Debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 0,57 Mb.
səhifə6/7
tarix30.04.2018
ölçüsü0,57 Mb.
#49480
1   2   3   4   5   6   7

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



REĠISTRU PUBBLIKU - TRASFERIMENTI TA' PROPRJETA'

8540. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati atti ta' trasferiment ta' proprjeta' fir-Reġistru Pubbliku matul Lulju 1997?
ONOR. CHARLES MANGION: Matul Lulju, 1997 ġew reġistrati f'Malta 1287 u f'Għawdex 176 noti ta' trasferimenti ta' propjeta' inklużi atti causa mortis u testmenti pubbliċi.


QRATI - KAWŻI

8541. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: B'riferenza għax-xahar ta' Lulju 1997, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew introdotti kawżi, maqsuma skond kull Qorti kompetenti; kemm ġew deċiċi kawżi kategorizzati skond kull Qorti kompetenti; kemm kien hemm kawżi pendenti kategorizzati skond kull qorti kompetenti; u kull Imħallef u Maġistrat kemm kellu kawżi pendenti fl-aħħar tax-xahar?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tingabar.


DJAR - AKKOMODAZZJONI ALTERNATTIVA

8542. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tad-Djar: B'riferenza għax-xahar ta' Lulju 1997, jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet ġodda għall-akkomodazzjoni alternattiva maqsuma skond kull lokalita'; kemm ġew allokati djar mid-dipartiment; kemm saru rikonoxximent ta' kera; kemm postijiet ġew lura f'idejn id-dipartiment matul ix-xahar; x'kien in-numru ta' postijiet li kellu f'idejh id-dipartiment fl-aħħar ġurnata tax-xahar; u x'kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti fl-aħħar ġurnata tax-xahar?
ONOR. ALFRED PORTELLI: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
Matul ix-xahar ta' Lulju 1997 ġew allokati 39 post u saru sitt rikonoxximenti ta' kera. Fl-aħħar tax-xahar, id-dipartiment kellu 22 proprjeta' li tista' tiġi allokata u 14-il post ġew lura f'idejn id-dipartiment. Fl-aħħar ġurnata tax-xahar kien hemm 4929 applikazzjoni pendenti.


ŻEJTUN - TRIQ XROB L-GĦAĠIN - DRENAĠĠ

8829. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Nagħmel riferenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari numri 4487, 6506 u 8239 speċifikament. Jista' l-Ministru jispjega kif "qatt ma kellna talba", ladarba għandi nifhem jien li biex jitwassal servizz tad-drenaġġ trid issir xi talba? Jaqbel li għandha tiġi segwita l-prattika li, kif ikun qed jitwassal servizz fi triq u li bi ftit ieħor, jista' dan is-servizz jasal fejn m'hemmx ukoll, jekk ma ssir talba, dan għandu jsir?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


PULIZIJA - TOWING TA' KAROZZI

8830. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Prim Ministru: Billi każijiet ta' towing jirrikjedu li x-xogħol isir minn numru ta' ħaddiema mhux lanqas biex ma jkunx hemm dewmien tant li xi kultant isiru wkoll kontravenzjonijiet oħra kawża ta'dan, jista' d-dipartiment responsabbli jara li ma jkunx hemm ħaddiem wieħed biss jagħmel dan ix-xogħol bħalma xi drabi qed jiġri b'inkonvenjent kbir għaċ-ċittadin?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-kuntratti għat-towing ingħataw għaż-żoni kollha. Is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant se jkun ikkonsidrat meta terġa` toħroġ sejħa oħra għall-offerti.


SKEJJEL - ŻEJTUN - CARLO DIACONO

8831. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'sorveljenza hemm għal fdalijiet u oqbra Rumani li hemm fil-grounds ta' l-iskola Karlu Diacono, Żejtun issa li qegħdin isiru xi xogħlijiet fuq il-ground tal-football fil-viċinanza tagħhom? Taħt min taqa' r-responsabbilta' ta' din is-sorveljanza?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


MOSTA - TRIQ E.B. VELLA - TELEPHONE BOX

8837. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jieħu passi biex fi Triq E.B. Vella fil-Mosta tiġi nstallata telephone box?
ONOR. ALFRED SANT: It-talba tal-Onor. Interpellant qiegħda tiġi kkonsidrata

flimkien ma' talbiet oħra.




MOSTA - SUBSTATION

8838. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4419, nixtieq li l-Ministru jekk hu possibbli jgħid x'ġara s'issa dwar x'passi ttieħdu biex tinbena s-substation fl-inħawi ta' Triq il-Bibla f'zona ta' Daqqaq il-Mosta?
ONOR. LEO BRINCAT: Is-substation il-ġdida ta' Daqqaq fil-Mosta tlestiet u se tkun imħaddma f'qasir żmien għal benefiċċju tal-konsumaturi ta' l-elettriku fl-inħawi.


MOSTA - DWAL

8839. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jieħu passi biex fi Triq it-Torri u Triq il-Mitħna l-Qadima fil-Mosta jinbidlu l-bozoz u jsiru oħrajn aktar qawwija peress illi f'dawn it-toroq hemm dawl baxx u hemm ukoll ħafna anzjani residenti?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-manutenzjoni meħtieġa sejra ssir fi żmien qasir biex b'hekk jingħata servizz aħjar.


MOSTA - TISWIJA TA' TOROQ

8840. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jieħu l-inizjattiva li Triq Raddet ir-Roti u Dawret il-Wied fiż-żona ta' Santa Margherita, Mosta jsir xogħol ta' manutenzjoni u jekk hu possibbli jagħti t-tarmac peress li huma fi stat ħażin ħafna u skond ir-regolamenti għal manutenzjoni ta' toroq ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR:L-area msemmija għad trid tiġi studjata sewwa mill-entitajiet infrastrutturali kollha sabiex wara jista' jsir xogħol ta' resurfacing liema xogħol jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-kunsilli lokali.


MOSTA - VJAL L-INDIPENDENZA - DAWL

8841. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun possibbli li fi Vjal Indipendenza jingħata s-servizz ta' dawl ta' triq wara li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4958 mogħtija fid-29/4/97 kien intqal li qed tiġi kkonsidrata ma' talbiet oħra?
ONOR. LEO BRINCAT: It-talba għal dawl adegwat qiegħda tkun ikkonsidrata flimkien ma' talbiet oħra.


MOSTA - TRIQ IL-ĦTAJRIET

8842. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 406, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex tkun miftuħa Triq il-Ħtajriet, Mosta?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ġew sottomessi pjanti u applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex l-ischeme fil-lokal tkun estiża u b'hekk tippermetti l-bini ta' Triq il-Ħtajriet. Qed isiru wkoll il-proċeduri ħalli l-art li hija meħtieġa għal ftuħ tat-triq tiġi esproprjata.
XEMXIJA/TAĊ-ĊUMNIJA - DRENAĠĠ

8877. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol fuq l-EIA b'konnessjoni mas-sistema tad-drenaġġ li twassal mix-Xemxija saċ-Ċumnija?
Meta hu mistenni li jitlesta dan l-EIA?
Meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq is-sistema proprja?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


ENEMALTA - CABLES

8878. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-cables użati mill-Enemalta li fil-preżent huma nieqsa mill-istores ta' l-Enemalta?
Meta hu mistenni li tasal Malta l-kunsinna ta' cables li hi sal-lum nieqsa?
ONOR. LEO BRINCAT: Fil-preżent l-Enemalta għandha nuqqas ta' stock ta' cables PVC 70mm(2) u Barc Copper 70mm(2). Iż-żewġ kwalitajiet mistennija jaslu aktar tard dan ix-xahar.


AJRUPLANI

8879. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien in-numru ta' ajruplani tal-passiġġieri li daħlu Malta fil-perijodu 1/4/97 sa 30/9/97?
X'kien in-numru ta' passiġġieri li waslu Malta?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li fil-perijodu bejn l-1 ta' April u t-30 ta' Settembru, 1997 ġew Malta 8,634 ajruplan tal-passiġġieri li fuqhom ġew 823,526 passiġġier.


BUS SHELTERS

8880. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex numru ta' bus shelters f'diversi nħawi ta' Malta jinqalgħu? Meta se jinbidlu?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: L-Onor. Interpellant hu mitlub jgħid għal liema bus shelters qed jirriferi peress li, skond ma jiena nformat, ikun hemm każi fejn bus shelters jinqalgħu b'konnessjoni ma' proġetti ta' toroq u bankini jew għax ikollhom bżonn jinbidlu minħabba periklu.


SAJJIEDA/BDIEWA - REFUNDS

8881. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-bdiewa u s-sajjieda jieħdu r-refund ta' nofs il-bolla tas-sigurta' soċjali?
Kemm hemm bdiewa u sajjied entitled għal dan il-ħlas lura?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Bħalma ġara fis-snin ta' qabel, l-ewwel pagament ta' nofs il-bolla tas-Sigurta Soċjali lill-bdiewa, sajjieda u raħħala diġa tħallas. Dan ikopri l-perjodu 1ta' Jannar, 1996 sal-31 ta'Awissu, 1996.
Wara li l-applikazzjonijiet ġew iċċekjati, tħallsu disa' mija u tnejn applikanti (902) min Malta b' pagamenti li jammontaw għal Lm 134,312.89c u mintejn u 15-il applikant (215) minn Għawdex b'pagament li jammonta għal Lm27,131.47.

Ġew aċċettati wkoll 34 applikant minn Malta għall-pagament ta' nofs il-bolla għall-1995 kollha li jammonta għall- Lm 6389.44, filwaqt li tnejn u għoxrin applikant (22) min Għawdex ibbenifikaw għal-nofs il-bolla tal-1995 kollha għall-pagament ta' Lm 2,693.40.


Il-pagament għall-Settembru sa Diċembru 1996 għandu jsir aktar tard.


AMERIKA/AWSTRALJA - TITJIRIET DIRETTI

8882. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jiġu ffinalizzati d-diskussjonijiet dwar it-titjiriet diretti mill-Air Malta għall-Amerika u għal l-Awstralja?
ONOR. KARMENU VELLA: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 8452.


ISTITUTI TA' L-ISTUDJI TURISTIĊI - HOUSEKEEPING SECTION

8889. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8407 mill-informazzjoni mogħtija fil-mistoqsija tiegħi, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex dan l-abbuż jinqata'?
ONOR. KARMENU VELLA: Nikkonferma li meta ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8407, ittieħdet in konsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-Onor. Interpellant madankollu ma jirriżultax li hemm xi abbuż f'dak li jirrigwarda ħasil ta' ħwejjeġ.

SUQ FRANĊIŻ - TITJIRIET

8890. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8419 li kienet tikkonċerna fuq jekk kienx hemm tnaqqis jew le fis-suq indikat, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jittratta l-mistoqsija nnifisha, ċioe' x'inhuma l-ħsibijiet fuq titjiriet żejda minn reġjuni differenti ta' dan il-pajjiż?
ONOR. KARMENU VELLA: Billi d-domanda oriġinali 8419 ta' l-Onor. Interpellant, kienet ibbażata fuq premessa li mhux korretta - għax ma kienx hemm, kif qal hu, xi tendenza fis-suq Franċiż li jonqos sewwa - ma jidhirlix li kien hemm lok għaliha, u konsegwentement, għal trattament tal-kwestjoni mqajjma minnu.
Minkejja dan nista' ninformah illi mhux se jkun hemm tibdil fit-titjiriet fuq is-sena l-oħra.


TOROQ - TISWIJIET

8891. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Billi kull darba li tagħmel daqsxejn xita jinħoloq wied fit-Triq Żejtun mill-Mina Hompesch sa ħdejn il-mitħna, jista' l-Ministru jgħid x'maintenance issir u minn min, fit-tindif tal-gandott ta' hemmhekk? Dan il-gandott m'għandux jitnaddaf ta' lanqas qabel jibda l-istaġun tax-xita u meta jsir dan jitnaddaf kollu u mhux parti minnu biss?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ir-responsabbilta' tal-maintenance tal-culvert imsemmi mill-Onor. Membru hija tal-kunsill lokali.

P.A. - APPLIKAZZJONI TA' MARIO AQUILINA

8895. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi pproċessata l-applikazzjoni lill-Planning Authority dwar l-applikant Mario Aquilina ta Mayflower, Tax-Xwieki, limiti tal-Għargħur li applika għal permess to operate trade for assembley of aluminium works from garage at Mayflower, Xwieki, Għargħur u dan f'area fejn diġa' ħarġu permessi simili oħra bħal dak ta' mastrudaxxa minn garaxxijiet simili?
ONOR. GEORGE VELLA: Jenħtieġ aktar żmien sabiex tingħata risposta.


WSC - KONT TA' ELETTRIKU

8896. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara għaliex il-kont ta' l-elettriku u ilma b'Ref. District 623 u Account No. 623246830 li fil-kont ta' "Novembru 1996 sa Marzu 1997 kien hemm żball fejn flok reading ta' l-elettriku jaqra 6837 tniżżel 8282 u li fil-kont ta' wara għall-perijodu ta' Marzu sa Ġunju 1997, reġa' tniżżel dan l-iżball fejn ġie inkluż bħala arrears, jista' l-Ministru jara li dawn huma każijiet li wara li jiġu ċċekkjati mill-istess korporazzjoni kif juru l-kopji li qed nibgħatlek separatament m'għandhomx jerġgħu jirrepetu ruħhom a skapitu ta' persuna f'dan il-każ persuna anzjana?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sabiex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tkun tista' tagħmel reviżjoni fuq kont tad-dawl, din irid ikollha l-approvazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta. Minn naħa tagħna, l-Enemalta trid tkun sodisfatta li l-iżball ikun ġenwin. Sakemm l-Enemalta tagħmel l-istħarriġ tagħha, il-kont jibqa' jidher kif ħareġ oriġinali.
F'dan il-każ jidher li l-qari li ttieħed f'Marzu, 1997 kien żbaljat u l-Enemalta għadha qed tinvestiga.


DJAR - KAŻ TA' KONVENJU

8897. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm liċ-Chairman ta' l-Awtorita' tad-Djar milli jonora konvenju li sar fit-12 ta' Frar, 1997 bejn l-applikanti ndikati u l-istess awtorita' għax-xiri tal-fond il-Mosta fil-Housing Estate, meta dawn diġa' ħallsu Lm460 depożitu u meta konvenji simili ġew onorati? Qed nibgħatlek separatament kopja ta' dan il-konvenju għall-istħarriġ neċessarju.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat li l-konvenju li jirriferi għalih l-Onor. Interpellant ġie ffirmat wara li d-Dipartiment ta' l-Artijiet informa lill-Awtorita' tad-Djar li ma kienx hemm oġġezzjoni għal bejgħ.
Jidher iżda li wara li l-Awtorita' tad-Djar talbet lid-Dipartiment tal-Artijiet biex jinformaha bil-provenjenza ta' l-art li hemm mibnija fuqha id-dar in kwestjoni, halli jkun jista' isir l-att tat-trasferiment, id-Dipartiment ta' l-Artijiet ma' awtorizzax il-bejgħ għax inqalgħu xi dubji dwar is-sid assolut ta' l-art.
Jien informat li l-Awtorita' tad-Djar għadha tishaq li din il-kwestjoni tinħall kemm jista' jkun malajr biex il-bejgħ jiġi ffinalizzat.


LIBRERIJA PUBBLIKA - TRASFERIMENT TA' MPJEGATA

8898. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex transfer ta' ċertu Mary Camilleri li kien ilha l-Librerija Pubblika ta' Belt is-Sebħ għal dawn l-aħħar għaxar snin u li ġiet trasferita għal skola pubblika, fuq liema kriterju seħħ meta din kienet waħda effiċjenti fuq xogħol partikolari li kienet tagħmel inkluż li kien hemm petizzjoni ta' sħaba l-ħaddiema inkluż ittra għal waqfien tat-transfer mid-Direttur tal-Librerija u l-Arkivji kif jindikaw id-dokumenti li qed nibgħatlek separatament? Il-Ministru ma jidhirlux li dan huwa każ li għandu jiġi rivedut u mistħarreġ fiċ-ċirkostanzi meta fi gvernijiet preċedenti ntbagħtu mpjegati mill-istess diviżjoni tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u dawn sal-lum għadhom fejn huma?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


EDUKAZZJONI - PUBBLIKAZZJONI TA' KOTBA

8899. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ppubblikax jew għen biex jiġu ppubblikati kotba ta' kittieba Maltin?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


QRATI - GĦAJNUNA LEGALI

8900. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm nies ibbenefikaw mill-għajnuna legali matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena?

ONOR. CHARLES MANGION: In-numru ta nies li bbenifikaw mill-għajnuna legali mill-1991 sal-1997 huwa kif gej :

Sena

Ammont

1991

93

1992

82

1993

73

1994

73

1995

98

1996

98

1997

96 (sal-14 ta Ottubru)

Bejn il-perijodu 1987 - 1990 ma tezistix statistika.




ETC - ASSISTENTI SOĊJALI KAŻWALI

8901. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm assistenti soċjali każwali applikaw biex jiġu mħarrġa mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ għall-kors dwar ix-xogħol tagħhom maqsum fuq ħames livelli; kemm minn dawn l-applikanti bdew il-kors f'dawn il-ġranet u kif ġew magħżula; kemm nies qed jagħtu taħriġ u min huma; u x'kordinazzjoni qed tinżamm dwar dan il-kors bejn il-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali u l-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja?
ONOR. EDWIN GRECH: Madwar 700 persuna applikaw biex jagħmlu l-kors dwar kura ta' l-anzjani. Minn dawn, 341 preżentament jaħdmu bħala assistenti soċjali każwali. 84 persuna bdew il-kors fl-14 t'Ottubru. Billi l-ewwel kors sar f'Raħal Ġdid, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ stiednet lil dawk l-applikanti li joqogħdu fin-nofsinhar ta' Malta biex jattendu dan il-kors. Fil-futur qrib se jibdew korsijiet simili f'lokalitajiet oħra fejn jiġu mistiedna jattendu applikanti mill-inħawi ta' dak il-lokal.
Sitt persuni kwalifikati u ta' esperjenza f'dan il-qasam qed jagħtu t-taħriġ. Dawn ġew magħżula mis-Segretarjat għall-Kura ta' l-Anzjani. Koordinazzjoni effettiva qed issir bejn l-ETC u s-Segretarjat għall-Kura ta' l-Anzjani. Fil-fatt, saru ħafna diskussjonijiet bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-iżvilupp tal-programm ta' taħriġ ingħata attenzjoni xierqa. Kuntatt regolari qed jinżamm bejn l-ETC u s-Segretarjat għall-Kura ta l-Anzjani waqt li l-korsijiet ikunu għaddejjin.


ETC - FTEHIM MA' AĠENZIJA IŻRAELJANA

8902. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ għamlet ma' l-aġenzija tax-xogħol ibbażata f'Iżrael (ORT) biex f'Malta titwaqqaf skola ta' bil-lejl għall-avvanz tekniku? Jista' l-Ministru jgħid bejn wieħed u ieħor meta jaħseb li se titwaqqaf din l-iskola?
ONOR. EDWIN GRECH: F'Ġunju li għadda, saret żjara f'Tel Aviv, Israel minn uffiċjali għolja tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp. Waqt din iż-żjara, sar kuntatt ma' l-organizzazjoni ORT li tmexxi istituzzjonijiet edukattivi f'diversi pajjiżi.
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ stiednet delegazzjoni mill-ORT biex tiġi Malta u tagħtiha pariri dwar it-twaqqif ta' skola ta' bil-lejl għall-avvanz tekniku. Din l-organizzazzjoni diġa' bagħtet rapport tekninku preliminari, u l-ETC talbet li jingħatalha rapport komplessiv. L-ETC talbet l-assistenza ta' l-ORT fit-tfassil tal-programmi ta' taħriġ u fit-taħriġ tat-trainers.
Fil-preżent għadhu ma sar l-ebda ftehim.


KOPERAZZJONI POLITIKA, EKONOMIKA U SOĊJALI - ARRANĠAMENTI

8903. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma "l-arranġamenti għall-koperazzjoni politika, ekonomika u soċjali li jwasslu biex Malta issir tassew pajjiż Ewropew" li hu semma f'attivita' soċjali f'Għajn Tuffieħa nhar it-Tlieta 7 ta' Ottubru?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors li għamilt fis-Seduta Parlamentari Nru. 122 ta' nhar l-Erbgħa, 15 ta' Ottubru, 1997.


QRATI - GĦAJNUNA LEGALI

8904. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Il-Ministru jidhirlu li għandha tiżdied l-għajnuna legali għal servizz b'xejn fil-Qrati billi l-ispejjeż biex issir kawża għolew bi kbir u ħadd m'għandu jiġi mċaħħad milli jfittex għal jeddijietu minħabba raġunijiet finanzjarji?
ONOR. CHARLES MANGION: L-emendi li saru fil-1995 għall-kodiċi ta organizzazzjoni u proċedura ċivili permezz ta l-Att nru.XXIV tal-1995 għollew is-ceiling li a bażi tiegħu l-għajnuna legali għal anqas minn Lm3,000 fi proprjeta' u għall-anqas mill-paga minima nazzjonali. Jiġifieri llum il-ġurnata persuna tingħata l-benefiċċju ta' l-għajnuna legali jekk skond l-Artikolu 912 tal-imsemmi Kodiċi hija għandha anqas minn Lm3,000 fi proprjeta' u anqas mill-paga minima nazzjonali.
Din ir-revizjoni ġiet fis-seħħ fl-1 ta Ottubru, 1995 u sal-lum ghad ma nħassitx il-ħtieġa li l-ammonti hawn fuq imsemmija jerġgħu jiġu riveduti.


OPM - XIRI TA' KAROZZI

8909. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'vetturi inxtraw fl-aħħar sena mill-uffiċċju tiegħu? Kemm ġiet tqum kull vettura?
ONOR. ALFRED SANT: Tabella li turi t-tagħrif mitlub tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.


SKEJJEL - MANUTENZJONI

8910. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8430?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


TELEPHONES - SERVIZZ NRU. 153

8911. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn is-servizz ta' informazzjoni fuq in-numru tat-telefon 153 ma kienx qed jiffunzjona fl-24 u l-25 ta' Settembru, 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Xi ġimgħat ilu, is-sistema Linja Informazzjoni tal-Gvern tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni (Freephone 153) bdiet tiffaċċja problemi tekniċi minħabba overloading fuq il-PC Server tas-sistema. Dan wassal biex, f'nofs Settembru, is-servizz 153 kellu jiġi temporanjament sospiż.
Fid-19 ta' Settembru, id-dipartiment ħareġ avviż lill-mezzi kollha tax-xandir biex jinforma lill-pubbliku b'din is-sospenzjoni. Fl-istess waqt, id-dipartiment daħal f'arranġamenti biex jixtri apparat ġdid u aktar avvanzat.
Huwa ttamat li dan l-apparat jasal ma jdumx u s-servizz jerġa jibda mill-aktar fis.
Sakemm il-Linja 153 tibqa' sospiża, l-pubbliku jista' jkompli jinqeda billi jċempel 224901, jew 250550 sa 250560 (11-il linja).

Yüklə 0,57 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin