Debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 0,55 Mb.
səhifə5/8
tarix07.05.2018
ölçüsü0,55 Mb.
#50274
1   2   3   4   5   6   7   8

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



JUM DINJI TAL-KTIEB

4923. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-ħidma tal-Kumitat għall-Jum Dinji tal-Ktieb/Drittijiet ta' l-Awtur li twaqqaf fit-3 ta' April?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet ta' l-awtur.


IMPJIEGI

5103. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati (a) persuni b'kuntratt indefinit, b'kuntratt definit; (b) konsulenti; u (ċ) kemm ingħataw transfers f'Marzu 1997 fid-dikasteru li għalih hu responsabbli, inkluż segretarjati parlamentari, entitajiet statutorji indipendentement, entitajiet u kumpanniji li jaqgħu taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern jew li fihom il-Gvern għandu mill-anqas nofs l-ishma direttament jew indirettament u mal-kunsilli lokali? Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni skond il-ministeru, dipartiment jew enti konċernata u jindika l-grad li fiha ġew impjegati l-persuni ndikati minnu u fil-każ tal-persuni indikati taħt (b) u (ċ) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relattiv?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Matul Marzu '97 ġew impjegati żewġ persuni b'kuntratt definit mal-Ministeru/Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Kopji tal-kuntratti tagħhom tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari (Dok A u B) aktar kmieni f'din is-seduta. Dok B jirrigwardja l-impjieg ta' persuna bħala konsulent tekniku fid-Dipartiment tal-Iżvilupp Kurrikulari b'konnessjoni mal-proġett tad-dħul ta' l-Informatika fl-Iskejjel Primarji. Ta' min jgħid li din il-persuna kienet ġiet impjegata għal perijodu Jannar-Diċembru 1996 mill-amministrazzjoni preċedenti. L-impjieg ta' din il-persuna għall-perjodu Marzu '97 - Novembru '98, fuq kuntratt, seħħ sabiex jiġi assigurat il-kontinwita' fil-proġett. Il-kuntratti huma b'effett mill-10 ta' Marzu u l-20 ta' Marzu '97 rispettivament.
Fid-Dipartimenti tal-Ippjanar u Żvilupp, Servizzi għall-iStudenti u Relazzjonijiet Internazzjonali u fis-settur post-sekondarju ma ġiet impjegata l-ebda persuna, la b'kuntratt definit jew indefinit u lanqas konsulenti u ma ingħatawx transfers matul Marzu '97.
Fid-Dipartiement ta' l-Operations matul Marzu '97 seħħew 12-il trasferiment, kif ġej:-
Fis-settur Primarju u K.G. 2 Supply Teachers

1 Instructress

1 P.T. Instructress

7 K.G. Assistants


Fis-settur tas-Snajja' 1 P.T. Instructress
Fid-Dipartiment tal-Finanzi u Amministrazzjoni fil-perijodu msemmi seħħ transfer wieħed.
Fid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi matul ix-xahar ta' Marzu '97 ma ġewx impjegati persuni b'kuntratt indefinit u ma saru l-ebda trasferimenti.
Matul ix-xahar indikat mill-Onor. Interpellant ġew ittrasferiti żewġ persuni għal mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti fuq talba tagħhom stess.
Għal dak li għandu x'jaqsam mad-Dipartiment tal-Mużewijiet, f'Marzu tas-sena kurrenti ma ġiet impjegata ebda persuna jew konsulent mad-dipartiment - la b'kuntratt definit u lanqas indefinit.
Fl-istess firxa ta' żmien ġew effetwati żewġ transfers, wieħed fuq talba ta' l-impjegat.
Fid-Dipartiment tal-Bibljoteka w Arkivji, matul ix-xahar ta' Marzu ma ġewx impjegati persuni jew konsulenti b'kuntratt definit jew indefinit u lanqas ingħataw transfers.
Fid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, matul Marzu ma ġiet impjegata l-ebda persuna b'kuntratt definit, b'kuntratt indefinit jew bħala konsulent.
Persuna waħda fi grad ta' skrivan ġiet trasferita minn dan id-dipartiment fuq talba tagħha.
Fix-xahar imsemmi ma ġew impjegati ebda persuni jew konsulenti mal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali.
F'Marzu 1997 il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma mpjega lil ħadd b'kuntratt indefinit jew bħala konsulent. Żewġ persuni ġew impjegati b'kuntratt definit. Kopji tal-kuntratti relattivi tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari (Dok C u D) aktar kmieni f'din is-seduta. Fl-istess xahar ma ngħata l-ebda transfer.


JUM DINJI TAL-KTIEB

5118. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4923 li kienet:
Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-ħidma tal-Kumitat għal Jum Dinji tal-Ktieb/Drittijiet ta' l-Awtur li twaqqaf fit-3 ta' April, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4923 mogħtija f'Seduta Nru. 78.


MINISTERU TA' L-AFFARIJIET BARRANIN U AMBJENT - SAFAR FUQ DELEGAZZJONIJIET

5148. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Novembru, 1996 sat-30 ta' April, 1997 x'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta id-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefqu flus għal kull safra?
ONOR. GEORGE VELLA: Is-safar li kien hemm fil-qasam ta' l-Affarijiet Barranin huwa muri fi Skeda "A", filwaqt li dak ta' l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Ambjent qiegħed fi Skeda "B" li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta. Fil-perijodu msemmi, ma kien hemm l-ebda delegazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li siefret fuq xogħol uffiċjali.


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA

5236. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid l-impjegati l-ġodda tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (kemm dawk fulltime kif ukoll part-time) x'pagi għandhom? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'allowances għandhom dawn l-impjegati?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Lista ta' l-impjegati ġodda tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija bil-pagi u l-allowances tagħhom hi kif ġej:

Dorita Agius Lm1,000 fis-sena - Part-time Asst. Coordinator
Joseph Cassano Lm3,100 fis-sena - Fulltime driver
Dirk De Ketelaere Lm2,000 fis-sena - Part-time

Coordinator
Charles Saliba Lm1,500 fis-sena - Part-time

Coordinator
Dr. Kenneth Saliba Lm7,500 fis-sena - Fulltime wara Lulju;

Chief Executive sa dakinhar part-time
Rosanna Schembri Lm4,145 fis-sena - Seconded

Secretary


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - ATTIVITAJIET

5237. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm ta' attivitajiet u l-pjan ta' ħidma li għandu l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għal din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Għal numru ta' raġunijiet, kif spjegat fir-risposta numru 5459, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għadu qiegħed fil-proċess li jlesti pjan ta' ħidma komprensiva għall-kunsill.


MCST BIENNIAL REPORT 94/95

5335. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5006, jista' l-Ministru jgħid min iddeċieda li l-MCST Biennial Report 1994/95 "ma jkunx fl-interess ta' l-operat tal-Kunsill li tali rapport jiġi mqassam" ġaladarba "ma nħassx il-bżonn li l-MCST Biennial Report 1994/95 jiġi diskuss f'laqgħa tal-Bord tal-Kunsill"?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien informat li fil-Biennial Report 1994/95 hemm silta li fiha asserzjonijiet li jistgħu jitqiesu li huma ta' natura libelluża. Kien għaldaqstant li d-diriġenti tal-kunsill iddeċidew li t-tali rapport ma jitqassamx.


JUM DINJI TAL-KTIEB

5432. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari numri 4923 u 5118 li t-tnejn kienu:
"Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-ħidma tal-Kumitat għall-Jum Dinji tal-Ktieb/Drittijiet ta' l-Awtur li twaqqaf fit-3 ta' April, 1997?"
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4923 mogħtija f'Seduta Nru. 78.


P.A. - APPLIKAZZJONIJIET PENDENTI

5436. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5124?
ONOR. GEORGE VELLA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - MEMBRI

5459. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5226 nixtieq ninforma lill-Ministru li t-talba tiegħi tirriferi għar-rapporti kollha relattivi u relevanti għall-evalwazzjoni fuq ix-xogħol li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għamel sa Jannar 1997 u r-rakkomandazzjonijiet kollha relattivi u relevanti li l-bord il-ġdid għamel fuq kif l-istess kunsill għandu jaħdem għas-snin li ġejjin, liema evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet il-Kunsill talab jagħmel fl-ewwel xahar tal-ħidma tiegħu xi stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Jannar 1997. Għaldaqstant jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti kollha relattivi u relevanti għal din l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq u r-rakkomodanzzjonijiet sussegwenti?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ir-rapport ta' evalwazzjoni xjentifiku għadu fil-fażi ta' allestiment, minħabba fir-raġunijiet li jmiss.
Meta ġie fformat il-Kunsill il-ġdid għax-Xjenza u Teknoloġija, id-diriġenti tal-kunsill sabu nuqqas totali ta' direzzjoni. Fil-passat il-kunsill kien jaħdem fi ħdan l-Universita' ta' Malta. Ma kienx igawdi awtonomija finanzjarja u lanqas ma kien irreġistrat bħala employer. Il-vantaġġi mgħoddija lill-kunsill bħala fondazzjoni ma setgħux jiġu sfruttati. Għaldaqstant il-kunsill il-ġdid kellu l-ewwel u qabel kollox jistabilixxi demarcation lines ċari biex jassigura li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija jkun jista' jibda jiffunzjona b'mod komplet.
Barra min hekk, il-kunsill il-ġdid wiret numru ta' proġetti lkoll jiswew miljuni ta' liri Maltin li kienu jew inkompluti jew lanqas biss mibdija. Il-kunsill il-ġdid kellu jassigura ruħu li dawn il-proġetti jaqbdu ritmu mgħaġġel u jittwettqu. Kieku l-kunisll ma tax prijorita' lill-proġetti msemmija, kienu jintilfu fondi sostanzjali.
Dan kollu impjega ħafna ħin u enerġija lid-diriġenti tal-kunsill. L-istruttura tal-Kunsill kif kienet ma tantx għenet biex jitħaffu l-affarijiet. Kien hemm bosta networks vakanti u kien hemm il-bżonn li jinħolqu oħrajn biex jindirizzaw il-bżonnijiet tas-soċjeta' Maltija għas-sena 2000.
Fi ftit kliem, il-kunsill wiret numru konsiderevoli ta' affarijiet inkompluti, infrastruttura dgħajfa u aktar minn Lm50,000 (somma ekwivalenti għal terz tal-budget allokat għall-MCST għas-sena 1997), f'dejn u fondi mitlufa. Il-maġġor parti ta' din is-somma kienet kawża tas-Science Week 1996; ta' min jirrimarka li l-imsemmija attivita' f'Jannar qamet lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija Lm43,935, liema somma hija ekwivalenti għal kwart ta' l-estimi allokati għall-kunsill għal dik is-sena kollha kemm hi, mingħajr ma wieħed jgħodd ix-xogħol volontarju li sar u l-Lm10,000 grant li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' dak iż-żmien għadda lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija.
Dan kollu xekkel bil-kbir il-preparazzjoni ta' rapport komprensiv.


JUM DINJI TAL-KTIEB

5585. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari numri 4923, 5118 u 5432 li t-tlieta huma:
Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-ħidma tal-"Kumitat għall-Jum Dinji tal-Ktieb/Drittijiet ta' l-Awtur" li twaqqaf fit-3 ta' April, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4923 mogħtija f'Seduta Nru. 78.


EDUKAZZJONI - KAŻ TA' MPJEGAT

5666. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi eżattament il-funzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li reġgħet ġiet ingaġġata fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara li kien ilu diġa' xi xhur bil-pensjoni?
X'remunerazzjoni qed titħallas?
Hemm xi terminu ta' appointment?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' din il-persuna li permezz tiegħu reġa' daħal jaħdem mal-Gvern?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5103 f'Seduta Nru. 78.


SPORT - REGOLAMENTI

5843. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta fl-24 ta' Marzu, 1997 għall-mistoqsija parlamentari numru 4271, jista' l-Ministru jgħid jekk l-emendi proposti għall-Istatut tal-Kunsill Malti ta' l-iSport ġewx diskussi mill-kunsill? Jista' jgħid ukoll kemm-il laqgħa kellu l-kunsill minn meta ġie rikostitwit?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Kunsill Malti għall-iSports maħtur f'Marzu li għadda żamm s'issa total ta' ħames laqgħat fil-ġranet kif ġej:
23 ta' Marzu - 8 t'April - 5 ta' Mejju - 19 ta' Mejju.
Fil-laqgħat tal-kunsill ġew diskussi r-regolamenti oriġinali li jirregolaw il-Kunsill Malti għall-iSports kif ukoll xi emendi għall-istess Regolamenti apparti items oħra b'interess sportiv.


ŻGĦAŻAGĦ U SPORT - SAHRA LILL-IMPJEGATI

5854. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġibiet li ta għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3386 (Seduta 35) u 4185 (Seduta 47) dwar is-sahra li tħallset lill-impjegati tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-attivitajiet li saru fil-qasam taż-żgħażagħ, jista' l-Ministru jgħid kif irriżultaw fl-ewwel tweġiba dawk li hu sejjaħ "ineżattezzi" li kważi rduppjaw l-ammont li tħallas f'sahra fit-tweġiba għat-tieni mistoqsija fil-konfront ta' l-ewwel waħda?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-ineżattezzi li ssemmew fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4185 kienu dovuti għal żball klerikali.


KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

5855. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġibiet li ta għall-mistoqsijiet parlamentari numri 2884 (Seduta 34) u 4186 (Seduta 47) dwar it-tindif li suppost li kellu jsir fl-Uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Ministru hu f'pożizzjoni li jikkonferma li dak li stqarr fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4186 effettivament sar u għadu jsir?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien informat li dak li stqarrejt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 4186 għadu effettivament isir.


SPORT FOR ALL

5857. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 4191 dwar il-programm Sport for All, jista' l-Ministru issa jgħid x'inhi t-tifsira politika li l-Gvern preżenti jagħti lill-programm Sport for All? Jista' jgħid ukoll xi pjani għandu l-Gvern biex dan il-programm jitħaddem? Jista' jgħid meta se jinħatru l-membri tal-Bord li se jmexxu l-programm? Jista' jgħid ukoll jekk huwiex se jinħatar Segretarju Eżekuttiv?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat tal-iSport għal Kulħadd ġie maħtur fl-14 ta' Mejju 1997. Huw ffurmat mis-segwenti persuni:
Anthony Ghio Chairman

Tanya Zahra Segretarja

Mark Farrugia Membru

Joe Cutajar Membru

Vivienne Gatt Membru

Rosann Gatt Membru
Il-kumitat il-ġdid qiegħed fil-preżent ifassal il-programmi tiegħu.
It-tifsira politika li l-Gvern preżenti jagħti lill-programm "Sport għal Kulħadd", hija, kif jindika l-isem stess, l-isport ikun aċċessibbli għal kulħadd.


ŻEJTUN - TWESSIGĦ TA' TRIQ

6136. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5734, jista' l-Viċi Prim Ministru jiċċara li r-riferenza għall-permess huwa għal dik il-parti mill-Ġnien Luqa Briffa (mhux Ġnien il-Kmand li hu magħluq b'ħajt għoli) li fiha ħajt nofsu ġebel u nofsu ħadid u li x-xogħol jinsab avvanzat fil-fatt jonqos li tingħata t-triq biss?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi s'issa il-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma approvat l-ebda applikazzjoni għal twessigħ fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, iż-Żejtun.
Filwaqt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tikkonferma illi applikazzjoni numru PA 5265/96 ġiet rifjutata, tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf illi hemm applikazzjoni pendenti PA 6/97 li ġiet sottomessa fis-6 ta' Jannar 1997 li se tiġi diskussa mill-Kummissjoni għal-Kontroll ta' l-Iżvilupp fis-16 ta' Ġunju, 1997.


MOSTA: BIŻBIZIJA - ĦAJT

6181. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li ħajt li waqa' bil-maltemp u li issa joffri periklu għan-nies proprju fl-inħawi tal-Bizbizija u li dan diġa' ġie rrapportat minn ċertu Lorenza Schembri mill-Mosta, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jiġi rranġat mill-ħaddiema tal-Gvern malajr biex jiġu evitati xi disgrazzji bla bżonn?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ninsab informat li l-ħajt ġie spezzjonat u se jittieħdu passi mid-Dipartiment tat-Toroq biex dan jerġa' jinbena


TA' KANDJA - TWAQQIGĦ TA' KAMRA

6200. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5775, jaf il-Viċi Prim Ministru li anke fil-każ ta' struttura "fi stat perikoluż", l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tesiġi li tintalab l-awtorizzazzjoni tagħha minn perit li jagħmel talba formali akkumpanjata minn ritratti ta' l-istruttura perikoluża? Jista' jgħid għalfejn f'dan il-każ l-awtorita' ma żammitx ma' l-istess proċedura? Jista' jgħid meta sar xi rapport mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li fih ġie konstatat li din il-kamra ma kellhiex "xi valur storiku ewlieni"?
ONOR. GEORGE VELLA: Għalkemm teżisti proċedura li biha tintalab awtorizzazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar anki f'każ ta' struttura fi stat perikoluż, u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tiddeplora l-fatt li dan ma seħħx, minħabba li f'dan il-każ l-istruttura in kwestjoni hija żgħira ħafna u mhux ta' xi valur ewlieni, u anki minħabba l-fatt li din l-istruttura reġgħet ittellgħet fl-istess stil oriġinali ma nħassx li kien hemm għalfejn li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tieħu passi.
Fil-frattemp, ġiet ippreżentata applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex tiġi regolarizzata l-pożizzjoni.


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - MEMBRI

6207. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5459 ċioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5226 nixtieq ninforma lill-Ministru li t-talba tiegħi tirriferi għar-rapporti kollha relattivi u relevanti għall-evalwazzjoni fuq ix-xogħol u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għamel sa Jannar 1997 u r-rakkomandazzjonijiet kollha relattivi u relevanti li l-bord il-ġdid għamel fuq kif l-istess kunsill għandu jaħdem għas-snin li ġejjin, liema evalwazzjoni u rakkomodazzjonijiet il-kunsill talab jagħmel fl-ewwel xahar tal-ħidma tiegħu xi stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Jannar 1997. Għaldaqstant, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti kollha relattivi u relevanti għal din l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq u r-rakkomandazzjonijiet sussegwenti?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5459 f'Seduta Nru. 78.


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - ATTIVITAJIET

6210. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5237 ċioe' jgħid x'inhu l-programm ta' attivitajiet u l-pjan ta' ħidma li għandu l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għal din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5237 f'Seduta Nru. 78.


KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - IMPJEGATI

6211. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5236 b'riferenza għall-persuni mpjegati mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (fulltime u part-time) minn Jannar 1997 'il hawn?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5236 f'Seduta Nru. 78.


MALTA UNION CLUB - HERITAGE COMMITTEE

6213. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna x'kien ir-riżultat taż-żjara tal-Heritage Committee fil-Malta Union Club f'Tas-Sliema, liema żjara kienet tikkonċentra l-listing ta' l-istess post?
ONOR. GEORGE VELLA: Rigward il-parir ta' l-HAC dwar il-grad ta' protezzjoni tal-Union Club, l-HAC informat illi dan għandu jiġi kkonsidrat taħt dawn l-aspetti:
* Bħala valur Arkitettoniku s-sala ewlenija tal-club għandha kwalitajiet ta' valur biżżejjed biex timmerita preservazzjoni. Iż-żidiet lis-sala ewlenija li saru maż-żmien ma jaqgħux taħt dawn il-kriterji.
* Is-sala taqgħa taħt id-disposizzjoni ta' l-att dwar il-ħarsien ta' l-antikita' peress li nbniet fil-perjodu 1920 - 1930 u għalhekk aktar minn ħamsin sena ilu. Il-club huwa marbut ma' l-istorja ta' Tas-Sliema u partikolarment ma' l-iżvilupp ta' l-influwenza Ingliża ta' l-epoka.
* Il-bini kollu tal-Union Club kif inhu bħalissa huwa assoċjat mill-qrib ħafna ma' wieħed mill-każini ewlenin ta' Malta ta' dawn l-aħħar tmenin sena u li għadu jevolvi fin-natura u l-funzjoni tiegħu. Dan l-aspett soċjali għandu l-importanza tiegħu u għandu jiġi preservat kemm jista jkun.


TA' XBIEX - BINI TA' TRIQ SA REGIONAL ROAD

6248. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni biex issir it-triq ippjanata mill-Amministrazzjoni preċedenti li tagħti minn ħdejn il-ġnien ta' Ta' Xbiex sa Regional Rd? Jekk iva, meta hemm ħsieb li din it-triq tinbena? X'se jsir min-nies li d-dar tagħhom se titwaqqa'? Kemm se ddum wiesgħa din it-triq?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: It-triq in kwestjoni hija primarjament assoċċjata ma' l-iżvilupp li jrid isir f'"Manoel Island" u l-ponta ta' Tigne', u d-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni tagħha issir skond l-iżvilupp fuq dan il-proġett.


Yüklə 0,55 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin