W1,057. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti xahar b'xahar dettalji dwar infiq għall-entertainment and hospitality mill-Ambaxxatur Maurice Abela fi Vjenna mill-ħatra tiegħu sa Settembru, 1997?
ONOR. GEORGE VELLA: L-infie fuq ospitalita' u entertainment fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Vjenna, għall-perjodu bejn Lulju 1996 u Settembru 1997 kien dan:
In-nefqa totali f'sena għalhekk kienet ta' ATS 35,571, jiġifieri Lm1,143.80.
Djar - każ b’file no. HA/51/97
W1086. L-Onor. Sandro Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-każ tal-file no. HA/51/97 tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għadu ma sarx il-kuntratt? Meta se jsir il-kuntratt?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Il-persuna ndikata iffirmat il-konvenju fuq ir-residenza governattiva tagħha fit-3 ta’ Ġunju 1997. Fil-5 ta’ Ġunju l-Awtorita’ tad-Djar kitbet lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex jagħtiha l-boundaries and root of title (provenjenza) ħalli jkun jista’ jsir il-kuntratt. Sallum l-Awtorita’ tad-Djar għadha ma rċievitx din l-informazzjoni.
Djar - HA 51/97
W1,103.L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm il-Lands milli jipproċessaw b’aktar ħeffa l-applikazzjoniji ta’ persuna mill-Marsa, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex tkun tista' tixtri l-post fejn toqgħod (HA 51/97)? Meta se jsir il-kuntratt? Jaf il-Ministru li l-każ tagħha ilu ‘lfuq minn seba’xhur?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat li l-Awtorita’ tad-Djar għada tistenna l-provenjenza mill-Lands Department ta’l-art li fuqha hemm mibnija d-dar. It-talba lill-Lands Department saret fil-5 ta’Ġunju 1997.
Djar - Applikazzjoniji Nru. HAN 122/97
W1,105.L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna minn tas-Sliema, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bil-File: HAN 122/97 SchemeN ?
ONOR. ALFRED PORTELLI:GĦalkemm il-persuna ssottomettiet l-applikazzjoni taħt din l-iskema fit-13 ta’ Diċembru 1997, parti mid-dokumenti neċċessarji kif ukoll il-ħlas rikjesta mal-formola saru fit-12 ta’Jannar 1998.
Fil-preżent l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata.
Djar - RO 8241
W1,107.L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: B’riferenża għal RO 8241, jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-Diretur ta’l-Akkommodazzjoni Soċjali qed idum ma jilqa’ dik it-talba u li id-dettalji qed jintbagħtu separatament?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi t-talba tal-persuna ndikata ma tistax tiġi milqugħa għax il-post li daħlet fih mhux se jibqa' jintuża għal skopijiet residenzjali.
Djar - Kuntratti
W1,111. L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid meta persuni bħal persuna minn Ħal-Qormi, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt tal-post tagħhom, hekk kif l-art issir tal-gvern? Meta se ssir tal-gvern l-art? X’qed joħloq dan id-dewmien? X’risposta se jkollu dan iċ-ċittadin?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Meta l-Awtorita’ tad-Djar ikollha t-titolu legali fuq l-art li fuqha hemm mibnija d-dar taħt il-Home Ownership Scheme, tkun tista tikkonkludi t-trasferiment tal-art lill-persuna msemmija.
Djar - Xiri
W1,116. L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid meta persuna mill-Belt, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se jkun jista’ jixtri l-post (tal-gvern) fejn qed joqgħod wara li ilu li applika xhur sħaħ ilu?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Il-persuna msemmija applikat uffiċjalment biex tixtri r-residenza tagħha li hija proprjeta’ tal-gvern fil-21 ta’ Ottubru 1997.
Ftit jiem oħra din il-persuna ser tiġi mitluba tiġi l-Awtorita’ tad-Djar biex jiġi iffirmat il-konvenju fuq dan il-post.
Djar - Każ H 11342
W1,120. L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta' ipproċessar wasal il-każ ta’persuna mill-Belt Valletta, li dettalji qed jintbagħtu separatament, b’File No. H 11342, li qed titlob akkomodazzjoni alternattiva saret inspeċtion f’darba? Meta?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi l-persuna ndikata kienet ġiet allokata post li kienet talbet hi stess fil-Belt iżda wara rrifjutatu. GĦalhekk ma tantx għandha ċans terġa tiġi offruta post ieħor.
GŻIRA - DAR TA' L-ANZJANI
W1,173. L-ONOR. SANDRO SCHEMRI ADAMI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se ssir kjarifika dwar id-dar ta' l-anzjani li tinsab fil-Gżira fid-dawl ta' dak li ġie rrapportat fuq it-television li din mhijiex adattata u trid titneħħa? Kif se jiġu affettwati l-anzjani tal-lokal?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Id-Dar ta' l-Anzjani tal-Gżira ġiet mixtrija fl-1988. Din id-dar għandha diversi problemi, fosthom in-numru ta' sulari u t-taraġ bejn dawn is-sulari. Barra minn hekk il-post hu relattivament żgħir.
Minħabba esiġenzi ta' prijorita', għalissa m'hemmx il-ħsieb li din id-dar tingħalaq.
GŻIRA - DAY CENTRE
W1,174. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata bidu għad-Day Centre għall-anzjani tal-Gżira, peress li din kellha sseħħ f'Jannar 1998 u sal-lum jidher li għadu ma sar xejn?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Is-Segretarju Parlamentari preżenti qatt ma wiegħed li d-Day Centre għall-anzjani se jinfetaħ f'Jannar 1998.
GŻIRA - ASFALTAR TA' TOROQ
W1,175. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li jiġu asfaltati kemm Tabone Lane li r-residenti ilhom jitolbuh li ssir għal dawn l-aħħar 30 sena, kif ukoll New Street in Luqa Briffa Street, it-tnejn fil-Gżira li hi kollha ħofor u perikoluża?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Triq Taliana fil-Gżira u t-triq ta’ ħdejha li qiegħda mniżżla fil-lista tat-toroq li jridu jiġu asfaltati.
GŻIRA - TRIQ SAN ĠORĠ
W1,179. L-ONOR.SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi l-gvern jiftaħ triq fejn hemm għalqa fi Triq San Ġorġ ma' Triq Luqa Briffa fil-Gżira, biex jitħaffef it-traffiku u nsolvu parti mill-problema ta' l-ilma li jinżel minn hemm billi jsir xi lqugħ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: It-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant għadhom mhumiex żviluppati u għalhekk ma jistgħux jinfetħu għalissa. Is-sitwazzjoni tat-traffiku w ta’ l-ilma qed jiġu kkunsidrati fil-kuntest globali ta’ żvilupp ta’ toroq fil-lokal inkonnessjoni mal-proġett ta’ Manoel Island.
GŻIRA - QLUGĦ TA' TRINEK
W1,181. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li jinqalgħu t-trinek kif suppost wara li jsiru xi tiswijiet mill-WSC fil-lokalita' tal-Gżira, meta jkunu saru xogħlijiet utili?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Preżentament il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twettaq ir-“reinstatement” tat-triq b’kisi temporanju meta jsiru xogħlijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma. Sadanittant il-Korporazzjoni qed tieħu ħsieb li taħtar kuntrattur permezz ta’ sejħa pubblika sabiex dawn ix-xogħlijiet isiru b’mod permanenti.
MANOEL ISLAND - PROĠETT
W1,182. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'effett se jkollu l-proġett utili ta' Manoel Island inkluż it-twaqqigħ ta' bini, fuq l-infrastruttura u l-imaniġġjar tat-traffiku fil-lokal?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Peress li għadhom qed jiġu kkunsidrati diversi alternattivi għas-sistema ta’ toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku fil-lokal għalissa ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Pembroke - Proġetti
W2,001.L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI Staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti li l-Gvern għandu għal Pembroke fejn jirrigwarda Housing?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għad-Diskors tal-Budget 1998 dwar Korporazzjoni għall-Iżvilupp Urban ta’ Pembroke.
Gzira - Proġetti ta’Housing
W2,002. L-Onor. SANDRO SChembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti għandu l-Gvern dwar Housing f’Manoel Island, Gzira? Jista l-Ministru jgħid xi studji saru, minn min saru u x’direzzjoni se jieħdu għar-rigward ta’ soluzzjonijiet parzjali tal-problema tal-Housing?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Il-Proġett għall-iżvilupp ta’ Manoel Island u Tigne’ ma’ jinkludix Social Housing. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 7284 li saret mill-Onor. Jose’ Herrera lill-Prim Ministru.
Djar - DJAR Substandard
W2,003. L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Fid-dawl ta' survey li sar dan l-aħħar fejn irriżulta li hemm madwar 8,000 dar/fond substandard, jidhirlu l-Ministru li ta’ min issir spjegazzjoni fuq kull waħda minn dawn id-djar biex jiġi mistħarreġ jekk dawn jaqgħux taħt xi waħda mill-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex allura dawn jiġu resi up to standard?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Qegħdin isiru taħdidiet ħalli safejn hu possibbli jsir dan l-eżerċizzju u jiġi stabbilit jekk dawn il-każijiet jikkwalifikawx taħt l-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex dawn l-abitazzjonijiet jiġu resi up to standard.
Djar - Xiri
W2,005.L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kif dawk li joqogħdu f’postijiet residenzjali tal-gvern li talbu biex jixtru l-post tagħhom u ma jistgħux jagħmlu dan u minhabba li l-art li fuqha hemm mibnija r-residenza m’hijiex proprjeta’ tal-gvern, jaħseb il-Ministru li għandhom jingħataw iċ-ċans li jakkwistaw ir-residenza tagħhom bħal ħaddieħor? Konxju l-Ministru li; (i) b’hekk anke l-piż ta’l-inkwilin jonqos; (ii) l-awtorita’ddaħħal aktar flus; u (iii) tikber il-possibilita’ ta’ bini ta’aktar djar għall-poplu?
ONOR. ALFRED PORTELLI: L-Awtorita’ tad-Djar qed tistudja skema għal dan il-għan.
Djar - Skemi
W2,007. L-Onor. SANDRO Schembri Adami staqsa lill-Ministru tad-Djar u tal-Kunsilli Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kif għandhom jitħaffu l-proċeduri biex min għandu dar mibnija fuq HOS plot li qegħda fuq art li l-gvern m’għandux titolu fuqħa, jkunu jistgħu jifdu ċ-ċens ta’fuq il-plot u b’hekk ma jiġux imċaħħda minn dritt li għandu ħaddieħor?
ONOR. ALFRED PORTELLI: L-Awtorita’ tad-Djar qed tistudja skema għal dan l-iskop.
P.A. -PA 5713/96
W2,011. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ambjent: Wara li fi Triq Danny Cremona kien sar tħaffir fuq sit li n-numru tal-permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar PA 5713/96, liema tħaffir sar b'traskuraġni u kkawża problemi strutturali f'żewġt idjar li jmissu mas-sit, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tintuża l-kawtela kollha biex fil-futur affarijiet bħal dawn ma jsirux? Jaf il-Viċi Prim Ministru li kawża ta' dan, kull xitwa qed jinġabar m'għola metru ilma tax-xita li jdum hemm sal-bidu tas-sajf, u qed jispiċċa biex jinġabar numru kbir ta' nemus li jinvadu il-btieħi tar-residenti?
ONOR. GEORGE VELLA: It-tħaffir li għalih saret referenza f'din l-interpellanza huwa kopert bil-permess PA 5713/96 maħruġ fit-23 ta' Settembru, 1997.
L-aċċess minn Triq Danny Cremona li jagħti ġos-sit in kwestjoni huwa magħluq b' hoarding skond il-kondizzjonijiet imposti fil-permess li preżentement għadu validu.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar m'għandha l-ebda kontroll fuq l-ilma tax-xita li mela l-ħofra proġettata għall-basement u mill-impatt sfavorevoli illi jirriżulta mill-istess ilma bħal nemus u qtates imgħarqa. Dan l-ilment għandu jiġi riferut lill-Awtoritajiet tas-Saħħa u Sanita għall-azzjoni meħtieġa minn naħa tagħhom.
L-istess, rigward problemi strutturali f'żewġt idjar li jmissu mas-sit - dan huwa problema ta' natura ċivili li għalihom l-Awtorita' ma hiex responsabbli.