Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,76 Mb.
səhifə6/10
tarix23.01.2018
ölçüsü0,76 Mb.
#40416
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada, it-Tlieta, 3 ta' Frar 1998, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Mozzjonijiet
Riżoluzzjoni dwar tibdil fil-Memorandum u Statut ta' Assoċjazzjoni ta' l-Awtorita' dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta.
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi tal-Mutur għar-Riskji ta' Terzi Persuni - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku (Emenda Nru 2) - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 3) - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont); u
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni;
----------------------------
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Lottu Pubbliku - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pools tal-Gvern Malti fuq il-Logħob - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Emenda Nru 2) - Kumitat Permanenti.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Michael Refalo.
ONOR. MICHAEL REFALO: Madam Speaker, f'dawn il-ftit minuti allokati għalija xtaqt nitkellem dwar żewġ suġġetti li għandhom x'jaqsmu mat-trasport.
Fil-gazzetti lokali ta' l-aħħar tal-ġimgħa dehret stqarrija mill-Kunsill Lokali ta' Tas Sliema fejn wera d-diżappunt u anke l-għadab tiegħu minħabba li l-Gvern, f'dan il-każ il-ministeru għax-xogħlijiet pubbliċi u kostruzzjoni, ma żammx kellmtu miegħu. Min-naħa tal-Gvern kien hemm l-arranġament u l-wegħda li sa Mejju li għadda Triq it-Torri, minn Fond Għadir sax-Xatt ta' Tas Sliema, kellha tiġi resurfaced u kellhom isiru wkoll il-bankini ġodda. Min-naħa tiegħu l-kunsill lokali daħal għall-biċċa xogħol li jiġbor madwar ¥16 mingħand kull resident ta' dawn l-inħawi għall-istallazzjoni ta' earth electrodes. Imma dan ix-xogħol la beda f'Mejju li għadda u lanqas f'Ottubru li għadda kif kien hemm il-wegħda u għal xi raġuni jew oħra l-kunsill ġie nformat li dan ix-xogħol kien pospost għax-xahar ta' Jannar, ix-xahar li għadu kif għadda. Il-kunsill ma qagħadx lura milli jibgħat u jfakkar lill-ministeru dwar il-wegħda tiegħu imma issa qegħdin fi Frar u m'għamlu xejn u allura ħareġ din l-istqarrija u qed jgħid li ġie mbarazzat serjament mill-Gvern. Il-kunsill qed jgħid li l-Gvern ħareġ ta' inkompetenti pero' ħareġ ukoll lill-istess kunsill ta' inkompetenti meta ma kienx mistħoqq li joħroġ b'dan il-mod u allura qed jgħid li se jagħti lura l-flus li ġabar għall-earth electrodes u fl-istess ħin iħeġġeġ biex ix-xogħol li kellu jsir isir.
In-nuqqas ta' dan ix-xogħol qed jagħti ħafna kredibbilta' lil kull min jaħseb li meta l-Gvern u r-rappreżentanti tiegħu jitkellmu dwar il-kunsilli lokali jkunu qegħdin jagħtu biss lip-service. Dan il-Gvern lill-kunsilli lokali kważi kważi qed jemarġinahom u jekk kien hemm bżonn ta' prova oħra ta' dan, din rajniha llum fil-ħin tad-domandi meta wieħed minn sħabi staqsa għaliex waqaf ix-xogħol tal-front tal-Gżira u l-Ministru responsabbli mix-xogħlijiet qalilna li dan ix-xogħol waqaf għaliex spiċċa l-materjal. Issa dan huwa xogħol li ilu mibdi sena u allura ċertament m'huwiex ċertifikat għall-effiċjenza u għal xi stil maniġerjali u modern li tant jiftaħar bih il-Gvern. GĦalhekk minn hawnhekk jiena nħeġġeġ lill-Gvern u lill-ministeru konċernat biex jipprova jgħin lil dawn iż-żewġ kunsilli lokali ħalli jwettqu żewġ proġetti li tabilħaqq hemm bżonnhom.
Madam Speaker, Tas-Sliema hija komunita' fejn hemm perċentwali għolja ta' anzjani, u dan sfortunatament ifisser li r-rata ta' mwiet hija ogħla minn postijiet oħra. Dan ifisser ukoll li jkollok funeral - jew aktar minn funeral wieħed - kuljum. Issa l-erba' knejjes parrokkjali li hemm f'Tas-Sliema kollha qegħdin f'toroq dojoq u kull darba li jkun hemm funeral jinqala' traffic jam għaliex dawn huma kollha bottlenecks traffikużi. GĦalhekk nixtieq nissuġġerixxi li min jagħmel id-detail tal-pulizija fl-għassa ta' Tas-Sliema jkun jaf meta se jsir xi funeral, jew mill-gazzetti jew permezz tal-kappillani, u jpoġġi pulizija sabiex jidderieġu t-traffiku u b'hekk jgħaddi b'iktar ħeffa.
Madam Speaker, irrid nitkellem ukoll dwar il-ġarr tat-tfal ta' l-iskejjel ta' St Joseph u St Elizabeth. Huwa veru li l-minibuses iridu jaslu ftit tal-ħin qabel ma jieħdu t-tfal lura d-dar, iżda hemm bżonn li Triq il-Katidral u Triq Tonna jimtlew bil-minibuses nofs siegħa jew tliet kwarti qabel ma joħorġu t-tfal mill-iskejjel? Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm ambulanza li ma setgħetx tgħaddi minn Triq it-Torri għaliex il-minibuses kienu qegħdin jingombraw dik il-part tat-triq. Allura jien naħseb li bi ftit iktar attenzjoni, sew mis-sewwieqa u kif ukoll mill-pulizija, inkunu nistgħu nimxu aħjar.
Madam Speaker, nixtieq ngħid xi ħaġa żgħira dwar it-towing, u se nagħti eżempju. Il-bieraħ stess kont preżenti fi Triq Manwel Dimech fejn kien hemm xi karozza li kienet qiegħda tingombra xi bankina jew xi post riżervat. Imma meta ġie tat-towing, dan dam għal xi għaxar minuti biex ineħħi din il-karozza u allura minflok kellna ngombru ta' karozza waħda kellna ngombru, minn ħdejn l-għassa ta' Tas-Sliema sax-Xatt ta' Tas-Sliema, b'xi 100 karozza kollha jdoqqu u jistennew! GĦalhekk huwa importanti li wieħed jaħseb ftit bis-sens qabel ma jneħħi xi karozzi mit-toroq. Wieħed jew għandu jagħmel dan l-eżerċizzju b'iktar ħeffa jew inkella għandu jmur fil-ħin li għandu jmur. Qed insemmi dawn l-affarijiet għaliex hemm rimedji oħrajn u mhux għaliex irrid li l-affarijiet fejn tidħol id-dixxiplina ma jsirux, għaliex id-dixxiplina hija importanti. Imma mbagħad ma nixtieqx li n-nies iddur kontra s-sistemi tajbin u li jġibu dixxiplina għaliex ikunu qegħdin jiġu mħaddma ħażin. Ħalli niġi issa għal punt ieħor, Madam Speaker.
Bħal-lum ġimgħa deher artiklu f'''The Times'' miktub mis-Sur Joe Tabone, ex-chairman ta' l-Airmalta, li għamel ħafna mistoqsijiet importanti għall-Airmalta, kif ukoll għal kull min iħallas it-taxxi f'Malta u Għawdex. Nhar is-Sibt fil-għodu fi programm ta' diskussjoni fuq l-RTK bejni u bejn il-Ministru tat-Turiżmu, l-Onor. Vella, il-preżentatriċi għamlet ukoll l-istess domandi lill-Ministru Vella. Imma sew l-Airmalta kif ukoll il-Ministru Vella ma weġbux għat-ton u għal dawk id-domandi kollha ta' importanza li għamel is-Sur Tabone. GĦalhekk naħseb li huwa xieraq li jiena nagħmel dawn id-domandi f'din il-Kamra u xieraq ukoll li sew il-Ministru Vella kif ukoll l-Airmalta jagħtu t-tweġiba tagħhom jew fil-Kamra jew inkella f'xi stqarrija jew xi artiklu. GĦaliex fejn is-soltu l-Airmalta kif jitkellem is-Sur Tabone tirrispondi mill-ewwel, din id-darba għadda tant żmien u qisu ma qal xejn. Imma jiena naħseb li dawn il-mistoqsijiet serji li għamel is-Sur Tabone jenħtieġu risposta serja u eżawrjenti.
Dawn il-mistoqsijiet, kif qed ngħid, se nerġa' nagħmilhom f'din il-Kamra for record purposes, u dawn kienu: Għaliex l-accounts ta' l-1995/1996, li ġew approvati fil-general meeting ta' Frar 1997, ma ġewx iddepożitati għand ir-Registrar of Partnerships? Għaliex l-accounts ta' l-1996/1997, li ġew approvati fil-general meeting ta' Diċembru 1997, ma ġewx iddepożitati għand ir-Registrar of Partnerships? Veru jew mhux veru li l-accounts ta' l-1995/1996 baqgħu l-istess kif kien approvahom il-bord ta' qabel u baqgħu mingħajr bidliet, cioe' li l-Airmalta fil-fatt kienet għamlet profitt ta' madwar ¥5 miljun, bid-differenza li għal dik is-sena ma ġiex iddikjarat dividend kif kien se jagħmel il-bord ta' qabel? Veru jew mhux veru li sa Ottubru 1996 il-management accounts kienu juru profitti ta' ¥5 miljun? X'ġara biex f'temp ta' ħames xhur sa Marzu 1997, meta tagħlaq is-sena finanzjarja ta' l-Airmalta, din spiċċat b'telf ta' ¥5 miljun, li jfisser żelqa ta' ¥10 miljun? Dawn huma domandi importanti, speċjalment meta niftakru x'kien intqal dwar l-istat finanzjarju tal-kumpannija, ċioe' dak il-kliem kollu dwar il-ħofor, kliem li m'għamilx ġid imma deni u ħsara kbira lill-Airmalta.
Madam Speaker, din l-istampa kontrastanti, u anke s-sempliċi fatt li ma ressqux l-accounts għand ir-Registrar of Partnerships, tagħti indikazzjoni li dak li qed jgħid is-Sur Tabone huwa minnu u li fil-fatt l-accounts ta' l-Airmalta u s-sitwazzjoni ta' l-Airmalta ma kenitx fl-istat li kienu qegħdin jgħidu l-membri tal-Gvern dak iż-żmien. GĦalhekk nistenna li l-Airmalta jew inkella l-Ministru stess iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet u jwieġeb bis-serjeta'. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Ninu Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, nixtieq nagħti ftit tagħrif biex nuri lill-membri ta' dan il-Parlament kif ukoll lil dawk li qegħdin jisimgħuna l-mod li bih il-ministeru tal-biedja u sajd qiegħed jitmexxa, biex ngħid hekk, b'ingann.
Fit-12 ta' Jannar id-dipartiment ta' l-informazzjoni ħareġ stqarrija li biha avża li kienet se titneħħa l-levy minn fuq l-importazzjoni ta' ċerti ħxejjex bħall-pastard, kaboċċi u patata ta' l-ikel, imma l-istess stqarrija kienet tgħid ukoll li l-perijodu li fih l-importaturi kellhom japplikaw biex jimportaw dawn il-ħxejjex kellu jagħlaq l-għada f'nofsinhar. Fil-fatt l-għada li ħarġet din l-istqarrija kien hemm diversi kummenti fil-gazzetti u wieħed mill-kummenti li laqtu kien jgħid li ċerti importaturi kienu diġa' ġabu dawn il-ħxejjex f'pajjiżna qabel ma ħarġet din l-istqarrija li naqqset il-levy fuq l-importazzjoni tagħhom. Ovvjament jiena lill-Ministru tal-Biedja u Sajd staqsejtu kif jista' jkun li f'pajjiżna wasalna fi stat fejn joħroġ avviż lill-importaturi f'ċertu data u l-perijodu ta' l-applikazzjonijiet biex ikunu jistgħu jimportaw dawn il-prodotti jkun jagħlaq l-għada, u dan għamiltu għaliex nemmen li l-biedja f'pajjiżna għandha tkun ibbażata fuq bilanċ, fis-sens li min-naħa waħda għandek tiggarantixxi qligħ adegwat lill-bdiewa u r-raħħala u min-naħa l-oħra għandek tiggarantixxi provvista adegwata ta' ħxejjex li l-mara tad-dar tkun tista' tlaħħaq magħhom f'dik li hija spiża. Jiena għidt ukoll li din hija xi ħaġa li l-Ombudsman għandu jiċċekkjaha imma ħaġa ta' l-għaġeb il-Ministru Noel Farrugia reġa' ħareġ stqarrija oħra biex jikkritika dak li għidt jiena u, jiddispjaċini ngħid, f'din l-istqarrija verament beda jagħżaq fl-ingann, u se ngħid għaliex. Fl-istqarrija tiegħu l-Ministru Farrugia qal li fl-ewwel sena ta' amministrazzjoni Soċjalista l-bdiewa marru tajjeb, imma dan huwa kuntrarju għal dak li qal f'diversi risposti li ta għal mistoqsijiet parlamentari li għamiltlu jiena fil-Parlament.
Tajjeb li nfakkar li fl-aħħar sena ta' Gvern Nazzjonalista l-prezz medju kull kilo tal-prodottt agrikolu mdaħħal fil-pitkalija kien ta' 16c3m u fl-ewwel sena ta' Gvern Laburista ġdid dan il-prezz niżel għal 14c2m. Dan ifisser tnaqqis ta' madwar 13%. Jekk inqabblu l-prezz tal-patata mdaħħla fil-pitkalija fl-ewwel sitt xhur ta' l-1997 mal-prezz fl-ewwel sitt xhur ta' l-1996 insibu li kien hemm tnaqqis sostanzjali li jwerwrek. Fejn fl-1996 il-prezz medju tal-patata mdaħħla fil-pitkalija kien ta' 16c kull kilo; fl-ewwel sitt xhur ta' l-1997 dan il-prezz niżel għal madwar 7c kull kilo. Dan ifisser tnaqqis sostanzjali ta' madwar 55% fid-dħul għall-bdiewa tagħna u din mhijiex ċajta. U nerġa' nfakkar li l-Ministru Noel Farrugia ma qal xejn dwar dan il-fatt.
Jekk inħarsu lejn il-prezz medju tal-patata esportata fl-1996 fl-istaġun tas-sajf, insibu li dan kien ta' madwar ¥12.68 kull qantar, waqt li fl-1997, jiġifieri fl-ewwel staġun ta' Gvern Laburista ġdid, dan il-prezz niżel għal madwar ¥10.30 kull kilo. Dan ifisser tnaqqis ta' madwar 18.7% fil-prezz medju tal-patata esportata. Imma dan m'huwiex kollox, Madam Speaker. Hemm fatturi oħrajn li jindikaw li fl-ewwel sena ta' Gvern Laburista l-operaturi ta' dawn l-oqsma, jiġifieri l-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala, marru lura.
Bħalma jaf kulħadd qabel Lulju ta' l-1997 kellna l-liġi tal-VAT li kienet tiggarantixxi refunds fuq servizzi lil dawn l-operaturi. Minn mistoqsija li għamilt fil-Parlament, jirriżulta li għas-sentejn u nofs li kienet tapplika l-liġi tal-VAT, il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda kienu ħadu refund fuq servizzi, jiġifieri meta bidwi jqabbad plumber jew electrician, per eżempju, ta' madwar ¥1.4 miljun. GĦalhekk nistgħu naslu għall-konklużjoni li f'dawn is-sitt xhur li ilha topera s-CET il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda kellhom iħallsu ċ-ċifra ta' ¥280,000 extra. U dan kollu jiena qed ngħidu biex nuri kemm verament ħareġ fil-beraħ il-paniku li qabdu dan il-Gvern u kemm hemm nuqqas ta' trasparenza fit-tmexxija ta' dawn l-oqsma.
Nixtieq ngħid li meta jiena kkritikajt lill-ministeru tal-biedja u sajd fuq l-operat kollu u fuq il-mod kif qiegħda ssir l-esportazzjoni tal-patata fl-istaġun tas-sajf, kemm il-ministeru kif ukoll il-bord responsabbli mill-esportazzjoni kienu qalu li jiena ridt inqarraq bil-bdiewa. Pero' meta komplejt nagħfas fuq dan, fl-aħħar il-Ministru tal-Bieda u Sajd ammetta pubblikament li kien hemm nuqqas ta' trasparenza u nuqqas gravi ta' effiċjenza fl-operat kollu. GĦalhekk nerġa' nistaqsi lill-Ministru: GĦaliex l-istqarrija li biha l-importaturi kienu nformati li kienet se titnaqqas il-levy fuq l-importazjoni ta' ċerti ħxejjex, bħal pastard, kaboċċi u patata ta' l-ikel, ħarġet it-Tnejn fil-għaxija u għalqet l-għada f'nofsinhar? GĦaliex il-Ministru għadu ma rrispondiex għall-fatt li huwa magħruf pubblikament li ċerti importaturi kienu diġa' mportaw dawn il-ħxejjex f'pajjiżna qabel ma ħarġet din l-istqarrija li kienet tgħid li se jkun hemm tnaqqis fil-levy fuq l-importazzjoni ta' l-istess prodotti?
Madam Speaker, jiena nagħlaq billi ngħid li fil-qasam tal-biedja hemm bżonn li jkun hemm bilanċ, dak il-bilanċ li permezz tiegħu tiggarantixxi qligħ xieraq u adegwat lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda u tiggarantixi wkoll provvista ta' prodotti bnien li l-mara tad-dar tkun tista' tixtrihom bil-mezzi finanzjarji tagħha. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Edwin Vassallo.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, ftit tal-ġranet ilu l-Onor. Chris Cardona staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, dak iż-żmien l-Onor. Mangion, dwar il-finanzjament tal-Kunsill Lokali tal-Mosta u talbu biex jikkonferma jekk dan il-kunsill lokali għandux dejn ta' aktar minn ¥260,000.
Madam Speaker, illum il-ġurnata l-esperiment tal-kunsilli lokali sar esperjenza valida ħafna. Dan l-esperiment tant sar esperjenza valida li issa li għaddew l-ewwel erba' snin ta' ħidma tal-kunsilli lokali, beda d-dibattitu politiku rigward il-politika lokali f'pajjiżna. U huwa tajjeb li nibdew nagħmlu l-kontijiet u nibdew infittxu x'nefqu l-kunsilli lokali, għaliex wara kollox dawn huma flus il-poplu. GĦalhekk huwa tajjeb li ngħidu li l-ħidma tal-kunsilli lokali hija wkoll waħda politika għaliex dawn qegħdin jagħmlu użu u qegħdin jiddeċiedu fuq finanzjament mogħti mill-gvern ċentrali minn flus il-poplu u allura dak huwa dmir politiku. Pero' jekk għandna niżviluppaw id-dibattitu politiku, allura għandna niżviluppawh b'mod komplet u mhux għaliex jaqblilna ngħidu biss parti miċ-ċifri jew nipprovaw naħbu l-verita' sħiħa.
Meta wieħed iħares lejn kontijiet ta' kumpannija, ta' negozju jew kontijiet tal-gvern, irid iħares lejn dawn il-kontijiet b'mod sħiħ, u dan iżjed u iżjed meta għall-ewwel darba qegħdin inħarsu lejn il-kontijiet tal-finanzjament tal-kunsilli lokali. Jiena m'iniex niġġustifika xi nuqqas li jista' jkun li sar imma qed ngħid li għandna nagħtu l-informazzjoni sħiħa u dan huwa li nixtieq nagħmel f'dan l-intervent tiegħi. U jekk kien hawn min tkaża jew pinġa ħażin lill-Kunsilli Lokali tal-Mosta għax għandu ¥260,000 dejn - li fil-fatt huma anke inqas minn hekk - irid ukoll jispjega dan x'ifisser. U ara ma mmorrux nirraġunaw fuq il-kunsilli lokali kif qegħdin nirraġunaw fuq il-finanzjament tal-pajjiż, kif forsi huwa fil-ħsieb ta' l-Onor. Cardona, li għamel din il-mistoqsija, u ta' min wieġeb għaliha min-naħa tal-Gvern, meta t-tnejn suppost jemmnu fit-tmexxija indipendenti tal-kunsilli lokali! Ara ma mmorrux inwaddbu l-istess ħsieb tal-famuża ħofra fuq il-kunsilli lokali u ladarba l-Kunsill Lokali tal-Mosta għandu ¥260,000 li m'humiex imħallsin, allura ngħidu li huwa kunsill fallut! Diġa' nkunu qegħdin nirraġunaw ħażin meta nirraġunaw hekk fuq ekonomija ta' pajjiż b'mod sħiħ, xi ħaġa li kompliet ġabet ir-rovina ta' dan il-pajjiż, aħseb u ara jekk se nirraġunaw hekk fuq il-kunsilli lokali!
Jiena ngħid ukoll li l-attakk li qed isir kontra l-Kunsill Lokali tal-Mosta m'huwiex attakk lejn dan il-kunsill individwali imma huwa attakk lejn il-konċett tal-politika lokali f'pajjiżna. U jiena jiddispjaċini meta nisma' din it-tip ta' kritika b'nofs verita'. Huwa veru li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għad għandu x'iħallas imma huwa fatt li negozju mhux bilfors has to breakeven kull sena. Huwa fatt ukoll li kieku l-Gvern Laburista kompla żied il-finanzjament tal-kunsilli lokali bir-ritmu kif kien qed iżidhom il-Partit Nazzjonalista fil-gvern u mhux inaqqashom, kieku llum m'għandniex dan il-gwaj u kieku għandna ħafna kunsilli lokali li setgħu jagħmlu iktar.
Jekk nieħdu l-Kunsill Lokali tal-Mosta, dan kellu erba' snin ta' ħidma quddiemu u meta ddeċidejna fuq ċerti proġetti - qed ngħid iddeċidejna għaliex jiena kont parti minn dan il-kunsill u allura naħseb li għandi d-dmir li niddefendih - iddeċidejna fuqhom meta konna konxji li l-flus li kellna kienu se jkomplu jiżdiedu. Dan kien il-ħsieb tagħna. Allura jekk irridu nħarsu lejn l-iżbilanċ, biex inkunu korretti rridu nsemmu wkoll il-¥514,000 f'assi kapitali u proġett kapitali importanti li l-Kunsill Lokali tal-Mosta rnexxielu jiġġenera u li llum il-komunita' tal-Mosta qiegħda tagħmel użu minnhom. Mela fil-komunita' tal-Mosta ġew investiti ¥514,000 min-nies eletti mill-istess komunita', u din qiegħed nirripetiha, Madam Speaker, biex ikun hemm l-istess aċċenn bħalma kien hemm aċċen fuq kemm hemm flus li għad iridu jitħallsu.
Jekk inħarsu lejn ir-risposta li kien ta l-Ministru, insibu li huwa qal li skond l-awditur il-Kunsill Lokali tal-Mosta spiċċa s-sena finanzjarja bi żbilanċ ta' ¥206,000. Pero' dawk il-¥206,000 m'humiex kollha dejn u jekk irridu nkunu eżatti tajjeb li ngħidu li l-ammont li l-kunsill lokali tal-Mosta għandu x'iħallas lil min għamel xi xogħol huwa ta' ¥198,000 li madwar ¥6,000 minnhom għadhom ma tħallsux għaliex il-kunsill lokali għadu qiegħed jiċċekkja fuq ix-xogħol li sar. Jekk f'dan il-Parlament irridu nkunu responsabbli, allura għandna nikkritikaw u npoġġu l-istampa sħiħa u mhux natakkaw xi ħaġa li ħadmet, u aktar minn hekk ħadmet bil-volontiera. Jiena nixtieq li f'din il-Kamra hawn iktar ex-kunsilliera ħalli jkunu jafu x'jirrikjedi dan ix-xogħol. Jiena għandi kull rispett lejn kull deputat għax naf ukoll x'jiġifieri tkun deputat, imma naħseb li x-xogħol tal-kunsilliera li, nerġa' ngħid, huma volontarji jrid jiġi apprezzat, u issa forsi aktar u aktar meta dan il-Gvern qed inaqqasilhom il-fondi.
U jekk irridu ngħidu kollox - din irrid inwassalha anke lir-rappreżentati tal-media li jkunu qegħdin jisimgħuna - tajjeb ngħidu li m'huwiex minnu li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għandu dejn ta' b'¥206,000. Jekk irridu npoġġu l-istampa sħiħa, irridu ngħidu li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għandu b'¥514,000 f'assi kapitali u fi proġetti kapitali għall-użu ta' l-istess komunita'. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal għada t-Tlieta, 3 ta' Frar, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 0,76 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin