew il-ġenituri tiegħek huma Maltin, jew xi darba inti stess kont Malti, u allura jekk xi ħadd - ejja nieħdu l-liġi kif inhi llum - jipprova li kien Malti xi darba però akkwista ċ-ċittadinanza Amerikana u jitlaq mill-Amerika u jiġi lura hawnhekk u jkun irid jerġa' jsir Malti, dak konna nagħtuh iċ-ċittadinanza b'naturalisation sakemm ma jiżżewwiġx Maltija jew inkella jagħmel xi ħaġa oħra. Jiġifieri hemm regoli.
Imbagħad hemm l-aħħar regola, li hija totalment fid-diskrezzjoni tal-ministru, li fl-aħħar mill-aħħar tista' tingħata ċ-ċittadinanza lil kwalunkwe persuna on humanitarian grounds. Però nista' nassigura lill-Onor. Gulia li kemm il-gvern Nazzjonalista mill-1987 'il hawn u anke fis-sentejn li kien hemm gvern Laburista, kien iebes ħafna fl-għoti taċ-ċittadinanza għal humanitarian grounds proprju għaliex ma riedx li jkollu diskrezzjoni wisq li lil wieħed jagħtih u lil wieħed ma jagħtihx. Mill-1987 'il hawn ingħataw on humanitarian grounds però huma ftit u ftit ħafna. L-iktar li ngħataw jew għaliex għandek demm Malti jew inkella għaliex tiġi minn xi ħadd Malti jew inkella għaliex it-tifel ta' xi wieħed Malti jew inkella għaliex inti kont ċittadin Malti, imma on humanitarian grounds huma ftit pero' ngħataw.
L-iktar regola li wieħed isegwi hija jekk persuna damitx ħafna f'Malta jew inkella jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jimmilitaw favur persuna li jkollha l-passaport Malti. Però nerġa' ngħid li dan l-abbozz u ta' warajh ma jbiddlu xejn minn din il-policy. M'hu se jbiddlu xejn u allura jekk hemm erba' bibien li minnhom inti tista' tidħol biex takkwista ċ-ċittadinanza Maltija, by birth, descent, marriage and naturalisation, mhux se niftħu bibien oħrajn, anzi peress li issa se tingħata d-dual wieħed irid joqgħod attent iktar kif jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil xi ħadd li m'għandu x'jaqsam xejn ma' Malta. Huwa veru li ċerti nies, li kellhom id-dritt li jsiru Maltin però qatt ma wżawh għaliex bil-liġi kif inhi llum kienu jitilfu l-passaport barrani tagħhom, issa għandhom inċentiv biex jużaw dak id-dritt li dejjem kellhom. Ejja nieħdu l-każ tipiku.
F'Malta sar ħafna taħlit biż-żwieġ bejn Maltin u Ingliżi, kemm għaliex kien hawn is-servizzi Ingliżi u għal raġunijiet oħrajn. L-Ingliżi kollha li joqogħdu Malta miżżewġin lil Maltin, anke dawk li ma joqogħdux Malta - naħseb kulħadd fil-familja għandu lil xi ħadd li huwa miżżewweġ lil xi barrani - dejjem kellhom id-dritt li jsiru ċittadini Maltin, però speċjalment l-Ingliżi u pajjiżi oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea, ma kellhomx l-inċentiv li jsiru Maltin għaliex jekk isiru Maltin jitilfu l-passaport Ingliż tagħhom jew il-passaport Taljan. Hawn min xorta waħda għamel dik l-għażla, jiġifieri hemm Ingliżi li rrinunzjaw għall-passaport tagħhom Ingliż u saru Maltin - issa ma nafx jekk kenitx frott l-imħabba jew frott il-konvenjenza imma hekk għamlu - u allura rrinunzjaw għad-dritt li jmorru jaħdmu f'xi pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea u għażlu l-passaport Malti li ma jagħtix dan. Issa din l-għażla mhux se jkollhom għalfejn jagħmluha iktar, u allura nimmaġina li kulmin hu Ingliż miżżewweġ Maltija u ilu miżżewweġ Maltija, jew inkella bil-maqlub, u ilhom miżżewġin liċ-ċittadin Malti għal iktar minn ħames snin, dawn kollha se japplikaw issa biex ikollhom il-passaport Malti. Mhux għax qabel ma kellhomx dan id-dritt, imma għaliex issa, jekk jagħmlu hekk, mhux se jitilfu l-passaport Ingliż tagħhom. U dawn kienu ilhom jitolbuh dan id-dritt.
Dan id-dritt - u issa din ħudha fl-ispirtu li qed ngħidha - m'hu fotokopja xejn tal-white paper ta’ żmien il-gvern Laburista. (Interruzzjonijiet) Imkien ma jissemma dan id-dritt li barranin miżżewġin lil Maltin ikollhom id-dual citizenship. Issa nispejga għaliex, jekk mhux f'dan l-abbozz f'dak ta' wara. Dawn in-nies issa jista' jkollhom iż-żewġ passaporti. L-argument li jġibu dawn il-barranin li jgħixu Malta kien: tagħna żwieġ ta' konvenjenza meta ilna miżżewġin lil Maltin tletin sena u nħallsu t-taxxi bħalkom u kollox? Issa jivvotaw ukoll fil-kunsill lokali, għaliex l-Ingilterra jagħtu dritt lill-Maltin li jivvotaw fil-kunsill lokali tagħhom u allura aħna tajna d-dritt lill-Ingliżi li joqogħdu f'Malta li jivvotaw fil-kunsill lokali. Allura kienu jistaqsuna: M'għandniex dritt aħna wkoll li nivvotaw u li nħallsu r-rati bħalkom il-Maltin? Għaliex iċ-ċittadinanza hija ostakolu għal kull impjieg mal-gvern meta ċ-ċittadinanza tagħtik id-dritt għall-vot. Għalkemm sar xi tibdil għad hemm ħafna affarijiet li huma marbutin esklussivament maċ-ċittadinanza. U dawn kienu jħossu li qed jgħixu f'Malta, imħalltin mal-Maltin però mhux bl-istess drittijiet daqs il-Maltin. Dejjem kellhom id-dritt li jsiru Maltin imma bl-emenda li se ngħaddu issa għandhom inċentiv ikbar biex japplikaw għall-passaport Malti, imma mhux qed inżidu r-regoli biex issir ċittadin Malti. Qed nintroduċu ċ-ċittadinanza doppja. Dan id-dritt qed jiġi introdott b’dan l-abbozz. Issa malajr malajr irrid nagħti ftit storja dwar iċ-ċittadinanza doppja għax l-Onor. Gulia qal li dan l-abbozz se jkopri każijiet li sfortunatament ma ġewx koperti bl-emendi ta' l-1989, Sur President.
Irrid ngħid li l-emendi ta' l-1989 kienu tajbin, anzi għal dak iż-żmien kienu rivoluzzjonarji fis-sistema u l-mentalità ta' kif naħsbu fuq iċ-ċittadinanza. Għaliex? Għax sa l-1989 pajjiżna taħt gvernijiet differenti kien jemmen fil-prinċipju li inti ma jistax ikollok lealtà lejn iktar minn pajjiż wieħed. Mela d-dual citenzenship ma kien jeżisti imkien ħlief sakemm tagħlaq it-18-il sena, jiġfieri sakemm tagħlaq it-18-il sena, anzi 19-il sena stajt ikollok żewġ ċittadinanzi. Wara li tagħlaq it-18 sena, jiskatta sena żmien fejn inti trid tagħżel - jew iżżomm il-passaport Malti jew iżżomm il-passaport ta' barra - u jekk ma tirrinunzjax għall-passaport ta' barra awtomatikament titlef iċ-ċittadinanza Maltija. Titlifha awtomatikament! Fil-fatt kien hawn nies li għax ma jkunux jafu dawn l-irqaqat u dawn ir-regoli qamu filgħodu, marru jiċċekkjaw xi darba jew maċ-ċittadinanza jew ma' l-avukat u sabu li huma Maltin li jitkellmu bil-Malti daqsna, iktar minna u aħjar minna l-Maltin, bid-demm ibaqbaq Malti ġo fihom, u skoprew li m'għandhomx Maltin iktar. Din awtomatika kienet, mhux jibagħtulek notice jew inkella javżawk, imma inti awtomatikament titlef iċ-ċittadinanza Maltija. Dik kienet il-pożizzjoni sa l-1989. Fl-1989 il-gvern Nazzjonalista, sentejn biss wara li rebaħ l-elezzjoni, introduċa konċett ġdid.
Issa jien mhux qed nikkundanna l-gvernijiet ta' qabel Laburisti jew Nazzjonalisti li ma ntroduċewx id-dual citizenship. Dawk kienu l-ideat li kienu jipprevalu u ma kenux jipprevalu biss f'Malta, anke barra minn Malta, anzi rrid ngħid li meta ngħaddu dan l-abbozz xorta waħda hemm pajjiżi oħrajn li għadhom ma jaċċettawhx il-konċett ta’ dual citizenship, jekk mhux f'kull ċirkostanza, imma f'ħafna ċirkostanzi ma jaċċettawhx. Per eżempju, l-Awstralja ma taċċettax id-dual citizenship jekk inti volontarjament takkwista ċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor. Mela fl-1989 ġiet introdotta d-dual citizenship bħala eċċezzjoni favur l-emigranti. Kien l-ewwel pass importanti li minnu bbenefikaw eluf kbar ta' Maltin li jgħixu fl-Awstralja li qabel ma kellhomx iċ-ċittadinanza Maltija u bl-emendi ta' l-1989 akkwistawha. L-emendi ta' dakinhar, għalkemm introduċew kunċett ġdid fis-sistema tagħna u fl-attitudni tagħna, xorta waħda kellhom il-limitazzjonijiet; u dawn kellhom il-limitazzjonijiet bi skop għaliex konna qed nintroduċu xi ħaġa ġdida u ma konniex nafu x'se jkun l-effett ta' dik l-emenda.

Sur President, l-emendi ta' l-1989 kienu ristretti għal min twieled Malta, jiġifieri seta' jkollok id-dual citizenship jekk inti twelidt f'Malta. L-ewwel rekwiżit kien li trid tkun imwieled f'Malta, emigrajt u qattajt mill-inqas sitt snin fil-post fejn emigrajt. U kien hemm regoli dettaljati u ebsin dwar xi jfisser sitt snin, jiġifieri jekk inti f'dawk is-sitt snin tiġi għal iktar minn tliet xhur f'sena f'Malta, is-sitt snin jerġgħu jibdew jgħoddu, trid terġa' inti tagħmel sitt snin oħra wara li tkun ġejt f'Malta għal iktar minn tliet xhur; jew inkella jekk inti f'dawk is-sitt snin tagħmel aggregate ta’ iktar minn sena, awtomatikament is-sitt snin trid terġa' tibda tagħmilhom mill-ġdid. Kienet regola importanti però kellha l-limitazzjonijiet tagħha li ma sarux bi żball jew inkella għaliex fl-1989 dan il-parlament ma kienx jaf bihom - jien ma kontx f'dan il-parlament dak iż-żmien - imma għaliex konna se nintroduċu xi ħaġa ġdida u ridna li l-ewwel pass ikun pass kawt. Xorta waħda bbenefikaw eluf ta' Maltin.


Mela fl-1989 kien ġie introdott il-kunċett ta’ dual citizenship marbut ma' żewġ kunċetti oħrajn, li tkun twelidt f'Malta u li trid tkun emigrant bir-regoli kollha ta' l-emigrazzjoni għal sitt snin. Il-white paper ta' Awissu ta' l-1998 - li kien pass 'il quddiem, m'iniex qed ngħid li ma kienx, imma ma nistgħux ngħidu li dan l-abbozz huwa fotokopja ta' dik il-white paper - kien qed jipproponi li jitneħħew ir-requirements li wieħed irid jipprova li jkun twieled f'Malta biex jakkwista d-dual citizenship, imma kien se jibqa' l-kriterju li wieħed irid ikun emigra bir-regoli tas-sitt snin. Jiġifieri anke bil-white paper ta' Awissu ta' l-1998 id-dual citizenship kienet se tibqa' eċċezzjoni u mhux regola. U kien hemm ħafna nies li anke wara l-white paper ta' l-1998 ma kienx se jkun possibbli għalihom li jakkwistaw iċ-ċittadinanza doppja. Fit-tieni abbozz li se jitressaq nagħti eżempji ta' dawn in-nies. Per eżempju, inti trid tkun akkwistajt iċ-ċittadinanza barranija wara li emigrajt minn Malta. Mela jekk inti akkwistajtha qabel ma emigrajt iċ-ċittadinanza barranija, inti ma tistax tapplika għal ċittadinanza doppja. L-istess fil-white paper ma kienx se jkun hemm regola ġenerali favur iċ-ċittadinanza doppja. In-nies li għandhom ċittadinanza doppja xorta waħda kien se jkollhom jagħżlu bejn iċittadinanza u oħra meta' jaslu fl-età ta' 25 sena. Jiġifieri kien se jiġi estiż għalihom iż-żmien meta jagħżlu, flok sa 19-il sena, fl-età ta' 25 sena.
Sur President, nagħlaq fuq il-punt li qajjem l-Onor. Gulia dwar l-Unjoni Ewropea. Naturalment f'kuntest ieħor għandu dritt li jsemmiha però m'għandhiex x'taqsam ma' dan l-abbozz għaliex ir-regoli ta' kif tirregola dual citizenship l-Unjoni tħallihom f'idejn kull Stat membru. Fil-fatt hemm uħud mill-pajjiżi membri fl-Unjoni li ma jaċċettawhiex sal-lum u oħrajn li qegħdin jaċċettawha. L-Ingilterra ilha taċċetta ċ-ċittadinanza doppja mill-1948. Meta saret il-British Nationality Act issorvolaw din il-kwestjoni kollha u qalu li wieħed jista' jakkwista ċ-ċittadinanza doppja. It-Taljani introduċew iċ-ċittadinanza doppja fl-1992. Fl-Irlanda wkoll aċċettaw iċ-ċittadinanza doppja, filwaqt li l-Belġju jaċċettawha biss in parti imma persuna li takkwista ċittadinanza Belġjana ma jistax ikollha ċittadinanza oħra. Franza taċċettaha, u fil-Ġermanja, wara ħafna dibattitu se jestenduha, tant hu veru li l-ħafna persuni ta' nazzjonalità Torka li hemm fil-Ġermanja se jkunu jistgħu mhux biss jakkwistaw iċ-ċittadinanza Tedeska wara ċertu żmien - għaliex dik hija kwestjoni interna - imma wkoll ikunu jistgħu jżommu l-passaport Tork tagħhom.
Sur President, jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni, iktar u iktar wieħed għandu jdaħħal il-kunċett tad-dual citizenship għan-nies li emotivament għadhom marbutin ma' Malta però m'għandhomx il-passaport Malti. Ħafna minnhom ikunu jridu dual citizenship għal raġunijiet ta' emozzjoni għaliex iħossuhom Maltin. Ħafna min-nies li se jibbenefikaw taħt dan l-abbozz mhux biss ma jgħixux f'Malta imma lanqas biss twieldu hawnhekk. Jekk nieħdu kategorija ta' nies li se jibbenefikaw b'dan l-abbozz, nistgħu nsemmu n-nies li twieldu minn emigranti Maltin fl-Awstralja; fil-fatt dawk kellhom dritt għal ċittadinanza Maltija imma ma kellhomx iċ-ċittadinanza doppja. Mela tnejn imweldin Malta li emigraw lejn l-Awstralja u kellhom it-tfal, bir-regoli tal-lum it-tfal tagħhom sakemm ikollhom 19-il sena ikollhom iċ-ċittadinanza Maltija u jekk ikunu akkwistaw iċ-ċittadinanza Awstraljana allura jkollhom iċ-ċittadinanza Awstraljana wkoll. Però at the age of 19 kellhom jagħżlu għaliex anke bir-regoli ta' l-1989 ma kenux jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza doppja għaliex ma kenux imweldin Malta. (Interruzzjonijiet) Apposta kienet saret hekk, mhux għax saret xi ħaġa ħażina fl-1989 imma għaliex ma konniex nafu x'effett se jkun hemm. Issa l-argument u l-esperjenza .... (Interruzzjonijiet) Le, l-eċċezzjoni kienet ċara li inti biex ikollok iċ-ċittadinanza doppja trid tkun twelidt f'Malta u emigrajt, u mhux twelidt wara li l-ġenituri tiegħek emigraw. Kienet ċara u b'għajnejna miftuħin għamilnieha. Imma dak kien l-ewwel pass u l-biża' dejjem tkun li ladarba dawn ikollhom passaport Malti jistgħu f'mument ta' kriżi ekonomika f'pajjiżhom jiġu lura Malta.
L-esperjenza ta' dawn l-aħħar ħdax-il sena wriet li lanqas in-nies li twieldu Malta u emigraw ma ġew lura - hemm min ġie u min ġie se jkollu iktar faċilità għaliex issa se jkollu passaport Malti - minkejja li ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija. U ma nistgħux ngħidu lil kemm nies ingħatat għaliex din kienet tingħata awtomatikament fl-1989 u meta jiġu dawn jikkonfermawlhom li għandhom iċ-ċittadinanza Maltija u mhux jerġgħu jagħtuhielhom. Mela jekk din il-biża' ma seħħitx wara l-1989 meta ngħatat id-dual citizenship lil persuni li twieldu Malta, li allura dejjem ikollhom dak l-istint li jirtiraw fil-pajjiż fejn twieldu - issa ħalliha li sadanittant ikollhom it-tfal li twieldu l-Awstralja, imbagħad it-tfal tat-tfal, u ma jkunux iridu jħalluhom u jiġu lura Malta – allura għaliex m'għandniex nagħtuha wkoll lil dawk li twieldu barra minn Malta u li allura l-periklu li jiġu lura kollha f'salt huwa iċken minn dawk li twieldu f'pajjiżna stess?
Imma dan l-abbozz, kif nispjega meta niddiskutu t-tieni abbozz, imur oltre minn hekk għax ipoġġi d-dual citizenship bħala regola, mhux iktar bħala eċċezzjoni u mhux iktar marbut mal-konċett ta' l-emigrazzjoni. Naħseb huwa importanti li nifhmuha din. Naħseb li l-abbozz il-ġdid se jkopri s-sitwazzjonijiet kollha li jiġġustifikaw li jingħataw konsiderazzjoni. Mhux se jsolvi l-problemi ta' kulħadd, jiġifieri għalkemm kull ex-Malti se jkollu dritt li jerġa' jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija, mhux kollha se jkunu jistgħu jakkwistawha awtomatikament. Kulħadd se jkun intitolat, jekk jipprova li kien Malti f'xi mument u tilef iċ-ċittadinanza Maltija biex jakkwista ċittadinanza oħra, li jew japplika jew tingħata lilu jew lilha lura awtomatikament. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Se npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1999 li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta" ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.


Yüklə 308,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin