Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 441,91 Kb.
səhifə5/7
tarix27.01.2018
ölçüsü441,91 Kb.
#40970
1   2   3   4   5   6   7

AĠĠORNAMENT



ONOR. ALFRED SANT: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa, 12 ta' Marzu, 1997, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa - t-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji - t-Tieni Qari (Kont.); u
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda Diversi Liġijiet Finanzjarji - t-Tieni Qari.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn rimarki? L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Meta wieħed jiġi biex iqis il-maturita' politika ta' pajjiż, waħda mill-affarijiet li jħares lejha hija jekk il-pajjiż matul iż-żmenijiet irnexxilux isib consensus fuq kif għandu jmexxi l-politika barranija tiegħu. GĦalhekk tajjeb li nirriflettu jekk fil-mixja ta' dan il-pajjiż sibniex il-maturita' politika.
Jekk wieħed jara kif żviluppat il-politika differenti tal-partiti li ddominaw f'pajjiżna matul l-għexieren ta' snin jiskopri li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista bħala moviment dejjem fittex li jikseb l-indipendenza għal pajjiżna, forzi politiċi oħra, fosthom il-Malta Labour Party, riedu li pajjiżna jkun integrat ma' pajjiżi oħrajn. Minkejja li kien hemm min kien jaħseb li l-Indipendenza ma kienx possibbli li pajjiżna jakkwistaha, il-Partit Nazzjonalista baqa' jsostni l-pożizzjoni tiegħu għal ħafna u ħafna żmien. Fil-verita' l-Partit Nazzjonalista ngħata r-raġun għaliex mhux biss ġab l-indipendenza fl-1964 imma l-ħidma kollha li saret biex dan isir ħalliet ħafna frott għaliex minn dik id-data 'l quddiem f'pajjiżna kellna qabża fl-istandard of living. Illum kulħadd jirrikonoxxi li l-indipendenza għal pajjiżna kienet suċċess u anke l-politika tal-Partit Nazzjonalista ta' dawk iż-żmenijiet kienet suċċess. Din tat frott kbir lil dawk il-ġenerazzjonijiet li kienu fortunati biżżejjed li għexu waqt u anke wara l-perijodu ta' l-indipendenza ta' pajjiżna.
Sur President, għaddejna wkoll minn żmenijiet fejn kien hemm diverġenzi fil-politika barranija meta kien hemm il-Malta Labour Party fil-gvern u l-Partit Nazzjonalista kien fl-oppożizzjoni. F'dawn is-snin kien hemm nuqqas ta' qbil dwar kif għandna nħarsu lejn l-identita' ta' pajjiżna, u filwaqt li kien hemm min kien qed jenfasizza l-identita' Ewropea ta' pajjiżna, kien hemm min qed jenfasizza - forsi ħafna aktar - l-identita' Mediterranja ta' pajjiżna. Dawn id-diskussjonijiet, dawn il-kontestazzjonijiet u dawn id-diverġenzi kienu affarijiet li eventwalment wasslu għal konverġenza ta' ideat, fis-sens li dak li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jgħid għal ħafna u ħafna snin, li pajjiżna huwa kemm Ewropew kif ukoll Mediterranju, jidher li llum huwa aċċettat ukoll mill-Partit Laburista, li fehem li dan il-pajjiż bl-ebda mod ma tista' tiddivorzjah mill-kultura Ewropea u mill-mod kif jgħixu n-nies fl-Ewropa. Naraw li minn wara l-elezzjoni li għaddiet u anke qabel, il-Malta Labour Party fil-gvern qed jagħmel ħafna ħsejjes biex juri li huwa wkoll jemmen li Malta hija Ewropea, li għandha din it-tradizzjoni u din il-kultura, u li m'hijiex biss pajjiż Mediterranju imma wkoll pajjiż Ewropew. Għaliex qed ngħid dan?
Qed ngħid dan għaliex jekk wieħed jieħu l-affarijiet b'mod daqsxejn distakkat jara li, matul il-medda tas-snin, kienu bil-mod il-mod qed isiru bidliet fil-politika tal-partiti l-kbar ta' dan il-pajjiż u fil-fatt jien naħseb li aħna ersaqna iktar viċin ta' xulxin minn qatt qabel. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa żvilupp pożittiv għax huwa tajjeb li jkun hemm kuxjenza mifruxa fost iż-żewġ partiti l-kbar li pajjiżna għandu missjoni Ewro-Mediterranja. Madanakollu bla dubju ta' xejn baqa' diverġenza kbira bejn iż-żewġ partiti għal dik li hi t-triq tagħna fl-Ewropa.
Sur President, f'dawn l-aħħar snin Malta ħadet ċertu ritmu biex issir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea - issa hemm ċertu tip ta' lull f'dan ir-rigward - u għalhekk dawn is-snin għandhom iservuna għal iktar riflessjoni. Din ir-riflessjoni ma għandhiex tagħmilha biss din in-naħa, anzi huwa ferm iktar importanti li n-naħa tal-gvern tirrifletti dwar l-importanza u l-vantaġġi li jkollha Malta jekk tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea. Min għandu memorja tajba jiftakar x'kien jingħad mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni u jekk m'iniex sejjer żball kien hemm anke okkażjonijiet fejn il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, illum il-Prim Ministru, kien jgħid li huma lesti li jirtiraw l-applikazzjoni ta' Malta għal studju fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt aħna nafu li dan ma ġarax għax l-applikazzjoni ma ġietx irtirata imma tpoġġiet fil-friża - ma nafux jekk din l-applikazzjoni tpoġġietx in deep freeze, pero' tpoġġiet fil-friża żgur - u biex inkunu thankful for small mercies aħna ngħidu li għallinqas din ma ġietx irtirata. Dan qed ngħidu mhux biss għaliex il-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet konsistenti għal għexieren ta' snin - fil-fatt il-Partit Nazzjonalista kien għadda riżoluzzjoni fl-eżekuttiv u fil-kunsill ġenerali tiegħu biex Malta tfittex sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u din id-direzzjoni ngħatat minn qabel ma kien hemm il-bdil tal-gvern fl-elezzjoni li għaddiet - imma wkoll għaliex jagħmel ħafna sens li Malta żżomm din id-direzzjoni.
Fil-fatt, illum fuq Radio 101 tkellem is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, l-Onor. Lawrence Gonzi, u dan semma punt li niftakar kien issemma ħafna qabel l-elezzjoni mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien u Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Onor. Eddie Fenech Adami. Qal li l-fatt innifsu li Malta applikat biex tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea kien ta impetu kbir mhux biss lill-attivita' politika imma wkoll lil dik ekonomika u li dan kien serva ta' direzzjoni għax anke bniedem imdaħħal fil-business jew operatur ekonomiku seta' jkun jaf x'tip ta' ħidma jrid jagħmel biex jipprepara ruħu għal dik is-sitwazzjoni. GĦalhekk il-fatt li Malta ma għadhiex għaddejja f'dik it-triq huwa wkoll wieħed mill-fatturi għaliex l-ekonomija tagħna llum qiegħda fi stat ta' inċertezza u l-operaturi ekonomiċi ma jafux eżattament fejn sejrin. U mhux l-operaturi ekonomiċi biss imma naħseb li meta wieħed jara x'inhuma l-alternattivi għall-fatt li ma nkunux membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea u jitkellem fuq relazzjoni speċjali li skond il-Malta Labour Party għandna nfittxu, il-mistoqsija naturali dejjem tkun: Imma x'inhija eżatt din ir-relazzjoni speċjali? Din hija mistoqsija li l-poplu Malti għadu ma ngħatax risposta għaliha u għandu d-dritt għar-risposta għaliex irid ikun jaf eżattament x'inhi d-direzzjoni li dan il-pajjiż għandu jieħu, almenu għal dak li qiegħed jaħseb il-Gvern preżenti.
Għal dawk fostna li għadna nemmnu li din hija triq importanti ħafna għal Malta u li hija l-unika triq li Malta tista' ssegwi f'dawn iż-żmenijiet, naħseb li l-fatt li l-Gvern preżenti ma rtirax l-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropea hija għallinqas forma ta' tama li għad jista' jkun hemm rikonsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-Malta Labour Party. Jien nawgura li f'dan iż-żmien li l-Partit Laburista qiegħed fil-gvern joqgħod attent ħafna li ma jkunx ta' diffikulta' għall-iżvilupp politiku u kostituzzjonali ta' dan il-pajjiż u għal darba oħra jservi biex ifixkel il-mod li bih kien miexi pajjiżna fil-qasam tal-politika barranija, u ċioe' fid-direzzjoni li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea. Nispera li għalkemm din il-politika hija frozen - l-għażla hija ta' xi ħaġa li hija frozen! - ma tkunx il-mewt tad-direzzjoni li għandu bżonn pajjiżna. U pajjiżna għandu bżonn ta' din id-direzzjoni mhux biss għaliex ekonomikament għandha effett pożittiv, imma għaliex huwa importanti li pajjiżna jintegra ruħu f'dak kollu li qiegħed jiġri fil-kontinent li minnu niddependu u dan mhux biss għar-rigward ta' investiment imma għaliex aħna rridu li jkollna wkoll il-preżenza politika.
Jien naħseb li dan il-pajjiż ma jistax jibqa' fi stat ta' limbu li qiegħed fih bħalissa għar-rigward tal-politika barranija tiegħu. L-istat ta' limbu li tpoġġa fih dan il-pajjiż ma jagħmlilna l-ebda ġid, anzi jagħmel ħafna deni, mhux biss għall-pożizzjoni internazzjonali tagħna imma anke għall-iżvilupp ekonomiku. Hemm bżonn li l-Malta Labour Party fil-gvern joħroġ lil dan il-pajjiż mil-limbu li tefgħu fih għar-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fejn la mexjin lejn naħa u lanqas mexjin lejn oħra. Il-Gvern irid jiddefinixxi x'inhuma l-miri tiegħu u jagħmel ħafna sens li ma joqtolx il-possibilita' li pajjiżna jkun ukoll membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea. Hemm ċans kbir li jekk il-Gvern jibqa' ma jieħu l-ebda deċiżjoni f'din id-direzzjoni, jitlef l-okkażjoni storika li għandu pajjiżna għaliex dawn huma windows of opportunity li jekk tħallihom għaddejjin allura ma jkollokx il-possibilita' li terġa' tieħu ċ-ċans qabel ma jgħaddu ħafna u ħafna snin.

L-appell tiegħi, f'dan l-intervent qasir, huwa illi anke l-Malta Labour Party fil-gvern jirrifletti fuq il-konsegwenzi koroh li jistgħu jinqalgħu jekk huwa ma jsegwix il-politika ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea għax nibża' ħafna li l-poplu Malti jiġrilu bħalma ġralu meta f'dan il-pajjiż bil-mod il-mod kienet tnaqqret id-demokrazija. Imbagħad il-poplu skopra li din id-demokrazija kienet tnaqqret ħafna fl-elezzjoni ta' l-1981 kien ivvota biex ibiddel il-Gvern, iżda ġara illi anke dan id-dritt kien tneħħa wkoll permezz tal-gerrymandering li kien sar. Għalhekk il-poplu beda japprezza d-demokrazija iktar minn qatt qabel għax kien jaf x'jiġifieri demokrazija meta tilifha. Jiena ma naħsibx li għandna niġu fil-pożizzjoni li l-poplu jibda japprezza iktar l-importanza li Malta tkun fl-Unjoni Ewropea meta jintilef iċ-ċans li jsir dan. Nispera li l-politika barranija tal-Malta Labour Party tkun politika li ma toqtolx il-possibilitajiet li l-ġenerazzjoni tagħna u dik ta' warajna jkunu jistgħu jgawdu mill-fatt li Malta tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea.


THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hemm iżjed rimarki? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, kif kulħadd jaf, nhar is-Sibt li għadda saru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f'diversi rħula f'pajjiżna. L-ewwelnett wieħed irid jibda billi jirringrazzja lil kull kandidat li tefa' n-nomina tiegħu biex jikkontesta dawn l-elezzjonijiet għax dawn in-nies, fit-tliet snin li ġejjin, se jkunu minn ta' quddiem biex huma jfasslu l-politika tar-raħal jew belt tagħhom. Naturalment, bħalma jiġri f'kull elezzjoni oħra, hemm min tela' - u allura se jkun f'pożizzjoni li jservi lir-raħal jew belt tiegħu fit-tliet snin li ġejjin - u hemm ukoll min ma telgħax, imma xorta waħda lil dawn wieħed għandu jirringrazzjahom għall-fatt illi kkontestaw. Lil dawk li telgħu wieħed għandu jfiehemhom illi li tkun membru f'kunsill lokali mhux mod biex wieħed jista' jieħu xi drittijiet imma huwa mod ta' kif wieħed iservi lir-raħal jew belt tiegħu. Wieħed li jkun membru ta' kunsill lokali għandu jara kif il-belt jew ir-raħal li jgħix fih imexxih 'il quddiem.

Għal darba oħra reġa' kien hemm diskussjonijiet, kemm qabel u anke wara r-riżultati ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, dwar il-parteċipazzjoni jew le ta partiti politiċi f'dawn it-tip ta' elezzjonijiet. Sal-lum huwa magħruf minn kulħadd x'inhija l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista f'dan ir-rigward u għandna nkomplu nkunu konsistenti magħna nfusna għar-rigward ta' l-elezzjonijiet fihom infushom u għar-rigward



tar-riżultati li joħorġu minn dawn l-elezzjonijiet. Jien ma nistax nifhem kif ikun hawn min jagħti tifsira politika għar-riżultati li nkisbu ġewwa Għawdex u fl-istess nifs jgħid li r-riżultati li nkisbu fl-elezzjonijiet ġewwa Malta m'għandhomx jingħataw importanza iżjed milli wieħed normalment għandu jagħti lil riżultati bħal dawn! Jekk wieħed irid jagħti tifsira politika għar-riżultati miksuba nhar is-Sibt li għadda, din it-tifsira għandha tingħata kemm għar-riżultati li nkisbu f'Għawdex u kemm għal dawk li nkisbu f'Malta.
Sur President, jien naħseb li s-sinifikat li joħroġ mir-riżultati li nkisbu nhar is-Sibt li għadda huwa illi aħna, bħala Maltin, diġa' bdejna nindunaw illi effettivament dak li kien qed jiġri f'pajjiżna fid-disa' snin li għaddew kien aħjar minn dak li ġara f'pajjiżna matul dawn l-aħħar erba' xhur. Żgur li aħna bħala Maltin se jkollna ċ-ċans nixtarru u nifhmu iżjed x'inhi l-pożizzjoni politika li għaddej minnha pajjiżna u naħseb illi iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se jkollna ċ-ċans nifhmu u nagħrfu jekk dak li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni ta' Ottubru hux qed jiġi mwettaq jew le. Jekk wieħed jagħti ħarsa u jara x'ġara matul l-erba' xhur li għaddew malajr jinduna li s'issa kien hemm biss konsistenza f'direzzjoni waħda. Din hija l-konsistenza li kontinwament nitkellmu dwar problemi u dwar diżastri mingħajr ma nifhmu li iktar ma ssir enfasi fuq id-diffikultajiet u l-problemi - u ħafna drabi dawn fir-realta' lanqas biss jeżistu - iktar inkunu qegħdin nagħmlu ħsara lil pajjiżna, minħabba l-mod ta' kif diskors bħal dan jista' jinftiehem mhux min-nies li jifhmu iżda mill-poplu in ġenerali.
Kif għidt diversi drabi f'dan il-Parlament, aħna rridu nifhmu li f'pajjiż b'popolazzjoni żgħira, bħalma hija dik ta' pajjiżna, kull persuna għandha sehem ekonomiku u politiku x'tagħti għall-iżvilupp ta' pajjiżna u żgur li jekk ikun hemm persuni, żgħar kemm huma żgħar jew kbar kemm huma kbar, li jifhmu b'mod żbaljat dak li jkun qed jgħid il-Gvern naslu f'pożizzjoni fejn l-ekonomija tal-pajjiż tibda tnaqqas ir-ritmu tagħha u nafu x'konsegwenzi jista' jġib dak it-tip ta' diskors u x'jista' jkun l-effett politiku u ekonomiku fuq kull wieħed u waħda minna. Naħseb li din hija sitwazzjoni fejn aħna lkoll irridu nerfgħu r-responsabilita' ta' dak li nkunu qed ngħidu u għandna nifhmu li hemm bżonn il-parteċipazzjoni tagħna lkoll u li kull wieħed minna jkun f'qagħda li jagħti s-sehem ekonomiku tiegħu mhux biss għall-ġid tal-familja tiegħu, mhux biss għall-istituzzjoni li jaħdem fiha jew inkella li fiha jħaddem xi nies, imma anke għall-iżvilupp politiku u ekonomiku ta' pajjiżna. Biex nagħmlu dan, kull wieħed minna għandu jkollu fiduċja f'dak li sar sal-lum, f'dak li qed isir għal għada u f'dak li jrid ikompli jsir fil-futur biex dak li tant ħdimna għalih fis-snin li għaddew ma jispiċċax biex jitkisser b'xi deċiżjoni żbaljata. Issa xtaqt li nieħu l-opportunita' biex nitkellem dwar setturi oħrajn uħud minnhom jolqtu d-distrett elettorali li fih nikkontesta jien u oħrajn ta' natura ġenerali.
L-ewwelnett irrid ngħid li, f'dan il-Parlament, waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, intqal li fis-snin l-imgħoddija qatt ma kien hemm ħsieb li tinbena dar għall-anzjani ġewwa l-Mellieħa. Għall kuntrarju rrid ngħid li dan kemm-il darba kien intqal mill-Gvern preċedenti, speċjalment f'budget speeches tal-passat, u n-northwest local plan juri li diġa' kien hemm sit magħżul speċifikament għall-użu partikolari biex fih issir dar għall-anzjani fil-Mellieħa. Dan juri wkoll li diġa' kien sar xogħol sostanzjali li fuqu l-Gvern Laburista seta' jkompli jibni. Jekk il-Gvern tal-lum iddeċieda li ma jħallix din id-dar ta' l-anzjani tinbena allura għandu jerfa' r-responsabbilita' hu u jgħid li kien hemm il-pjan u l-intenzjoni li quddiem l-iskola tal-Mellieħa tinbena dar għall-anzjani pero' li għalissa - forsi għal dejjem ukoll! - mhuwiex se jkompli għaddej b'dan il-pjan. Mela niġu hawn u ngħidu li qatt ma kien hemm pjan biex tinbena dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa!
Sur President, xi ħaġa oħra li tolqot l-inħawi tal-11 u t-12-il distrett huwa l-moll ta' Buġibba li jintuża kemm mit-turisti u kemm mill-Maltin biex imorru Għawdex u Kemmuna, u minkejja x-xogħol li sar diversi drabi fil-passat erġajna wasalna għall-bżonn li dan il-moll jingħata wiċċ ġdid. Kif kulħadd jaf dan il-moll huwa espost għall-baħar qawwi, speċjalment meta jkun qed jonfoh mill-grigal, u spiss - biex ma ngħidx kull sena - ikun hemm bżonn ta' tibdil tal-wiċċ ta' dan il-moll. Għalhekk naħseb li l-Awtorita' Marittima għandha tieħu l-okkażjoni biex tara li dan il-moll jingħata wiċċ ġdid u nispera wkoll li mhux biss jingħata wiċċ ġdid imma li l-moll jinxtegħel - s'issa jiddispjaċini ngħid li dan ma kienx possibbli li jsir - biex wieħed ikun jista' jidentifika mill-bogħod illi hemm moll għall-ilqugħ tal-baħar u għall-protezzjoni tad-dgħajjes. Dan huwa importanti minħabba l-fatt li xi żmien ilu waqgħu biċċtejn blokki kbar minn tarf il-moll li jistgħu jkunu ta' periklu għad-dgħajjes li jgħaddu minn dawk l-inħawi.
Sur President, ħaġa oħra li wieħed jista' jitkellem dwarha hija x'għandha tkun il-funzjoni tat-trasport pubbliku - se nillimita ruħi għal dak is-settur tat-trasport pubbliku li komunament nafuħ bħala dak tal-karozzi tal-linja - u naraw jekk nistgħux nifhmu u nagħrfu bis-serjeta' x'inhi t-trend tat-trasport għar-rigward ta' kif dan jolqot lill-Maltin u lill-barranin li jiġu jżuruna. Jiena kemm-il darba għamilt riferenza għall-fatt illi waħda mir-rotot li kellha suċċess matul is-snin li għaddew kienet proprju r-rotta bejn Buġibba u Tas-Sliema li nbdiet fl-1988. Ta' min jgħid li meta ġejna biex nintroduċu din ir-rotta kellna diffikultajiet kbar, anke man-nies li kienu se jagħtu dan is-servizz, pero' aktar ma għadda ż-żmien aktar beda jirriżulta illi din kienet u għadha waħda mir-rotot li qed tagħti riżultati pożittivi lil dawk li qed jagħtu dan is-servizz u qed isservi wkoll biex id-dħul ta' dawk li jaħdmu f'dan is-settur ikompli jiżdied. Buġibba huwa wieħed miċ-ċentri turistiċi l-aktar imfittxija - jekk mhux l-ikbar ċentru ta' attivita' turistika li għandna f'Malta - u ċertament li din ir-rotta kellha kull ċans li tikber, kif fil-fatt għamlet.
Jiena naħseb li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku m'għandhiex tibża' illi tesperimenta u tħares lejn il-possibilita' ta' rotot ġodda oħra - mhux bilfors li jitilqu minn Buġibba jew mill-venda ċentrali tal-Belt Valletta - b'destinazzjonijiet oħra bħal, per eżempju, ir-rotta bejn Buġibba u Marsaxlokk. B'hekk wieħed miċ-ċentri turistiċi tan-naħa ta' fuq ta' Malta jingħaqad ma' ċentru ieħor ta' ċerta importanza mil-lat turistiku fin-naħa ta' isfel ta' Malta. Jiena konvint li jekk din ir-rotta tkun iżjed spissa żgur li jkollha l-istess suċċess li kellha r-rotta bejn Buġibba u Tas-Sliema. Din ir-rotta tkun ta' servizz tajjeb għall-barranin kif ukoll għall-Maltin għax ikunu jistgħu jivjaġġaw dirett minn Buġibba - jekk ikun hemm bżonn tista' ssir anke mill-Għadira, speċjalment fix-xhur tas-sajf - sa Marsaxlokk. Jiena konvint ukoll li destinazzjoni bħal din isservi ta' inċentiv għal min jaħdem fis-settur tat-traspost pubbliku.

Sur President, naħseb li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għandha tgħidilna b'mod ċar x'se jiġri mill-famużi low floor u super low floor buses li kellhom jiġu Malta biex jibdew jieħdu post il-buses il-qodma. Meta kienu ġew inawgurati l-ewwel tliet buses ta' dan it-tip kien intqal li din hija xi ħaġa li l-Amministrazzjoni l-ġdida rnexxielha tagħmel fi ftit żmien. Forsi dak inhar kienu nsew li x-xogħol preparattiv kien sar kollu fis-snin ta' qabel! B'daqshekk ma jimportax, imma issa dawn il-buses qegħdin hawn u dawk is-sidien li fil-passat għamlu agreement ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex jixtru karozza tal-linja ta' dan it-tip iridu jkunu jafu x'inhi l-pożizzjoni tagħhom. Anke dawk l-assoċjazzjonijiet kollha li kellhom sehem fit-tfassil ta' liema vettura għandha tintuża fuq ir-rotot ta' pajjiżna jridu jkunu jafu x'se jiġri fir-rigward ta' dawn il-karozzi tal-linja.


Jiena nemmen li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għandha tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara mhux biss mal-membri li qed imexxu l-istess awtorita' imma wkoll ma' kull persuna li tista' tiġi milquta. Ċertament li wieħed jista' jħares 'il quddiem lejn il-possibilita' ta' servizz aħjar bl-introduzzjoni ta' dawn it-tip ta' karozzi tal-linja u nemmen li x-xogħol kollu li sar fil-passat f'dan ir-rigward għandu jkun il-bażi tal-ħidma għas-snin li ġejjin. Nemmen li bil-koperazzjoni ta' kull wieħed u waħda minna dan is-servizz jista' jingħata spinta akbar, u mhux lanqas f'dak li għandu x'jaqsam ma' dħul iktar qawwi għan-nies li joperaw dan is-servizz.
Kif għidt diversi drabi, din hija kategorija ta' nies li għandha l-problemi partikolari tagħha - u ċertament li dawn il-problemi jħallu l-effett tagħhom fuq il-passiġġieri wkoll - iżda ma rridu ninsew qatt li dawn in-nies qed jagħtu servizz lil pajjiżna u żgur li bħal kull wieħed minna għandhom dritt ta' għajxien diċenti b'riżultat tal-ħidma tagħhom. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar l-Erbgħa, 12 ta' Marzu, 1997 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Prim Ministru.
Fid-9.53 p.m. il-Kamra kienet aġġornata mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 441,91 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin