Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 326,35 Kb.
səhifə5/6
tarix23.01.2018
ölçüsü326,35 Kb.
#40417
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, waqt li nipproponi l-aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 27 ta' April, 1998 fid-9.00 a.m. b'aġenda li tiġi komunikata aktar tard, ippermettili nagħmel kumment żgħir qabel naġġornaw għall-vaganzi ta' l-Għid.
Nixtieq li għan-nom ta' sħabi kollha min-naħa tal-Gvern nawgura l-Għid it-Tajjeb lilek, Sur President, lill-Madam Speaker, lill-Membri ta' l-Oppożizzjoni kollha u l-familji tagħhom, lill-istaff tal-Kamra u lill-ġurnalisti li jkunu magħna hawnhekk. Nawgura li wieħed jistrieħ ftit ħalli meta nerġgħu niġu lura nkunu nistgħu nkomplu naħdmu fl-interess tal-pajjiż. Nirringrazzjak, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Censu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Jien ukoll, Sur President, f'isem l-Oppożizzjoni u f'ismi ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru biex nagħti l-awguri tiegħi għal dawn il-ftit ġranet ta' vaganza. Wieħed irid jiftakar li, kif qal il-Ministru, dawn huma jiem fejn ninqatgħu ftit mill-attivita' tal-Parlament pero' dan ma jfissirx li tieqaf l-attivita' politika.
Jiena wkoll nawgura l-festi t-tajba lil kulmin b'xi mod għandu x'jaqsam mal-Parlament, jiġifieri l-impjegati ta' hawnhekk, lill-ġurnalisti u lin-nies kollha li jsegwu x-xogħol tal-Parlament.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja tirreċiproka dawn l-awguri u tagħti l-Għid it-Tajjeb lill-Membri kollha ta' din il-Kamra, lill-familjari tagħhom, kif ukoll lill-istaff tal-Parlament.
Rimarki? L-Onor. Censu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, nixtieq nitkellem fuq problemi li għalkemm huma ta' livell lokali qed ikollhom riperkussjonijiet iktar wiesa'. Per eżempju, xi ħaġa li ddiskutejniha hawn ġew għal diversi drabi hija s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u Buġibba. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien sabha s-soluzzjoni għal din il-problema u ddisinja l-proġett tal-mina tal-Pwales. Dan il-proġett mhux biss kien se jkun ta' relief għal-lokalitajiet mis-Salina sal-Mellieħa imma kien se jagħmilha possibbli li jkun hemm tisfija tad-drenaġġ ukoll. L-idea tagħna kienet li l-materjal jispiċċa fl-area magħrufa bħala Taċ-Ċumnija, fil-limiti tal-Mellieħa, iżda minflok dan l-aħħar qegħdin naraw d-drenaġġ jiżbroffa fit-toroq, partikolarment in-naħa ta' Burmarrad.
Sur President, nista' ngħid li sa Ottubru 1996 kien qed isir xogħol fuq ir-relief pipes ta' Kennedy Grove sabiex is-sistema tad-drenaġġ tissaħħaħ. Appena waqaf dan ix-xogħol, stajna ninnutaw li l-leakages bdew jiżdiedu u l-irwejjaħ bdew inittnu kullimkien, kemm n-naħa ta' Burmarrad u anke tul il-Coast Road tas-Salina, b'mod partikolari fejn hemm is-salt-pans. Saħansitra matul il-ġimgħat li għaddew kien hemm leakages ukoll ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Ċertament hemm il-bżonn urġenti li l-gvern jieħu l-passi neċessarji biex dawn id-diffikultajiet jiġu solvuti għaliex, għalkemm fid-diversi risposti għad-domandi parlamentari jgħidulna li l-proġett se jitkompla, fir-realta' għadu ma sar xejn. Per eżempju, nista' nsemmi l-famuż environmental impact assessment. S'issa la nafu jekk ingħatax il-kuntratt, la nafu min se jagħmel ix-xogħol u lanqas nafu minn min se jkun kompost il-kumitat li se jiddeċiedi fuq il-programm ta' xogħol.
Aktar importanti minn hekk hemm bżonn li t-target dates jinżammu - ma ninsewx li aħna bħala pajjiż marbutin li sas-sena 2000 inkunu qegħdin nittrattaw l-materjal kollu li jgħaddi mis-sistema tad-drenaġġ - iżda jien nibża' li għadna ferm 'l bogħod milli nilħqu dawn l-għanijiet. U jekk fil-każ tal-mina tal-Pwales se nibqgħu f'din il-pożizzjoni, se nispiċċaw biex naħlu aktar żmien għaliex imbagħad hemm il-proċedura tat-tendering u hemm il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi, affarijiet li lkoll nafu li li jieħdu fit-tul. Nispera wkoll li ma nħallux kollox għall-aħħar u mbagħad nagħmlu xogħol bl-għaġġla. Huwa importanti li dan nifhmuh għaliex irridu naraw li flus il-poplu jintnefqu b'mod tajjeb.
Sur President, jien napprezza l-miżuri li qed jieħu d-dipartiment biex tittaffa l-problema tad-drenaġġ li tolqot ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, pero' ma nistax nifhem x'kien l-iskop li qalb is-siġar li hemm fil-Miżieb twaħħlu katusi ta' tliet metri f'pożizzjoni vertikali. Donnu d-dipartiment qed jużahom biex iservu ta' ventijiet għas-sistema, probabbilment biex jiġu evitati xi air blockages. Jiena ma naħsibx li dawn huma miżuri serji u lanqas huma miżuri li jistgħu jsolvu l-problema b'mod long-term. Barra minn hekk l-asbestos huwa materjal li huwa perikoluż u jista' jinkiser, u allura faċli li jkun hemm overflows qalb is-siġar u fl-inħawi ta' madwar. Jiena ngħid li jekk id-dipartiment għamel xi studju u ddeċieda li juża dan it-tip ta' ventilation, almenu għandu jara li l-materjal tal-katusi jkun wieħed li ma jkunx ta' dannu u li jnaqqas it-tentazzjoni li n-nies ikissruhom jew jitfgħu fihom materjal li jista' joħloq blockage. Hemm bżonn li dan il-punt jittieħed bis-serjeta' qabel ma jkun tard wisq.
Issa, Sur President, nixtieq ngħid xi ħaġa dwar l-istat ħażin u perikoluż li tinsab fih il-parti tat-triq matul il-kosta, fl-area ta' Kennedy Grove, li xi tliet xhur ilu għamilt mistoqsija parlamentari dwarha. Jiena ngħaddi minn din it-triq darbtejn jew tlieta kuljum u kultant xorta nsib diffikulta' biex nevita l-ostakoli li hemm, aħseb u ara min m'huwiex midħla ta' dawn l-inħawi. Barra minn hekk, l-iskossi li ssib f'din it-triq spiss ikunu kawża ta' inċidenti tat-traffiku, kif kellna anke f'dawn il-ġranet. GĦalhekk nappella lill-gvern sabiex jieħu l-passi neċessarji u almenu jara li t-triq tiġi resurfaced u aktar 'il quddiem isir ix-xogħol li hemm bżonn fir-rigward tas-soqfa tal-mini li minnhom joħroġ l-ilma tal-wied.
Problema simili tikkonċerna dawk it-toroq li mir-roundabout tal-Mosta jieħdu għar-Rabat, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar. Dawn ukoll għandhom bżonn jingħataw wiċċ ġdid għaliex huma wżati bil-kbir kemm fil-weekends kif ukoll matul il-ġimgħa, speċjalment issa li t-traffiku mill-Mosta qed jiġi devjat għal Vjal l-Indipendenza. Xi żmien ilu kienu qalulna li dawn it-toroq se jingħataw wiċċ ta' emerġenza imma issa għaddew ix-xhur u l-istat tat-toroq mar għall-agħar u dan qed ikun kaġun ta' inċidenti serji u ħsarat għall-karozzi. Sabuni ħafna sewwieqa biex jgħiduli li kellhom jibdlu l-front axle, il-ball-bearings u partijiet oħra tal-karozza.
Sur President, ma nafx kemm-il darba tkellimt dwar it-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar. Din suppost li kellha tiġi resurfaced għall-aħħar ta' l-1996 u llum qegħdin f'nofs is-sena 1998 u donnu m'hawn ħadd li għandu l-ħeġġa li jsewwiha. Din tant qiegħda fi stat ħażin li għal diversi drabi s-servizz tat-trasport pubbliku kellu jiġi sospiż għaliex ix-xufiera tal-karozzi tal-linja ma jkunux iridu jgħaddu minnha. Imbagħad meta tgħaddi mit-triq tal-Veċċa tistħajlek nieżel xi sellum, speċjalment jekk tinzerta wara karrozza tal-linja jew coach tat-turisti. Safejn naf jiena f'din it-triq ma kienx hemm inċidenti fatali jew serji pero' jibqa' l-fatt li din hija arterja prinċipali li mhux biss isservi l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar imma wkoll il-parti tat-tramuntana tal-pajjiż u nofs it-traffiku li jmur lejn GĦawdex. GĦalhekk arterja ta' din l-importanza m'għandhiex titħalla fl-istat li tħalliet matul ix-xhur li għaddew.
Sur President, jien ma nafx min hu responsabbli biex isewwi t-triq - għal xi żmien kien qed jingħad li l-Water Services Corporation kienet responsabbli biex issewwi t-triq hi u tirripristinaha għall-istat li kienet fih qabel ma sar ix-xogħol - iżda żgur li hemm bżonn li x-xogħol isir. Ngħid għalija jekk il-WSC qabdet kuntrattur biex iħaffer it-trinek u jqiegħed il-pajpijiet, huwa evidenti li l-obbligu tar-resurfacing huwa ta' l-istess kuntrattur. Jiena m'iniex qed ngħid li għandna nirrikorru għal multi imma li qed ngħid huwa li nixtieq li jkollna xi tip ta' garanzija li t-triq se tiġi asfaltata. U hawn nista' nagħmel appell ieħor lill-gvern dwar il-bżonn biex dawk li nirriferu għalihom bħala local roads jingħataw wiċċ. Dawn il-bżonnijiet huma mifruxin mal-pajjiż kollu imma partikolarment fil-lokalitajiet tal-Ħdax u t-Tnax il-Distrett.

Ħaġa oħra li hija marbuta ma' area pjuttost maqtugħa miċ-ċentru ta' l-attivita' hija l-kwestjoni tas-sistema tad-drenaġġ li wieħed irid iwassal fl-inħawi tal-Baħrija. Ma nafx kemm-il protesta ġiet organizzata fil-passat mill-partit li llum qiegħed fil-gvern minħabba din is-sitwazzjoni. Niftakar li kien tfassal ukoll pjan li suppost kellu jinfirex fuq perijodu ta' tlieta jew erbgħa snin sabiex jitwassal is-servizz tad-drenaġġ f'dawn l-inħawi. Issa għaddew iktar minn sentejn minn meta tfassal dan il-pjan u jekk kien hemm xi bidu ta' xogħol ħadd ma jaf bih. Barra minn hekk, la d-dipartiment u lanqas in-nies konċernati ma jafu jekk dan ix-xogħol huwiex se jibda fil-ġimgħat jew xhur li ġejjin. Iżda jiena ngħid li jekk irridu li kull effluent fis-sistema ta' pajjiżna jkun ittrattat sas-sena 2000, anke postijiet bħal dawn għandhom ikollhom is-servizz tad-drenaġġ. Grazzi.


THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn 27 ta' April fid-9.00 a.m. b'aġenda li tiġi komunikata aktar tard.
Fid-9.30p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 326,35 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin