Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,55 Mb.
səhifə4/8
tarix07.05.2018
ölçüsü0,55 Mb.
#50274
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tlieta, 17 ta' Ġunju, 1997 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi dwar l-Eżerċizzju tal-Funzjonijiet tal-Korporazzjoni fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali - it-Tieni Qari.
Mozzjoni biex titwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Joe Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, jien inħoss li ma nistgħux nibqgħu sejrin kif sejrin u hawnhekk m'iniex qed ngħid għal xi tibdil li bħalissa qiegħed iseħħ fil-pajjiż għaliex ladarba l-Gvern għandu l-maġġoranza nħoss li dan jista' jagħmel dak li jidhirlu li huwa xieraq, kemm f'dak li huwa tibdil fis-sistema ta' tassazzjoni u kemm f'dak li huwa jibdel fis-sistema ta' l-edukazzjoni - kif konna qegħdin niddibattu sa ftit ħin ilu - imma qed nirriferi għall-qasam tas-saħħa. Aħna t-tobba qegħdin insibuha diffiċli ħafna biex nagħtu servizz ta' ġid lill-pazjenti tagħna. GĦaliex qiegħed ngħid hekk, Sur President?
Jiena ma qbadtx u bdejt nikkritika lill-Gvern f'dan il-Parlament mill-ewwel u kif ġieb u laħaq imma tajtu ċ-ċans tiegħu, pero' fejn tidħol is-saħħa nista' ngħid li l-Gvern ma jistax ikompli sejjer kif inhu. Forsi jkun hawn min jistaqsi: Allura x'ġara mis-26 ta' Ottubru 'l hawn meta hemm jaħdmu l-istess nies li kien hemm qabel? Jidher li ġrat xi ħaġa li l-effett tagħha huwa li qegħdin jingħataw servizzi mediċi ta' kwalita' ħażina ħafna. Per eżempju, jekk tiġi biex tagħmel appuntament lil pazjent tiegħek dan isir għal tlieta jew erba' ġimgħat wara. Jekk tmur fil-polikliniċi biex tagħmel test sempliċi li tista' tagħmlu f'żewġ minuti dan tingħata appuntament għal xi xahar wara, meta ma jipprovawx ukoll iġiegħlu lilna t-tobba nibagħtu lill-pazjenti tagħna fil-kliniċi privati u naturalment dawn ikollhom iħallsu. L-aħħar darba li tkellimt hawnhekk kont għidt li biex pazjent jieħu r-riżultati ta' xi testijiet li għamel f'Jannar ingħata appuntament għal Awissu.
Sur President, jien ngħid li ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk għax dawn l-affarijiet mhux qed jiġru biss fl-għoti ta' appuntamenti imma wkoll fl-għoti ta' mediċini. Qatt ma konna f'din is-sitwazzjoni. Jiena niftakar li taħt gvernijiet oħra xi mediċina jew oħra kienet tkun nieqsa imma dawn kienu jkunu każi ġenwini ta' ftit mediċini imma llum il-ġurnata hemm ferm aktar mediċini li huma neqsin. Dalgħodu stess kellmitni pazjenta li saħansitra bdiet tibki għax għandha tifla ħandikappata li għandha bżonn ħames tipi ta' mediċini li tlieta ilhom ma jagħtuhomlha ħames xhur sħaħ. Barra minn hekk, ir-raġel ta' din il-mara - ma nixtieqx ngħid x'jisimha - kumbinazzjoni kien u għadu jaħdem f'waħda mill-kumpanniji li bħalissa qiegħda taħdem fuq a four-day week. Jiġifieri apparti li din il-persuna trid tixtri dawn il-mediċini r-raġel tagħha sofra tnaqqis fil-paga tiegħu ta' Lm40 fil-ġimgħa. Sur President, qed ikun hemm ħafna minn dawn l-affarijiet u jien inħoss li ma jistax ikun li nkomplu sejrin hekk.
