Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 326,35 Kb.
səhifə2/6
tarix23.01.2018
ölçüsü326,35 Kb.
#40417
1   2   3   4   5   6

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. EVARIST BARTOLO: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 92 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta' l-1993 tal-Kors għall-Grad ta' Bachelor of Arts - B.A.;
Avviż Legali Nru 93 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 tal-Kors - in Island and Small States Studies;
Avviż Legali Nru 94 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 tal-Kors għas-Certificate in Information Technology in Education - Cert. IT. Ed.; u
Avviż Legali Nru 95 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 tal-Kors għas-Certificate in the Teaching of English as a Foreign Language - Cert. TEFL.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT : Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 88 ta' l-1998 - Regoli ta' l-1998 dwar Final Settlement System (FSS);
Avviż Legali Nru 89 ta' l-1998 - Ordni ta' l-1998 dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja (Taxxa fuq l-Income) (Afrika ta' Isfel);
Avviż Legali Nru 90 ta' l-1998 - Regoli ta' l-1998 li jemendaw ir-Regoli dwar il-Formola tal-Prospetti tat-Taxxa fuq l-Income; u
Avviż Legali Nru 91 ta' l-1998 - Regoli ta' l-1998 li jemendaw ir-Regoli dwar il-Formola tal-Prospett tat-Taxxa fuq l-Income għal Kumpannija, Korp Magħqud jew Intrapriża.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar flus dovuti mid-Dipartiment tas-Saħħa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, Maltacom, Korporazzjoni Enemalta u Posta Ltd, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13371.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' korrezzjonijiet magħmula mill-Control Committee maħtur skond l-Artiklu 17 tal-ftehim milħuq bejn il-Vatikan u l-Gvern ta' Malta dwar artijiet tal-Knisja mgħoddija lill-Gvern; u
Kopja ta' ittra mibgħuta mill-Valletta Rehabilitation Project lill-Awtorita' tad-Djar dwar il-fond Nru. 10 fi Triq il-Lanza, Marsamxett, il-Belt Valletta, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W 1177.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrjiet ministerjali? Mozzjonijiet. Il-Viċi Prim Ministru.

MOZZJONIJIET

ĦATRA TA' DEPUTAT AWDITUR ĠENERALI



ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, f'isem il-Prim Ministru nipproponi:
Illi s-Sur John Bonnici jinħatar Deputat Awditur Ġenerali, skond artiklu 108 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOHN DALLI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, permezz ta' l-Att Numru XVII ta' l-1997 il-Parlament emenda l-Kostituzzjoni ta' Malta biex tipprovdi għall-karigi ta' Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali. Fil-fatt paragrafu (a) ta' subartiklu (9) ta' artiklu 108 tal-Kostituzzjoni ta' Malta jgħid hekk:
"Għandu jkun hemm ukoll Deputat Awditur Ġenerali li l-kariga tiegħu tkun kariga pubblika u li jkollu wkoll dawk il-funzjonijiet li l-Awditur Ġenerali jista' minn żmien għal żmien lilu jiddelega u li, kull meta l-kariga ta' l-Awditur Ġenerali tkun temporanjament vakanti, u sakemm jiġi maħtur Awditur Ġenerali ġdid, u kull meta d-detentur tal-kariga jkun assenti minn Malta jew ikun bil-vaganza jew għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, iwettaq il-funzjonijiet ta' Awditur Ġenerali."
Sur President, jien mhux se niftaħ fuq dan il-punt għax din l-emenda kostituzzjonali konna ddiskutejna fit-tul fil-Parlament, pero' rrid ngħid li saru kuntatti bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra u qbilna li din in-naħa tinnomina lis-Sur John Bonnici u n-naħa l-oħra tkun lesta li tissekonda din il-proposta.
Jien nemmen li fl-għażla tas-Sur Bonnici qed ninnominaw persuna idonea biex timla din il-kariga. Dan huwa bniedem li ilu fis-servizz tal-gvern mill-1957, prattikament 41 sena, li fihom wettaq diversi xogħlijiet u kien f'diversi karigi f'dipartimenti differenti. Irrid ngħid ukoll li l-professjoni tas-Sur Bonnici hija l-professjoni li wieħed għandu bżonn biex ikun qiegħed f'din il-kariga hekk għolja u responsabbli. Is-Sur Bonnici mhux se jkun qed jagħmel xogħol li jkun ġdid għalih għax dan it-tip ta' xogħol prattikament għamlu għal snin twal u f'perijodi differenti.
Nista' ngħid ukoll, Sur President, li fil-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - li xogħlu huwa li jeżamina t-talba għall-ispejjeż li jirrikjedi l-uffiċċju ta' l-awditur ġenerali - ġejna ppreżentati bil-mod ta' kif għandu jiġi strutturat id-dipartiment u l-Awditur Ġenerali għamel aċċenn partikolari fuq il-bżonn li jkun hemm Deputat Awditur Ġenerali li jkun ta' stoffa. Jien inħoss li b'din l-għażla li qed nagħmlu qegħdin nagħtu lill-Awditur Ġenerali persuna oħra biex flimkien ikunu jistgħu jaraw li l-iktar affarijiet importanti f'uffiċċju bħal dan, jiġifieri l-integrita', il-professjonalita' u anke t-trasparenza, ikunu l-aqwa. M'għandix dubju li t-team li qed jibni s-Sur Joe Galea se jkun team tajjeb.
Jien nawgura li din il-ħatra ssaħħaħ l-uffiċċju ta' l-awditur ġenerali u tagħti lil dan il-pajjiż dak is-servizz li huwa tant importanti biex wieħed ikun jista' jispjega u jkun iktar accountable għall-mod ta' kif flus il-poplu jiġu minfuqa. Nawgura wkoll lis-Sur John Bonnici ħafna snin ta' ħidma u nixtieqlu kull suċċess. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, l-avvanz li sar fl-uffiċċju ta' l-awditur huwa pass li f'dan il-pajjiż ittieħed b'consensus. L-affarijiet kienu bdew jiċċaqalu fl-aħħar tal-leġislatura l-oħra meta l-Partit Nazzjonalista fil-gvern ippubblika abbozz ta' liġi sabiex l-uffiċċju ta' l-awditur isir uffiċċju awtonomu, responsabbli biss lejn il-Parlament. Kulħadd jaf li dak l-abbozz ta' liġi kien tfassal bi djalogu kontinwu ma' l-Oppożizzjoni Laburista ta' dak iż-żmien u l-istess abbozz ta' liġi ftit xhur wara reġa' tressaq mill-Gvern Laburista u naturalment sab l-appoġġ sħiħ ta' din in-naħa. Ma setax jonqos li l-Gvern isib l-appoġġ tagħna għax aħna nemmnu li altru li kien wasal iż-żmien li ma' l-iżviluppi strutturali kollha li konna qed nagħmlu - ma ninsewx li aħna għamilna ħafna żviluppi istituzzjonali fosthom, per eżempju, it-twaqqif tal-Public Accounts Committee u kumitati oħra tal-Kamra - kienet ħaġa wkoll meħtieġa li, bħalma sar f'pajjiżi oħra, l-uffiċċju ta' l-awditur jieħu ċerta statura u dan għamilnih bil-liġi li għaddejna.
B'din il-mozzjoni li qed tersaq illum, Sur President, qed inkomplu nsaħħu l-istaffing ta' l-uffiċċju ta' l-awditur għax barra l-Awditur Ġenerali issa qed ikollna wkoll id-deputat tiegħu, li huwa bżonjuż għal dawk iż-żmenijiet meta l-Awditur Ġenerali ma jkunx qiegħed jopera jew għax ikun imsiefer jew indispost u affarijiet oħra. Jiena ngħid li għadna 'l bogħod milli jkollna uffiċċju ta' awditur organizzat kif nixtiequh li jkun organizzat. Hemm ħafna limitazzjonijiet u mhux neċessarjament limitazzjonijiet finanzjarji imma anke limitazzjonijiet ta' human resources u ta' strutturi, li jeżistu anke fiċ-ċivil, u li ħafna drabi jimpedixxu l-iżvilupp mgħaġġel li għandu jkun hemm fl-uffiċċju ta' l-awditur.
Jien ukoll nawgura lis-Sur Bonnici, li ħadem f'ħafna oqsma taċ-ċivil, li jidħol għal din il-funzjoni ġdida b'moħħ ġdid, b'moħħ li jifhem li bil-funzjoni tiegħu jista' jgħin lid-dipartimenti kollha tal-gvern u entijiet oħra governattivi jaqdu l-funzjoni tagħhom b'effiċjenza akbar. Il-funzjoni ta' l-awditur mhijiex biss li jkun għassies fuq l-impjegati tal-gvern imma wkoll biex bl-expertise li jkun kapaċi jiġġenera jkun jista' jgħin bil-pariri tiegħu lil dipartimenti oħra tal-gvern. L-awgurju minn din in-naħa tal-Kamra huwa li, b'dan il-pass li qed nagħmlu llum, inkomplu mexjin biex insaħħu u naslu għall-oġġettivi li għamilna flimkien.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Sur President, jiena naħseb li fuq is-Sur Bonnici ma tantx hemm xi tgħid. Dan huwa bniedem magħruf u bniedem li jistħoqqlu dak kollu li ntqal fuqu. Anzi rrid ngħid li ma nafx għaliex l-appointment tiegħu bħala permanent secretary f'wieħed mill-ministeri ma ġiex imġedded. Madanakollu ma naħsibx li din hija xi Irish promotion. Naħseb li xorta waħda mar f'kariga li hija importanti ħafna u allura m'għandi l-ebda dubju x'se jkun l-għad tal-voti fuq din il-nomina maqbula miż-żewġ naħat.
Sur President, li qomt biex nistaqsi huwa dan: Issa li għandna f'postu l-Awditur Ġenerali kif ukoll id-Deputat Awditur Ġenerali, ittieħdu passi jew hemm ippjanati passi biex jibda jsir l-istaffing ta' dan id-dipartiment, li llum il-ġurnata l-funzjoni tiegħu hija waħda differenti milli kienet qabel? Hija kontinwazzjoni tal-funzjoni li kien hemm qabel imma hija waħda differenti. Għaliex? Għax waqt li qabel il-kariga ta' Direttur tal-Verifika kienet garantita mill-Kostituzzjoni, illum il-ġurnata bl-Att li għandna in vigore huwa d-dipartiment kollu li huwa maqlugħ 'il barra miċ-ċivil, biex ngħidu hekk, u waqt li huwa a closed department qiegħed a closed department fil-Parlament innifsu. Mela allura l-protezzjoni għalih hija ħafna aħjar milli kien hemm qabel u għalhekk il-mistennija hija ħafna ikbar. Tant hija ħafna ikbar il-mistennija li mingħajr ma mort niċċekkja l-estimi mill-memorja ngħid li niftakar li l-Ministru tal-Finanzi attwali alloka somma ikbar milli kien hemm qabel fl-estimi. Jidhirli li huwa prattikament l-uniku dipartiment, barra forsi xi oqsma fl-edukazzjoni, li għandu somma flus allokata għalih konsiderevolment ikbar milli kien hemm is-sena li għaddiet, minkejja l-miżuri li kellhom jittieħdu biex ikun hemm retrenchment fl-infiq.
Issa l-mistoqsija tiegħi hija din: Għandna Awditur Ġenerali u għandna Deputat Awditur Ġenerali, imma qegħdin fl-istadju li jiġi reklutat staff professjonali? Hemm pjanijiet li mhux biss qed jiġu mfassla imma qegħdin fl-istadju li ma jdumux ma jiġu mwettqa?
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Jekk m'hemmx iktar rimarki nistieden lill-Viċi Prim Ministru biex jgħaddi għall-winding-up.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, għad-domanda li qed jagħmel il-kollega tiegħi l-Onor. Spiteri nirrispondi fl-affermattiv. Meta konna qed niddiskutu fil-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u tlabna lis-Sur Galea jispjega l-work programme tiegħu u anke jgħidilna kif kellu f'rasu li jwaqqaf id-dipartiment, l-Awditur Ġenerali ppreżenta l-ideat u l-oġġettivi tiegħu u x'irid jilħaq permezz ta' l-istaff li beħsiebu jirrekluta. Ovvjament dan kien kollu f'kontest ta' budget li aħna tkellimna fuqu u anke għamilna ħafna mistoqsijiet li għalihom kellna tweġibiet sodisfaċenti ħafna. Ġie anke diskuss is-set-up ta' dan l-uffiċċju li, kif qal korrettement il-kollega tiegħi issa, huwa fir-responsabbilta' ta' l-Awditur Ġenerali li jorganizzah, iħaddmu u anke jkun responsabbli għall-finanzjament tiegħu. Jien informat li l-proċess li jiġu recruited personnel qiegħed under way. Iddiskutejna s-salarji li se jiġu offruti lil min se jiġi mistieden biex japplika għal dawn il-postijiet u m'għandix dubju li s-Sur Galea qiegħed jieħu ħsieb li dawn il-karigi jimtlew. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Viċi Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Issa nitlob lill-Aġent Skrivan tal-Kamra sabiex taqra l-ismijiet ta' l-Onor. Membri preżenti biex jiġi aċċertat li n-numru ta' membri favur il-mozzjoni m'huwiex inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra.
L-Aġent Skrivan tal-Kamra sejħet l-ismijiet ta' l-Onor Membri preżenti.
FAVUR: 63
L-Onor

Abela Carmelo Galea Ċensu

Abela Joseph Galea Louis

Abela Tony Galea Pace Victor

Agius Chri Gatt Austin

Agius Francis Gonzi Lawrence

Bartolo Evarist Grech Edwin

Bonnici Josef Gulia Gavin

Bonnici Michael Herrera Jose'

Borg Joe Hyzler George

Borg Karmenu Mangion Charles

Borg Tonio Mifsud Bonnici Antoine

Brincat Leo Mintoff Dom

Buhagiar Charles Mugliett Jesmond

Buhagiar Louis Muscat Claude

Camilleri Maria Pace Bertu

Cardona Chris Portelli Alfred

Cassar Joe Pullicino George

Chircop Karl Pullicino Orlando Jeffrey

Cilia Joe Refalo Anton

Dalli Helena Refalo Michael

Dalli John Sceberras Trigona Alex

De Marco Guido Schembri Adami Sandro

Debono Giovanna Spiteri Lino

Debono Grech Joe Tabone Anton

Deguara Louis Vassallo Adrian

Farrugia Anġlu Vassallo Edwin

Farrugia Jean Pierre Vella George

Farrugia Joe Vella John

Farrugia Michael Vella Karmenu

Farrugia Noel Zammit Ninu

Fenech Adami Eddie Zammit Dimech Francis



Frendo Michael

Il-mozzjoni għaddiet b'63 vot favur u ħadd kontra.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Ordnijiet tal-Ġurnata.


Yüklə 326,35 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin