THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi, l-Onor. Joe Farrugia.
ONOR. JOE FARRUGIA: Sur President, bħalma jaf kulħadd il-provvista ta' l-ilma dejjem kienet problema għal Malta minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha. Ovvjament matul iż-żmenijiet id-domanda għall-ilma kompliet tikber minħabba l-iżvilupp fl-industrija u t-turiżmu. Dan is-settur tant importanti llum jaqa' taħt il-Water Services Corporation, iżda din il-korporazzjoni tħalliet fi stat tal-biki għaliex il-Gvern Nazzjonalista, li biex jonfoq il-flus bla ebda ħsieb ħadd ma jirbaħlu, ħalla taħwid sħiħ u minħabba n-nuqqas ta' tmexxija amministrattiva tajba l-produzzjoni ta' l-ilma spiċċat bla ebda kontroll fuq l-infiq. Din il-korporazzjoni għandha dejn kbir jew inkella qiegħda f'ħofra kbira minħabba taħwid fit-tmexxija tagħha. Dan jirriżulta kemm mill-audited accounts li sena wara l-oħra wrew telf finanzjarju u, biex tkompli tgħaxxaq is-sitwazzjoni, l-awdituri tal-korporazzjoni lanqas biss ikkwalifikaw ir-rapport tagħhom minħabba din is-sitwazzjoni ferm kritika. Mhux talli hekk talli lanqas il-banek lokali ma riedu jisilfu flus lil din il-korporazzjoni. Il-korporazzjoni lanqas biss għandha internal audit department. Dan huwa rifless mill-fatt li ilhom xhur sħaħ ma joħorġu kontijiet għax kienu qalu li qed tiġi introdotta computerised system u minn informazzjoni li ġbart jidher li sal-lum dan il-proċess għadu m'huwiex lest. Minħabba dan in-nuqqas il-Korporazzjoni Enemalta spiċċat ma ġabritx il-flus dovuti għall-elettriku u tilfet miljuni ta' liri.
Għal bosta xhur taħt il-Gvern preċedenti din il-korporazzjoni lanqas biss kellha accounts department organizzat u lanqas kellha financial controller. Din il-kriżi tant kienet kbira li l-korporazzjoni kellha tgħaddi t-tmexxija tal-finanzi tagħha lil ditta privata. It-tmexxija ta' din il-korporazzjoni kif qatt setgħet tmur 'il quddiem b'dawn in-nuqqasijiet! Dażgur li jkollok l-isparpaljar tal-flus! Mur ara mela kieku jkollok tistaqsi kemm qamet kull reverse osmosis plant, kemm kien il-capital expenditure fuq kull proġett, x'kontrolli kien hemm fl-użu tal-materjal, x'superviżjoni kien hemm fuq ix-xogħol, x'kontrolli interni jeżistu fuq kull proġett u x'budgeting kien isir. Mhux bilfors imbagħad il-korporazzjoni spiċċat ma ħallsitx il-kontribuzzjonijiet soċjali tal-ħaddiema tagħha. Kif tista' tmexxi ażjeda ta' dan il-kobor, settur daqshekk importanti, bla ma tkun organizzat fil-qasam finanzjarju?! Dan hu l-mod kif kienu jmexxu n-Nazzjonalisti. L-infiq kien isir bla kontroll u mhux fejn l-aktar kien meħtieġ.
Mhux hekk biss, iżda l-management ta' din il-korporazzjoni fi żmien il-Gvern preċedenti kien iddeċieda li l-meters ta' l-ilma l-ġodda li bdew jibdlu fid-djar jitwaħħlu minn kuntratturi privati, għax Alla jbierek fost l-1,400 impjegat donnu ma kien hemm ħadd bieżel u kapaċi sabiex iwaħħal dawn il-meters. Insibu wkoll li 400 minn dawn l-impjegati ġew trasferiti lis-settur pubbliku minflok raw kif setgħu jutilizzawhom aħjar. Mela l-Gvern Nazzjonalista minflok ma qabad il-barri minn qrunu ħarab minnu. Minflok ma organizza l-management b'tali mod li jġib il-ħaddiema tal-korporazzjoni jaħdmu b'mod effiċjenti, warrabhom fil-ġenb u ta x-xogħol lill-privat, bil-konsegwenza li min jaf kemm swietu miljuni aktar din l-operazzjoni. Jien persważ li jekk torganizza tajjeb lill-ħaddiema tal-gvern - jien nemmen li min-naħa tagħhom dawn iridu jikkoperaw aktar - billi tagħtihom l-inċentivi neċessarji u tkun kapaċi timmotivahom issib li dawn kapaċi jaħdmu daqs il-ħaddiema tal-privat. Is-settur privat għandu jidħol f'areas speċifiċi jew għal xogħol li ma jistgħux jagħmluh il-ħaddiema tal-gvern imma ma għandux jidħol kompletament minflok l-impjegati tal-gvern. B'dan l-atteġġament il-korporazzjoni kellha tħallas miljuni kbar ta' liri lis-settur privat filwaqt li fl-istess ħin ħalliet mijiet ta' ħaddiema tal-gvern ma jagħmlu xejn. Possibbli li l-Gvern Nazzjonalista ma ġietux f'rasu li jwaqqaf koperativa fost il-ħaddiema tal-korporazzjoni biex jagħmlu dan ix-xogħol jew ried jitfa' l-flus fil-bwiet tal-bażużli tiegħu?! Dan li għidt mhux kollox għax wara li ntnefqu dawk il-miljuni kollha issa ninsabu f'sitwazzjoni fejn kważi 60% ta' l-ilma li nipproduċu qed jintilef. Mela l-ewwel nonfqu l-flus biex nagħmlu l-proġetti u fuq kollox ħafna mix-xogħol isir ħażin u issa l-Gvern Laburista, għax hu gvern serju, irid jerġa' jonfoq il-miljuni kbar ta' liri biex isolvi din il-problema!
Sur President, jien ma nistax nifhem kif l-ex-Prim Ministru jiġi hawn jgħidilna li fi żmienhom kollox kien miexi fuq ir-rubini u mbagħad fl-istess waqt kulħadd jgħid, u anke sħabi l-ministri jgħidu, li pajjiżna jinsab mifni bil-problemi mħollija mill-Amministrazzjoni preċedenti! Kull fejn taqta' joħroġ id-demm u l-Gvern Nazzjonalista żgur li ma setax isib mod kif jikkontrolla l-finanzi tiegħu meta lanqas biss kien kapaċi jorganizza ruħu b'mod tajjeb għalkemm kien mgħobbi b'esperti barranin. Min jaf kemm tħallsu miljuni kbar ta' liri lill-MSU! Hawn ta' min jgħid ukoll li f'disa' snin sħaħ il-Gvern preċedenti naqas milli jeduka biżżejjed lill-poplu biex jagħmel użu aħjar mill-ilma tax-xita għax f'dawn is-snin lanqas biss ipprova jara kif jista' jutilizza aħjar dan l-ilma u għalhekk minkejja li għaddew dawn is-snin kollha bqajna ma għamilna xejn f'dan ir-rigward. Il-Gvern Nazzjonalista lanqas ipprova jiżviluppa water catchment areas.