F'risposta għal waħda mid-domandi li għamilt f'dan ir-rigward, il-Ministru qalli: X'tippretendi meta l-polikliniċi tagħna jkollhom 'il fuq minn 13,000 test xi jsir! Hawnhekk lili sammarni għax 13,000 test f'affari ta' xahrejn huwa numru konsiderevoli, pero' mbagħad jekk dawn teħodhom ġurnata b'ġurnata jiġu jammontaw għal 200 test kuljum u jekk isiru f'erba' polikliniċi, jiġifieri tal-Mosta, ta' Raħal Ġdid, ta' Ħal Qormi u tal-Furjana dawn se jinżlu għal 50 test kuljum. Barra minn hekk, ħafna minn dawn it-testijiet isiru in bulk u allura jsiru aktar malajr. Sur President, dan ifisser li aħna m'aħniex qegħdin nagħtu servizz xieraq lill-pazjenti tagħna u, kif għidt qabel, aħna ma nistgħux nieħdu ċans fil-qasam tas-saħħa għax jekk fejn tidħol it-taxxa tista' tiġik sena ħażina u s-sena ta' wara forsi tmur aħjar, jekk pazjent jimmanka ruħu jew jiġrilu xi ħaġa ma jkunx jista jpatti għaliha s-sena ta' wara.
Sur President, kultant nitolbu wkoll li ssir xi inkjesta u fil-fatt kelli każ fejn is-sens ċiviku tiegħi talab li nagħmel rapport u attwalment saret inkjesta. Għaddew ix-xhur u kien għad m'hemmx riżultati ta' din l-inkjesta - din saret għax xhedt fiha jien - u meta issa sirt naf li qed jittieħdu passi dixxiplinarji kontra xi ħadd, staqsejt lill-Ministru dwar il-każ u dan qalli li jidhirlu li jkun aħjar jekk dawn l-affarijiet ma jagħmilhomx pubbliċi. X'jiġifieri ma jagħmilhomx pubbliċi! Jien ma rridux jagħmilhom pubbliċi to have my pound of flesh, għax jien ma jinteressanix minn dan u lanqas irridu jieħu passi dixxiplinarji kontra xi tabib li Alla biss jaf kif forsi dan it-tabib ikun imsallab bix-xogħol tiegħu fil-casualty department. Jien li nixtieq hu li ssir reviżjoni ta' dak li qiegħed isir fil-casualty department għax, per eżempju, waħda mill-inkjesti rrapportat li minħabba nuqqas ta' staff il-bulk tax-xogħol ma jistax isir u dan apparti l-fatt li t-transfers li saru ma narax ġustifikażżjoni għalfejn saru. Dawn mhux biex inġibu lil kulħadd għarkobbtejh saru! Kif nistgħu nippretendu li d-Dipartiment tas-Saħħa jagħti xogħol ta' kwalita' wara li ngħataw dawk it-transfers kollha! Biżżejjed ngħid li fis-swali tal-mediċina l-membri ta' l-istaff irid ikun ilhom hemm xi sentejn biex jingranaw u jipperfezzjonaw ix-xogħol tagħhom, biex imbagħad jinbidel il-gvern u jingħataw dawk it-transfers kollha fejn issa kulħadd spiċċa mdejjaq u mxekkel fix-xogħol tiegħu. Sur President, ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk għax b'hekk qed jitbaxxew l-istandards tas-saħħa. Qabel l-aħħar elezzjoni saru ħafna opinion polls biex naraw kif il-poplu tagħna jqis is-saħħa u sibna li għall-poplu s-saħħa u l-edukazzjoni jiġu l-ewwel fost il-policies kollha tal-gvern.
Sur President, f'San Vinċenz de Paule ukoll konna għamilna drive sabiex l-Imgieret li konna nafu fl-antik ġibnih għal-livell li qiegħed fih illum, imma minn dak li qed nisma' wisq nibża' li l-livell li l-anzjani tagħna kienu mdorrijin bih f'San Vinċenz de Paule se jmur lura. Dan apparti l-mod u l-manjiera kif qed jiġu ammessi l-pazjenti f'dan l-isptar għax fejn jien u tabib ieħor irridu nitkissru biex indaħħlu xi anzjan, imbagħad tara li ċerti nies oħra jistgħu jdaħħlu lil kulħadd.
Sur President, jien nixtieq nagħmel appell fis-sens li jekk aħna forsi għandna t-tendenza li nilagħbu ma' kollox żgur li m'għandniex nilagħbu mas-servizzi tas-saħħa. Il-Ministru għamel dak li qalulu tal-customer care service u ħareġ questionnaire li sar għal għajnejn in-nies. Dan il-questionnaire kien intiż biex naraw x'inhuma n-nuqqasijiet u nista' ngħid li l-kaxex fejn intefgħu r-risposti tal-questionnaire ­baqgħu ifuru bil-karti biex imbagħad meta għamilna mistoqsija lill-ministru konċernat dan qalilna li dak kien pilot study biss. Għalhekk qed ngħid li dawn l-affarijiet qed nagħmluhom biss għal għajnejn in-nies. Jien nappella lil dan il-Gvern biex ma jkunx hemm logħob bis-servizzi tas-saħħa u dwar dan jien żgur li l-Gvern għandu l-appoġġ tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni kollha, kif ukoll tat-tobba tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni, għax aħna wkoll qed inbatu ħafna biex nagħmlu xogħol sew mid-distrett.
Jien naħseb li dan qed jiġri jew għax minn Ottubru 'l hawn kulħadd qed juża s-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet statali u fil-polikliniċi, minħabba li bħalissa kulħadd qiegħed jibża' ħafna għall-lira li għandu fil-but u allura l-influss ta' nies żdied b'mod allarmanti, jew inkella għax il-Gvern għandu l-policy li jiffranka l-flus minn fuq dan is-servizz. Il-bieraħ smajna lill-Prim Ministru jgħid li fl-ewwel xhur ta' din is-sena diġa' tnaqqas xi ftit mid-deficit u jien nispera li dan it-tnaqqis fid-deficit mhux qed isir a spejjeż tas-saħħa tal-pazjenti tagħna. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anton Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Sur President, jien xtaqt nitkellem fuq dak li qal il-Prim Ministru fi tmien il-ġimgħa li għaddiet - fil-fatt dan qalu iktar minn darba - li bis-sistema l-ġdida ta' tassazzjoni se jkun hawn nifs ġdid, speċjalment għall-impriżi ż-żgħar. Qal ukoll li fil-każ ta' Għawdex, b'mod partikolari, se jkun hemm nifs ġdid għall-ekonomija. Din l-espressjoni forsi tista' tagħti l-impressjoni li wieħed kien qed jistenna dak in-nifs ġdid għaliex qabel ma kienx jeżisti dan in-nifs pero' hawnhekk jien nixtieq li nneħħi din l-impressjoni żbaljata. Sur President, l-ekonomija Għawdxija qabel kienet miexja mhux bin-nifs imma kienet miexja b'riħ qawwi li kien qed jonfoħ fid-direzzjoni t-tajba.
Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti in-numru ta' nies jaħdmu f'Għawdex żdied bi kważi 3,600. Biex f'dak il-perijodu l-ekonomija Għawdxija setgħet tipproduċi daqstant attivita' biex iżżid in-numru ta' nies jaħdmu b'dak in-numru li semmejt, naħseb li mhux biss nifs ġdid kien hemm imma, kif għidt diġa', riħ qawwi li kien qed jonfoħ fid-direzzjoni t-tajba li ġab miegħu ċirkostanzi ideali ta' investiment u postijiet tax-xogħol

fi gżira li ma kenitx rinomata għax-xogħol imma kienet pjuttost rinomata għall-iskarsezza tax-xogħol tant li f'Għawdex konna rridu nħabbtu wiċċna ma emigrazzjoni qawwija għall-Awstralja u għall-Amerka. U ladarba qed insemmi l-emigrazzjoni rrid ngħid li kien biss wara l-1988 li din it-trend inqalbet, jiġifieri li aktar bdew ġejjin nies lura mill-Awstralja, mill-Amerka u mill-Kanada milli fil-fatt kienu qed jitilqu minn Għawdex għal dawn l-artijiet. Nixtieq inżid illi għal għexieren ta' snin ir-rata ta' emigrazzjoni minn Għawdex kienet ħafna iktar għolja mir-rata ta' Malta. Jien naħseb li kienet ħaġa ta' sodisfazzjon għal kulħadd li rnexxilna nirriversjaw din it-trend u dan billi beda jinħoloq aktar xogħol fil-gżira ta' Għawdex biex b'hekk dawn in-nies setgħu jsibu xogħol fil-post fejn joqogħdu.


Sur President, biex inneħħi l-impressjoni ħażina u żbaljata li wieħed seta' jieħu meta jisma' bin-nifs ġdid li trid tieħu l-ekonomija Għawdxija bl-introduzzjoni ta' forma ġdida ta' tassazzjoni, tajjeb ngħid li jekk wieħed jara daqsxejn x'kien qed jiġri f'Għawdex f'dawn l-aħħar erba' snin isib li, per eżempju, inħarġu 199 liċenzja ġdida għan-negozju. Għalkemm din m'hijiex xi prova xjentika jew ekonomika ċertament hija indikatur li fis-snin li għaddew l-attivita' ekonomika f'Għawdex kienet għaddejja b'ritmu qawwi, mgħaġġel u sostenut. Biex inkun aktar preċiż ngħid li fir-Rabat inħarġu 95 liċenzja ġdida ta' negozju, f'Marsalforn inħarġu 23, fix-Xlendi 13, fix-Xewkija 15, fix-Xagħra 13 u f'Għajnsielem 13 u dan juri li prattikament f'kull lokalita' ta' Għawdex kienet qed isseħħ din l-espansjoni kontinwa, sena wara l-oħra. Sfortunatament illum hemm indikazzjonijiet li juru mod ieħor għax hemm flessjoni fl-attivita' ekonomika u fl-impiegi, b'mod partikolari fil-qasam tas-self-employed, li meta tipparagunah ma' dak ta' Malta ssib li huwa ikbar. Hija ħaġa magħrufa li s-self-employed f'Għawdex dejjem kienu numerużi u n-numru tagħhom kien qed jiżdied sena wara l-oħra, imma f'dawn l-aħħar xhur rajna li kien hemm flessjoni fil-qasam tas-self-employed. Barra minn dan li għadni kif semmejt hemm indikaturi oħrajn li juruk li l-affarijiet m'għadhomx għaddejjin bil-mod li kienu għaddejjin f'dawn l-aħħar snin.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru semma wkoll is-setturi tat-turiżmu u ta' l-agrikoltura. Hawnhekk nista' ngħid li ttieħdu miżuri li ħallew impatt negattiv fuq it-turiżmu bħal, per eżempju, il-fatt li għola n-noll tal-vapur, liema miżura laqtet ħażin b'mod partikolari lill-Għawdxin, għax dawn l-iktar li jużaw dan is-servizz, kif ukoll lil ħafna Maltin li jikkostitwixxu t-turiżmu intern tagħna. Aħna nafu li kienet saret ħaġa regolari li l-Maltin imorru Għawdex mhux biss fis-sajf imma fl-istaġuni kollha u l-ekonomija ta' Għawdex kienet qed tgawdi bil-kbir minn dan it-turiżmu intern. Naturalment issa li għola n-noll tal-vapur għall-Maltin li s-soltu jiġu Għawdex dan jista' jwassal għal tnaqqis ta' l-attivita' ekonomika fi gżiritna.
L-attivita' ekonomika tista' tmajna wkoll bit-tnaqqis fin-numru ta' trips, speċjalment issa li daħal is-sajf, u rrid ngħid li kif inhi l-iskeda bħalissa din hija l-iskeda tax-xitwa li konn nimxu fuqha taħt il-Gvern ta' qabel. Għalhekk issa qed tiddaħħal l-iskeda tax-xitwa fl-iskeda tas-sajf u dan joħloq impatt negattiv għall-attivita' turistika għax iktar ma jkun hemm trips ġejjin u sejrin ifisser aċċess aħjar biex tasal għad-destinazzjoni ta' Għawdex u allura t-turiżmu jkun jista' jiffjorixxi bir-ritmu li kien qabad. Pero' sfortunatament f'dawn l-aħħar xhur in-numru ta' passiġġieri u vetturi li qed jaqsmu bejn Malta u Għawdex naqas b'mod evidenti u mhux b'mod marġinali. Per eżempju, fil-perijodu ta' l-Għid marru Għawdex bejn 5,000 u 6,000 persuna inqas u telgħu 2,000 karozza inqas, iżda minkejja dan il-kumpannija Gozo Channel għamlet madwar Lm3,000 iktar fi qligħ peress li għolliet in-nollijiet. Jien nistaqsi: Li kieku f'Għawdex telgħu dawk il-5,000 jew 6,000 passiġġier kemm kienu se jiġġeneraw iktar flus fl-ekonomija ta' Għawdex mill- Lm2,000 jew it-Lm3,000 li għamet iktar il-Gozo Channel?
Sur President, jien irrid nagħmel punt żgħir dwar il-biedja li hija tant importanti u li anke l-Prim Ministru semmiha fid-diskors tiegħu. Fis-snin li għaddew is-settur tal-biedja gawda ħafna mill-fatt li l-livell ta' għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi għola peress li kien żdied il-purchasing power. Il-prodott agrikolu mhux biss kien imfittex iżda kien qed jiġi kkonsmat għaliex kien hemm domanda ikbar għalih. L-agrikoltura Għawdxija kellha attivita' kbira f'dak il-perijodu ta' żmien għaliex is-suq ta' Malta kien miftuħ għall-bdiewa, għar-raħħala u għas-sajjieda Għawdxin. Dan irriżulta minħabba li l-Gvern ta' qabel kien jadotta politika reġjonali billi kien jagħmel tajjeb għat-traġitti tal-prodotti agrikoli biex b'hekk il-bdiewa Għawdxin setgħu jikkompetu b'mod tajjeb ma' sħabhom il-Maltin billi tneħħa l-iżvantaġġ li biex jibagħtu l-prodott tagħhom ikollhom jidħlu f'ħafna iktar spejjeż, li naturalment jirriflettu ruħhom fi profitti anqas.
Sur President, jien qed ngħid dan kollu għaliex mhux billi taqbad u tgħid li trid tagħti nifs ġdid lill-ekonomija Għawdxija. Ir-riżultati li nkisbu fis-snin li għaddew juru li fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra l-ekonomija Għawdxija mhux nifs kellha imma riħ qawwi fil-qala li kien qed jimbottaha fid-direzzjoni t-tajba u li konsegwentement tant ħoloq ġid għal Għawdex.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. John Vella.
ONOR. JOHN VELLA: Sur President, f'dawn l-aħħar ftit ġranet qrajna fil-gazzetti lokali dwar il-problema taċ-child labour. Fil-fatt, fl-ewwel faċċata ta' "The Times" deher artiklu dwar dan is-suġġett u bħalu kien hemm diversi artikli f'gazzetti oħra, saħansitra anke sal-bieraħ stess f'"The Malta Independent".
Sur President, b'koinċidenza s-Social Health and Family Affairs Committee tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li jiena qiegħed fih, qed jaħdem fuq din il-problema u fil-fatt daqs xahar ilu dan il-kumitat iltaqa' fi Spanja fejn iddiskuta proprju din il-biċċa xogħol. Barra minn hekk, ħmistax-il ġurnata ilu dan il-kumitat reġa' ltaqa' flimkien ma' l-UNICEF, mar-rappreżentanti ta' l-International Labour Organisation, kif ukoll ma' membri tal-Kummissjoni Ewropea fejn iddiskutejna sew ir-rapport li kien sar. Peress li l-ġimgħa d-dieħla dan ir-rapport se jiġi diskuss fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa nħoss li llejla għandi ngħid kelmtejn fuq dan is-suġġett.
Sur President, jien ipprovajt niddefinixxi t-terminu "child labour" bil-Malti imma sibtha ftit diffiċli. Jien ma naħsibx li din il-frażi tista' tittraduċiha fi "tfal li jaħdmu" għax hawnhekk tidħol il-kwestjoni ta' x'etajiet ikollhom dawn it-tfal u fil-fatt l-etajiet involuti huma minn ħames snin sa 18-il sena. Din hija problema antika għax jekk taqra l-letteratura, speċjalment ix-xogħlijiet ta' Dostoyevsky, ta' Emile Zola' u partikolarment ta' Charles Dickens issib kemm dak iż-żmien it-tfal kienu jbatu peress li kienu jiġu mġiegħla jaħdmu bilfors. Naturalment biż-żmien kienu ttranġaw sew ir-relazzjonijiet industrijali pero' xorta jibqa' l-fatt li dawn ma ttranġawx biżżejjed. Ta' min jgħid li dawn it-tfal jispiċċaw jaħdmu għal żewġ raġunijiet, waħda minnhom hija l-faqar. Għalkemm il-faqar ma narawhx daqstant la f'Malta u lanqas fl-Ewropa, pero' f'pajjiżi bħalma huma l-Indja, l-Bangladesh, l-Pakistan u l-pajjiżi ta' l-East issib li t-tfal ikollhom jaħdmu bilfors għax inkella ma jkollhomx x'jieklu. F'Malta u fil-pajjiżi ta' l-Ewropa t-tfal imorru jaħdmu għal raġuni oħra, prinċiparjament biex ikunu konsumaturi. Issib tfal ta' 15 jew 16-il sena li jmorru jaħdmu biex ikunu indipendenti u jixtru dak li jridu. Għalhekk għidt li meta tiġi biex tagħti definition ta' "tfal li jaħdmu" ssib daqsxejn ta' diffikulta' għax hemm għandek spectrum wiesa' li jibda mill-eta' ta' ħames snin u jibqa' sejjer kważi sa 18-il sena.
Barra minn hekk imbagħad jidħol ukoll il-kwalita' tax-xogħol li dawn it-tfal jagħmlu fejn issib ċertu xogħol li jista' jkun aċċettabbli bħal, per eżempju, tqassim ta' gazzetti jew xogħol f'ħanut, pero' mbagħad hemm xogħol iktar impenjattiv bħal, per eżempju, xogħol domestiku, jiġifieri dak ta' sefturi. Kien hemm żmien f'Malta meta s-sefturi kienu jkunu tfal imma illum fortunatament ma tantx għadna naraw minnhom għax bilkemm għadek issib sefturi kbar. Imbagħad hemm xogħol iktar iebes għax f'ċerti pajjiżi ssib tfal ta' sitta jew seba' snin jaħdmu, marbutin qishom skjavi. Fortunatament f'Malta m'għandniex minn dawn, pero' jien ċert li xorta waħda hemm tfal li qed jiġu sfruttati minn nies bla kuxjenza li ssibhom fil-kampijiet tal-prostituzzjoni u tal-pornografija. Sur President, dan ifisser li meta ssemmi x-xogħol għandek spectrum wiesa' kemm f'dik li hi eta' ta' tfal involuti kif ukoll f'dak li huwa xogħol li jagħmlu.
Ta' min infakkar li f'dan ir-rigward hemm il-konvenzjoni li ġġib l-isem ta' The Rights of the Child li fil-fatt kienet ġiet ratifikata mill-pajjiżi kollha ta' l-Ewropa. Artiklu 32 ta' din il-konvenzjoni jagħmilha ċara li d-drittijiet tat-tfal iridu jkunu protetti minn diversi aspetti bħal, per eżempju, li t-tfal ma jistgħux ikunu sfruttati ekonomikament, jiġifieri anke jekk il-gvern jippermettilek inti ma tistax tħaddem it-tfal fuq ċertu xogħol u ma tistax tħallashom paga inqas u trid tagħtihom il-leave dovut. Din il-konvenzjoni tgħid ukoll li ma tistax tagħtihom xogħol ta' periklu, jiġifieri ma tistax tqabbad tfal jaħdmu, per eżempju, fit-tarzna jew f'xi post perikoluż bħal dan. Huwa mportanti wkoll li dan ma jikkawżax telf fl-edukazzjoni, jiġifieri l-ħin ta' l-iskola ma jistax jintilef biex it-tfal imorru jaħdmu, kif ukoll li x-xogħol m'għandux ikun ta' ħsara għas-saħħa fiżika u mentali jew ta' xkiel fl-iżvilupp spiritwali, morali u soċjali tagħhom.
Meta tħares lejn l-istatistika li l-ILO ippubblikata fi Frar ta' din is-sena ġġib għajnejk wara widnejk meta tara li fid-dinja hawn 250 miljun tifel u tifla taħt l-eta' li qegħdin jaħdmu u li 120 miljun minnhom huma tfal ta' bejn il-5 snin u l-14-il sena. Taħsbux li dawn qegħdin kollha f'xi pajjiżi bħall-Indja għax jekk tħares lejn l-Ingilterra, li suppost hija xempju f'dan il-qasam, issib 50% tat-tfal ta' bejn 13 u 15-il sena li qegħdin jaħdmu, filwaqt li fl-Italja u fi Spanja in-numru ta' tfal jaħdmu huwa ta' 1.5 miljun. Ir-raġunijiet għaliex dawn it-tfal jispiċċaw jaħdmu huma varji. Per eżempju, fl-Ingilterra l-iskola hija obbligatorja sa 16-il sena, pero' mbagħad hemmhekk jagħtu permess li jsir ċertu light work, bħalma hu t-tqassim ta' gazzetti, u għalhekk jirriżulta li hemm dan in-numru kbir ta' tfal jaħdmu. Fl-Italja, l-eta' li t-tfal jispiċċaw l-iskola hija ta' 13-il sena u allura wara dik l-eta' bilfors ikollhom imorru jaħdmu. Kif kont qed ngħid, l-age limit fl-edukazzjoni hija xi ħaġa mportanti biex it-tfal ikunu ggwidati dwar fejn jistgħu jmorru jaħdmu. F'Malta l-eta' average tat-tfal li jaħdmu hija ta' bejn 15 u 16-il sena, pero' mbagħad issib pajjiżi, bħall-Albania, l-Polonja u r-Rumania fejn it-tfal jispiċċaw l-iskola ta' 14-il sena, filwaqt li fl-Italja u f'San Marino, kif diġa' għidt, it-tfal jispiċċaw l-iskola ta' 13-il sena u fit-Turkija jispiċċawha aktar kmieni, jiġifieri ta' 12-il sena. Barra minn hekk hemm ukoll gwida li tindika x'eta' jrid ikollhom it-tfal biex ikunu jistgħu jaħdmu. Hawnhekk tiskanta meta tara li fil-Belġju u fl-Italja jistgħu jaħdmu tfal ta' 14-il sena, filwaqt li fl-Ingilterra t-tfal jistgħu jaħdmu xogħol ħafif sa mill-eta' ta' 13-il sena.
Sur President, diżgrazzjatament mhux il-pajjiżi kollha rratifikaw is-social charter tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tagħmilha obbligatorja li tfal taħt il-15-il sena ma jistgħux jaħdmu. Hawnhekk ta' min jistaqsi: Imma din il-problema teżisti f'Malta? GĦall-ewwel taħseb li din ma teżistix, imma jien naħseb li ġieli imorru għand tal-grocer jew għand xi furnar jew xi mechanic u hemmhekk taraw xi tfal jaħdmu. Kif aċċennajt fil-bidu f'Malta teżisti anke l-prostituzzjoni tal-minorenni fejn għandna tfajliet taħt l-eta' li qed jagħmlu dan ix-xogħol. Sur President, il-leġislazzjoni tagħna f'dan ir-rigward hija tajba għax l-iskola hija obbligatorja sa 16-il sena u biex tibda taħdem irid ikollok 16-il sena. Madankollu mbagħad hemm bżonn aktar enforcement ta' dawn il-liġijiet.
Per eżempju, ħafna drabi jien inkun iffaċċjat b'nies li jiġu jitolbuni ċertifikat għax it-tfal ma jridux imorru l-iskola u kultant ikollok tagħmilulhom għax taf li dawn it-tfal xorta mhux se jibagħtuhom skola. Hawnhekk jien nitlob biex is-social workers isegwu t-tfal li jkunu qegħdin biċ-ċertifikat biex jaraw jekk hux qed ikunu d-dar jew inkella humiex qed imorru jaħdmu bilfors, għax jien ċert li ħafna minn dawn it-tfal qegħdin jispiċċaw jaħdmu. Dan it-tip ta' xogħol huwa mportanti li jsir għax il-problema ta' l-isfruttament ekonomiku tat-tfal hija xi ħaġa li, għalkemm f'Malta ma tantx tidher, irridu nkunu ppreparati għaliha. Din il-problema qiegħda tikber fl-Ewropa u fil-kumplament tad-dinja u għalhekk huwa importanti li l-partiti politiċi kollha jagħtuha importanza kbira meta jiġu biex jifformolaw il-programm elettorali tagħhom. Inżid ngħid li f'din il-materja huwa aktar importanti li joqogħdu attenti s-social partners, partikolarment it-trade unions u min iħaddem, għax jien nenfasizza li huwa fl-interess tat-trade unions li jaraw li t-tfal ma jeħdux ix-xogħol tal-kbar minbarra l-fatt li dawn jispiċċaw iħallsuhom paga miżera. Jien inħoss li għandna noqogħdu attenti ħafna għax għalkemm din il-problema ma tidhirx fil-fatt teżisti u jekk ma noqogħdux attenti tista' tilħaq livelli akbar.

Sur President, huwa importanti li lit-tfal inpoġġuhom f'pożizzjoni li jkunu jistgħu ikomplu bl-iskola tagħhom u mhux li jmorru jaħdmu qabel ma jispiċċaw l-iskola. Hemm bżonn ukoll li l-preżenza tat-tfal fl-iskola, jew aħjar in-nuqqas tagħha, tkun dokumentata tajjeb biex fejn hemm din il-problema nkunu nistgħu nidentifikawha malajr u nieħdu l-passi meħtieġa. F'dan id-dokument insibu li qed jirrikkmandaw biex ċerti prodotti li jinħadmu mit-tfal jiġu boycotted, pero' anke hawnhekk irridu noqogħdu attenti għaliex l-Amerka fl-1991 għaddiet liġi biex isiru trade sanctions kontra postijiet fejn ikun hemm tfal jaħdmu u permezz ta' din il-miżura ġara li 55,000 tifel u tifla li kienu jaħdmu fl-industrija tat-tessuti tkeċċew u allura spiċċaw agħar milli kienu qabel.


Sur President, jien nispera li l-problema taċ-child labour, li preżentement ma' tantx tidher li teżisti f'Malta, tibqa' hekk u ma tgħollix rasha. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tlieta, 17 ta' Ġunju, 1997 fis-6.00 p.m. bl-agenda kif ikkomunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 0,55 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin