6265. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba overdosage ta' mediċini jew sustanzi tossiċi oħra sena b'sena, mill-1990 'il hawn? Kemm minn dawn kienu taħt is-16-il sena?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab informat li s-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) fl-Isptar San luqa ilha topera mill-1993. L-istatistika dwar l-ammissjonijiet minħabba f'avvelenament li talab l-Onor. Interpellant għas-snin mill-1993 sal-1996 kienet hekk:
SENA 1993 1994 1995 1996
TAHT IS-16-IL SENA 94 90 67 63
ETAJIET KOLLHA 240 267 263 251
% TA' DAWN IL-KAZI
FUQ IL-KAŻI KOLLHA
RREKORDJATI BIL-HAA 0.65 0.66 0.65 0.61
PULIZIJA - KOLLIŻJONIJIET
6266. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi nvoluti f'kolliżjonijiet din is-sena? Kemm kien in-numru ta' persuni li mietu kawża ta' inċidenti tat-traffiku din is-sena? Kemm kien in-numru ta' persuni li weġġgħu ħafif u kemm weġġgħu gravi?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li mill-1 ta' Jannar, 1997 sas-6 ta' Gunju, 1997 kien hemm 11,384-il vettura nvoluti f'kollizjonijiet. Fl-istess perijodu għaxar persuni mietu kawża ta' incidenti tat-traffiku, 235 persuna weġgħu ħafif filwaqt li 62 persuna weġgħu gravi.
FORZI ARMATI - TAĦRIĠ FI SQALLIJA
6268. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu t-taħriġ li qed jieħdu sehem fih suldati Maltin fi Sqallija? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan it-taħriġ bediex fuq xi stedina ta' xi pajjiż?
ONOR. ALFRED SANT: Għandi nifhem li t-taħriġ li qiegħed jirriferi għalih l-Onor Membru hu Exercise CANALE 1997 li nżamm fi Sqallija bejn it-30 ta' Mejju u l-4 ta' Ġunju 1997 u li fih ħadu sehem 96 membru min-naħa tal-Forzi Armati ta' Malta.
Din kienet ir-raba' darba konsekuttiva li nżamm taħriġ hekk imsejja CANALE. Dan l-eżerċizzju jiġi organizzat kull sena bilateralment bejn il-Qawwa Navali Taljana u l-Forzi Armati ta' Malta.
Bi ftehim bejn iż-żewġ naħat, fl-eżerċizzju ta' din is-sena ħadu sehem ukoll bħala parteċipanti l-qawwiet navali ta' Franza, l-Greċja u t-Turkija. Il-pajjiżi kollha tal-Mediterran, li huma involuti fil-proċess Ewromediterranju, kollha ġew mistiedna bħala osservaturi. Minnhom l-Alerġija, Ċipru, l-Eġittu, l-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija aċċettaw li jattendu.
L-eżerċizzju ta' din is-sena kien jikkonsisti fi tliet tipi ta' taħriġ li kienu: tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar; kontroll tal-vapuri merkantili; u assistenza umanitarja u żamma tal-paċi.
FORZI ARMATI - COMBAT ENGINEERS
6269. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-kors ta' combat engineers li fih qed jieħdu sehem 17-il suldat Malti?
ONOR. ALFRED SANT: Bħalissa l-Engineer Squadron tat-Tielet Reġiment tal-FAM, bil-għajnuna tal-Missjoni Militari Taljana, qegħdin jorganizzaw kors fil-Combat Engineering għal numru ta' suldati.
Dan il-kors jikkonsisti, bażikament, f'tagħrif, użu u familjarizzazjoni ma':
- inġenji kbar bħal bulldozers u gafef u xogħol konness bħal tneħħija ta' ostakli u tiswijiet;
- splussivi, mines u mine-fields;
- tiswija u twaqqigħ ta' pontijiet, tiswija ta' toroq;
- proviżjoni ta' kurrent elettriku u ilma;
- pompi ta' l-ilma u ġeneraturi.
Hu maħsub li bil-koperazzjoni tal-Missjoni Militari Taljana, l-parti speċjalizzata tat-taħriġ fuq il-bini u tiswija ta' ċertu tipi ta' pontijiet tinżamm fl-Italja. Permezz ta' dan il-kors, uħud mill-membri ta' l-Engineer Squadron se jkunu mħarrġa f'materji li huma meqjusa ta' importanza għall-militar. Dan it-tip ta' taħriġ jista' jkun utili ħafna f'emerġenzi bħal disastri naturali li jistgħu jolqtuna, u għalhekk ta' ħtieġa anki għall-popolazzjoni ċivili.
FURJANA - POSTIJIET BATTALA
6270. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fassalx xi policy dwar postijiet battala fil-Furjana?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jiltaqa' mas-sidien ta' postijiet vojta f'dan il-lokal u qed jisma' l-veduti u l-proposti tagħhom dwar x'jixtiequ jagħmlu u x'jixtiequ li jsir mill-postijiet battala tagħhom fil-Furjana.
Barra minn hekk, nhar il-Ġimgħa, 6 ta' Ġunju, 1997 id-dipartiment flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Furjana organizzaw ukoll laqgħa għas-sidien ta' dawn il-postijiet li fiha s-sidien tkellmu bl-aktar mod liberu dwar din il-proprjeta' battala tagħhom fil-Furjana.
AMBJENT - GWARDJANI
6271. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħatru għassiesa ta' l-ambjent b'setgħet esekuttivi (intervista minn l-orizzont lill-Viċi Prim Ministru għal Jum l-Ambjent pubblikata fl-4/6/97)?
ONOR. GEORGE VELLA: Hemm il-ħsieb li se ssir sejħa pubblika għall-ewwel grupp ta' Gwardjani ta' l-Ambjent (Environmental Wardens), fil-bidu ta' l-1998.
Il-proċess biex jingħataw poteri eżekuttivi lill-gwardjani u anke lill-ispetturi, se ssir wara li jingħatalhom taħriġ speċjalizzat mid-dipartiment u wara li jsiru konsultazzjonijiet ma' l-Avukat Ġenerali.
Ikun hemm bżonn tibdil fil-leġislazzjoni preżenti, liema proċess, preżentament qiegħed jiġi eżaminat mill-CABE - Bord ta' Konsultazzjoni dwar l-Ambjent.
BUĠIBBA - TNEĦĦIJA TA' TABELLA
6287. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Peress illi t-tabella li hemm fil-kantuniera ta' Triq il-Ħalel ma' Triq iċ-Ċern ġo Buġibba hija bla permess u ta' inkonvenjent għar-residenti, jista' l-Ministru jgħid meta din se titneħħa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi nħareġ Avviż ta' Twettieq fl-10 ta' Lulju 1996, ECF 946/96 biex titneħħa din it-tabella.
Bħalissa hemm kuntatti ma' sezzjoni tal-Gvern sabiex isir ix-xogħol meħtieġ. Din l-azzjoni hu maħsub li tittieħed fi żmien qarib.
TELEMALTA - TISWIJIET
6294. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jara li l-Korporazzjoni Telemalta tieħu ħsieb li jitranġa l-fault ta' mara anzjana b'mard kroniku li n-numru tat-telephone number tagħha qed jintbagħat separatament?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat mill-Korporazzjoni Telemalta li n-numru tat-telefon tal-mara anzjana ma ġiex irrapportat bil-ħsara fuq is-sistema tal-133 kif inhi l-proċedura normali f'każ ta' ħsara. Madankollu l-Korporazzjoni sewwiet il-ħsara fuq dan l-istess numru fil-ġurnata li wasal dan l-ilment fl-uffiċċju tiegħi, meta kkonsidrat l-fatt li l-abbonata hi anzjana u l-każ mediku tagħha.
U.E. - FORMOLA E. III
6295. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Maltin li jżuru pajjiżi fl-U.E. bħala turisti, jista' jkollhom id-dritt li jużaw il-formola E.III jekk jimirdu jew ikorru f'dawn il-pajjiżi? Din il-formola hi riżervata biss għal pajjiżi membri fl-U.E.?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-formola E111 tista' tintuża biss minn ċittadini ta' pajjiżi Membri ta' l-Unjoni Ewropea, tal-EEA u ta' l-EFTA. Għaldaqstant Malti li jkun qed iżur wieħed minn dawn il-pajjiżi ma jistax jagħmel użu minn din il-formola.
PULIZIJA - FTUĦ TA' ĦWIENET ĠODDA
6305. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' ħwienet ġodda li nfetħu f'kull lokal tal-11 u t-12-il distrett bejn l-1/11/96 u l-31/5/97? X'ġeneru ta' xogħol għandhom dawn il-ħwienet li nfetħu?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li n-numru ta' ħwienet ġodda li nfetħu fil-11 u t-12-il Distrett bejn l-1 ta' Novembru, 1996 u l-31 ta' Mejju, 1997 kien ta' 48.
L-informazzjoni l-oħra mitluba fil-mistoqsija tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
SAĦĦA - OPERAZZJONI BARRA MINN MALTA
6306. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna msemmija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament se tintbagħat għal operazzjoni li tant għandha bżonn barra minn Malta?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-pazjent se jintbagħat fit-22 ta` Settembru, 1997.
BASTIMENTI TAS-SAJD
6312. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bastimenti tas-sajd reġistrati mal-Maritime Authority?
Ta' liema nazzjonalita' huma s-sidien ta' dawn il-vapuri?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li n-numru ta' bastimenti tas-sajd reġistrati taħt il-Merchant Shipping Act huwa 49 li minnhom 30 huma reġistrati f'isem individwi Maltin.
Rigward dawk il-bastimenti tas-sajd reġistrati taħt kumpanniji Maltin, hemm minnhom li l-azzjonisti tagħhom huma individwi Maltin u oħrajn li l-azzjonisti tagħhom huma barranin. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb mingħand ir-Registrar of Partnerships.
MARINAS MALTIN - BERTHS TAL-YACHTS
6313. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' berths għal yachts li mhumiex użati fil-marinas Maltin? Kemm hemm talbiet pendenti għall-użu permanenti u kemm hemm talbiet għall-użu temporanju?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li l-berths għal yachts fil-marinas Maltin huma kollha wżati. Jiena nformat ukoll li preżentament hemm 240 talba pendenti li saru għal użu permanenti u 60 talba għal użu temporanju.
SPTARIJIET TAL-GVERN - TWELID TA' TRABI
6314. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' twelid kull xahar minn Novembru 1996 sal-lum fl-isptar tal-Gvern? Kemm minn dawn it-twelid kienu mejta mat-twelid? Kemm jirriżulta li mietu ulied fl-ewwel xahar tal-ħajja tagħhom f'dawn ix-xhur?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab informat li l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant hija ffinalizzata sa l-aħħar ta' April. Il-figuri għall-Isptar San Luqa (Karin Grech) huma dawn:
1996 1996 1997 1997 1997 1997
Novembru Dicembru Jannar Frar Marzu April
NUMRU TA' 309 365 325 313 331 308
TWELID
TRABI LI 5 5 1 2 3 1
TWIELDU
MEJTA
TRABI LI 3 4 2 0 3 1
MIETU FL-
EWWEL ERBA'
GIMGHAT
TAL-HAJJA
SIĠAR TAL-FROTT - BEJGĦ
6315. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien id-dħul tad-dipartiment mill-bejgħ ta' siġar tal-frott f'kull xahar minn Novembru sal-lum? X'tip ta' siġar inbiegħu? Kemm nbiegħu siġar?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba għall-mistoqsija parlamentari numru 6315 tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
SLIPWAYS - TISWIJIET
6316. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il slipway ġiet msewwija mill-1/1/97 sal-lum? F'liema lokalita'? Kemm swiet din it-tiswija s'issa?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Xogħlijiet li saru mill-1 ta' Jannar, 1997 s'issa kienu dawn:
Post Ammont
San Giljan 849
Marsascala 327.65
Kalkara 372.60
Balluta 193.20
San Pawl il-Bahar 744.10
Gnejna 385.00
Marsamxett 235.00
B'Bugia 2,760.00
Marsaxlokk 415.15
Cirkewwa 93.00
Bahar ic-Cagħaq 56.00
Little Armier 144.00
*Zebgħa tal-plieri madwar Malta Lm 284.130
Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f' tiswijiet ta' slipways, tibdil u tqegħid ta' parati kif ukoll xogħol ta' konkos fejn kien hemm bżonn.
BANEK - BANK OF VALLETTA - CHAIRMAN
6329. L-ONOR. MARIA CAMILLERI staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fl-Istampa li ċ-Chairman tal-Bank of Valletta għandu interess dirett f'kumpanniji ta' feasibility studies li tgħin lill-klijenti prospettivi tal-bank qabel jagħmlu t-talbiet tagħhom għas-self?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-Bank of Valletta huwa istituzzjoni tas-settur privat. Kif muri fil-Bank's Annual Return, iċ-Chairman ta' dan il-bank huwa direttur ukoll ta' dawn il-kumpanniji:-
Bank of Valletta International Ltd.
Economic Management Consultancy Services Ltd.
La Valette Fund SICAV
Market Intelligence Services Company Ltd.
Middle Sea Insurance Company Ltd.
Middle Sea Valletta Life Assurance Company Limited
MISCO International Ltd.
Valletta Fund Management Ltd.
Valletta Investment Bank Ltd.
Billi ċ-chairman tal-bank huwa nnominat mill-Gvern, il-Bank Ċentrali se jiġi mistieden jinvestiga din l-allegazzjoni ta' konflitt ta' nteressi.
DIPARTIMENT TAL-LOTTU PUBBLIKU - DITTA TAR-REKLAMAR
6330. L-ONOR. MARIA CAMILLERI staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid liema hija d-ditta tar-reklamar li tintuża mad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku? Kemm ilha tirrappreżenta lid-dipartiment u kull meta jiġġedded il-kuntratt?
ONOR. LEO BRINCAT: Id-ditta tar-reklamar li tintuża mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku hija Perfecta Advertising Ltd. ta' Carolina Court, Triq Giuseppe Cali', Ta' Xbiex.
Din id-ditta bdiet tirrappreżenta lid-dipartiment fl-4 ta' Jannar, 1988 wara sejħa għall-applikazzjonijiet. It-termini tal-kuntratt kien ta' sena waħda bid-dritt tad-dipartiment li jestendi dan il-perijodu kull sena.
UFFIĊĊJU TAL-VAT - AVUKATI
6331. L-ONOR. MARIA CAMILLERI staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-avukati li jużaw is-servizzi tagħhom il-VAT Office?
ONOR. LEO BRINCAT: L-avukati li bħalissa qed jagħtu servizzi legali lid-Dipartiment tal-VAT huma:
Vella & Associates
Ganado & Associates
Muscat Azzopardi, Spiteri & Associates
John Mamo & Associates
Prompt Services Ltd.
Farrugia & Associates
Dr. Dominic A Cassar LLD
Micallef Stafrace Advocates
Advocates Micallef
Dr. Carmelo Grima LLD
Grech, Hyzler, Tortell & Co.
Dr. Mark M. Busuttil LLD
WSC - KONTIJIET
6334. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minn Frar ta' l-1996, il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għadu ma nħarġilhiex il-kont tad-dawl u ta' l-ilma minkejja li hija stess kitbet lill-istess korporazzjoni, kif ukoll diġa' ntbagħtu l-kontijiet lill-ġirien tagħha?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma żammet milli jinħareġ il-kont tal-konsumatur imsemmi minħabba li ġie nnotat li kien hemm żball fil-kalkolazzjoni tal-konsum tad-dawl. Għaldaqstant il-korporazzjoni ħadhet il-miżuri sabiex il-kont jiġi vverifikat. Il-konsumatur mistenni jirċievi l-kont korrett.
WSC - PROVVISTA TA' L-ILMA
6335. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Water Services Corporation wara li rċevew rapporti ta' pressa ta' l-ilma baxxa f'dawn l-inħawi li ġejjin:- Triq Santa Katerina; Triq il-Kbira; Triq Ħabel ix-Xgħir, kif ukoll f'razzett li jinsab fi Triq Ħaż-Żabbar, fiż-Żejtun?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat il-każijiet imsemmija u rriżulta li:-
(i) Il-korporazzjoni ma rċiviet l-ebda ilment minn residenti fi Triq Santa Katerina, Żejtun. Minn investigazzjonijiet li għamlet dan l-aħħar il-korporazzjoni jirriżulta li l-provvista ta' l-ilma hija adegwata.
(ii) Dwar Triq il-Kbira u Triq Ħabel ix-Xgħir, Żejtun inqalgħu xi diffikulatjiet fis-sistema tad-distribuzzjoni u kien hemm nuqqas fil-provvista ta' l-ilma f'dawn l-inħawi. Din ġiet lura għan-normal wara li sar xi xogħol ta' manutenzjoni fuq is-sistema.
(iii) Fi Triq Żabbar, Żejtun il-mejn ta' l-ilma hu twil, qadim ħafna u miżdud. Dan qed iwassal biex xi rziezet f'din it-triq qed isofru minn pressa baxxa ta' l-ilma. Il-Korporazzjoni qed tagħmel il-preparamenti meħtieġa biex issolvi din il-problema billi tibdel il-mejn fil-futur.
RABAT - ĠONNA HOWARD
6336. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Mużewijiet lestiex il-ħidma li kien qed jagħmel ħdejn il-ġonna Howard, fir-Rabat u jekk iva, x'kienu r-riżultati?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien informat, li d-Dipartiment tal-Mużewijiet kellu neċessarjament jipposponi l-istħarriġ arkeoloġiku qrib il-Ġonna Howard, ir-Rabat. Dan minħabba xogħol ieħor, ta' prijorita' ferm akbar, bħal ma hija l-investigazzjoni tal-katakombi palaeo-Kristjani misjub f'Mejju li għadda f'Taċ-Ċagħqi, ir-Rabat ukoll.
PRIM MINISTRU - DISKORS F'MALMOE, L-ISVEZJA
6337. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskors li għamel f'Malmoe, l-Isvezja fil-Kungress dwar Ewropa ġdida?
ONOR. ALFRED SANT: L-intervent tiegħi f'Malmoe ma kienx moqri minn test ippreparat minn qabel u l-Onor. Membru jifhem li, għaldaqstant, mhux possibbli li nqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra
Fl-intervent tiegħi waqt round table dwar What kind of Europe tkellimt dwar it-ħtieġa li, waqt li qed jiżviluppa l-proċess ta' tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċentru u l-Lvant tal-kontinent Ewropej, l-Unjoni Ewropea għandha tibqa' ssaħħaħ il-proċess ta' konsultazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika, politika u soċjali mal-pajjiżi tal-Mediterran.
Nifhem li l-Onor. Interpellant jikkondividi din l-opinjoni.
Kopja tal-Press Release Nru 1098 tas-6 ta' Ġunju, 1997 tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
PULIZIJA - KAŻI TA' PROSTITUZZJONI
6349. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu nies jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni fi triq imsemmija separatament fl-inħawi tal-Marsa matul dawn l-aħħar ħames snin? X'eta' kellhom? Kemm minnhom tressqu l-Qorti?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta ohra.
ANZJANI - ANZJANI F'RESIDENTIAL HOMES
6350. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti bħalissa fl-isptarijiet ta' l-anzjani u fir-residential homes? Kemm hemm social cases rikoverati fl-Isptar San Luqa? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jiddaħlu fl-isptarijiet għall-anzjani?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta' residenti fir-Residenza ta' San Vincenz de Paule bħalissa hija ta' 1,059. In-numru ta' applikazzjonijiet pendenti biex jidħlu f'din ir-residenza huwa 422.
Fid-djar ta' l-anzjani bħalissa hemm 290 anzjan residenti maqsumin hekk:
28 fid-Dar tal-Furjana
31 fid-Dar tal-Gzira
65 fid-Dar tal-Mosta
47 fid-Dar ta' l-Imsida
59 fid-Dar ta' l-Imtarfa
60 fid-Dar taż-Żejtun
Hemm 450 applikazzjoni minn anzjani biex jidħlu f'dawn id-djar.
SAĦĦA - TOBBA
6351. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba mpjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm hemm minn dawn hemm fl-isptarijiet u kemm hemm fil-polikliniċi? X'appointment għandhom dawn it-tobba i.e. kemm hemm konsulenti, Sen. Registrars, SHO's u housemen? Kemm hemm studenti fil-kors tal-mediċina bħalissa sena b'sena (minn first year sa fifth year)? In-numerus clausus fil-kors imsemmi għadu applikabbli?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta' tobba mpjegati fid-Dipartiment tas-Saħħa huwa 539 li jinkludi 40 tabib barranin. Minn dawn hemm 491 li jaħdmu fl-isptarijiet u fil-polikliniċi kif jidher hawn taħt:
SPTAR SPTAR SPTAR POLIKLINICI
SAN MONTE BOFFA
LUQA CARMELI
Director 5 1 - -
Chairman 4 - 2 -
Consultant 61 4 2 2
Principal Medical Officer 3 - - 1
Senior Registrar 89 2 3 -
Senior Medical Officer - - - 8
Registrar 51 1 4 1
Medical Officer 35 2 5 83
Senior House Officer 53 10 2 -
Houseman 53 3 1 -
TOTAL 354 23 19 95 491*
*Dawn jinkludu erba' konsulenti u 36 senior registrar barranin.
Billi l-aħħar żewġ mistoqsijiet jikkonċernaw l-Universita', nitlob lill-Onor Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
BANEK - B.O.V. - TRANSFERS
6353. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-Bank of Valletta mill-elezzjoni 'l hawn? Mil-liema u għal-liema branches seħħew?
ONOR. LEO BRINCAT: Minħabba li l-Bank of Valletta huwa bank ipprivatizzat, għaldaqstant, ma nħossx li t-tagħrif li l-Onor. Membru qiegħed jitlob, għandu jinħareġ fil-pubbliku.
POWER STATION - MARSA
6354. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid, dejjem fir-rigward tal-garaxx fil-Marsa Power Station, għall-perijodu mill-1.11.96 sal-31.5.97 kemm-il quotation għal xiri ta' materjal inħarġet mill-imsemmi garaxx; kemm-il quotation ħarġet għal kull xirja; kemm kien il-valur totali tax-xirjiet li ġew affettwati fl-imsemmi perijodu; u liema engineer japprova l-istess xiri?
ONOR. LEO BRINCAT: Xiri għall-vetturi tat-Taqsimiet ta' l-Elettriku u Gass.
Xahar
|
Numru ta'Xirjiet
|
Valur Globali
|
Xiri Dirett Mill-ġenti tal-Manifattura
|
Xirjiet Oħra
|
Kwotaz.
|
Nov'96
|
41
|
Lm1302.97
|
8
|
33
|
99
|
Diċ'96
|
32
|
Lm 921.85
|
10
|
22
|
66
|
Jan'97
|
52
|
Lm1753.77
|
10
|
42
|
117
|
Frar'97
|
30
|
Lm1587.06
|
9
|
21
|
54
|
Marzu'97
|
45
|
Lm2563.30
|
14
|
31
|
93
|
April'97
|
48
|
Lm2002.51
|
14
|
35
|
93
|
Mejju'97
|
42
|
Lm1256.51
|
8
|
34
|
100
|
Sakemm il-garaxx tal-Power Station tal-Marsa kien jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Works Manager li spiċċa f'April 1997, dan ix-xiri kien isir bl-approvazzjoni tiegħu. Sakemm jilħaq Works Manager ieħor l-approvazzjonijiet qegħdin isiru mill-Assistant Manager ta' l-Elettriku li għandu r-responsabbilta' ta' dan il-garaxx.
WIED IL-QLEJJA - XOGĦLIJIET
6355. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa ta' Lm1.2 miljun li skond kif ikkwotat minn The Times fid-9.6.97, se jintnefqu fuq xogħlijiet li se jsiru fuq Wied il-Qlejja (Chadwick Lakes)?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
DIPARTIMENT GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
6362. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Konsumatur jinvestiga każi (dettalji ta' min hu nvolut qed jintbagħtu separatament) fejn jittieħdu ordnijiet ta' xogħol (b'depożitu sostanzjali fuqu) li min ikun se jipprovdi s-servizz ikun jaf minn qabel li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tkunx se toħroġ permess għalih, biex imbagħad jiċħad lill-konsumatur mid-depożitu?
ONOR. LEO BRINCAT: Id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur jista' jinvestiga każijiet dwar xiri jew kiri minn konsumatur ta' oġġetti mingħand kummerċjanti, kif ukoll dwar l-għoti ta' servizz minn kummerċjant lill-konsumatur. Il-valur, minbarra l-imgħax u l-ispejjeż, ma jkunx aktar minn Lm500 għax dan huwa l-ammont li konsumatur jista' jitlob jekk iressaq il-każ tiegħu quddiem it-tribunal tal-konsumatur.
Għalhekk, jekk qed jittieħdu ordnijiet ta' xogħol li min ikun se jipprovdi s-servizz ikun jaf minn qabel li l-Awtorita' ta' l-Ippjannar ma tkunx se toħroġ permess għalih, biex imbagħad jiċħad lill-konsumatur mid-depożitu, ma nħossx li għandu jiġi nvestigat mid-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Każijiet bħal dawn għandhom ikunu nvestigati mill-pulizija minħabba li hemm possibbilta' ta' frodi.
DIPARTIMENT TAD-DJAR - IMJEGATA
6363. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tax-Xogħol jagħti informazzjoni ta' kif il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament bdiet taħdem mad-Dipartiment tad-Djar? Kemm kienet ilha tirreġistra għax-xogħol? Wara liema sejħa għall-applikazzjoni ġiet imdaħħla? Liema huma l-kondizzjonijiet ta' mpjieg tagħha?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija taqa' taħt il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u mhux taħt id-Dipartiment tax-Xogħol.
Minn records tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jirriżultax li l-persuna ndikata bdiet taħdem mad-Dipartiment tad-Djar.
ZABBAR - HOMPESCH STEEL CO. LTD.
6364. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Prim Ministru: Billi kienu saru diversi interpellanzi kif ukoll il-Pulizija kienet ġiet informata mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar dwar il-ħsara għal saħħet ir-residenti li qed tagħmel il-Hompesch Steel Co. Ltd. bin-nugrufun li qegħda ttajjar, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi din il-fabbrika ma topera l-ebda fran u għalhekk ma jidhirx li hemm problemi ta' nugrufun. Il-Pulizija pero' ser tkompli tinvestiga sabiex tistabilixxi minn xiex qed jinħoloq dan l-inkonvenjent.
P.A. - APPLIKAZZJONIJIET
6366. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġu sanzjonati xogħlijiet li ma sarux skond il-pjanti approvati fil-permess? Kemm inħarġu ordnijiet għal dawn fl-aħħar tliet xhur? Jista' jagħtini n-numru ta' dawn il-permessi?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha records ta' dawn it-tip ta' applikazzjonijiet sa mill-1 ta' Jannar, 1996. Għaldaqstant, minn din id-data sal-31 ta' Jannar 1997 inħarġu 354 Avviż biex Tieqaf jew ta' Twettieq għal xogħlijiet mhux skond il-pjanti approvati. Minn dawn kien hemm 142 applikazzjoni biex jiġu sanzjonati dawn ix-xogħlijiet.
F'dawn l-aħħar tlett xhur (1 ta' Frar sa 30 ta' April 1997) inħareġ 71 Avviż biex Tieqaf jew ta' Twettieq għal xogħlijiet mhux skond il-pjanti approvati, u minn dan in-numru kien hemm 11-il applikazzjoni biex jiġu sanzjonati dawn ix-xogħlijiet li għadhom pendenti.
In-numri ta' dawn il-11-il applikazzjoni huma:
PA 1306/97 PA 1865/97 PA 2621/97
PA 1589/97 PA 1441/97 PA 2278/97
PA 1397/97 PA 1840/97 PA 2598/97
PA 1919/97 PA 1448/97
ENEMALTA - DISTRIBUZZJONI TAĊ-ĊILINDRI TAL-GASS
6367. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jiġbed l-attenzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta li d-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass fil-Housing Estate ta' Ħaż-Żabbar issir kull 15-il ġurnata biss anke jekk issir ordni speċifika u għaldaqstant ir-residenti m'humiex moqdija? Jista' jsir xi ħaġa biex dan is-servizz ikun aktar frekwenti u wkoll ma jsirx fis-6.00 a.m. b'inkonvenjenza kbira, speċjalment għal min hu anzjan?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tqassim ta' ċilindri tal-gass fil-Housing Estate ta' Ħaż-Żabbar isir kull nhar ta' Tnejn. L-Enemalta għandha dikjarazzjoni bil-ġurament mid-distributur ikkonċernat f'dan is-sens. Hu jaqdi lill-konsumaturi kollha kemm dawk li jċemplu kif ukoll dawk li jitolbuh.
Id-distributur jibda r-ronda tiegħu bejn is-6.30a.m. u s-6.40 biex ilaħħaq mat-talba.
SINGLE MOTHERS
6391. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' single mothers f'dawn l-aħħar għaxar snin f'pajjiżna? X'kienu l-etajiet ta' dawn l-ommijiet? Kemm minn dawn is-single mothers spiċċaw biex iżżewġu u wara kemm?
ONOR. EDWIN GRECH: L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) sas-sena 1995 ma kienx jiddistingwi bejn Familja, Ġenitur waħdu jew ommijiet mhux miżżewġa fejn għandu x'jaqsam id-dritt ta' l-Għajnuna Soċjali jew Children's Allowance, għaldaqstant qatt ma nħass il-bżonn li tinżamm statistika dwar l-informazzjoni mitluba.
L-Onor. Interpellant hu ġentilment mitlub li jagħmel riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6368 fejn għandu jsib xi informazzjoni relatata li tista' tkun ta' għajnuna.
Jista' jagħti l-każ li xi parti mill-informazzjoni mitluba hi disponibbli mill-Ministeru responsabbli mir-Reġistru Pubbliku.
BIRŻEBBUĠIA - TRIQ DAWRET - BANKINA
6395. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid meta se titlesta l-bankina li hemm fi Triq Dawret, Birżebbuġia
ONOR. CHARLES MANGION: L-manuntenzjoni u t-titjib tal-bankini hija funzjoni mgħoddija lill-kunsilli lokali għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija lill-kunsill lokali konċernat.
TAXXI INTERNI - OBJECTIONS
6396. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fid-Dipartiment tat-Taxxa li qegħdin fuq l-objections?
ONOR. LEO BRINCAT: Fit-taqsimiet fejn ikunu kkonsidrati l-oġġezzjonijiet hemm jaħdmu dawn il-persuni: 3 Senior Principal Officers, 4 Principal Officers, 1 Assistant Principal Officer, 3 Executive Officers u 2 clerks.
Minħabba li n-numru ta' uffiċjali f'dawn it-taqsimiet ma jistax jiżdied għalissa minħabba prijoritajiet oħra, hija l-intenzjoni tad-dipartiment li minn żmien għal żmien iqiegħed iżjed uffiċjali fuq l-oġġezzjonijiet biex ikun jista' jnaqqas il-backlog eżistenti.
MARITIME COAST STATION - ŻJARA MILL-ONOR. JOE MIZZI
6397. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Ministru Mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Peress li dan l-aħħar jidher li l-Ministru Mizzi żar il-Maritime Coast Station ta' Wied Rini u għadda kummenti fis-sens li xi operaturi ma rrispodewx għal sejħiet li saru minn xi vapuri, jista' l-Ministru Mingħajr Portafoll jispeċifika meta seħħew dawn il-każijiet?
ONOR. JOE MIZZI: Meta jien irriferejt għal xi operaturi li ma rrispondewx għal sejħiet li saru minn xi vapuri, ma kontx qed nalludi għall-operaturi li hemm joperaw bħalissa fil-Maritime Coast Station ta' Wied Rini. Madankollu kien hemm każ fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti fejn jien ġbidt l-attenzjoni tal-Ministru konċernat ta' dak iż-żmien fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament. Din qatt ma ġiet miċħuda.
GĦAWDEX - UFFIĊĊJU TA' L-MDC
6400. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħidilna x'inhu l-iskop ta' l-Uffiċċju ta' l-MDC f'Għawdex? Min qiegħed imexxih u kemm hemm staff?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: L-uffiċċju ta` l-MDC ġewwa Għawdex infetaħ fl-1 ta` Ottubru, 1996 fi ħdan l-Estate Industrijali tax-Xewkija. L-iskop oriġinali, li jkun l-uffiċċju rappreżentattiv tal-korporazzjoni ġewwa Għawdex, ma jidhirx li ntlaħaq għaliex bosta imprendituri Għawdxin kif ukoll inkwilini ta` fabbriki tal-korporazzjoni ġewwa Għawdex baqgħu jippriferu jikkuntatjaw l-uffiċċji ċentrali f` Malta.
L-uffiċċju kien u għadu sal-lum qed jitmexxa mis-Sur Emanuel Galea bi staff ta` persuna waħda, s-Sinjura Evelyn Bonnici. It-tnejn huma Għawdxin. Bħalissa il-korporazzjoni qed tistudja l-possibbiita' ta` użu aħjar ta` dan l-uffiċċju bil-għan li applikazzjonijiet, ilmenti u talbiet għall-informazzjoni jiġu milqugħa mill-uffiċċju ta` Għawdex għall-kumdita ta` l-Għawdxin. Hemm ukoll ħsieb li dan l-uffiċċju jikkordina l-ħidma ta' kooperazzjoni bejn l-MDC u l-Ministeru u d-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni ġewwa Għawdex. L-istitut għat-tkattir ta` l-Intrapriża ż-Żgħira (IPSE) wkoll sejjer jagħmel użu minn dan l-uffiċċju.
SPTAR KAREN GRECH - ĦSARA FIL-LIFTS
6401. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6293?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Wieħed mill-lifts ta' l-Isptar Karen Grech kien wieqaf minħabba ħsara għal ġurnata u l-ieħor għal tlett ijiem.
Ma ġiet posposta l-ebda operazzjoni.
Ma jidhirx li hemm bżonn li l-lifts jinbidlu fil-ġejjieni qarib iżda malli tinħass il-ħtieġa li dawn għandhom jinbidlu, jittieħdu il-passi meħtieġa.
W.S.C - UFFIĊĊJU TAĊ-CHAIRMAN
6402. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol u l-għamara sabiex seta' jiġi embellished l-Uffiċċju taċ-Chairman tal-Water Services Corporation?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux konformi mal-fatt li ftit xhur ilu din il-korporazzjoni kienet imsejħa "falluta" mill-Gvern?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol sabiex jiġi embellished l-Uffiċċju taċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li jinkludi wkoll il-Board Room għad-diretturi kif ukoll bathroom facilities sewa Lm 2722.61. L-għamara ta' l-uffiċċju u tal-boardroom ġiet tiswa Lm6800.39.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korporazzjoni li kienet imsejjħa falluta ftit tax-xhur ilu ngħatat nifs ġdid mill-Bord tad-Diretturi. Ittieħdu diversi miżuri sabiex il-korporazzjoni toħroġ mill-istat diżastruż li kienet fih fosthom:
it-take-over ta' l-operations and maintenance tal-R.O. plants mill-1 ta' Ottubru, 1997: miżura li mistennija tħalli savings ta' aktar minn miljun u nofs liri Maltin fis-sena flimkien ma benefiċċji oħra fosthom fuq il-bilanċ tal-pagamenti nazzjonali;
re-negozzjar tal-ftehim mal-Polymetrics Seawater Inc. dwar l-estensjoni tal-Kuntratt eżistenti għat-tħaddim tal-R.O. plants, fejn il-Board tad-Diretturi il-ġdid irnexxielu jinnegozja rati ferm aktar favorevoli u ġab savings ta' madwar Lm150,000 sa Settembru li ġej;
Utilizzar aħjar tal-impjegati tal-korporazzjoni sabiex ix-xogħol isir b'mod aktar effiċjenti u effettiv sabiex ukoll il-ħaddiema tal-korporazzjoni jkunu jistgħu jagħmlu xogħol li sa ftit ilu kienu jagħmluh is-sub-contractors;
titjib ġenerali tal-uffiċini u l-ambjent ġenerali li fih jaħdmu il-ħaddiema sabiex jiżdid l-output tal-ħaddiema u jonqos il-periklu fuq il-post tax-xogħol.
W.S.C - ĊINT
6403. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li ċint li ttella' dan l-aħħar fis-sit tal-Water Services Corporation, ittella' mingħajr permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
F'kwalunkwe każ x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet u d-data għal dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tikkonferma li ċ-ċint imsemmi qed jinbena skond il-permess Nru. PA0745/95 ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar li nħareġ fit-23 ta' April, 1997. Dan ix-xogħol strutturali mistenni jkun lest fi ftit ġimgħat.
MINISTERU TA' L-INDUSTRIJA - SAFAR
6405. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħidilna x'kienet l-ispiża fuq safar minn Novembru 1996 sal-lum, separatament fir-rigward tal-Ministeru ta' l-Industrija u Affarijiet Ekonomiċi u fir-rigward ta' l-MDC? Jista' l-Ministru jispeċifika l-kompożizzjoni ta' kull delegazzjoni u x'kienet id-destinazzjoni jew destinazzjonijiet ta' kull safra?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 5159. Ta` min iżid li l-uniku safar minn naħa tal-Ministeru, cioe żjara f`Milan bejn il-21 u l-24 ta` April 1997, jidher inkluż mas-safar ta` l-MDC. Min-naħa tal-Ministeru flimkien miegħi attenda l-Assitent Personali u l-ispiża mill-vot tad-Dipartiment ta`l-Industrija kienet Lm525.00.0 liema somma hija inkluża fl-ispiża totali indikata fir-risposta fuq imsemmija relattiva għaż-żjara f`Milan.
IBRAĠĠ - TRIQ IL-MEJXU - ASFALTAR
6406. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħidilna meta se jsir l-asfaltar tat-Triq Wied Mejxu, f'Ta' l-Ibraġġ peress li din it-triq għadha qatt ma ġiet asfaltata u qegħda fi stat ħażin ħafna?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Kif diġa ndikat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4752, Triq Wied Mejxu, fiha persentaġġ żgħir ta' żvilupp u ma tistax tiġi asfaltata għalissa.
MANOEL ISLAND - FOOTBALL GROUND
6407. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-bini li hemm wara il-ground tal-football f'Manoel Island li qabel kien jintuża bħala remissa għall-baqar u li issa qed jintuża għall-isprejjar tal-karozzi, jista' l-Ministru jgħidilna jekk dan il-bini ingħatax mill-Gvern lill-persuna li qed tokkupah u tużah għall-isprejjar tal-karozzi b'kera, u jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Parti mill-fond imsemmi mill-Onor. Interpellant hu mikri lil kumpannija ASAC Co. Ltd. Dan il-fond kien ngħata bħala wieħed alternattiv meta l-garaxx li din il-kumpannija kellha twaqqa minħabba l-proġett tal-Qasam tad-Djar tal-Gżira. Il-kirja hi minn tlett xhur għal tlett xhur bil-kondizzjonijiet normali tal-kiri tal-proprjeta' urbani tal-Gvern.
AMBAXXATURI
6408. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li minkejja li l-Conditions of Service for officer serving overseas f'sezzjoni 3.10.1 jgħidu li uffiċjali taħt il-grad ta' ambaxxatur " ... are also refunded regular telephone rental payments, plus a standard ammont of 20% of the remainder of their regular bill ...", l-uffiċjali, barra mill-ambaxxatur, f'missions fejn l-appartamenti huma pprovduti mill-gvern (ċioe' f'Beijing, Riyadh, Moscow u Tripoli) jitħallsilhomx 100% tal-kont tat-telephone tar-residenza privata tagħhom; u jekk iva, jistax jestendi dawn il-faċilitajiet lill-uffiċjali fil-missions l-oħra kollha?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'seduta oħra. Sadanittant qiegħda tinġabar l-informazzjoni meħtieġa.
SISTEMA TA' TASSAZZJONI - TIBDIL
6409. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jaqbel l-Prim Ministru li minħabba fit-tibdil fis-sistema tat-tassazzjoni se jogħla il-prezz ta' l-apparat li jintuża mid-ditti li jipprovdu servizz ta' personal internet access? Jaqbel in oltre l-Prim Ministru li dan qiegħed iġiegħel dawn id-ditti jirrevedu il-prezz li huma jitolbu għall-provvista ta' dan is-servizz, billi iżiduh b'effett immedjat?
ONOR. ALFRED SANT: Ninforma l-Onor. Interpellant li l-liġi tad-Dwana u Sisa ma tibdiex isseħħ qabel l-ewwel ta' Lulju u għaldaqstant ħadd m'hu awtoriżżat jibda jiġborha jew iħallasha minn issa. L-apparat elettroniku li mhux Capital Industrial Equipment se jibda jħallas 15% ETI u dan jista` jaffettwa l-prezz finali tas-servizz li jingħata permezz tiegħu.
Iżda ta' min jinnota li, filwaqt li taħt il-VAT servizz bħal dan kien intaxxat bil-15%, wara l-ewwel ta' Lulju, ir-rata tkun ta 5%.
ĦAMRUN - MISRAĦ IS-SEBGĦA TA' ĠUNJU 1919 - TINDIF
6413. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Misraħ Sebgħa ta' Ġunju 1919, Ħamrun tiġi mnaddfa? U billi din hi responsabbli tal-kunsill lokali, dan konxju mill-protesti li qed isiru dwar il-qagħda tal-lokal/akwata? Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninsab informat li l-Kunsill Lokali Ħamrun huwa konxju mill-istat tal-pjazza tant li l-Kunsill stess naddaf l-istess pjazza minn materjal tal-bini diversi drabi. Fil-preżent il-kunsill qabbad perit biex iħejji survey tas-sit sabiex isiru proposti ta' landscaping.
Iżda, peress li l-pjazza hija unsurfaced u taħt kostruzzjoni, il-kunsill mhuwiex responsabbli mill-manutenzjoni tagħha.
DJAR - VALLETTA/FURJANA
6414. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi titwettaq il-policy li postijiet tal-privat fil-Belt u fil-Furjana jkunu jistgħu jinbiegħu għal skop kummerċjali wkoll, stante li l-Belt u l-Furjana oltre li huma postijiet residenzjali huma wkoll ċentru ta' kummerċ?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Nissuġġerilek tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
AIRPORT SECURITY COMMITTEE
6415. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Airport Security Committee mill-elezzjoni 'l hawn?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li mill-elezzjoni ta' Ottubru 1996 s'issa, l-Airport Security Committee ltaqa' tliet darbiet, fis-27 ta' Marzu, 1997, fit-2 ta' Mejju, 1997 u fil-15 ta' Mejju, 1997. Matul l-istess perijodu, uhud mill-membri tal-kumitat iltaqghu diversi drabi f'sotto-kumitati oħra fejn gew diskussi suġġetti rilevanti mas-sigurta' ta' l-ajruport.
CHADWICK LAKES - TINDIF
6416. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Issa li t-temp jippermetti, jista' jiġi mnaddaf il-wied magħruf bħala Ta' Guliermu li jinsab biswit Triq il-Bidni, Marsascala, peress li l-ilma li jinżel qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu fi Triq San Gwakkin li tiġi bi dritt tal-wied imsemmi aktar 'il fuq?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Din is-sena bil-għajnuna tal-Gvern Taljan id-Dipartiment ta'l-Agrikolutra se jibda jnaddaf Wied il-Qliegħa magħruf bħala Chadwick Lakes. Il-ħsieb huwa li wara din l-esperjenza fuq it-tindif ta' Wied il-Qlejgħa isir xogħol ieħor ta' tindif f'widien oħra fis-snin li ġejjin.
WIDIEN - PROĠETT TA' TINDIF
6417. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Rigward it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 3261 u ċioe' dwar il-proġett ta' tindif ta' widien, jista' l-Ministru jgħid: (i) kemm hu l-vot allokat għal dan ix-xogħol għas-sena 1997; (ii) liema widien se jsir xogħol fihom; (iii) kemm hija l-area ta' raba' f'kull wied li se jsir ix-xogħol fih; u (iv) it-tul ta' ħitan tas-sejjiegħ (km/m) li se jiġu rinfurzati/mibnija ġodda/mibnija mill-ġdid?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba hija hekk:
(I) L-vot allokat għal dan ix-xogħol jidher fl-Estimi ta' din is-sena Vot XIV Kapital Item 51.8.
(II) Wied il-Qlejgħa
(III) Mhux maħsub li jsir xigħol fir-raba'
(IV) Madwar 1.5 Km
IMPORTAZZJONI TA' MATERJAL
6418. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid fuq importazzjoni ta' materjal b'valur ta' Lm100 CIF għall-industriji ta' biedja u sajd, liema materjal mhux eżenti fl-iskeda tal-liġi ta' taxxa tas-sisa u liema materjal jiġi minn barra l-Unjoni Ewropea, kemm eżattament se iqum lill-bidwi/sajjied (b'turnover ta' iżjed minn Lm12,000) meta dan ta' l-aħħar jixtrih mingħand ir-retailer (assumi 15% profit) wara li dan ta' l-aħħar jixtrih mingħand id-distributur (assumi 15% profit) li wkoll ikun xtrah mingħand l-importatur (assumi 20% profit)?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kien jinxtara l-istess prodott/materjal mingħand l-istess retailer bl-istess persentaġġi ta' profitti tad-distributur u ta' l-importatur bis-sistema tal-VAT?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bis-saħħa ta' sezzjoni 56 (2) ta' l-Att ta' l-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa, bidwi jew sajjied bona fide li jixtri prodott li fuqu tkun tħallset it-taxxa ta' l-ETI u l-ETP u li jużah biss fil-biedja jew sajd, jew ikun iċċertifkat u approvat mill-Ministru responsabbli għall-Biedja u Sajd, huwa ntitolat għall-ħlas lura bir-rata ta' 16% tal-prezz tal-prodott mixtri, jew għall kull persentaġġ ieħor li jista' jiġi hekk preskritt.
Għaldaqstant, m'huwiex il-każ li bidwi jew sajjied se jeħel taxxa ta' l-ETI u l-ETP kif indikat fil-mistoqsija.
Il-prezz li jinxtara l-istess prodott taħt il-VAT huwa l-prezz li jinkludi d-dazji (Non-EU) li miegħu jiżdiedu l-profitti tal-wholesaler u r-retailer u fuqhom tiżdied il-VAT bil-15%.
BDIEWA/SAJJIEDA - ETI/ETP
6419. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Peress li l-Ministeru fil-press release (11.6.97) qal li mhux se titħallas taxxa ta' l-ETI u ta' l-ETP fuq il-"prodotti li huma eżenti mill-ETI u mill-ETP imsemmija fl-iskeda tal-liġi", u ċioe' fis-sezzjoni (e) li qiegħda fit-tieni taqsima tat-Tieni Skeda (Page C310 tal-liġi) jikkonferma allura l-Ministru li mill-1.7.97 'il quddiem il-bdiewa u s-sajjieda se jibdew iħallsu kemm l-ETI kif ukoll l-ETP fuq ix-xiri ta' prodotti kollha relatati ma' dawn l-oqsma, liema prodotti ovvjament m'humiex inklużi fis-subsection (e) tat-tieni taqsima tat-Tieni Skeda?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Le, ma nikkonfermax. Anzi mill-mistoqsija nikkonferma li jidher li l-Onor. Interpellant għadu ma' qarax il-liġi sewwa. Fil-fatt dawk il-prodotti l-oħra kollha għall-użu tal-Biedja u s-Sajd li jkunu impurtati mill-bidwi, raħħal jew sajjied huma eżenti mill- ETI u ETP permezz ta' 'boll' maħruġ mill-Ministeru.
Għar-rigward ta' prodotti għall-biedja u sajd mixtrija minn Malta u li fuqhom tkun tħallset l-ETI u/jew l-ETP, jingħata refund ta' 16 % tal-prezz.
BDIEWA/SAJJIEDA
6420. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Rigward il-ħruġ ta' "BOLL" imsemmi fil-press release tal-Ministeru (11.6.97), jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-boll ta' eżenzjoni hux se jingħata lill-bdiewa u sajjieda kollha jew inkella lil dawk li huma fulltime biss?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-ezenzjoni jew 'Boll' se jingħata lill-kull bona fide bidwi, raħħal, jew sajjied, kemm fulltime jew part-time sakemm il-provedimenti tal-liġi jkunu sodisfatti.
BDIEWA
6421. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Peress li l-Ministru stqarr fi Press Release (11.6.97) li f'pajjiżna hawn total ta' 4,484 bidwi, jista' issa l-Ministru jgħid ladarba għandu din iċ-ċifra ta' 4,484 kemm minn dawn il-bdiewa huma fulltimers u kemm part-timers?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Nirriferi l-Onor.Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 737 fis-Seduta Nru. 10.
Dostları ilə paylaş: |