Sur President, għalhekk jien inħeġġeġ lill-Ministru Charles Buhagiar, li naf li qed jagħmel minn kollox biex jirranġa din il-ħofra, sabiex jara kif jista' jsir studju fuq l-użu aħjar mill-ilma tax-xita. Nixtieq nissuġġerixxi wkoll li jingħataw inċentivi sabiex il-konsumaturi jkabbru jew jagħmlu bjar ġodda ħalli l-ilma tax-xita jintuża iktar kemm mil-lat domestiku kif ukoll mil-lat industrijali. Hemm bżonn li naraw kif nagħmlu biex fejn hu possibbli l-bini ġdid ikollu ħażna minima ta' ilma. Kif spjegaw sħabi qabli biex innaqqsu l-użu ta' l-ilma tax-xorb forsi għandna naraw kif nistgħu nagħmlu użu aħjar mill-ilma tad-drenaġġ, speċjalment għall-użu agrikolu. Hemm bżonn li wieħed jiftakar li l-produzzjoni ta' l-ilma f'Malta tiswa miljuni ta' liri li jridu jitħallsu mit-taxpayer u għalhekk irid ikun hemm management tajjeb f'dan is-settur.
Ta' min jgħid li l-korporazzjoni għandha customer care section. Jiena ma nafx x'inhuma l-funzjonijiet ta' din is-sezzjoni pero' żgur li dawn m'hijiex taqdihom kif suppost. Il-ħinijiet għall-pubbliku huma ristretti u ġieli ċċempel u tagħmel nofs siegħa biex issib lill-persuna konċernat. Jekk tipprova tikkuntattja lil xi foreman fid-distrett ma ssibu qatt u biex tagħmel applikazzjoni trid tiġri minn sezzjoni għall-oħra u mitt elf ħaġa oħra. GĦalhekk hemm bżonn li ndaħħlu l-kultura li dawn il-korporazzjonijiet qegħdin hemm biex jagħmlu l-ħajja taċ-ċittadin iktar faċli u jagħtuh is-servizz u mhux iċ-ċittadin jimxi skond x'jaqbel lilhom. Hemm bżonn li jsir pjan adegwat ta' taħriġ għall-ħaddiema f'din il-korporazzjoni u jekk hemm bżonn jintbagħtu lura fuq il-bankijiet ta' l-iskola. Forsi jista' jsir xi ftehim mas-settur privat fejn il-ħaddiema jintbagħtu għal taħriġ għal perijodu ta' żmien. Permezz ta' din il-miżura jgawdi l-privat għaliex ikun qiegħed jieħu x-xogħol ta' dawn il-ħaddiema mingħajr ma jagħtihom ħlas u jgawdi anke l-Gvern għaliex ikun qiegħed jagħti t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema tiegħu.
Dan ix-xogħol irid isir għaliex hemm bżonn li l-korporazzjoni tuża aktar it-teknoloġija moderna biex tnaqqas it-telf ta' l-ilma u ssir aktar effiċjenti b'workforce imħarrġa. B'hekk biss din il-korporazzjoni tista' tiġi 'l quddiem, billi jsir użu aħjar mir-riżorsi eżistenti u billi kull investiment isir bl-iskop li tikber l-effiċjenza. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, id-diskussjoni fuq l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda ssir f'mument importanti ħafna għall-korporazzjoni. Qed ngħid hekk għaliex meta nħarsu lejn ir-rapport annwali li tatna din il-korporazzjoni nsibu enfasi korretta miċ-chairman preċedenti ta' din il-korporazzjoni, is-Sur Tancred Tabone, u anke miċ-chief executive attwali, is-Sur Antoine Riolo, dwar il-fatt li d-diskussjoni fuq l-estimi jikkoinċidu ma' għeluq l-ewwel perijodu tal-ħames snin mit-twaqqif tagħha. GĦalhekk il-korporazzjoni qiegħda f'mument kruċjali fl-istorja tagħha u naħseb li jkun korrett li nagħtu ħarsa lejn dak li hija għamlet f'dawn il-ħames snin, fid-dawl anke tad-diversi diskorsi li saru hawnhekk. Naħseb li huwa tajjeb ukoll li wieħed jagħmel xi mistoqsijiet dwar il-futur tagħha.
Qabel xejn, fl-ewwel diskors tiegħi fuq l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma minn mindu kien hemm bidla fil-gvern, minn qalbi - u mhux biss għaliex huwa doveruż - nagħti kelma qawwija ta' ringrazzjament lid-diversi chairmen li kellha l-korporazzjoni f'dawn il-ħames snin li ilha mwaqqfa u naturalment anke liċ-chairman attwali, lid-diretturi li servew fil-korporazzjoni f'dawk il-ħames snin u lil dawk attwali, lill-management, lit-tekniċi, lill-ħaddiema kollha tagħha u anke lill-kuntratturi li ħadmu magħha. Naturalment irrid nirringrazzja wkoll b'mod partikolari liċ-chief executive - dan diġa' rriferejt għalih - li ħadem u stinka sa minn qabel it-twaqqif ta' din il-korporazzjoni u ma għandi l-ebda dubju li hekk se jkompli jagħmel għall-ġid ta' din l-istess korporazzjoni.
Iktar tard fid-diskors tiegħi se nirriferi għal xi rimarki li saru, pero' rrid nibda b'rimarka ġenerali billi ngħid li fid-diskorsi varji li saru min-naħa tal-kelliema tal-Gvern smajt diversi argumenti dwar il-customer care, dwar il-bżonn ta' strateġija fuq is-second class water, dwar l-użu aħjar tar-riżorsi umani, dwar il-finanzi tal-korporazzjoni - dan smajna ħafna dwaru anke mill-Ministru Buhagiar fl-introduzzjoni tiegħu - kif ukoll dwar il-problema tat-telf ta' l-ilma, pero' ħadd mill-kelliema tal-Gvern, li issa ilu fil-poter għal dawn l-erba' xhur, ma tkellem dwar il-livell tal-produzzjoni ta' l-ilma, dwar kif se jagħmel il-Gvern il-ġdid biex jipproduċi l-ilma li l-pajjiż tant għandu bżonn ħalli jiggarantixxi kwalita' ta' ħajja aħjar, jew kif se jorganizza lil dan is-settur fuq linji li jixirqu lill-pajjiż biex jitmexxa b'mod verament modern u effiċjenti, għax dan ix-xogħol il-Gvern preżenti żgur li sabu lest.
Sur President, għalhekk parti mis-suċċess tal-korporazzjoni huwa preċiżament li issa wara ħames snin minn kemm ilha mwaqqfa, kif qal iċ-Chairman fir-rapport annwali - fil-fatt l-Amministrazzjoni preżenti ħasset il-bżonn li tagħtina pubblikazzjoni oħra ma' dan ir-rapport li se nirriferi għaliha iktar tard - wasal iż-żmien biex nippjanaw bis-serjeta' għall-futur. Iċ-Chairman qal hekk:
"Fi kliem ieħor, inħossni kburi ngħid li din is-sena ..."
- jiġifieri s-sena 1996 -
"... qed naraw li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma rnexxielha twettaq il-pjan kollu tal-ħames snin u issa qiegħda f'pożizzjoni li tippjana bis-serjeta' għall-futur.".
Imbagħad iktar 'il quddiem, waqt li qed jirriferi għall-fatt li l-korporazzjoni ilha ħames snin imwaqqfa, insibu li l-kap eżekuttiv qal dan il-kliem:
"Dan kien perjodu diffiċli ta' formazzjoni imma llum nista' nħares lura lejn is-snin mgħoddija b'sodisfazzjon. Inbnew il-pedamenti għal impriża moderna fil-qasam ta' l-ilma u sar dak ix-xogħol bażiku sabiex jitjieb is-servizz. Ir-riżultati miksuba huma mertu għax-xogħol li sar minn numru ta' nies li jaħdmu f'din l-industrija.".
Fil-fatt iktar tard il-kap eżekuttiv jitkellem ukoll dwar sfidi ġodda għall-futur. Jien nassoċja ruħi ma' dan il-kliem li kkwotajt, jiġifieri mas-sodisfazzjon għal dak li twettaq s'issa, mal-viżjoni li tibqa' tħares lejn il-futur tal-korporazzjoni fuq linja ta' ppjanar serju u ta' strateġija ċara għall-futur ta' pajjiżna u ta' din il-korporazzjoni, li f'ħafna aspetti mix-xejn irnexxielha tagħti lill-pajjiż l-ikbar dover mistenni minnha, jiġifieri d-dover li llum nistgħu ngħidu li f'pajjiżna mhux biss hemm il-kwantita' ta' ilma li għandna bżonn imma anke iżjed. U għalhekk, kif nispjega iktar tard, illum il-ġurnata nistgħu anke nħallu ċerti trains ta' xi reverse osmosis plants mitfijin ħalli naħdmu b'oħrajn għaliex huma iktar cost effective jew naħdmu b'oħrajn għaliex inkunu qed nagħmlu manutenzjoni. Jekk taqra "l-orizzont" tal-lum, per eżempju, issib avviż li l-impjant taċ-Ċirkewwa huwa magħluq għal xogħol ta' manutenzjoni, imma nistgħu naħdmu bl-impjant ta' Pembroke. Per eżempju, nistgħu ngħidu li għal raġunijiet ta' cost effectiveness akbar ma nużawx it-trains f'Tigne' imma nużaw l-impjant ta' Pembroke. Dan jista' jsir għaliex għandna spare capacity u dan hu l-akbar suċċess imwettaq mill-Gvern preċedenti li ma tqammilx biex jonfoq kulma kien hemm bżonn biex lil pajjiżna jagħtih dan is-suċċess.
Naturalment jien se nirriferi għal argumenti oħrajn dwar il-korporazzjoni, mhux l-inqas argumenti finanzjarji. Iċ-ċifri huma interessanti u nagħti l-interpretazzjoni tagħhom ukoll u nistaqsi anke domandi lill-Gvern preżenti x'beħsieħbu jagħmel. L-ewwelnett inħares ftit lejn dawn il-ħames snin tal-korporazzjoni mil-lat finanzjarju u nara x-xogħol li sar. Jekk wieħed iħares lejn il-bidu tal-korporazzjoni sa l-aħħar ta' Settembru tas-sena l-oħra u jara x'kien it-total ta' dawk li jissejħu infrastructure renewal costs - li rridu nifhmu wkoll li parti minn din is-somma tinkludi anke spejjeż li jsiru biex iżżomm apparat eżistenti għaddej u jiffunzjona tajjeb - issib li kien hemm infiq ta' Lm16.5 miljun fuq rinnovament ta' l-infrastruttura biss. Issa apparti l-infiq li kienet qed tagħmel il-korporazzjoni - u nirriferi għalih ukoll - l-Gvern direttament x'kien qiegħed joħroġ fil-ħames snin li għaddew għall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Anke hawn meta tgħodd iċ-ċifri kollha - hemm ir-rapport tas-Sur Mifsud li huwa interessanti u nirriferu għalih ukoll - issib li l-Gvern waħdu ħareġ is-somma ta' Lm47 miljun bħala sussidju dirett fl-aħħar ħames snin mit-twaqqif tal-Korporazzjoni sa l-aħħar ta' Settembru li għadda. Jekk trid tagħmel analisi sħiħa trid iżżid ukoll ma' din is-somma Lm2.7 miljun li l-Gvern ħareġ biex ikopri imgħaxijiet fuq ħlas kapitali lilu nnifsu u allura tista' tgħid li fl-aħħar ħames snin il-Gvern ta viċin il-Lm50 miljun f'sussidju lill-korporazzjoni. Jekk inħares lejn id-dħul totali minn bejgħ ta' ilma fl-istess perijodu nsib dħul ta' Lm21 miljun. Mela hawnhekk hawn l-ewwel equation importanti. Forsi l-Gvern preżenti ma jaqbilx ma' din it-tip ta' equation. Kieku naħdimha malajr ngħid li għal kull lira li l-korporazzjoni daħħlet mill-bejgħ ta' l-ilma l-Gvern preċedenti ħareġ Lm2.50, apparti ħlasijiet mill-korporazzjoni biex il-poplu jkollu l-ilma kollu li għandu bżonn, biex l-industrija f'pajjiżna jkollha l-ilma kollu li għandha bżonn, biex is-settur turistiku f'pajjiżna - waħda mill-iktar kolonni importanti għall-ekonomija kollha ta' pajjżna - ma jbatix minħabba li jiġu t-turisti hawn u jmorru jirrakkontaw li sabu pajjiż mingħajr qatra ilma, biex dan kollu jirnexxi u jkun garantit. Għaliex l-ewwel u qabel kollox il-Gvern ra l-aspett soċjali li għandu jibqa' jissussidja l-ilma almenu fl-iktar livell importanti ta' użu domestiku. Il-Gvern preċedenti ra wkoll li kellu jagħmel l-investiment kollu meħtieġ għat-tkattir industrijali, turistiku u terzjarju ta' pajjiżna għaliex kien jemmen li jekk inti ma tagħmilx dawn is-sisien soda l-pajjiż ma jiżviluppax verament bis-serjeta' 'l quddiem u għaliex il-Gvern ried jiggarantixxi l-kwalita' ta' ħajja meħtieġa f'pajjżna.
Sur President, issa meta tara ċ-ċifri kollha ta' l-aħħar ħames snin issib fattur ieħor. Issib li l-korporazzjoni rnexxielha tasal, qabel ħlas ta' imgħaxijiet u diprezzament, anke għall-profitt akkumulattiv ta' kważi Lm3 miljun. U naħseb li dan il-mertu rridu nagħtuh lill-korporazzjoni. Jien ma nistax nifhem kif il-Gvern iwaħħal f'rasu ċerti slogans - "ħofra fil-pajjiż" u "ħofra kullimkien"! Naħseb li kien ikollu ħofra kieku tela' fil-gvern u ma sabx impjanti ta' reverse osmosis, kieku ma sabx ilma adegwat għall-poplu u kieku ma sabx l-istess korporazzjoni mwaqqfa. Hemm kien ikollu ħofra ħafna ikbar, anke jekk għall-argument kien isib xi kaxxa misterjuża - jew ma nafx b'liema mod simboliku suppost nispjegawha din - mimlija flus għaliex lill-poplu l-Gvern kien jgħidlu: "Hawn il-flus, oqgħod ixrob il-flus jew oqgħod inħasel bil-flus!" Naħseb li kienet tkun ħofra ferm agħar. Fil-fatt, il-korporazzjoni qabel id-diprezzament, li huwa dak li l-accountants jirriferu għalih bħala "item not involving movement of funds" ... Inti tniżżlu d-diprezzament, mela ma tniżżlux, mela m'huwiex importanti, imma m'huwiex fattur fih innifsu li jaffettwalek il-cashflow u l-operat finanzjarju tal-korporazzjoni! Pero' jien ma nistax nifhem l-argumenti min-naħa ta' kelliema tal-Gvern u dan anke fid-dawl tal-kliem li nsibu fir-rapport li għamel il-konsulent imqabbad mill-Gvern. U kif kelli okkażjoni nikkwota minnu dan ir-rapport drabi oħra, nikkwota siltiet qosra.
Is-Sur Alfred Mifsud jgħid:
"It is a credit to the Water Services Corporation that it has achieved this level of operations without raising its tariffs to unsocial rates". - jiġifieri anke wara ż-żieda tat-tariffi bqajna b'rati soċjali -
"... and concurrently with its success to meet all the demand for water and create a spare capacity for supply as happened in 1996". Dan hu ċertifikat tajjeb ħafna, jgħidu x'jgħidu diversi kelliema tal-Gvern - naturalment b'rispett għalihom ilkoll - b'mod pappagallesk u b'mod, ikolli ngħid ukoll, ippreparat ftit iż-żejjed. Għax jien naħseb li rridu nirrispettaw id-dinjita' ta' din il-Kamra daqsxejn iżjed milli jkollna sensiela ta' kelliema li jiġu b'text tad-diskors miktub kelma b'kelma. Fil-fatt meta nisma' lil xi kelliem jaqra d-diskors tiegħu jien nibda nistaqsi lili nnifsi jekk hux veru li t-tali kelliem ried jagħti dak il-messaġġ lill-Parlament Malti jew jekk marx għand ir-research writers u qalilhom biex jiktbulu dak id-diskors. Dan qed ngħidu bi prudenza għax uħud mill-Onor. Membri li jaqraw id-diskors tagħhom għadhom ġodda, pero' dan il-kumment ma nistax ma nagħmlux almenu għall-futur u għad-dinjita' ta' din il-Kamra. Is-soltu niktbu diskors meta nkunu se nġibu xi artiklu f' xi gazzetta, imma lill-Kamra għandna nirrispettawha daqsxejn aħjar minn hekk. Ħalli nikkwota iktar mill-konsulenza tas-Sur Mifsud:
"This is not a case of a corporation which is manifestly wasting the taxpayers, money. On the contrary one has to give credit to the effort made by the board, the executive and the employees for building an organisation which is sensitive to the value for money concepts.".
GĦalhekk meta jien għandi ċertifikati bħal dawn mingħand konsulent tal-gvern u xorta waħda nibqa' nisma' l-istess litaniji, bilfors li jkolli ngħid li l-Gvern verament ma jafx x'direzzjoni jrid jieħu f'dan ir-rigward. Issa ħalli nagħmel analisi oħra.
Sur President, is-sors prinċipali tal-korporazzjoni huwa l-bejgħ ta' l-ilma. L-ewwelnett ikun tajjeb jekk nosservaw li mill-ewwel accounting period ta' 20 xahar sa l-aħħar sena finanzjarja, minħabba ż-żieda fit-tariffi, il-bdil tal-meters u l-metodi adottati li huma iktar effiċjenti, minn average ta' Lm268,000 il-bejgħ tela' għal Lm458,000 kull xahar. Hawn irridu ngħidu wkoll li llum il-volum ta' l-ilma li huwa billed prattikament wasal f'livell statiku, jiġifieri llum qed nitkellmu fuq volum ta' 18,000,000 metru kubu u dan donnu qed jistabilizza ruħu. Issa la tkellimna b'mod daqstant qawwi fuq il-finanzi tal-korporazzjoni ħalli naraw x'inhuma l-operating costs tagħha.
Sur President, jekk wieħed jara l-ispan ta' dawn l-aħħar ħames snin isib li bejn wieħed u ieħor 31% ta' l-operating costs imorru għas-salarji ta' l-impjegati u hawn irridu ngħidu li dan il-persentaġġ baqa' għoli għax minkejja li l-korporazzjoni naqqset in-numru ta' l-mpjegati, b'madwar 400 ruħ, fis-settur pubbliku kien hemm ir-riforma li affetwat il-pagi tal-ħaddiema b'mod sostanzjali. Fil-fatt din is-somma kienet tammonta għal kważi Lm6 miljun fis-sena u jekk ma tinkludix il-parti tal-paga li hija kapitalizzata ssib li din tammonta għal xi Lm5.5 miljun. GĦalhekk il-Gvern għandu jgħid x'irid jagħmel f'dan ir-rigward. Hawn ta' min jgħid ukoll li l-ikbar persentaġġ ta' l-operating costs huwa fuq il-konsum ta' l-elettriku li kien ta' 38%, pero' mbagħad dan il-persentaġġ beda jonqos b'mertu kbir ta' din il-korporazzjoni.
Inċidentalment 96% mill-kontijiet kollha li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tħallas lill-Enemalta jmorru għat-tħaddim tar-reverse osmosis plants. Issa jidher li dan il-persentaġġ beda nieżel u għalkemm dam ħames snin b'average ta' 38% insibu li fl-aħħar sena dan niżel għal 27%. Għaliex? GĦax illum il-korporazzjoni qiegħda f'pożizzjoni li m'għandhiex bżonn tħaddem l-impjanti kollha tar-reverse osmosis bħalma kienet tagħmel qabel. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha spare capacity, għandha impjanti li huma iktar cost effective u għamlet negozjati serji, kif kien jixraq, mal-Korporazzjoni Enemalta fejn qaltilha: Isma, jekk inti għandek rata orħos għall-industrija kollha ta' Malta ma jistax ikun li dik ir-rata ma tagħtihiex lili wkoll. Mela l-ispiża totali tal-WSC fuq l-elettriku naqset b'10%. Persentaġġi oħra ta' l-operating costs huma 21% għall-manutenzjoni ta' l-impjanti tar-reverse osmosis u 10% għal affarijiet oħra.
Fattur ieħor li rrid nitkellem dwaru huwa li meta nitkellmu dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma naħseb li rridu nistaqsu lilna nfusna: Illum x'inhu l-valur ta' l-assi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Hawn qed nirriferi għar-reverse osmosis plants, għall-boreholes, għall-uffiċini tagħha, għas-sistema ta' komputerizzazzjoni li saritilha u għall-apparat kollu li għandha. Qed nagħmel din id-domanda għax, kif għidt f'dibattitu ieħor, ma jistax ikun li ndaħħlu f'pajjiżna l-mentalita' li tmur kontra l-esperjenza ta' kull ċittadin - se nuża l-kelma li jħobbu jgħidu tan-naħa l-oħra - li jekk inti tixtri dar, flat, jew garaxx, ikun x'ikun, għandek il-problema tad-dejn tiegħu u qisu l-post li xtrajt ma jeżistix! Il-korporazzjoni bħala net asset value għandha aktar minn Lm59 miljun - allura dan ma nsemmuhx! - u dan wara li jsir id-diprezzament. Huwiex il-Ministru Buħagiar li jrid jikkalkola d-diprezzament? Għax jekk ma nikkalkolax d-depreciation allura rrid inżid Lm11-il miljun oħra. Nafu li dan it-total jinkludi madwar Lm12-il miljun għal titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni? Nafu li dan jinkludi investiment ta' Lm9 miljun fuq impjanti ġodda ta' reverse osmosis li l-korporazzjoni għamlet direttament, apparti dak li kien għamel il-Gvern fis-snin ta' qabel? Allura meta qed nisma' dawn iċ-ċifri kollha, lill-Gvern li għandu l-privileġġ jagħlaq id-dibattitu - naturalment kif kien ikolli jien meta kont ministru - se nagħmillu numru ta' mistoqsijiet. X'inhuma r-rimedji preċiżi li qed titkellem dwarhom? Qed titkellem dwar tariffi ġodda? Il-Ministru kkwota lili meta f'memorandum kont issuġġerejt lill-Kabinett li għal skopijiet limitati industrijali kien hemm bżonn ta' aġġustament fit-tariffa, imma qatt għal skop domestiku. Meta għamilt din il-kjarifika waqt l-introduzzjoni tiegħu, hu qabel miegħi. Il-Gvern preċedenti qatt ma kkonsidra jew ħass il-bżonn li jerġa jgħolli t-tariffi għas-settur domestiku.
Jien nitlob lill-Ministru Buħagiar jassigura lil din il-Kamra li l-Gvern preżenti m'huwiex qed jikkonsidra li jgħolli t-tariffi għas-settur domestiku f'pajjiżna. Issa m'hemmx għalfejn joqgħod iwaħħal fina. Din tal-bottling introduċiha fil-budget u diġa qiegħda ssir. Tafu kemm se jdaħħal minnha? Se jdaħħal xi Lm200,000 oħra. Hawn il-Gvern irid jagħmel kalkolu ieħor, għaliex irid jikkalkola li 57% mill-ilma mibjugħ imur għand is-settur domestiku u 63% tad-dħul kollu jiġi mill-kontijiet tas-settur domestiku. Jiġifieri dan huwa l-ikbar settur, pero' anke meta aġġusta t-tariffi l-Gvern preċedenti ried li jagħraf l-aspett soċjali ta' pajjiżna u ried jissussidja kemm ikun hemm bżonn. Liema rimedju ieħor irid jagħti l-Gvern preżenti? Forsi jrid jgħolli l-prezzijiet ta' xi servizzi mogħtija mill-korporazzjoni? Iva, hemm servizzi oħra mogħtija mill-korporazzjoni u fil-fatt din qiegħda tissussidjahom ukoll. Per eżempju, ir-rata li ddaħħal il-korporazzjoni għall-frontage m'hijiex l-istess rata li hi tħallas biex twassal l-estensjoni ta' l-ilma fi triq li tkun għadha qed tiżviluppa. Il-korporazzjoni żżomm bl-Lm4-il metru meta jkunu għad iridu jiġu żviluppati ż-żewġ naħat tat-triq u żżomm bit-Lm8-il metru meta tkun trid tiġi żviluppata naħa waħda tat-triq biss, pero' mbagħad hi tħallas - almenu dan kien l-aħħar ammont li ħallset - bis-Lm37-il metru. Allura l-korporazzjoni x'se tagħmel? Se titlob lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar tiġbor il-frontage contribution ma' l-infrastructural services għan-nom tagħha u tgħid lin-nies li hemm bżonn jogħla l-frontage li jolqot it-twassil ta' l-estensjoni ta' l-ilma? Hemm bżonn li fl-għeluq tad-diskors tiegħu l-Ministru jiċċara din il-ħaġa.
Sur President, jekk hawn wirt li l-Gvern Laburista rċieva huwa l-wirt ta' a new computerised billing system. F'xi dibattitu ieħor jien kont ikkwotajt dak il-famuż proverbju Malti antik li jgħid "April jagħmel il-fjuri u Mejju jieħu l-unuri", imma dan il-Gvern mhux talli qed jieħu l-unuri hu imma talli qed idur fuq April u jgħajru li hu ma għamel xejn ħlief kaboċċi u ġdur! (Onor. Membri: Hear, hear) Hawn jien ngħid lill-Membri tal-Gvern: Agħmlu eżami tal-kuxjenza u staqsu lilkom infuskom li kieku kontu fil-gvern fis-snin li għaddew kontux tagħmlu a billing computer structure organizzata, ġdida, moderna u effiċjenti li tirriferi għar-realtajiet ġodda, jew jekk kontux tgħidu li intom Gvern Laburista għaqli li ma jaħlix flus żejda u li l-Computer Centre tas-Swatar huwa wieħed mill-monumenti tagħkom! U tafu kemm kien monument tajjeb il-Computer Centre tas-Swatar għall-Water Services Corporation! Biżżejjed ngħid li hemmhekk kien hemm data irrelevanti, kien hemm żbalji enormi, l-informazzjoni meħtieġa ma kontx issibha hemm u mbagħad kont issib informazzjoni li m'hijiex meħtieġa u biex sistema tiġi ttrasportata minn post għall-ieħor kien jinħela żmien twil. Dik kienet ir-realta', pero' aħna ma ridniex nibqgħu fuq il-metodu antikwat tal-Computer Centre tas-Swatar u fil-fatt id-differenza bejn is-servizz li kien jingħata fil-Computer Centre tas-Swatar u s-servizz li hemm illum - hawn nammetti li l-proċess biex dan isir dam ħafna iktar milli xtaqt - hija waħda fenomenali. GĦalkemm din is-sistema għandha fejn tista' tiżviluppa iktar - bħal per eżempju tiġi maqluba għall-Malti - jien naħseb li dawn huma diffikultajiet żgħar ħdejn id-diffikultajiet kbar l-oħra li kien hemm qabel ma daħħalna din is-sistema. Il-Gvern preżenti messu jiftaħar li għandu dik is-sistema filwaqt li għandu jagħti l-mertu lil min kellu l-viżjoni li jagħmilha. Jekk irid il-Gvern Laburista jista' jikkritikana talli domna ma daħħalna din is-sistema, imma dan għandu jgħid li mn'Alla kellu jkun il-Gvern preċedenti li kellu din it-tip ta' viżjoni għax kieku probabbli dan għadu jiftaħar bil-Computer Centre tas-Swatar sal-ġurnata ta' llum! Inċidentalment il-Ministru Buhagiar qal li qabbad konsulent fuq il-billing. Issa jekk il-Ministru Buhagiar riedx ifisser li qabbad lil dan il-konsulent biex jeżamina l-billing mil-lat komputerizzat jew jekk hux biex jagħmel tariffi ġodda huwa ħallieha daqsxejn vaga u għalhekk forsi l-Ministru jkun jista' jagħtina risposta dwar dan fid-diskors tiegħu. Naturalment hemm ukoll aspetti oħra, bħal ngħidu aħna dak tal-ħaddiema.
Sur President, skond ir-Rapport Annwali filwaqt li bħala average fl-1993 il-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienu jdaħħlu Lm2,927 per capita, fl-1995 din il-figura telgħet għal Lm4,098 per capita. Apparti minn hekk l-overtime tela' għal Lm0.5 miljun fis-sena u mbagħad jekk wieħed japplika r-rati ġodda li hemm fil-collective agreement mal-GWU, it-total ta' l-overtime ikompli jogħla. Allura x'se jagħmel il-Gvern għal dan? Jien nixtieq li fil-winding up tiegħu l-Ministru jgħid jekk hux se jiggarantixxi l-istess livelli ta' overtime għall-ħaddiema tal-korporazzjoni jew hux se jipprova jnaqqas l-overtime.
Sur President, aspett ieħor marbut mal-billing huwa l-credit period, jiġifieri ż-żmien li n-nies idumu ma' jħallsu. Fil-fatt il-billing structure komputerizzata se tagħti faċilitajiet ġodda lill-Gvern għax fost affarijiet oħra - hawn irridu nammettu li dan m'huwiex fattur tajjeb fih innifsu - għandek qabża twila wisq bejn meta tirċievi kont u meta tħallsu. Illum jidhirli li l-average qiegħed madwar sena u nofs. Allura dan ifisser li hemm bżonn credit control systems aħjar. Bis-sistema komputerizzata li dan il-Gvern wiret dan se jkun jista' jagħmlu.
Jiena nista' nirriferi wkoll għall-fatt li meta niddiskutu l-finanzi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nsibu li minn mindu twaqqfet din il-korporazzjoni sa Settembru ta' l-1996 kienet għamlet self ta' Lm25 miljun, imbagħad wara dik id-data għamlet self ta' Lm4 miljun oħra. Jiġifieri ara ma naħsbux issa li s-self se jispiċċa!
Apparti r-rimedji li semmejt irridu nitkellmu wkoll dwar problema li ssemmiet ħafna, dik ta' l-unaccounted for water. Se nirriferi għal din ukoll għaliex diversi kelliema min-naħa l-oħra kważi riedu jagħtuna l-impressjoni li jekk issolvi din tkun tista' ssolvi kollox. L-ewwelnett, irrid infakkar fl-istudju li sar fl-1993. X'inhu l-breakdown ta' dawn it-62% unaccounted for water? Għandek 20% meter under- registration, 11% żbalji fil-billing - dwar il-billing diġa' spjegajt x'għamlet l-Amministrazzjoni preċedenti - 9% li kien ikkalkolat bħala serq u 20% leakages. Mela meta nitkellmu dwar leakages inkunu qed nitkellmu dwar terz ta' dak li huwa unaccounted for. Issa jiena napprezza wkoll li dawn iċ-ċifri mhux bilfors huma kollha preċiżi għaliex - dan mill-ġdid hu mertu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma - il-korporazzjoni ħasset il-ħtieġa li tagħmel studju għal kull żona f'pajjiżna ħalli tara x'inhi s-sitwazzjoni, għax ma tistax titkellem fuq Malta as a whole, qishom l-problemi f'kull rokna ta' dan il-pajjiż huma kollha identiċi. Dan l-istudju se jkun importanti ħafna għall-Gvern preżenti biex safejn jista' jsolvi l-problema u qed ngħid "safejn jista'" għaliex sal-lejla f'din il-Kamra bqajna nisimgħu lill-kelliema tal-Gvern jitkellmu fuq l-unaccounted for water qisha hija s-soluzzjoni ta' kollox.
Il-verita' hi li meta jkollok studju xjentifiku, apparti li tara x'inhi s-sitwazzjoni bejn żona u oħra, tkun tista' tara fejn verament jaqbillek tibdel il-mains ħalli tiffranka dak l-ilma li jkun qed jiskula għal ġod-drains u fejn le, għax jista' ma jaqbillekx. Jista' jkollok postijiet fejn jiġik ferm ogħla biex tibdel il-kanen ta' l-ilma mill-prezz ta' l-ilma li jinħela jekk ma tibdilhomx. Dan mhux qed ngħidu jien biss. Jekk inħarsu lejn ir-rapport li deher fil-gazzetta "l-orizzont" ta' nhar is-Sibt li għadda ssib: "Tnaqqis tat-telf ta' l-ilma sal-livell ekonomiku". Issa wara l-lezzjoni ċerti nies jibdew jiskopru l-Amerka! Dan il-kliem ma konniex nisimgħuh qabel. Ħalli naraw x'qal - issa mhux "l-orizzont" imma xi kkwotat "l-orizzont" bi prominenza u għamlet sew - lill-Inġinier Alex Rizzo li huwa nkarigat mill-water audit fil-fergħa tad- distribuzzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan spjega lil "l-orizzont", li kuntrarju għal dak li jista' jikkonkludi min m'huwiex midħla ta' dan is-settur - forsi ried jgħid għall-mod kif tkellmu xi kelliema hawn ġew; mhux qed ngħid għall-inġinier imma forsi qed jgħid għal oħrajn ukoll - il-korporazzjoni ma jaqblilhiex timmira biex tirranġa kull tnixxija li hemm fis-sistema ta' distribuzzjoni. Li jaqblilha huwa li l-infiq tal-flus neċessarju biex jitnaqqas it-telf ta' l-ilma, f'termini ta' xogħol magħruf bħala leakage control, ma jkunx akbar mill-valur ta' l-ilma li jkun se jiġi ffrankat. GĦalhekk il-korporazzjoni għandha tagħmel studju zona b'zona biex tara fejn jeżistu l-problemi l-kbar u dawk inqas kbar ħalli mbagħad tagħmel sistema studjata u xjentifika - il-korporazzjoni fil-fatt attrezzat ruħha biex tkun tista' tagħti dan is-servizz lill-Gvern - biex fejn tista' ssolvi parti mill-problema ta' l-unaccounted for water li huwa dovut mil-leakages u li f'kalkolu preliminari jammonta għal 20% u mhux għal 60%.
Sur President, il-meters kienu qed jikkaġunaw parti minn din il-problema u fil-fatt speċjalment meta nbidlu meters li kellhom iktar minn 20 sena diġa' kien hemm titjib. Apparti li wieħed irid iħares lejn dan kollu b'mod iktar xjentifiku llum f'dan il-Parlament, jien nista' nerġa' ngħid bl-ikbar serjeta' li tagħmel kemm tagħmel analisi u tqabbad kemm tqabbad esperti r-riżultat se jkun li l-ewwel fattur li jikkaġuna l-leakages fis-sistema ta' l-ilma - għal min huwa perit din hija xi ħaġa elementari - huwa s-suċċess li għamilna fil-produzzjoni ta' l-ilma u ż-żieda adegwata fil-pressa ta' l-ilma fis-sistema tal-kanen tagħna. Jekk fil-pajjiż ma jkunx hemm ilma jew jekk ikun hemm sistema ta' pressa baxxa wieħed ma jindunax jekk ikollu leakage. GĦalhekk kif għidt diġa' l-ewwel fattur li jikkaġuna l-problema tal-leakages huwa s-suċċess fil-produzzjoni ta' l-ilma li tasal għal-livell adegwat ta' produzzjoni li tixraq lil dan il-pajjiż. Issa nixtieq ngħaddi biex ngħid xi ħaġa dwar l-impjegati.
Sur President, apparti li rridu nsemmu s-suċċess tal-korporazzjoni li naqqset in-numru ta' mpjegati b'mod sostanzjali, naħseb li rridu nirriflettu wkoll fuq fattur ieħor. L-aħħar kelliem smajtu jgħid li għandna nibagħtu lill-impjegati fuq il-bank ta' l-iskola. Fil-fatt din l-idea lili għoġbitni ħafna għax il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li llum bejn wieħed u ieħor għandha 1,300 impjegat, għandha 1,000 minnhom li kienu mpjegati mal-Water Works Department u għandha wkoll parti sew minnhom li daħlu qabel l-elezzjoni ta' l-1987 bil-famuża sistema tal-Gvern Laburista meta ried idaħħal 8,000 impjegat mal-gvern biex forsi jsalva lilu nnifsu f'dik l-elezzjoni u li tilef xorta waħda. X'inhu l-livell ta' edukazzjoni ta' dawn il-ħaddiema? Fil-fatt 42% ta' dawn l-impjegati waslu biss sal-livell primarju, jiġifieri ħafna minnhom la jafu jiktbu u lanqas jaqraw. Il-lejla smajna appell biex nibagħtu lill-ħaddiema lura fuq il-bank ta' l-iskola. Jien ngħid lill-Ministru u lil din il-Kamra li fost il-korsijiet li l-Istitut għat-Teknoloġija ta' l-Ilma għamel fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma hemm il-korsijiet in Maltese and English literacy. Fil-fatt hawn ikun tajjeb jekk ngħidu li, kif insibu fir-rapport, permezz ta' dan l-istitut il-korporazzjoni organizzat 125 kors li jfissru 60,000 manhour lill-1,437 impjegat, jiġifieri altru li t-taħriġ kien jingħata importanza. Ma naħsibx li din il-ħaġa qed niskopruha llejla! Pero' kellna wkoll il-problema addizzjonali li f'dawn il-korsijiet kien hemm diversi ħaddiema li ma kellhomx livell għoli ta' edukazzjoni u dan ma kienx tort tagħhom. Lil dawn il-ħaddiema rridu nħeġġuhom biex jitgħallmu jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż għax jekk ma jkollhomx l-iktar għodda elementari ta' l-edukazzjoni ma nkunux nistgħu nagħtuhom training f'suġġetti oħrajn u ma jkunux jistgħu jaqraw il-meters jew iżommu xi notamenti.
Meta nsemmu l-finanzi tal-korporazzjoni ħafna drabi jkun hawn min jikkwota subartiklu 27(3) tal-Water Services Corporation Act li jgħid li l-korporazzjoni trid timxi b'mod li tkopri l-ispejjeż tagħha. Subartiklu 27 (4) jgħid li t-tariffi ġodda kollha jrid japprovahom il-ministru konċernat. Għalhekk jien se nerġa' nagħmel dawn il-mistoqsijiet: Issa li l-Ministru għandu X-ray tal-korporazzjonix'inhuma verament id-direzzjonijiet li l-Gvern preżenti jrid jagħti lill-korporazzjoni? Il-Gvern irid iwaqqaf bord regolatur biex jiddeċiedi l-affarijiet hu u ma jkunx jimporta jekk jgħolli t-tariffi anke għas-settur domestiku? Jekk il-Gvern jagħmel hekk jagħmel żball kbir għax ikun qed jinsa l-aspett soċjali importanti tal-korporazzjoni. Jista' jkun li l-Gvern jirrikorri għall-meters li huma sors ta' dħul għall-Korporazzjoni? Fil-fatt il-prezz tal-kera tal-meters huwa Lm3.60 fis-sena għas-settur domestiku; Lm2.40 fis-sena għal-lukandi u industriji u Lm15 għal knejjes, dipartimenti u postijiet oħra. X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern rigward il-kera tal-meters? Li hu żgur - hawn nista' nerġa' napplika l-proverbju dwar April u Mejju - huwa li issa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, b'riżultat tal-billing systems ġodda komputerizzati - dan huwa wirt tal-Gvern preċedenti - qiegħda tippjana li tiġbor l-arretrati li huma dovuti ħalli l-Gvern ikun jista' jgħid li dawn huma l-flus ta' din is-sena. Issa jekk il-Gvern ma joqgħodx attent u ma jiddistingwix bejn arretrati u flus ġodda li jkunu daħlu minn sistema ta' billing aktar adegwata u forsi aktar frekwenti minn dik li kellna s'issa, jista' jaqa' fl-iżball li jaħseb li f'daqqa waħda żied id-dħul meta kulma jkun għamel huwa li għamel sforz biex jiġbor l-arretrati dovuti.
Semmejna s-sistema tal-leakages u kif din hija marbuta mas-sistema tad-distribuzzjoni. Il-Gvern preċedenti, li ma kellux biss il-prijorita' li jipproduċi l-ilma imma kellu l-prijorita' wkoll li dan iwasslu fl-inħawi kollha ta' Malta, ried li jsaħħaħ is-sistema b'mod serju billi jara fiex kienet tikkonsisti s-sistema ta' distribuzzjoni li kien hawn fil-pajjiż. Meta nħares lejn dan ir-rapport u nara x'jgħid dwar kif kienet is-sistema tal-kanen f'Buġibba, jiġifieri li kienet xi ħaġa li lanqas titwemmen. X'ifisser li tagħmel studju, bħal dak li rrifera għalih l-Onor. Francis Agius, tal-proġett tal-Qrendi Phase 2? Dan bażikament ifisser li l-Gvern preċedenti biddel is-sistema tal-mains li kienet ibbażata li twassal l-ilma fl-irħula, wieħed wara l-ieħor, minn fuq main wieħed. Allura jekk raħal ikun fit-tarf l-ilma jasal meta jasal u jekk ikun fadal! Għalhekk f'Ħaż-Zabbar jew f'Wied il-Għajn ħafna drabi kontu tkunu bla ilma għaliex l-ilma ma kienx jasal għaliex jekk jasal jasal! Ta' min ifakkar li l-Gvern preċedenti biddel 152 kilometru ta' mains ta' l-ilma. Niġi issa għall-kwalita' ta' l-ilma.
F'din il-kwestjoni l-aktar soluzzjonijiet faċli huma li tagħmel taħlita akbar tas-supply mir-reverse osmosis plants ma' l-ilma li jittella' minn taħt l-art, pero' biex tagħmel hekk trid tonfoq ferm aktar. Il-korporazzjoni kienet ippjanat li fl-erba' snin li ġejjin tissostitwixxi madwar terz mill-ilma li jittella' minn taħt l-art b'dak li jiġi prodott mir-reverse osmosis u jiena nawgura li l-Gvern preżenti ma jabbandunax dan il-pjan.
Issemma' wkoll is-second-class water u l-użu tad-drenaġġ. L-ewwelnett nafu li l-impjant ta' Sant'Antnin, li l-Gvern preċedenti tah ħafna attenzjoni, kien diġa' qed jintuża biex jipproduċi l-ilma għal skop agrikolu? Nafu li hemm tender biex titkabbar il-kapaċita' tiegħu biex l-użu tas-second class water ikun ferm akbar?
Naturalment nistgħu nitkellmu wkoll dwar l-istorm water. Jekk huwa feasible, jiena nixtieq li l-istorm water li jinżel f'pajjiżna - għalkemm irridu niftakru li dan jinżel biss fi ftit ġranet tas-sena u fil-kumplament tas-sena ma jinżel xejn - naħżnuh u mbagħad nużawh. Sakemm l-ispiża m'hijiex ikbar milli tuża r-reverse osmosis, j'Alla nagħmlu hekk! Jekk naraw ir-rapport li sar fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti, insibu li konna għamilna tiswija ta' reservoirs fejn anke l-fili kienu spiċċaw. Jekk irridu nitkellmu dwar il-kwalita' ta' ilma fid-distribuzzjoni, allura jenħtieġ li f'diversi postijiet nagħmlu lining tal-mains għaliex xi kultant il-kwalita' ta' l-ilma mhux neċessarjament issofri mis-sors tal-produzzjoni imma anke mill-mod kif dan jitwassal.
Sur President, ma nistax ma nagħlaqx l-intervent tiegħi billi nagħmel domanda fundamentali lill-Ministru li nixtieq li jirrispondiha fid-diskors tiegħu. Veru "fresh start"? Inċidentalment xi ħadd qal: Għaliex il-kelma "start"? GĦal min huwa daqsxejn dilettant tal-computers il-kelma "start" fil-windows tużaha wkoll biex tagħmel ix-shut-down tal-computer. Issa inti qed tgħid "fresh start" biex tagħlaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?! Dan ma jfissirx li jien qiegħed nimmaġina xi affarijiet. Dan qed ngħidu għaliex l-Onor. Alfred Sant, meta kien għadu Kap ta' l-Oppożizzjoni, f'intervista mal-gazzetta "In-Nazzjon" kien semma l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bħala waħda fost diversi eżempji ta' aġenziji li jrid jagħmel studji dwarhom biex jara jibqgħux taħt forma ta' korporazzjoni jew le. Issa x'inhi l-policy attwali?X'se tkun il-policy rigward il-ħaddiema? X'se tkun il-policy rigward it-tariffi? Fuq kollox, x'inhi l-policy biex il-Gvern preżenti jibqa' jagħmel l-investiment kollu meħtieġ?