Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 326,35 Kb.
səhifə1/6
tarix23.01.2018
ölçüsü326,35 Kb.
#40417
  1   2   3   4   5   6

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 209


L-Erbgħa, 8 ta' April, 1998

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 209


L-Erbgħa, 8 ta' April, 1998

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-6.12 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 209
L-Erbgħa, 8 ta' April, 1998


WERREJ

MINUTI 195

TQEGĦID TA' KARTI 202

MOZZJONIJIET 203

ĦATRA TA' DEPUTAT AWDITUR ĠENERALI 203

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 206

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IL-KUMMERĊ TA' L-ASSIGURAZZJONI 206

INSURANCE BUSINESS BILL 206

AĠĠORNAMENT 229

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 231

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 238





MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 208 li saret fis-7 ta' April, 1988 ġew konfermati

MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI

ENEMALTA - PETROLEUM DIVISION
11556. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Francis Agius) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar infiq kapitali mill-petroleum division li jammontaw għal Lm2.8 miljun li fir-rapport ta' l-14 ta' Awissu, 1997 - Financial Projections for the Three Years Ending Sept. 2000 - qiegħed imniżżel bħala other capital expenditure?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Fl-istima ta' Lm2.8 miljun hemm dawn il-proġetti:
(a) bini ta' dolphin qrib il-quay ta' Delimara power station, biex iservi bħala unloading bay flok id-dolphin li hemm ġo nofs il-bajja ta' Marsaxlokk, li issa qdiem;
(b) computerisation tas-sistema tad-dħul u ħruġ ta' petroleum products;
(c) titjib ieħor ġewwa l-istallazzjoni ta' l-ajruport, l-iktar biex tikber il-ħażna; u
(d) kontinġenzi oħrajn li jkun hemm bżonn fil-perijodu tar-rapport.

VAT - REVENUE

12737. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' VAT imħallas minn kull enti parastatali fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar, 1995 sa l-31 ta' Diċembru, 1997?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont nett ta' VAT imħallas fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar, 1995 u l-31 ta' Diċembru, 1997 minn entijiet parastatali rispettivi li fihom il-gvern għandu xi ishma u li huma reġistrati mad-dipartiment tas-CET, huwa kif jidher fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

MINISTERU TAL-FINANZI - IMPJEGATI

13004. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħaddiema ġew reklutati f'dipartimenti u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu bejn l-1995 u l-25 ta' Ottubru, 1996? Jista' l-Ministru jindika mil-liema lokal kienu ġejjin?
Kemm kien hemm minnhom li ġew impjegati fl-aħħar xahrejn ta' qabel l-elezzjoni; kemm kienu; fejn iddaħħlu; meta ddaħħlu; u minn fejn kienu?
ONOR. LEO BRINCAT: Nitlob lill-Onor. Membru jirriferi għall-mistoqsija parlamentari nru 11566 li kienet tkopri l-perijodu 1995 sat-30 ta' Settembru 1996 għall-entijiet li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħi, eskluż id-dipartiment.
Il-kumplament tat-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA - PETROL/DIESEL

13028. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx threshold ta' kemm jittieħed petrol jew diesel fil-ġimgħa tal-karozzi mikrijin mid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, x'inhu dan it-threshold?

Liema uffiċjali huma ntitolati li jżommu karozza għandhom għall-esiġenzi tas-servizz?


ONOR. GAVIN GULIA (Ministru tal-Ġustizzja): Jeżisti threshold għal karozzi wżati minn uffiċjali li huma marbutin b'performance agreement. B'ittra maħruġa mill-ministeru tal-finanzi, ref. MF 256/89, datata 8 ta' April, 1994, kien stipulat massimu ta' 175 litru petrol fix-xahar għall-uffiċjali f'kategorija A u massimu ta' 150 litru fix-xahar għall-uffiċjali f'kategorija B u C.
M'hemm l-ebda threshold għall-vetturi oħra. Dawn jingħataw fuel skond il-bżonn u l-volum tax-xogħol iżda dan huwa monitored.
Uffiċjali fi gradi 1 sa 5 li għandhom performance contract huma ntitolati li jżommu l-karozza tagħhom skond il-kuntratt. Ċerti gradi oħra, bħalma huma l-purtiera u l-marixxalli tal-qorti, ukoll iżommu dawn il-vetturi għandhom minħabba l-esiġenza tas-servizz.


DINGLI - TRIQ DON BOSCO

13171. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Francis Agius) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jaf il-Ministru li x-xogħol li qed isir fi Triq Don Bosco, Ħad-Dingli se jfisser li l-ilma tax-xita ta' parti sostanzjali tar-raħal jista' jkun devjat lejn l-għelieqi, b'dannu potenzjali għall-uċuħ tar-raba'?
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali) (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): L-asfalt fi Triq Don Bosco kien qiegħed isir skond il-livelli stabiliti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dan il-lokal. Madankollu dawn il-livelli qed jiġu studjati flimkien mal-livelli tal-bini f'din it-triq biex ma jkunx hemm problemi bl-ilma tax-xita.
DINGLI - TRIQ DON BOSCO

13173. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Francis Agius) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġunijiet tniżżel il-livell ta' Triq Don Bosco, Ħad-Dingli? Jaf li minħabba dan ir-residenti sabu inkonvenjent kbir mal-bieb tad-dar u anke mal-bieb tal-garaxx tagħhom? Ma jaħsibx il-Ministru li se jsiru spejjeż żejda billi anke s-servizzi bħal tad-drenaġġ u ta' ilma se jkollhom jiġu mibdula?
ONOR. EDWIN GRECH (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Nirriferi lill-Onor. interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 13171, li hija dwar l-istess ċirkostanzi u xogħlijiet.

AIR MALTA - ĦADDIEMA

13223. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joseph Psaila Savona) staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid jekk bejn l-24 ta' Jannar, 1997 u t-28 ta' Frar, 1998 ingħatax xi leave speċjali lil xi ħaddiema ta' l-Air Malta, apparti dak regolat bil-liġijiet ta' Malta jew bi ftehim kollettiv jew inkella minħabba studju? F'każ li fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta' ġranet ta' xogħol? Għal liema raġunijiet ingħata? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li bbenefikaw? X'kienet il-kariga ta' dawn il-ħaddiema? Kemm kien involut overtime minħabba replacement/s?
ONOR. GAVIN GULIA (f'isem il-Ministru tat-Turiżmu u s-Self- Employed): Barra mil-leave li hu regolat bil-liġi jew ftehim kollettiv, inkluż study leave, matul il-perijodu 24 ta' Jannar, 1997 u t-28 ta' Frar, 1998 kien hemm seba' mpjegati ta' l-Air Malta, kemm klerikali kif ukoll industrijali, li ġew mogħtija 252 ġurnata leave mingħajr paga għal raġunijiet personali, kif ukoll on compassionate grounds.
L-għoti ta' dan il-leave ma kien jinvolvi l-ebda spejjez żejda għall-kumpanija.

KUNSILLI LOKALI - ELEZZJONIJIET

13373. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Joseph Abela) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru 13208 - oriġinarjament din kienet saret lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali - u jgħid kemm kien hemm nominazzjonijiet minn kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bejn l-1993 u l-1998? Kemm kien hemm nominazzjonijiet ta' kandidati taħt l-20 sena; taħt it-30 sena; bejn it-30 u s-60 sena u pensjonanti? Kemm kien hemm nisa u rġiel f'dawn il-kategoriji ta' eta'?
X'kien in-numru ta' nominazzjonijiet minn kull lokalita' f'kull elezzjoni rispettiva u kemm kien hemm minnhom ġejjin minn partiti politiċi, indipendenti u għaqdiet?
Kemm minnhom ġew eletti; f'liema kategoriji ta' eta'; kemm kien hemm nisa u rġiel; u kemm kien hemm ġejjin minn partiti politiċi, indipendenti u għaqdiet?
Kemm minnhom irriżenjaw jew mietu; minn liema lokalitajiet; taħt liema kategorija ta' eta' jaqgħu; u jekk kenux nisa jew irġiel?
ONOR. EDWIN GRECH (f'isem il-Prim Ministru): Ninsab informat li kien hemm 1,587 nominazzjoni minn kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bejn l-1993 u l-1998. Minnhom kien hemm 21 kandidati rġiel u 6 kandidati nisa taħt l-20 sena; 192 kandidati rġiel u 36 kandidati nisa ta' bejn l-20 u t-30 sena; 977 kandidati rġiel u 198 kandidati nisa ta' bejn it-30 u s-60 sena; u 136 kandidati rġiel u 21 kandidati nisa ta' aktar minn 60 sena.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli A, B u Ċ li juru t-tagħrif ta' hawn taħt:
Tabella A turi n-numru ta' nominazzjonijiet minn kull lokalita' f'kull elezzjoni rispettiva maqsuma skond partiti politiċi, indipendenti u għaqdiet;
Tabella B turi n-numru tal-kandidati eletti bil-kategorija ta' eta', sess u partit;
Tabella Ċ turi n-numru ta' kunsillieri li rrizenjaw jew mietu u dawn jidhru elenkati skond il-lokalita', l-eta' u sess.


WSC - KUNTRATTI

13544. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. John Vella) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata lid-ditta Fred Bongusto minn Jannar 1997 sa Frar 1998 mill-Water Services Corporation f'dak li huwa catering? Intalbu quotations jew ħarġu tenders għal dawn l-offerti? X'kien il-valur ta' kull kuntratt li ngħata?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għamlet l-ebda kuntratt mad-ditta Fred Buongusto.

PA - ĦADDIEMA

12869. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar talbitx lill-pulizija biex tieħu passi kontra l-Onor. Karmenu Borg talli ntervjena waqt il-qadi tad-dmirijiet tal-ħaddiema tagħha?
ONOR. GEORGE VELLA(Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjen): Fil-ħin ta' l-operazzjoni msemmija l-Awtorita' ta' l-Ippjanar talbet lill-pulizija tintervjeni sabiex tkun tista' tkompli bil-qadi tad-dmirijiet tagħha.
Irid jingħad ukoll li minn mindu seħħ il-każ 'il hawn l-awtorita' ma talbitx lill-pulizija biex tieħu xi azzjoni kontra l-Onor. Karmenu Borg.

PA - ĦADDIEMA

12870. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' l-aġir ta' l-Onor. Karmenu Borg fil-konfront tal-ħaddiema ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u jekk huwiex beħsiebu jieħu xi passi kontra l-istess persuna?
ONOR. GEORGE VELLA (f'isem il-Prim Ministru): Nirriferi lill-Onor. Membru għaż-żewġ ittri li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra fl-4 ta' Marzu, 1998.

MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - BDIL TA' KAROZZI

12966. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fix-xhur li għaddew neħħa l-karozza tal-gvern li kienet għall-użu personali tiegħu u, jekk iva, għaliex sar dan u x'sar minnha l-karozza? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li nkriet karozza għall-użu tiegħu u, jekk iva, b'kemm inkriet, mingħand min u kemm tħallas s'issa?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-karozza Rover Sterling li nxtrat bil-prezz ta' Lm11,400 duty free mill-gvern preċedenti fl-1995 ġiet mibdula ma' karozza oħra, Peugeot 406 diesel, għad-differenza ta' Lm300. Il-ministeru kellu ftehim li malli jpartat il-karozza kellu jħallas it-taxxa tar-reġistrazzjoni u CET tar-Rover lid-dipartiment tal-liċenzji.
Il-karozza ġiet mibdula għal diversi raġunijiet, partikolarment għax kien qed ikollha ħafna ħsarat. Irrid ngħid ukoll li diversi partijiet tal-makna tal-karozza ma kenux qiegħdin jinstabu fis-suq lokali u għalhekk kellhom jiġu ordnati minn barra, bir-riżultat li kellna nikru karozza kull darba li din tkun wieqfa. Barra minn hekk partijiet tal-karozza huma għoljin ħafna, apparti li l-karozza kienet qiegħda taħli madwar Lm60 petrol fil-ġimgħa għad-detriment tal-gvern. Għalhekk biex jitnaqqsu l-ispejjeż sar arranġament biex tinbidel il-karozza ma' oħra ġdida u aktar ekonomika.
It-taqsima tat-trasport tal-ministeru daret diversi dealers tal-karozzi biex tara liema kienet l-aħjar offerta u mill-offferti kollha ntgħażlet dik ta' Michael Attard Ltd għas-somma ta' Lm10,000. Wara rapport tekniku mill-garaxx tat-trasport ġie deċiż li jkun ekonomikament vijabbli li l-karozza tiġi ggaraxxjata nkella nidħlu fi spejjeż akbar. Intalbet l-awtorizzazzjoni tal-ministeru tal-finanzi biex din tinbidel u minnufih li din ngħatat sar ftehim ma' Michael Attard Ltd għat-tpartit tar-Rover ma' Peugeot 406 diesel.
Mit-23 ta' Diċembru, 1997 it-taqsima tat-trasport tal-ministeru kriet Peugeot 406 diesel għas-somma ta' Lm10 kuljum mingħand Sterling Services Ltd. Il-karozza nkriet mingħand Sterling Services peress li l-kuntrattur tal-ministeru ma setax jaqdina minnufih u b'dak il-prezz. Is-somma globali telgħet għal Lm910 peress li l-karozza l-ġdida ġiet u ngħatat lill-ministeru fit-23 ta' Marzu, 1998.
Nista' ngħid li l-konsum tal-fuel niżel minn Lm60 għal Lm15 fil-ġimgħa. Dan ifisser li l-ministeru se jiffranka madwar Lm2,000 fis-sena.

FURJANA - KAŻIN BRIGATA LABURISTA
12967. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l -Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Każin Laburista tal-Furjana u/jew il-Każin tal-Brigata Laburista applikax biex isir ix-xogħol mitlub? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol sarx u jekk sar, kemm qam flus?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Saret applikazzjoni biex issir xi tiswija fil-bitħa tal-każin tal-Brigata Laburista tal-Furjana, liema bitħa tifforma parti mis-swar. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċessata u s'issa ma sar l-ebda xogħol.

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Censu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, ma nafx jekk il-Ministru huwiex f'pożizzjoni li jgħid lil min fil-fatt saret din l-applikazzjoni, jekk hux lid-dipartiment ta' l-artijiet jew inkella xi dipartiment ieħor fi ħdan il-ministeru.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Nassumi li l-applikazzjoni saret lid-dipartiment ta' l-artijiet minħabba l-fatt li din hi proprjeta' tal-gvern.


SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORT, KULTURA U ARTI - DONAZZJONIJIET

12968. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jagħti lista ta' donazzjonijiet, sponsorships jew għajnuna oħra mogħtija mis-segretarjat għaż-żgħażagħ, sport, kultura u arti mill-1 ta' Novembru, 1996 sal-lum u għal kull waħda jindika l-ammont, id-data u l-għaqda jew il-persuna li bbenefikat?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Xejn għal dak li għandu x'jaqsam mas-segretarjat. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirriferi għad-dipartimenti li jaqgħu fi ħdan l-istess segretarjat ninformah li dan it-tagħrif se jingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13563 li għandha tidher f'seduta 210.


DJAR - DEREKWIŻIZZJONI

12969. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew derekwiżizzjonati postijiet u f'liema lokalitajiet kienu, kull sena bejn l-1994 u l-1997? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kien għad baqa' postijiet biex jiġu derekwiżizzjonati fl-aħħar ta' kull sena u kemm minnhom huma tal-gvern u kemm tal-privat?
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali): Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Victor Galea Pace, mistoqsija supplimentari
ONOR. VICTOR GALEA PACE: Sur President, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet biex jinfdew il-plots tal-gvern. Hemm xi policy ġdida fir-rigward ta' fidi ta' ċnus?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Rigward il-housing authority nista' ngħid li l-iskema għadha l-istess u fl-Uffiċċju Konġunt hemm skema oħra bl-isem ta' Ifdi ċ-Ċens.
AIR MALTA - AJRUPLANI

13343. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ajruplani ta' l-Air Malta li nbiegħu fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru, 1996 u l-15 ta' Marzu, 1998?
Liema ajruplani ġodda nxtraw/inbnew f'dan l-istess perijodu biex jieħdu post dawk l-ajruplani li nbiegħu?
Meta hu mistenni li jinxtraw/jinbiegħu ajruplani oħra ta' l-Air Malta?
ONOR. KARMENU VELLA (Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed): Filwaqt li kien hemm kiri ta' ajruplani minn u lejn l-Air Malta, il-kumpanija la biegħet u lanqas xtrat ajruplani matul il-perijodu msemmi mill-Onor. interpellant.

SAĦĦA - TOBBA

13344. L-ONOR. CENSU GALEA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-complement tat-tobba meħtieġa fis-servizz tas-saħħa fid-diversi partijiet li għandu l-gvern?
F'liema postijiet hemm nuqqas ta' staff ta' tobba fis-servizz tas-saħħa? Kemm hu n-numru ta' tobba nieqsa f'dan is-servizz?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Id-diviżjoni tas-saħħa qed tħejji manpower plan biex jiġi stabilit kemm hu n-numru ta' tobba meħtieġa fis-servizz tas-saħħa. Billi dan l-eżerċizzju għadu mhux lest m'iniex f'qagħda li nagħti tweġiba.
TRASPORT PUBBLIKU - ROTOT

13345. L-ONOR. CENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema rotot ta' trasport pubbliku qed jiġi kkonsidrat tibdil fin-numri ta' vjaġġi li jsiru u wkoll fuq liema rotot hu mistenni li jkun hemm żieda/tnaqqis fin-numru ta' vjaġġi?
X'konsultazzjonijiet qed isiru dwar dan?
ONOR. GEORGE VELLA (f'isem il-Ministru għat-Trasport u Portijiet): It-trasport pubbliku hu xi ħaġa ħajja u jiena nformat li fuq bażi regolari jsiru diskussjonijiet bejn l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku u l-għaqda tas-sidien tal-karozzi tal-linja dwar tisħiħ fis-servizzi. F'parti kbira minn dawn id-diskussjonijiet ikunu nvoluti wkoll il-kunsilli lokali. Ċerti tibdiliet isiru skond in-neċessita' bħalma jiġri, per eżempju, fuq ir-rotot ta' Buġibba fejn, jekk ikollok temp sabiħ, trid iżżid il-vjaġġi lejn Għajn Tuffieħa u l-Għadira, u jekk ikollok il-maltemp tkun trid iżżid il-vjaġġi lejn il-Belt għax il-moviment tat-turisti jinbidel skond it-temp.
Jiena nformat ukoll li barra talbiet mill-kunsilli jkun hemm ukoll talbiet mill-pubbliku għal ċaqliq jew żidiet fil-ħinijiet, iżda mhux dejjem ikun possibbli li dawn it-talbiet jintlaqgħu.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, jien naħseb li rridu nistabilixxu fuq liema rotot qed ikun hemm żieda ta' passiġġieri u fuq liema rotot qed ikun hemm tnaqqis, imbagħad minn hemm wieħed jipprova jindaga x'inhuma r-raġunijiet għal dan. Veru li sal-ġimgħa l-oħra stess smajna lil min jgħid li n-numru ta' commuters qed jonqos pero' jien konvint li hemm rotot fejn il-passiġġieri żdiedu b'mod sostanzjali.

THE DEPUTY SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, jien inħoss li r-risposta fiha nnifisha tindika li t-tibdil li jsir fuq ir-rotot huwa skond in-numru ta' nies li jużaw it-trasport pubbliku. Jiġifieri ma naħsibx li huwa possibbli li wieħed jagħti skedi fissi għaliex skond kif tgħid ir-risposta stess dawn ivarjaw skond il-bżonnijiet.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, ma jistax ikun li l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku m'għandhiex f'idejha l-informazzjoni li turi ċerti trends, naturalment skond ir-rotta. Mhux fuq l-eċċezzjoni qed nitkellem, għax jekk għandek ġurnata bnazzi fix-xitwa, li m'hijiex in-normalita', żgur li se jkun hemm iktar traġitti min-naħa għal oħra. Ma jistax ikun li l-awtorita' m'għandhiex l-informazzjoni miġbura ta' matul is-sena kollha fuq ir-rotot differenti.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, m'għandix x'inżid mar-risposta li tajt.


MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD - VACANCIES

13346. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vacancies f'kategoriji differenti ta' uffiċjali li għandu l-ministeru tal-biedja u sajd? Meta hu mistenni li jimtlew dawn il-vacancies? Meta ħarġet l-aħħar sejħa biex jimtlew dawn il-vacancies?
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Il-proċedura preżenti ma' tidentifikax jekk ikunx hemm postijiet vakanti fil-kategoriji/gradi differenti li hemm fil-ministeru tal-biedja u sajd.
Jekk tinħass il-ħtieġa ta' xi reklutaġġ issir talba lill-Cabinet Committee for Recruitment fejn it-talba tiġi kkonsidrata.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, il-Ministru huwa f'pożizzjoni li jgħid kemm hemm sejħiet attwali għal posts differenti li hemm fil-ministeru, li safejn naf jien dehru wkoll fil-Gazzetta tal-Gvern?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, off-hand ma nistax ngħidlu imma jekk l-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija bil-miktub inkun nista' ngħaddilu l-informazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, filwaqt li nifhem li l-Ministru ma jkunx f'pożizzjoni li jkollu informazzjoni fuq id-diversi kategoriji differenti, nixtieq inkun naf jekk huwiex f'pożizzjoni li jindika jekk hemmx deċiżjoni li jkun hemm sejħa għal applikazzjonijiet għal diretturi u jekk fil-fatt hemmx tibdil fid-direttorati ta' dan il-ministeru. Jekk hemm jew jekk m'hemmx, jista' jgħid liema huma d-direttorati li fil-preżent huma vakanti?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Fir-rigward tad-direttorati hemm talba għal direttur ġenerali u direttur ta' l-afforestation u ta' l-urban and rural landscaping.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għat-Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Bartolo.


Yüklə 326,35 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin