Debates tal-kamra tad-deputati


THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici)



Yüklə 0,57 Mb.
səhifə3/7
tarix30.04.2018
ölçüsü0,57 Mb.
#49480
1   2   3   4   5   6   7

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, naħseb naqblu lkoll li meta qegħdin niddiskutu l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta qegħdin nittrattaw korporazzjoni li hija kruċjali għall-iżvilupp kollu ta' pajjiżna. Dan għaliex l-Enemalta trid tkun wieħed mill-muturi ewlenin ta' l-iżvilupp kollu u allura dak li jiġri fi ħdan din il-korporazzjoni m'huwiex biss indikatur tal-progress jew tan-nuqqas ta' progress li tkun għamlet dik il-korporazzjoni fiha nfisha imma huwa żgur ukoll indikatur ta' l-iżvilupp b'mod iktar wiesa'. Ir-rabta toħroġ mill-fatt li inti ma jistax ikollok investiment fil-pajjiż jekk ma jkollokx garanzija adegwata li l-ħteġijiet kollha ta' l-enerġija jkunu provduti b'mod stabli u effiċjenti. Meta nħares lejn ir-rapport, lejn l-estimi u lejn l-istatements finanzjarji li għandna quddiemna, nibda biex nagħmel kumpliment lill-Korporazzjoni Enemalta għall-fatt li pproduċiet rapport serju u li jagħtina stampa tal-qagħda fil-korporazzjoni b'mod informattiv ħafna, kif ilha tagħmel matul is-snin li għaddew. Forsi din is-sena nżid ukoll kelma ta' tifħir lill-korporazzjoni, anke għall-fatt li milli stajt nara jien almenu pproduċiet dan ir-rapport internament f'dik li hija grafika u f'dak li hu layout.
Sur President, l-ewwel punt ta' analisi importanti li joħroġ minn dawn ir-rapporti flimkien huwa li sa l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sens l-Korporazzjoni Enemalta kellha assi ta' valur ta' aktar minn Lm128 miljun. Ma nistax ma nibdiex minn dan il-ħsieb għaliex tant nisimgħu akkużi ġewwa u barra dan il-Parlament - naturalment dawn għandhom l-iskop speċifiku ta' manipulazzjoni ta' l-opinjoni pubblika - li l-Gvern preżenti wiret il-ħofor mingħand l-amministrazzjoni preċedenti, li allura meta nħares lejn dan ir-rapport miktub b'mod oġġettiv u meta nħares lejn l-istatements finanzjarji ngħid li l-Gvern preżenti hawn għandu jingħaqad mal-bord tad-diretturi u jagħraf li wiret assi ta' Lm128 miljun, li huma wkoll il-bażi ta' l-effiċjenza u l-istabilita' preżenti tal-provvista u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku f'pajjiżna. Jien nistaqsi lili nnifsi jekk l-assi li għandha l-Korporazzjoni Enemalta jirriflettux investiment li sar tajjeb jew le. U biex niġbed konklużjoni f'dan ir-rigward ngħid li llum jien ninsab konfortat ħafna minn dak li hawn fir-rapport ta' quddiemna.
Sur President, dan huwa t-tieni rapport li qed iressaq il-Gvern preżenti għar-rigward tal-Korporazzjoni Enemalta, pero' b'korrettezza ngħid li f'ċertu sens dan hu l-ewwel rapport proprju tiegħu għaliex huwa rapport ta' bord ta' diretturi maħtur b'fiduċja assoluta min-naħa tiegħu u huwa rapport li fih żgur hawn ukoll riflessjonijiet, anke ta' kull direzzjoni politika li jrid jagħti l-Gvern preżenti. Meta f'rapport ta' dan it-tip li hu prodott min-nies ta' fiduċja tal-Gvern preżenti nsib kumpliment wara l-ieħor dwar kif qed titmexxa l-korporazzjoni - apparti xi mistoqsijiet li se nagħmel - fid-dawl ta' l-apparat u t-tagħmir li għandha, nifhem li llum hawn ċertifikat bl-iktar mod assolut u mingħajr riżervi tal-ħidma li saret f'dan il-qasam matul id-disa' snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista.
Jien se nikkwota xi partijiet minn dan ir-rapport - ma nistax nikkwota ħafna minnu għaliex inkella ndum iktar mill-ħin li wegħedt lill-kollegi u mill-ħin allokat għalija - speċjalment fejn dan jitkellem dwar id-domanda li hawn għall-elettriku. Dan ir-rapport jispjega kemm kien importanti li jkollna units bħal gas turbines, li kellhom ikunu operati għal żmien konsiderevoli fix-xahar ta' Marzu, meta kellna diffikultajiet fuq il-boilers il-kbar u fejn kien qed isir xogħol ta' manutenzjoni. GĦalhekk anke hawnhekk tara kif d-direzzjoni li ngħatat lill-korporazzjoni kienet tajba. Fil-fatt, f'paġna 12 tar-rapport hawn tabella interessanti li turi t-taħlita li hemm fil-provvista ta' l-elettriku bejn dak li jirriżulta mill-power station tal-Marsa u dak li joħroġ mill-power station ta' Delimara. Jekk qed nifhem it-tabella tajjeb, din qed tgħid li matul is-sena li għaddiet l-output tal-power station ta' Delimara rrappreżenta 41% tal-ħteġijiet kollha tas-sistema għall-provvista ta' l-elettriku fil-pajjiż. Naħseb li t-tabella grafika li hemm f'paġna 11 - forsi l-Ministru jkun jista' jwieġeb f'dan ir-rigward - m'hijiex korretta għax turi l-power station tal-Marsa f'perċentwali differenti minn dak li hemm fil-paġna ta' wara. Fir-rapport hawn riferenza għad-deċiżjoni ta' l-amministrazzjoni preċedenti dwar il-commissioning tal-combined cycle ta' 110 MW għas-sena d-dieħla fi ħdan il-korporazzjoni u l-benefiċċji li tistenna minn dik is-sistema. Din hija deċiżjoni li tagħmilna kburin b'dak li konna qegħdin nagħmlu fi ħdan dan is-settur tant vitali għall-pajjiż.
Fir-rapport insibu wkoll riferenza għall-proġett ta' estensjoni fis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku u b'mod partikolari għall-proġett magħruf bħala t-tunnel project li kif nafu kien infetaħ fi żmien l-amministrazzjoni preżenti - għalkemm għad trid issir l-inawgurazzjoni tiegħu - liema amministrazzjoni tammetti li huwa proġett maħsub, mibdi, ikkummissjonat u ppjanat mill-amministrazzjoni preċedenti.
Wara r-riferenza għat-tunnel project, insib anke riferenza għad-distribution centre ta' Kemmuna u d-distribution centre ta’ Tal-Qroqq, li qiegħed fi stadju avvanzat. Jingħad ukoll li dan huwa meħtieġ għall-provvista ta' l-isptar il-ġdid, apparti l-fatt li wieħed irid jgħin fis-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-inħawi ta' San Ġwann, l-Imsida, Ta' Paris u s-Swatar. Hawnhekk hawn rikonoxximent doppju għaliex hawn rikonoximent għall-parti mis-sistema ta' distribuzzjoni kif ippjanata mill-amministrazzjoni preċedenti u awtomatikament hawn rikonoxximent favur il-proġett ta’ l-isptar il-ġdid li konna nisimgħu li se jmorru jaraw safejn wasal biex jew jitwaqqaf jew jinħatt. Pero’ kif nafu, l-amministrazzjoni preżenti ddeċidiet li l-isptar mhux biss tkomplih imma tirduppjah u allura huwa korrett li l-Korporazzjoni Enemalta fir-rapport tagħha titkellem dwar l-importanza ta' dan iċ-ċentru ta' distribuzzjoni. Forsi l-unika domanda li nistaqsi hawnhekk hija jekk il-korporazzjoni kenitx ikkonsultata dwar il-fatt li l-Gvern qed jippjana sptar id-doppju ta' dak li kien ikkritika u jekk dan ifissirx li se jkun hemm xi tibdil fil-kalkoli tal-provista meħtieġa ta' l-elettriku.
F’paġna oħra tar-rapport insibu riferenza għas-sistema magħrufa bħala interactive power system analysis software mixtri mill-Universita' ta' Manchester, li hija importanti ħafna fis-sistema ta' distribuzzjoni sabiex tagħmel analisi ta' kif qed isir ix-xogħol. Din hija riferenza oħra għal dak li kien ippjanat u dak li sar mill-amministrazzjoni preċedenti. Li jolqotna wkoll f'dan ir-rapport huwa l-fatt li nsibu ripetut f'diversi paġni l-prinċipju ta’ planning and development in anticipation of demand. Dan il-prinċipju huwa wirt ieħor li għadda mill-amministrazzjoni preċedenti għal dik preżenti u huwa prinċipju bil-maqlub ta' dak li kien isir qabel l-1987, jiġiferi li l-ewwel naraw x'talba hemm u mbagħad naraw x'nagħmlu biex nilħqu ma' dik id-domanda. Jekk tkun trid tkabbir fl-iżvilupp ekonomiku, il-politika li trid issegwi hija li tantiċipa d-domanda u tagħmel l-infrastruttura meħtieġa sabiex b’hekk awtomatikament tippromwovi l-iżvilupp.
F’parti oħra tar-rapport dwar il-manutenzjoni hemm riferenza għat-tibdil ta' aluminium neutral conductors with copper ones. Dan ukoll kien proġett li bdiet l-amministrazzjoni preċedenti biex tpatti għal żbalji serji tekniċi li kienu saru qabel l-1987 meta konna għaddejna mill-fażi ta' fissazzjoni fuq dawn l-aluminium neutral conductors, bil-konsegwenzi kollha li kellna minħabba dik is-sistema antikwata u ħażina. Nista’ nagħti eżempji oħrajn bħal xogħol li jassigura sigurezza ikbar fl-impjant tal-gass jew sigurezza ikbar fi stallazzjonijiet oħra tal-Korporazzjoni Enemalta. Nista' nirriferi għall-fatt li l-Korporazzjoni Enemalta baqgħet iġġib konsulenti minn barra biex jaraw l-ISO rating tat-taqsima li tipprovdi l-fuel għal skopijiet ta' avjazzjoni li kif nafu huwa ċertifikat li l-amministrazzjoni preċedenti insistiet li jkun hawn u li jinbeda dak iż-żmien. Nista' nsemmi wkoll il-kontinwazzjoni fuq il-proġett tal-komputerizzazzjoni kif ukoll għall-ħidma bejn il-korporazzjoni u l-kunsilli lokali. M'għandi ebda dubju li fit-totalita' tiegħu dan ir-rapport - u nista' nassigura lill-Kamra li qrajtu u flejtu sewwa - huwa ċertifikat assolut tal-wirt kbir li l-amministrazzjoni preċedenti ħalliet lill-amministrazzoni preżenti fil-qasam kollu ta' l-enerġija tal-pajjiż.
Nixtieq ngħid xi ħaġa fuq il-parti fejn ir-rapport jitkellem fuq il-combined cycle plant li forsi se tkun il-highlight tas-sena finanzjarja li għadna kif bdejna - jew immedjatament wara, jekk ikun wara l-aħħar ta’ Settembru - fejn għandna miktub li “the use of a combined cycle plant carries notable advantages.” Imbagħad hemm ir-riferenza għall-prinċipju ambjentali u għall-prinċipju ta' cost effectiveness minħabba l-mod kif dan jinħadem, apparti li jgħid li x-xogħol jinsab fi stadju avvanzat. Naturalment jien nawgura lil dan il-proġett li fil-passat kellna ħafna kritika fuqu u li llum il-bord tad-diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta korrettement qed jgħidilna prosit u grazzi ta’ dak li għamilna. Is-suċċess preżenti tal-Korporazzjoni Enemalta huwa marbut bl-iktar mod intrinsiku ma' dak li sar qabel, ma' dawn l-assi ta' Lm128 miljun li jfissru effiċjenza, stabilita' u garanzija ta' żvilupp ekonomiku fejn jiddependi mis-settur ta' l-enerġija fil-pajjiż.
Sur President, ladarba din hija diskussjoni fuq l-estimi naħseb li huwa kruċjali li nagħmlu numru ta' mistoqsijiet li jirriżultaw mill-estimi stess minflok inkompli nikkwota minn dan ir-rapport, allavolja hija tentazzjoni kbira għax f'ħafna aspetti huwa iktar elokwenti minn kull ċertifikat li nista' nagħmel jien bħala parte lesa fil-kwestjoni tal-performance tal-Korporazzjoni Enemalta fid-disa' snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista. L-ewwel mistoqsija kruċjali hija evidentement rigward it-tariffi. Ngħid hekk għax ħarsa preliminari lejn dawn l-estimi - u m’iniex se nillimta ruħi għal ħarsa preliminari, almenu safejn nista' - turina li l-Korporazzjoni Enemalta qed tippjana biex fis-sena finanzjarja li għadha kif bdiet iddaħħal mill-bejgħ ta' l-elettriku xejn inqas minn Lm7 miljun aktar. Jiena nipprova ma naħsibx biss fit-tentazzjonijiet ta' kif nitkellmu minn din in-naħa imma nipprova nantiċipa dawk tan-naħa tal-Gvern. Il-Gvern jista' b'mod superfiċjali jgħidilna li ma nistgħux inqabblu għax iċ-ċifri ta' qabel kienu jinkludu l-VAT, pero’ jiena vverifikajt dawn iċ-ċifri flimkien ma' l-estimi kollha u l-istatements finanzjarji u l-projections li għandna fl-estimi huma kollha net of VAT. U se nispjega għaliex.
Paġna 11 tal-financial statements titkellem dwar l-elettriku u hemm li sales including value added tax fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja preċedenti kienu Lm20 miljun. Il-parti minnhom li kienet value added tax, jiġifieri l-parti li l-korporazzjoni ma kenitx iżżid fil-kont li tibgħat lin-nies imma li jerfa' u jħallasha l-gvern, kienet Lm2.5 miljun. Mela sales to third parties huma Lm17.5 miljun. Meta nqabbel paġna 11 tal-financial statements tal-Korporazzjoni Enemalta ma' l-appendix II ta' dawk l-istatements, insib li, fejn tikkwota t-turnover tagħha, l-Enemalta dejjem tagħti ċ-ċifra net of value added tax. U ċ-ċifra ta' Lm17.5 miljun, li hija ta' sitt xhur, hija ta' bejn wieħed u ieħor in-nofs ta' dak li għandna hawnhekk. Dan fisser li min għamel dawn l-estimi, korrettement qed jagħti d-dħul proprju - u naf li hekk kienu jagħmlu - mingħajr l-element tal-value added tax. Mela meta qed ngħid li s-sena d-dieħla l-korporazzjoni se ddaħħal Lm7 miljun aktar fuq il-kontijiet qed ngħid li fl-estimi qed jgħidulna li l-korporazzjoni daqshekk trid taqla' iżjed u ma nużawx argumenti oħrajn. Sur President, jien flejt id-dokumenti sabiex inkun ċert dwar dan. Naturalment dan jorbot mad-dikjarazzjoni li għandna miċ-chairman fl-introduzzjoni ta' dan ir-rapport fejn jgħidilna li the present tariff structure requires adjustment. "Adjustment" naturalment fil-lingwa Ingliża tista' tissejjaħ ewfemiżmu, hux hekk? (Interruzzjonijiet) Jiġifieri "adjustment" hawn tfisser li rridu żieda? Mela din hija l-mistoqsija l-iktar kruċjali. Sur President, jien se nistaqsi ftit mistoqsijiet oħrajn u nagħlaq bihom.
Il-privatizzazzjoni li qed nitkellmu u nistaqsu dwarha, f'liema taqsima se tkun? L-amministrazzjoni preċedenti kellha homework ippreparat dwar it-taqsima tal-gass. Il-Gvern preżenti se jibda minn hemm? X'se jiġri dwar l-MOBC? L-amministrazzjoni ta’ qabel kienet qed tikkonsidra wkoll dik it-taqsima u meta kien qed isir dan jien kont mistieden għal seminar tal-General Workers' Union u wieħed mill-kelliema ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, is-Sur Salvu Sant - llum m'għadux membru f'din il-Kamra - qalilna li din kienet ereżija. Għalhekk jien nixtieq inkun naf safejn waslet il-konverżjoni min-naħa tal-Gvern preżenti.
Rigward il-gass, jien nassoċja ruħi ma' dak li qal l-Onor. Sceberras Trigona. Din ukoll kienet option li l-Gvern preċedenti kien qed jesplora. Meta jien kont attendejt għall-Euro-Med Partnership Conference fi Trieste, speċifikament fuq is-suġġett ta' l-enerġija, iddiskutejna li waħda mill-aqwa forom ta' koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Mediterran tista' tkun billi dan il-gas pipeline project ikun proġett li jagħti benefiċċju lil pajjiżna wkoll. Nistaqsi wkoll dwar il-proġetti li għandu l-Gvern fuq l-enerġija alternattiva u nagħmel l-enfasi dwar il-ħtieġa ta' ppjanar strateġiku.
Sur President, nagħlaq billi nagħmel mistoqsija oħra fuq l-estimi li qegħdin niddiskutu fejn fihom insibu fattur ieħor interessanti. Iċ-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, fir-rapport qalilna li se jiffranka l-VAT. Hu qal li jikkalkola li l-korporazzjoni, se tiffranka Lm3 miljun net fis-sena. Naturalment, meta wieħed jara ċ-ċifri kollha, irid jara wkoll x'inhuma t-taxxi l-ġodda li ssostitwew il-VAT u li l-korporazzjoni trid tħallashom minflok il-VAT.
Ċifra oħra fl-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta hija dik ta’ l-excise duty li minn Lm14.7 miljun, fuq prodotti tal-petroleum, is-sena d-dieħla mistennija titla għal Lm22.7 miljun, żieda ta' Lm8 miljun. Issa dan apparti l-fatt li jista' jkollok prodotti ta' petroleum li jogħlew minn barra. Il-paġna tal-petroleum division ma nistax inqabbilha mar-revised estimates, għaliex fir-revised estimates, għal xi raġuni li ma nistax nifhem, is-sale u l-inter-divisional transactions għaqqduhom flimkien. Normalment, fl-inter-divisional transactions ikun hemm somma stabli ta' madwar Lm22 miljun. Jiġifieri d-differenza hija kollha fuq sales of products u fuq dawn il-Korporazzjoni Enemalta fis-sena finanzjarja li għadha kif bdiet qed tikkalkola li se taqla' Lm11 miljun iktar. Dawn jirriflettu biss iż-żidiet li kellna fl-aħħar budget fuq il-prezz tad-diesel u fuq il-petroleum products? Jew jirriflettu wkoll żidiet oħra li l-Gvern qed jipprepara l-pajjiż għalihom fil-budget li jmiss?
Sur President, l-aħħar mistoqsija tiegħi dwar l-estimi hija waħda ta' prinċipju fundamentali. Il-Gvern jgħidilna li l-exposure f'dawn l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta fuq loans fis-sena li għaddiet se titla' għal Lm68 miljun fuq repayment of loans u naturalment imgħaxijiet. Meta dik l-exposure kienet ta' Lm17.3 miljun, kif kienet fl-aħħar sena finanzjarja sħiħa ta' l-amministrazzjoni Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni Laburista kienet tgħidilna li mhux sew li meta għandek dan l-investiment kapitali kollu, il-Gvern ma jerfax hu dak il-piż kapitali minflok ma jgħabbih fuq il-Korporazzjoni Enemalta. Dan il-Gvern preżenti, li meta kien fl-oppożizzjoni kien jargumenta b'dan il-mod - u forsi l-Korporazzjoni Enemalta għandha l-vantaġġ jew żvantaġġ, skond mil-liema angolu tħares lejh, li l-Ministru li hu responsabbli għat-tmexxija tagħha huwa wkoll responsabbli għall-finanzi kollha tal-pajjiż - issa qed jgħid: Għażiża Korporazzjoni Enemalta, inti issa għandek exposure ta' Lm68 miljun fuq investiment vitali, pero' dak huwa investiment għall-pajjiż kollu u allura jien se nagħtik dan il-persentaġġ minnu bħala grant. Meta l-exposure tal-korporazzjoni kien Lm18 miljun, l-Oppożizzjoni kienet tgħid li l-Gvern għandu jerfa' kollox hu. Mela kemm se jerfa' l-Gvern minn dik l-exposure fil-budget tiegħu? Dawn huma l-mistoqsijiet li xtaqt nagħmel u naturalment nawgura li jkolli tweġiba għalihom meta l-Ministru jiġi biex jagħmel il-winding up.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Gavin Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA (Segretarju Parlamentari għas-Self Employed): Grazzi, Sur President. Fl-għaxar minuti li għandi għad-dispożizjzoni tiegħi se nipprova nagħmel il-kummenti tiegħi telegrafikament sabiex almenu nipprova nwassal iż-żewġ punti li xtaqt l-aktar nenfasizza fuqhom.
L-ewwelnett xtaqt nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għall-fatt li mill-1 ta' Ottubru, 1997 il-Korporazzjoni Enemalta ġiet soġġetta għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Din kienet move li kien hemm bżonn li ssir proprju għaliex waħda mill-problemi mill-punto di vista legali tal-korporazzjonijiet in ġenerali - mhux biss l-Enemalta imma anke korporazzjonijiet oħrajn bħal, per eżempju, it-Telemalta - kienet li r-responsabbilta' legali tagħhom kienet waħda limitata minħabba l-preżenza ta' klawsola partikolari taħt l-Att li jikkostitwixxi l-korporazzjoni partikolari. Dan narah bħala punt pożittiv pero' għandi dubju li xtaqt nesponih hawnhekk. Dan id-dubbju huwa rigward eċċezzjonijiet diviżi fil-mertu u eċċezjonijiet legali.
Illum il-Korporazzjoni Enemalta hija soġġetta għal dan l-Att li jfisser li, fil-każ ta' bejgħ jew ta' servizz li jkun sar jew ingħata fi qualsiasi fond, il-persuna konċernata għandha d-dritt li tirrikorri quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur, f’każ li dik il-persuna jkun jidhrilha li ma ħaditx is-servizz li ppretendiet li tieħu. Jekk jinstab li dik il-persuna kellha raġun imbagħad hemm rimedju legali. Jien nixtieq nixtarr dan l-iżvilupp ukoll fid-dawl ta' artiklu patikolari fl-Att dwar il-Korporazzjoni Enemalta - liema artiklu ilu jeżisti sa minn meta ġiet kostitwita din il-korporazzjoni - u xtaqt nara wkoll kif il-Korporazzjoni Enemalta se tirreaġixxi għal dan, anke fid-dawl tal-fatt li daħlet taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Fil-fatt paragrafu (ċ) ta' subartiklu (2) ta' l-artiklu 14 ta' l-Att dwar il-Korporazzjoni Enemalta jipprovdi li:
"Enemalta ma tkun responsabbli għall-ebda ħsara lil persuna jew proprjeta' jew għal xi twaqqif fil-provvista ta' l-enerġija li jkunu ġraw minħabba inċident li ma setax jiġi evitat, tqabir u kedd bl-użu xieraq jew tgħabija żejda minħabba konnessjoni ta' apparat mhux awtorizzat, jew minħabba l-ħteġijiet raġonevoli tas-sistema elettrika, jew minħabba xi difetti f'xi stallazjoni elettrika mhux provduta mill-Korporazzjoni.".
Dan l-artiklu, kif diġa’ għidt, ilu hemm minn mindu twaqqfet il-Korporazzjoni Enemalta u jien kont nikkritikah anke meta konna fl-oppożizzjoni - naturalment kont nagħmel dan bħala avukat għaliex dak iż-żmien kont għadni m’iniex membru ta’ din il-Kamra - għaliex min għandu prattika legali din jaraha taħt lenti negattiva.
Dan l-artiklu mhux fl-Att dwar il-Korporazzjoni Enemalta biss jinsab imma jinsab ukoll fi qualsiasi korporazzjoni. Permezz ta' dan l-artiklu hemm l-eżoneru assolut tal-korporazzjoni minn kull liability jew minn kull talba li ssir minn qualsiasi kummerċjant jew persuna privata dwar ħsara. Illum wieħed jista’ anke jfittex lil gvern, l-iktar entita' sostantiva u rappreżentattiva ta' l-amministrazzjoni pubblika - wieħed jista’ jfittxu anke għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem - pero’ imbagħad ma jistax ifittex lil korporazzjoni, li hija entita' inqas sostantiva u inqas rappreżentattiva ta' l-amministrazzjoni pubblika. Forsi dak iż-żmien meta kienet għadha qed titwaqqaf il-korporazzjoni, jiġifieri bejn l-1975 u l-1977, kien hemm bżonn ta’ artiklu bħal dan għaliex korporazzjoni trid tieħu ż-żmien tagħha biex toqgħod u allura kien hemm bżonn ta' xi ftit ilqugħ, pero’ llum għadda ċertu żmien u anke in vista ta' dan l-iżvilupp, peress li llum il-Korporazzjoni l-Enemalta ġiet soġġetta għall-Consumer Affairs Act, wieħed irid jara kif se tirreaġixxi.
Jien personalment naf, anke permezz tad-Dipartiment tal-Konsumatur li tiegħu jien responsabbli, li l-Enemalta m'hijiex qed tagħmel eċċezzjonijiet legali mill-ewwel. Jien naf li s’issa l-Enemalta m’hijiex qed tiddefendi l-każijiet li jkollha permezz ta' eċċezzjonijiet legali imma qed tagħmel dan permezz ta’ eċċezzjoni fil-mertu. Jien inħoss li b’dan il-Korporazzjoni Enemalta qed tagħmel sew u nixtieq li kemm jista' jkun, anke in vista ta' dan l-iżvilupp li sar, li l-Enemalta issa hija soġġetta għat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur, din l-eċċezzjoni legali ma tkomplix tingħata. Ninsab fiduċjuż li l-korporazzjoni, mhux issa biss imma anke 'l quddiem tibda taġixxi proprju kif wieħed jixtieq quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur.
Sur President, nixtieq issa ndur fuq punt ieħor li jikkonċerna lill-korporazzjoni u nitkellem dwar il-kwestjoni ta' l-engineers li huma kwalifikati, gradwati mill-Universita' u li jżommu l-Licence A u l-Licence B. Jien naf li minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti - fil-fatt kien sar ukoll xi tibdil - kien hemm xi ftit sajjetti, fis-sens li hawn ħafna nies kwalifikati u esperti fil-qasam ta' l-elettriku, nies li huma electrical contractors li għandhom il-Licence A u l-Licence B, li jaħdmu għal rashom u jgħajxu l-familja tagħhom mill-qligħ li jagħmlu permezz ta' dan in-negozju. Issib anke nies li minbarra li jaħdmu għal rashom jimpjegaw nies oħra magħhom. Madwar sentejn ilu sar xi tibdil, fis-sens li d-design għal electrical installation ta' 'l fuq minn 300 amp setgħu jibdew jagħmluh biss engineers li huma kwalifikati fis-sens akkademiku mill-Universita'. Jien personalment inħoss li hemm bżonn immorru f'dik id-direzzjoni, anke għall-finijiet tal-health and safety fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li jkollna workforce personnel li jkunu mħarrġa akkademikament anke mill-Universita' ta' Malta. Huwa veru li din hija l-aktar espressjoni pożittiva ta' warrant, pero' ma rridux ninsew l-aspett soċjali u ma rridux ninsew li ħafna minn dawn l-electrical contractors ilhom joperaw ma' l-Enemalta għal dawn l-aħħar 50 sena.
Dawn huma nies li għalkemm forsi m'għandhomx il-bażi akkademika, għandhom ħafna x'jagħtu f'dak li għandu x'jaqsam ma' training u expertise. Dawn kienu jagħmlu proġetti kbar u l-Enemalta qatt qabel ma kienet tikkonsidrahom bħala inferjuri. Jien naf li diġa' saru rappreżentazzjonijiet minn ċerti electrical contractors li għandhom fil-pussess tagħhom il-Licence A u l-Licence B, u naf ukoll li l-Ministru kien daħal f'din il-biċċa mill-bidu nett u kien waqqaf kumitat sabiex jaraw x'jista' jsir. Jien minn hawnhekk nappella sabiex it-tiftix li jsir minn dak il-kumitat ikun ibbilanċjat għaliex hemm bżonn li dawn l-experts ikunu warranted u gradwati mill-Universita'. Dik hija d-direzzjoni li rridu nimxu fiha pero’ fl-istess ħin irridu nsalvaw lil dawk l-esperti li, filwaqt li huma neqsin mill-bażi akkademika universitarja, għandhom xi jbigħu fl-esperjenza u fin-know-how. F'dan il-qasam jien inħoss - anke bħala Segretarju Parlamentari għas-Self Employed - li ma jistax ikun li xi ħadd li jkollu liċenzja u tkun ilha tiġi operata għal 40 jew 50 sena, f'daqqa waħda, b'daqqa ta' pinna, tispiċċalu u jkollu jsofri l-umiljazzjoni li jmur għand wieħed li għadu kemm ħareġ mill-Universita' ħalli jiffirmalu sabiex ikun jista’ jiġġestixxi u jmexxi n-negozju tiegħu.
Jien ma rridx nieħu mill-ħin tal-kellegi tiegħi li jridu jitkellmu warajja - forsi xi darba jkolli l-opportunita' li nitkellem dwar dan fil-ħin ta' l-aġġornament - pero’ rrid ngħid li hemm bżonn li nibdew nitkellmu bis-serjeta' u nibdew ninvestu f'sorsi alternattivi ta' enerġija li jkunu renewable bħal, per eżempju, is-solar energy. Hemm bżonn li dawn l-affarijiet mhux biss nibdew nitkellmu dwarhom imma nibdew anke ninvestu fihom. Skond ċifri li għandi jirriżulta li 60% tad-domestic households fl-Izrael jaħdmu permezz tas-solar panelling. Mhux hekk biss, talli fl-1981 f’dan il-pajjiż kienet għaddiet liġi li għamlitha obbligatorja li fid-djar jew f'bini ieħor li għandu disa' sulari jew inqas irid ikun hemm is-solar panelling. Fl-Ingilterra hemm 30% li jagħmlu użu minn din is-sistema u fl-Istati Uniti ġo Pasadena, California din is-sistema ilha tintuża sa mill-1897. Hemm bżonn li l-Gvern u l-pajjiż in ġenerali - għax f'dan il-qasam hemm spazju anke għas-settur privat - jitkellmu iktar bis-serjeta' dwar il-possibbilta' li nibdew ninvestu f'dan il-qasam ta' sorsi ta' enerġija alternattiva. Grazzi.
Yüklə 0,57 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin