Debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 441,91 Kb.
səhifə6/7
tarix27.01.2018
ölçüsü441,91 Kb.
#40970
1   2   3   4   5   6   7

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



TELMALTA - CABLES ĠODDA

3674. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' xogħol ta' trinek li sar fl-inħawi kollha tal-11 u t-12-il Distrett Elettorali mill-1987 'il hawn sena b'sena, lokal lokal, b'konnessjoni ma' tqegħid ta' cables ġodda tat-telefon?
Kemm ġew ipprovati servizzi tat-telefon permezz ta' dan ix-xogħol? Kemm kien in-numru ta' linji available f'kull exchange f'dawn id-distretti f'Mejju, 1987 u kemm kien f'Ottubru, 1996? Meta hu mistenni li jingħataw is-servizzi pendenti li hemm għat-transfers u għal-linji ġodda?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.


MĠARR - PROVVISTA TA' ILMA

3675. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġimgħat l-inħawi tas-Santi, ta' l-Abatija u ta' l-Iskrivit (l/o Mġarr) kienu diversi drabi mingħajr il-provvista ta' l-ilma? X'passi se tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex tassigura li dawn l-inħawi jkollhom ilma matul il-ġimgħa kollha, iktar u iktar meta wieħed iqis li dawn l-inħawi m'għandhom l-ebda sors ieħor ta' ilma?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat il-każ u jidher li l-provvista ta' l-ilma fl-inħawi imsemmija hija adekwata. Il-Korporazzjoni qed tieħu miżuri biex ittejjeb il-provvista fl-inħawi minħabba li l-mejnijiet huma qodma.


BUĠIBBA - BREAKWATER

3676. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji biex il-breakwater ta' Buġibba jiġi miksi b'wiċċ ġdid fuq dak li hemm bħalissa?
Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji biex fuq dan il-breakwater jitwaħħlu dwal adegwati? Jekk le, jista' almenu jitwaħħal dawl li juri t-tarf tal-breakwater in-naħa tal-baħar? X'inhi l-pożizzjoni tal-Maritime Authority dwar dan il-breakwater?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jien informat li l-pożizzjoni ta' l-Awtorita' Marittima rigward dan il-breakwater hija skond id-dispożizzjoni ta' `Section 21 (2) Part III' ta' l-Att Nru XVII ta' l-1991, iżda l-Awtorita' se tistħarreġ il-possibilita' li jkun hemm dawl bħala għajnuna għan-navigazzjoni.
Se ngħid lill-Awtorita' Marittima ta' Malta tara l-possibilita' li jsir il-kisi li għalih qed jirriferi l-Onor. Interpellant.


TELEMALTA - TELEPHONE BOXES

3677. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' telephone boxes li għandha l-Korporazzjoni Telemalta f'kull lokal tal-11 u 12-il Distrett Elettorali? Kemm hemm talbiet pendenti quddiem il-Korporazzjoni Telemalta biex jitwaħħlu telephone boxes ġodda? F'liema lokalita'? Meta hu mistenni li jitwaħħlu dawn it-telephone boxes? Il-Korporazzjoni Telemalta stess għandha l-ħsieb li jitwaħħlu xi telephone boxes ġodda?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni kollha rigward kemm hemm telephone boxes fil-11 u fit-12-il Distrett, kif ukoll l-applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Korporazzjoni Telemalta tinstab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-applikazzjonijiet pendenti, il-Korporazzjoni Telemalta diga' bdiet tinstalla wħud minnhom u l-prijorita qiegħda tingħata lill-postijiet pubbliċi.
F'dak li għandu x'jaqsam ma telephone boxes ġodda, il-Korporazzjoni se tinstalla 10 telephone boxes oħra f'Buġibba u dan se jsir fid-dawl tal-proġett li għaddej bħalissa biex tissebbaħ din il-lokalita' turistika.
Ta min jgħid li l-Korporazzjoni qiegħda tistudja l-possibilitajiet kollha biex tħaffef l-installazzjonijiet pendenti tal-cardphones.
Dan billi tneħħi burokrazija żejda, iżżid ir-riżorsi, toffri inċentivi interni neċessarji u jekk ikun hemm bżonn anke tikkonsidra xi sub-contracting.


VAT - REFUNDS

3678. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'se tkun il-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għar-refunds tal-VAT, bħall-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala meta l-VAT ma tkunx għadha topera fil-forma li hi llum?
Dawk il-bdiewa, raħħala u sajjieda li kellhom ir-return tagħhom li tagħlaq darba fis-sena, x'se jagħmlu biex jieħdu lura l-VAT li kienu ntitolati għaliha? Dan l-istess arranġament jgħodd ukoll għal kategoriji oħra tal-ħaddiema?
ONOR. LINO SPITERI: Ninforma lill-Onor. Interpellant dwar l-ewwel parti tad-domanda sabiex jara s-Sezzjonijiet relevanti tal-White Paper For a Better Tax System.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, il-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala jibqgħu intitolati għal rifużjoni ta' l-Input VAT dovuta taħt il-Liġi tal-VAT.
Dan japplika għal kategorija tat-taxpayers l-oħra.


DJAR - BDIL TA' SOQFA

3679. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni ta' l-Awtorita' tad-Djar għar-rigward ta' claims ta' bdil ta' soqfa minn inkwilini tal-bini tal-Gvern? Kemm hu n-numru ta' każi fejn inkwilini ta' bini tal-Gvern talbu lill-Awtorita' tad-Djar (mhux lid-Dipartiment tal-"Maintenance & Construction) biex dawn is-soqfa jinbidlu? Kemm minn dawn il-każi jinsabu quddiem il-Qorti?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: L-Awtorita' tad-Djar ma għandhiex claims għal bdil ta' soqfa minn inkwilini fi proprjeta' tal-Gvern. Id-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar jieħu ħsieb ta' dawn it-tiswijiet skond il-policy tiegħu.
Il-bini tal-Gvern huwa amministrat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għaldaqstant aktar tagħrif jista' jinkiseb minn dan id-Dipartiment.


SAĦĦA - RECIPROCAL HEALTH AGREEMENT

3703. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3218 u t-tweġiba mogħtija dwar reciprocal health agreements, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet għal trattivi bilaterali ma' Franza, Iżrael u l-Italja? Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta bdew it-taħdidiet?

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: It-taħditiet rigward it-trattativi bilaterali ma` Franza kif ukoll ma` Iżrael waslu f`livelli avvanzati. Dawk li jirrigwardaw l-Italja għadhom fi stat fejn wieħed qiegħed jiddiskuti biex jintlaqgħu l-għanijiet reċiproċi.
It-taħdidiet ma` Franza bdew fl-1982, filwaqt li dawk ma l-Iżrael inbdew fl-1994. Dwar dak ta` l-Italja kien hemm ftehim fl-1982 li qatt ma ġie rratifikat u għaldaqstant, wieħed jista jgħid li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.


FORTI RICASOLI

3764. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Billi d-development brief għall-iżvilupp ta' Forti Ricasoli kien fi stat avvanzat sa sitt xhur ilu, f'liema stadji qiegħed dan illum? X'inhuma l-proposti tal-Gvern t'issa fuq dan il-proġett tant ambizzjuż?
ONOR. GEORGE VELLA: Wara li saru laqgħat konsultattivi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għaddiet id-Development Brief tal-Forti Ricasoli lid-Dipartiment tat-Turiżmu fi Frar li għadda. Din qiegħda issa tiġi mibgħuta lill-kumpanniji nteressati fl-iżvilupp li sejrin iniedu proposti ta' żvilupp, ibbażati fuq il-kriterji provduti fid-Development Brief. Wara konsiderazzjoni tal-proposti sottomessi ssir l-għażla ta' min se jagħmel l-iżvilupp propost.
L-iżvilupp propost huwa għal theme park fuq tema kulturali u storika b'faċilitajiet rikreattivi, kummerċjali u oħrajn anċillari. L-għan ewlieni ta' dan il-proġett hu r-restawrazzjoni u r-riabilitazzjoni ta' din il-Forti billi jiġi nkoraġġit użu adekwat waqt li jiġi mmexxi 'l quddiem żvilupp li jżomm il-karattru storiku tal-post u fl-istess waqt, tkun ta' esperjenza edukattiva u rikreattiva għan-nies li jżuru l-Forti.

TARXIEN - TRIQ IL-FIERES

3765. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li Triq il-Fieres, Ħal Tarxien tingħata l-asfaltar kollha kemm hi?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Parti minn Triq il-Fieres li għada mhix asfaltata hija mniżżla fil-lista tat-toroq li jridu jiġu asfaltati.


KOPERATTIVI

3766. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Billi l-Ministru beda jwettaq ħidma siewja fil-qasam tal-koperattivi, jista' l-Ministru jibda jesplora l-possibilta' ta' twaqqif ta' koperattivi fil-qasam tal-produzzjoni ta' prodotti tipikament Maltin u Għawdxin u hekk tissaħħah il-Crafts & Cottage Industry?
ONOR. EDWIN GRECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f'laqgħa li kelli mal-Bord tal-Koperattivi jiena sħaqt biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu tal-Koperattivi biex ikun possibbli jitwaqqfu għaqdiet minn kull settur ta' l-ekonomija, inkluża l-Crafts and Cottage Industry.


BARRIERI

3767. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Wara l-ħafna rapporti fuq il-mass media dwar il-ħsara li qed issir minn xogħol f'barrieri lill-writ ta' dan il-pajjiż, ma jidhirlux il-Ministru li l-Gvern għandu jieħu l-passi deċiżivi biex din il-ħsara ma tkomplix issir, infetħu meta infetħu dawn il-barrieri?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jieħu bis-serjeta' l-problemi li xi barrieri qegħdin jikkaġunaw lill-wirt kulturali. F'każ reċenti, ittieħdu passi konkreti - permezz t'intervent deċiż mill-Pulizija fuq inizjattiva ta' l-Awtorita' għall-Ippjanar (stop works notice) - biex jitwaqqaf xogħol abbużiv li kien qed isir ġewwa barriera taż-żrar qrib it-tempju megalitiku ta' l-Imnajdra.
Ta min ifakkar, li s-sit ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim huwa rikonoxxut mill-UNESCO bħala World Heritage Site. Dan ir-rikonoxximent jista' jiġi rtirat jekk l-inħawi ta' dawn iż-żewġ tempji preistoriċi jibqgħu jiġu mqabra minn attivitajiet ta' impatt ambjentali daqstant negattivi; bħal ma huma l-barrieri qrib l-Imnajdra.
Għalhekk il-Gvern huwa deċiż li jkompli fil-ħidma tiegħu għall-konservazzjoni ta' dan is-sit ta' valur kulturali dinji, sabiex viżitaturi barranin u Maltin ikunu jistgħu jkomplu jgawdu dawn il-monumenti straordinarji f'dak li baqa' mill-ambjent oriġinali tagħhom.


DIPARTIMENT TAX-XOGĦOL - RAPPORT

3768. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3244 u 3413, jista' l-Ministru jagħti d-dati eżatti tal-proċess ta' kif wasal biex jitlob rapport dwar id-Dipartiment tax-Xogħol?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li napprezza ferm meta jkolli mistoqsijiet li tweġiba għalihom tkun ta' għajnuna għaċ-ċittadini. Din il-mistoqsija weġibtha meta tajt risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3244.
Wasalt biex nitlob rapport dwar id-Dipartiment tax-Xogħol mill-ewwel darba li mort inżur dan id-dipartiment u sibtu fil-ħerba u l-abbandun li ħallietu fih l-Amministrazzjoni Nazzjonalista li tilfet il-fiduċja tal-poplu nhar is-26 ta' Ottubru 1996.
Xhieda ta' dan l-abbandun hemm impjegati li jaħdmu f'dan id-dipartiment kif ukoll rapport li kienet għamlet l-MSU lill-Gvern Nazzjonalista f'Novembru 1992, liema rapport qatt ma sar xejn dwaru.


MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - TRASFERIMENTI

3769. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2870 u t-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-3 ta' Marzu, 1997 fejn issemmew 27 trasferiment fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministru, jista' l-Ministru jgħid f'liema dipartimenti saru dawn it-trasferimenti u kemm minnhom intalbu minn nies ikkonċernati?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


SKEJJEL - XOGĦLIJIET

3779. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil hu maħsub li jsir fi programm ta' bini ġdid, estensjonijiet jew upgrading ta' skejjel li se ssir fl-1997 minn dak li kien maħsub li jsir mill-amministrazzjoni ta' qabel? Jekk fl-affermattiv, għaliex inħass li għandu jsir?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 3778. Dettalji tal-proġetti ta' kostruzzjoni u ta' riabilitazzjoni kif ukoll ta' xogħlijiet oħra li se jsiru fl-iskejjel inħadmu wara li periti u uffiċjali sanitarji żaru l-iskejjel u evolvew il-bżonnijiet li hemm fihom.

SKEJJEL - SANTA LUĊIJA

3780. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Meta hu maħsub li tkun lesta l-iskola ġdida f'Santa Luċija li se sservi bħala Junior Lyceum tal-Bniet?
Kemm mill-vot kapitali ta' Lm1.5 miljun dedikat għal Construction and Adaptation Works Secondary Schools se jintuża għat-tkomplija ta' din l-iskola?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-fażijiet kollha ta' l-iskola ġdida li qed tinbena f'Santa Luċija u li se tintuża bħala Junior Lyceum għall-bniet se jkunu lesti fis-sena 2000.

Madankollu, l-ewwel fażi ta' din l-iskola se tkun lesta din is-sena w użu se jibda jsir mill-iskola minn Settembru 1997.


L-ammont ta' Lm1,504,000 li hu allokat għas-settur sekondarju fil-Vot Kapitali huwa parti mis-somma totali ta' Lm3,000,000 li ġew ivvotati għall-kostruzzjoni, riabilitazzjoni u manutenzjoni ta' l-iskejjel fl-Estimi ta' l-1997. Minn dan l-ammont huwa stmat li tintnefaq is-somma ta' Lm950,000 fuq l-iskola ta' Santa Luċija.


MSIDA - STORBJU MINN TFAL

3781. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jara jekk il-pulizija jistgħux jinvestigaw u jirrapportaw dwar ilmenti ta' storbju li gruppi ta' żgħażagħ u tfal qed joħolqu b'inkonvenjent għar-residenti li jgħixu f'Rue D'Argens, Msida, faċċata ta' l-istabbiliment ta' l-għamara FXB? Il-Prim Ministru huwa f'pożizzjoni jgħid x'irriżulta u x'passi ħadet il-Pulizija jekk ikun il-każ?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi kull meta saru ilmenti ta' din ix-xorta, il-Pulizija marret fuq il-post u wissiet lit-tfal involuti biex ma jagħmlux storbju.
PULIZIJA TRAINEES

3782. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kors ġie mniedi fl-Akkademja tal-Ġustizzja Kriminali matul l-1996 għal Pulizija Trainees? Meta beda u spiċċa kull kors? Kemm-il persuna bdiet u spiċċat il-kors u ġiet ingaġġata fil-Korp tal-Pulizija? Meta hu l-ħsieb li jingħataw il-ġurament l-aħħar grupp ta' pulizija trainees li għaddew mill-kors organizzat għalihom?
ONOR. ALFRED SANT: Matul is-sena 1996 saru tlett korsijiet bażiċi għall-pulizija trainees fl-Akkademja tal-Ġustizzja Kriminali kif se nsemmi:
a) L-ewwel kors kien mill-11 ta' Settembru 1995 sas-26 ta' Jannar 1996. 37 rekluta bdew u temmew dan il-kors u ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija.
b) It-tieni kors kien mit-12 ta' Frar 1996 sal-14 ta'Ġunju 1996. Bdew dan il-kors 86 rekluta u spiċċaw il-kors u ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija 79 rekluta, peress li matul il-kors 5 irreżenjaw u 2 m'għaddewx fl-eżami finali.
c) It-tielet kors kien mit-12 ta' Frar 1996 sas-27 ta' Frar 1997. Bdew il-kors 10 apprendisti, 2 irrIżenjaw u 2 ma ssodisfawx il-livell metħieġ. Is-sitta l-oħra ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija fis-27 ta' Frar 1997.


DROGA - PROBLEMI

3783. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Wara li skond ittra ppubblikata mid-Direttur tad-DOI ta' Diċembru, 1996 qed isiru laqgħat bejn aġenziji governattivi u oħrajn non-governattivi dwar il-problema tad-droga, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar:
a) għaliex dawn il-laqgħat qed isiru bil-magħluq? b) Għaliex m'hemmx rappreżentanti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, tal-Private Schools Association, Kunsilli Lokali, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Federazzjoni ta' l-Industriji u Aġenziji oħrajn li żgur għandhom kontribut x'jagħtu meta tiġi diskussa l-prevenzjoni? Għaliex lanqas il-Partit Nazzjonalista ma ġie mistieden meta l-Gvern ta' qabel kien innomina membru tal-Partit Laburista fil-Kummissjoni kontra l-Abbuż ta' l-Alkoħol u d-Droga? Jista' l-Prim Ministru jitlob lil dawn l-organizzazzjonijiet jibagħtu r-reazzjonijiet tagħhom ħalli jiġi mistħarrġa mill-aġenzija mistiedna għal dawn il-laqgħat?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.


PENSJONIJIET

3784. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni għar-rigward tal-pensjoni taħt l-Ordinanza tal-Pensjonijiet ta' dawk l-impjegati tal-Gvern li minn dipartimenti governattivi ġew assorbiti f'korporazzjonijiet jew entijiet parastatali?
Kemm hemm impjegati li jaqgħu f'din il-kategorija?
F'liema korporazzjonijiet jinsabu dawn il-ħaddiema?
Fiex waslu t-taħdidiet li kienu qed isiru fuq din il-materja u jista' issa jagħti tagħrif dettaljat dwar id-deċiżjoni li se tiġi mplimentata?
ONOR. LINO SPITERI: Jiena mgħarraf li meta ħafna ex-impjegati tal-Gvern ġew assorbiti f'korporazzjonijiet jew entijiet parastatali, għalkemm ġie miftiehem illi s-servizz ma' dawn il-korporazzjonijiet jibqa' jgħodd għall-komputazzjoni tal-Pensjoni mit-Teżor taħt l-Ordinanza tal-Pensjonijiet, ma kien sar l-ebda ftehim fuq liema salarju din il-pensjoni għandha tinħadem. Billi dawn il-gradi ma' dawn l-entijiet qatt ma' kienu dikjarati pensjonabbli skond kif tirrikjedi l-Ordinanza tal-Pensjonijiet, il-pensjoni ta' dawn l-impjegati qed tinħareġ skond is-salarju li kien ikollhom kieku baqgħu mal-Gvern fl-istess grad.
B'danakollu qed jitkomplew studji u taħditiet mal-partijiet konċernati biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal dawn id-diffikultajiet. Dawn sibt li jinvolvu aspetti legali u proċedurali li għadhom m'humiex maħlula.
Mhux possibbli li jingħataw dettalji dwar deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu, u li - kif forsi jaf l-Onor. Membru - ilha ssir tfittxija għalihom.
S'issa l-pensjonanti li huma nvoluti huwa kif ġej:


Korporazzjoni jew enti Parastatali

Numru ta' Impjegati

Water Services Corporation

120

Telemalta Corporation

79

Enemalta Corporation

61

Malta Maritime Authority

5

Malta International Airport

13

Public Transport Authority

9

Posta Ltd

14

University of Malta

14

Planning Authority

3

TOTAL

318

It-Teżor mhux f'pożizzjoni li jkun jaf in-numru ta' l-impjegati li għadhom jaħdmu mad-diversi entijiet u jkunu intitolati għall-pensjoni taħt l-Ordinanza meta jirtiraw.




SAĦĦA - WARD CLERKS

3820. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Meta huwa mistenni li jiġi ffinalizzat il-proċess kollu u jiġu ppubblikati r-riżultati ta' l-eżami għall-Ward Clerks?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: M`għandhix x`inżid mar-risposta li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 2074.


SANITA' - DIRETTURI

3821. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal ħatra tad-diretturi fil-Head Office tas-Sanita'? Min hemm preżentement jokkupaw dawn il-postijiet?
ONOR. ALFRED SANT: L-arranġamenti li għandhom jirregolaw il-ħatra ta' Kapijiet ta' Dipartimenti fis-Servizz Pubbliku, inkluż il-ħatriet li qed jirriferi għalihom l-Onor. Membru, għadhom qed jiġu kkonsidrati.
Dawn il-postijiet preżentement huma okkupati kif jidher hawn taħt:

Dr John Cachia, Direttur (Institutional Health) li qiegħed ukoll jokkupa l-post ta' Acting CGMO


Dr Raymond Scerri, Direttur (Policy and Planning)
Dr Raymond Busuttil, Direttur (Primary Health)
Mr Saviour Lautier, Direttur (Human Resources)
Dr Hugo Agius Muscat, Direttur (Health Information)


SERVIZZ ĊIVILI - CGMO/DIRETTUR ĠENERALI

3822. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal ħatra ta' CGMO jew Direttur Ġenerali?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 3821.

SPTARIJIET - TRASFERIMENTI

3823. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-transfers li saru ġewwa l-isptarijiet sarux wara li ġew ikkonsultati l-unions, l-Acting CGMO, id-Direttur tan-Nursing Services u d-diretturi kliniċi?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Iċ-ċaqliq li sar, kien skond l-esiġenzi tas-servizz. Il-konsultazzjonijiet saru mal-partijiet ikkonċernati.


SPTARIJIET - HOSPITAL LINEN SERVICES

3824. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment għadux għaddej bil-ħsieb li ssir koperattiva bejn il-ħaddiema tal-Hospital Linen Services?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Deċiżjoni tittieħed fi żmien adattat.


SPTAR SAN LUQA - INFECTION CONTROL UNIT

3825. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-membri ta' l-Infection Control Unit ġewwa l-Isptar San Luqa?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-Infection Control Unit ta' l-Isptar San Luqa hija mmexxija mill-mikrobijoloġista, t-tabib Michael Borg, li jaqdi l-funzjoni ta' Acting Infection Control Officer u għandha wkoll żewġ Infection Control Nurses bi kwalifika ta' ENB 329 f' Infection Control Nursing li huma Paul Pace u Noel Abela.


QRATI - PROBATION OF OFFENDERS ACT, 1957

3840. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati xi emendi għall-Probation of Offenders Act, 1957 bil-għan li tiġi aġġornata għaż-żmenijiet tal-lum?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap 152 bħal liġijiet l-oħra kollha, hu dejjem miżmum taħt eżami biex jekk ikun hemm bżonn ta' aġġornament jiġi emendat. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi suġġerimenti x'jagħmel, jien lest li nikkonsidrahom.


QRATI - GĦAJNUNA LEGALI

3841. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet akkordata lilhom għajnuna legali fl-1996 u fl-1997? X'kien l-ammont globali minfuq fl-1996 għal dan l-iskop?
ONOR. CHARLES MANGION: "Ma tinżammx statistika tat-talbiet ta' l-għajnuna legali u ta l-ammonti nvoluti."

KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA

3842. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fl-1996 u fl-1997? Min huma preżentement il-membri li jikkomponuha?
ONOR. CHARLES MANGION: Bejn Jannar ta' l-1996 u llum, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ltaqgħet 15-il darba. Il-Membri tal-Kummissjoni huma:-
1. President ta' Malta. Chairman

2. Prim Imħallef. 1. U.T. Dr J. Said Pullicino

3. Avukat Ġenerali. Dr A. Borg Barthet.

4. Imħallef Lino Agius.

5. Imħallef V. Caruana Colombo

6. Maġistrat Dennis Montebello

7. Maġistrat Patrick Vella

8. Profs. Rene Cremona

9. Dr J. Micallef Stafrace

10. Mrs Dolores Cristina.




QRATI - PROCESS VERBAL

3843. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il "process verbal" għadu pendenti quddiem il-maġistrati inkwerenti li fihom għadu ma tlestiex ir-rapport? Kemm minnhom ilhom pendenti għal iktar minn sena, għal iktar minn sentejn, għal iktar minn tliet snin, għal aktar minn erba' snin u għal iktar minn ħames snin?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor.Interpellant li peress illi skond id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, b'mod partikolari l-artikolu 518 tiegħu, l-inkjesti li jinżammu mill-Maġistrati Inkwirenti huma minn natura tagħhom stess meqjusa sigrieti, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

SPORT SUPPORT PROGRAMME

3857. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm organizzazzjonijiet u/jew individwi bbenefikaw kull sena (sena b'sena) taħt l-iSport Support Programme minn meta beda jitħaddem il-programm? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa bl-ismijiet ta' min ibbenefika u bl-ammont li rċieva kull benefiċċjarju? Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-programm jibqa' jitħaddem?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien informat li sena b'sena bbenefikaw dawn l-organizzazzjonijiet u/jew individwi:





Organizzazzjonijiet

Individwi

1992

7

-

1993

7

-

1994

18

1

1995

30

2

1996

51

2

1997

2

-

Lista sħiħa bl-ismijiet ta' min ibbenefika u bl-ammont li rċieva kull benefiċjarju tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.


Ir-risposta għall-aħħar mistoqsija hija fl-affermattiv.


SKEJJEL - SKOLA TAL-MUŻIKA

3858. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iskola tal-Mużika? Jista' l-Ministru jgħid liema strumenti jiġu mgħallma u kemm hemm studenti li jitgħallmu l-istrumenti varji? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża annwali ta' l-iskola, sena b'sena, bejn l-1992 u l-1996 (it-tnejn inklużi)?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fl-iskola tal-Mużika Johann Strauss, il-Belt, din is-sena qed isir tagħlim f'diversi strumenti u teorija. L-għadd ta' studenti hu ndikat kif jidher hawn taħt:


Strument

Għadd ta' Studenti

Recorder

9

Flute

38

Oboe

3

Clarinet

31

Saxophone

5

Bassoon

xejn

French Horn

5

Trumpet

46

Trombone

8

Althorn

4

Euphonium

2

Tuba

xejn

Percussion

26

Violin

95

Viola

13

Violincello

19

Double Bass

3

Classical Guitar

70

Modern Guitar

37

Bass Guitar

24

Harp

10

Piano

140

Pianoforte

xejn

Accordion

xejn

Organ-Electric

xejn

Organ-Pedal

8

Voice

41

Basic

140

Theory

380

Numru ta' studenti hu 766.


L-ispiża annwali għall-Iskola tal-Mużika esklużi salarji kienet approx. hekk:



1992

Lm 3,654

1993

4,530

1994

4,426

1995

2,962

1996

5,789


DRAMA UNIT THEATRE PROGRAMME

3859. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iSkola tad-Dramma? Jista' jgħid liema suġġetti speċifiċi jiġu mgħallma u kemm hemm studenti li jitgħallmu s-suġġetti varji? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża annwali ta' l-iskola, sena b'sena, bejn l-1992 u l-1996 (it-tnejn inklużi)?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-għadd ta' studenti li jattendu d-Drama Unit Theatre Programme hu 266.


Suggetti mgħallma

Ghadd ta' Studenti

Junior Course (Age 11-14)

Movement/Improvisation

158

Intermediate Course (Age 15-17)




Movement II

66

Improvisation II

66

Acting

66

Adult Courses (Age 18+)




Movement III

35

Acting Technique

42

Fencing

35

History of the Theatre

35

Make-up

35

Stage-Management

35

Play Appreciation

35

L-ispiża annwali. esklużi salarji, għad-Drama Unit Programme kienet approx. hekk:




1992

Lm 300

1993

300

1994

500

1995

700

1996

5,000


DIVIŻJONI TA' L-EDUKAZZJONI - DIRETTURI

3860. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Jista' jgħid meta kull wieħed minnhom ħa l-ħatra u x'inhu l-minimu u l-massimu tas-salarju li jirċievi? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hux maħsub li xi ħadd minn dawn il-persuni jirtira bl-eta' bejn issa u l-aħħar ta' l-1998?
ONOR. EVARIST BARTOLO: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3860 magħmula mill-Onor. Richard Muscat, nixtieq ninformah kif ġej:


Diretturi Generali

1

Diretturi

6

Assistenti Diretturi

12

Il-lista bl-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari aktar kmieni f'din is-seduta.




DIVIŻJONI TA' L-EDUKAZZJONI - EDUCATION OFFICERS

3861. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Education Officers fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet tagħhom kollha u bis-suġġett li kull wieħed minnhom jikkura?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari.


UNJONI EWROPEA - PROGRAMM LEONARDO

3862. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-programm ta' l-Unjoni Ewropea "Leonardo" hux qed jitmexxa mill-Ministeru tiegħu jew inkella mill-Ministeru għall-Ħarsien Soċjali? Jekk qed jitmexxa mill-Ministeru tiegħu, jista' l-Ministru jgħid min tqabbad jaħdem fuq il-programm?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-flus għal dan il-programm jinsabu fil-vot ta' dan il-Ministeru. Ix-xogħol fuqu qed isir b'kordinazzjoni mal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ.


DIJABETE - DIABETES MELITUS

3889. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Peress li qegħdin isiru studji li wkoll kienu waslu fi stadju avvanzat, biex ġenituri ta' pazjenti li jbatu minn diabete ġuvenili jikkwalifikaw għall-karta r-roża, minbarra li jieħdu l-benefiċċji ta' l-Iskeda V, xi ħaġa li nħasset il-ħtieġa tagħha għaliex l-ispejjeż żejda li jidħlu fit-trobbija ta' dawn it-tfal, kemm f'dik li hi dieta' kif ukoll affarijiet addizzjonali meħtieġa, jafu jkunu konsiderevoli, jista' l-Ministru jgħid fejn waslu dawn l-istudji u meta hemm il-ħsieb li jiġu attwati?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Artiklu 23 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li fejn persuna tkun qed tbati minn Diabetes Melitus din tkun tista' tingħata mediċini b'xejn mingħajr il-ħtieġa li tissodisfa t-test tal-mezzi. Dan japplika wkoll f'każ ta' tfal. Iżda l-Onor. Interpellant jifhem li f'dan il-każ il-karta r-roża toħroġ f'isem dik il-persuna biss u ma tkunx tinkludi l-kap tal-familja, martu jew xi membru ieħor f'dik il-familja li ma jkunx ibati mid-diabete.

Dwar l-istudju li għalih qed jirriferi l-Onor. Interpellant, ninformah li r-rapport tal-Kumitat li kien ġie maħtur fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra, qed jingħata konsiderazzjoni mid-Drugs and Therapeutic Committee bil-għan li jiġi ffinalizzat it-tibdil propost fil-Ħames Skeda tal-liġi, li fost kondizzjonijiet u mard ieħor tinkludi d-Diabete.




SLIEMA - FERGĦA TAL-MEDIĊINI

3890. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat għaliex fuq preskrizzjoni ta' glibenclamide (euglucon) ġie mogħti metformin għal darba, darbtjen, mill-fergħa tal-Ħruġ tal-Mediċini f'Tas-Sliema?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jekk l-Onor. Interpellant jista b`mod konfidenzjali jgħaddili d-dettalji tal-każ li fuqu hija bbażata l-mistoqsija, dan ikun jista jiġi mistħarreġ bir-reqqa mid-dipartiment.


PTA - XIRI TA' KAROZZI ĠODDA

3926. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Ġaladarba l-importazzjoni tax-char-a-bancs ġiet sospiża, hemm il-ħsieb li l-Gvern jirrifondi l-ħlas tad-depożitu li għamlu s-sidien ta' dawk li applikaw biex jimpurtaw char-a-bancs ġodda? Kemm huwa l-ammont globali tad-depożitu?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jien informat li għad trid tittieħed deċiżjoni dwar id-depożitu li kienu għamlu s-sidien ta' 147 karozza tal-linja li kienu wrew l-intenzjoni tagħhom li jixtru karozza ġdida. Tajjeb li jingħad li dan id-depożitu kien sar fi żmien (1995) meta tidher li kienet għadha l-intenzjoni tal-awtorita' li tkun hi li ġġib il-karozzi l-ġodda tant li d-dikjarazzjoni li s-sidien iffirmaw meta għamlu d-depożitu tgħid, fost l-oħrajn, qiegħed nobbliga ruħi li nixtri vettura ġdida mingħand l-istess awtorita' skond il-ftehim tas-17 ta' Mejju 1995'.
L-importazzjoni ġiet sospiża temporanjament ħalli tkun tista' tinstab soluzzjoni għall-problema li nħolqot, kif diġa' spjegajt drabi oħra, wara li kien deċiż li l-karozzi għandhom ikunu super low floor. Ta' min josserva li l-prezz ta' dawn il-karozzi hu ferm ogħla minn dawk li kien hemm il-ħsieb li jinġiebu oriġinarjament u nħolqot problema kbira dwar x'għandu jkun l-ammont ta' sussidju.
L-ammont totali mħallas f'depożitu kien ta' Lm73,500.


LOCKERBIE - INVESTIGATURI

3927. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda bejn l-investigaturi tal-każ Lockerbie u l-Gvern in rappreżentanza ta' Air Malta?
L-investigaturi ta' dan il-każ partikolari kemm-il darba ġew Malta u ma' min saru it-taħdidiet?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li ma kienx hemm żviluppi f'dan il-każ. L-investigaturi ta' dan il-każ ġew Malta diversi drabi sabiex jinvestigaw flimkien mal-Pulizija Maltin.


SKEJJEL - DYSLEXIA

3928. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u Kultura qiegħed jitratta każijiet ta' Dyslexia fl-iskejjel Governattivi?
X'inhi s-sitwazzjoni attwali u x'rimedji qiegħed jieħu d-dipartiment f'dan ir-rigward? Id-dipartiment għandu persuni mħarrġa għal din il-kwalita' ta' sitwazzjoni? Qatt sar xi rapport dipartimentali u x'konklużjonijiet kien fih?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


CHILD SUPPORT AGENCY

3929. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: F'Malta teżisti xi forma ta' Child Support Agency li taqa' taħt xi ministeru jew tas-Saħħa jew dak tal-Ħarsien soċjali?
ONOR. EDWIN GRECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lid-Dipartiment tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u tal-Familja.


PRIM MINISTRU - ŻJAJJAR LILL-EMIGRANTI

3930. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid xi stedin kellu l-Prim Ministru biex iżur komunitajiet Maltin f'diversi pajjiżi fejn hemm dawn l-emigranti?
ONOR. ALFRED SANT: Tnejn, stediniet informali, l-Awstralja u l-Kanada.


FIXED KIOSKS - PERMESSI

3938. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil fil-policy li ġiet adottata xi sena ilu li fixed kiosks jiġu allokati biss wara li tinħareġ tender mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, u fuq sit approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel ma jinħareġ il-permess mill-Kummissarju tal-Pulizija?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi ma kienx hemm tibdil.


QRATI - KAWŻI KRIMINALI

3954. L-ONOR. JOSE' HERRERA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli minn deċiżjonijiet prelimari ta' kawżi kriminali li minħabba tali appelli ma jistgħux jibdew il-ġurijiet? Kemm minn dawn l-akkużati jinsabu taħt arrest preventiv?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor.Interpellant li hemm għaxar appelli minn deċiżjonijiet preliminari ta' kawżi kriminali li minħabba tali appelli ma jistgħux jibdew il-ġurijiet. Minn dawn il-każi hemm akkużat wieħed li jinsab taħt arrest preventiv.


QRATI - QORTI TAL-MAĠISTRATI

3955. L-ONOR. JOSE' HERRERA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpilazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li ilhom pendenti aktar minn ħames snin?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.


ŻEJTUN - TRIQ WIED IL-GĦAJN

3960. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Nagħmel riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3636 fejn int għidt li "id-dipartiment ma kellu l-ebda oġġezzjoni mis-sidien (tal-barrieri) fil-lokal". Qed ngħaddilek separatament kopja ta' ittra ta' oġġezzjoni li dawn is-sidien batu lili u nifhem jien lid-deputati l-oħra tad-distrett, fejn jesprimu l-inkwiet tagħhom. Fid-dawl ta' dan jista' l-Ministru jara li tiġi riveduta s-sitwazzjoni biex wieħed ikun ċert milli qed isir?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Wieħed jifhem li l-kopja ta' l-ittra, mingħajr data, mibgħuta lill-Onor. Interpellant, nkitbet mis-sidien tal-barriera qabel ma nbeda xogħol fit-toroq pubbliċi.
Biex l-ilma tax-xita mit-toroq li ġew asfaltati ġodda ma jispiċċax fil-barriera li qiegħed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant u djar oħra fit-triq, tbaxxew toroq pubbliċi uħud sa tlett piedi, proprju sabiex jieħdu l-ilma tax-xita lejn il-bypass ta' Wied il-Għajn.


ANZJANI - DAY CENTRE FIL-GŻIRA

3963. L-ONOR. ANTOINE MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk it-taħdidiet u l-kuntatti li kienu bdew bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-Kunsilli Lokali tal-Gżira taħt l-Amministrazzjoni preċedenti dwar ftuħ ta' Day Centre għall-anzjani fil-Gżira tkomplewx? Jekk fl-affermattiv, ġiex akkwistat xi post mill-Kunsill u xi ftehim sar mad-Dipartiment ta' l-Anzjani?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Kif tħabbar fil-media dan l-aħħar kien hemm kuntatti bejn is-Segretarjat ta' l-Anzjani u l-Kunsill Lokali tal-Gżira dwar Day Centre fil-post.
Il-post jidher addattat biżżejjed u wara tiswijiet estensivi jista jintuża bħala Day Centre.
Is-Segretarjat wiegħed kull appoġġ dejjem fl-isfond tal-budget provdut għal dan l-għan.

FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - KONFERENZA

3966. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid xi swiet lill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali l-Konferenza Stability in the Mediterranean li saret fil-11 u t-12 ta' Ottubru ta' l-1996 billi jgħid xi tħallas item per item għal kull spiża li saret f'dan ir-rigward u lil min?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Peress li l-mistoqsija tirrikjedi ħafna riċerka, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - NEWSLETTER

3967. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid fejn tiġi stampata n-Newsletter tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, kemm tiġi tiswa kull ħarġa u jagħti lista ta' nies lil min titqassam kif ukoll igħid x'inhi l-ispiża tal-pustaġġ biex din tiġi ċirkolata? Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ħarġitx sejħa għall-offerti biex din in-newsletter tiġi stampata?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Fondazzjoni għandha vokazzjoni nternazzjonali u l-Foundation Circle isservi biex tinforma lill-komunita' nternazzjonali bl-attivita' tagħha passata u futura. L-iskop hu li tiġi mħajra l-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħha.
Hawn Malta n-Newsletter tintbagħat lill-persuni li jista' jkollhom interess fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni.
Il-Foundation Circle ilha tiġi ppubblikata sa mill-1992 u minn dejjem kienet stampata għand il-Union Press. Jiġu stampati bejn l-1000 u 1500 kopja. Il-mailing list qed tiġi mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra għall-qari. Kull ħarġa tiswa mal-LM200. Ma jinżammx kont separat ta' l-ispejjeż tal-posta.

FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - XOGĦOL TA' FOTOGRAFIJA

3968. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex Tufigno Photo & Video Services għandu l-copyright riżervata in kwantu għal dak li hu xogħol ta' fotografija li huwa jagħmel għall-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali? Jista' l-Ministru jgħid kif ġie appuntat dan l-istudio kif ukoll jgħid jekk qattx inħarġitx sejħa għall-offerti għal dan is-servizz?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien infurmat li l-istudio Tufigno ilu jaħdem mal-Fondazzjoni mit-twaqqif tagħha. Inizjalment l-għażla kienet ispirata mill-fatt li Tufigno kienu l-fotografi semi-uffiċjali ta' l-Universita' mill-1947. Skond il-Fondazzjoni il-prossimita' ta' l-istudio għall-Fondazzjoni kien fattur importanti ħafna għaliex ħafna drabi s-servizz tiegħu jkun rikjest b'emerġenza.
Għalkemm ir-ritratti jġibu l-kliem copy right reserved dan isir biex ma jkunx hemm esplojtazzjoni kummerċjali. Fil-fatt il-Fondazzjoni qatt ma kellha l-inqas problema li tuża r-ritratti meħudin minn Tufigno fil-pubblikazzjonijiet tagħha. Il-Fondazzjoni, bħala kontro partita, tagħti kreditu lill-istudio.


FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - KONFERENZI

3969. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'ħallset il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali sabiex id-Direttur Ġenerali tagħha attenda l-konferenzi u laqgħat li ġejjin billi jagħti dettalji item per item ta' kull spiża li saret u lil min:- Barcelona (8 u 9 ta' Settembru, 1996); Montpellier (21 ta' Settembru, 1996) u Aix-en-Provence (18 ta' Ottubru, 1996)?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Peress li l-mistoqsija tirrikjedi ħafna riċerka, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - KONFERENZI

3970. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm ta' konferenzi ppjanati mill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali għall-perjodu bejn l-1 ta' April u l-aħħar ta' Diċembru ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jagħti lista' ta' dawn il-konferenzi kif ukoll igħid x'inhu antiċipat li jintnefaq fuq kull konferenza u liema huma l-iskopijiet wara l-organizzazzjoni ta' kull waħda?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Peress li l-mistoqsija tirrikjedi ħafna riċerka, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI - PUBLIC LECTURES

3971. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jagħti lista ta' Public Lectures li ġew organizzati mill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar ta' l-1986 u l-aħħar ta' Jannar ta' l-1997 kif ukoll igħid x'kienu l-ispejjeż fl-organizzazzjoni ta' kull lecture u lil min saru l-ħlasijiet relattivi? Jista' l-Ministru jagħti wkoll lista ta' Public Lectures li l-Fondazzjoni għandha l-ħsieb li torganizza fil-perjodu bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Diċembru ta' din is-sena kif ukoll igħid x'inhu antiċipat li jintnefaq fuq kull Public Lecture?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Peress li l-mistoqsija tirrikjedi ħafna riċerka, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

JAZZ FESTIVAL

3997. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3700, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitati il-ġdida tal-Maltafest? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus ivvotati għal Jazz Festival 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-membri tal-Kumitat ġdid tal-Maltafest kif mħabbra riċentament huma:
Lino Farrugia - Chairperson
Membri
Cynthia Chircop

Marie Therese Vassallo

Alfred Spiteri Mallia

Karmen Azzopardi

Stephen Florian

John J. Pace

Ninette Micallef

Profs. J. Friġġieri

Mary Lou Coppini

Lino Cassar
L-istess Kumitat jiddeċiedi kemm se juża fondi mmirati għall-Maltafest biex minnhom jittellgħa l-Jazz Festival bħala parti mill-istess Maltafest. Qed isir sforz mill-Kumitat il-ġdid biex b'nefqa anqas jittellgħa prodott aħjar.
ETC - SEJĦIET PUBBLIĊI

3998. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tat-talbiet li rċeviet l-ETC għall-permess għal sejħiet pubbliċi għal xogħol li l-korporazzjoni kellha mill-1/11/96 sal-lum? Liema azjendi applikaw għal permess, meta saret it-talba u meta ngħata l-permess f'kull każ?
ONOR. EDWIN GRECH: Tabella li turi l-lista sħiħa ta' talbiet mingħand kumpaniji parastatali għall-permessi għas-sejħiet pubbliċi għal-xogħol li l-Korporazzjoni kellha mill-1 ta' Novembru 1996 sa l-aħħar ta' Frar 1997, meta saret it-talba u meta ngħataw il-permessi f'kull każ, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.

MSIDA - SLUM CLEARANCE/FLOOD RELIEF

3999. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni ta' appartamenti tal-Gvern fl-area ta' l-Imsida fejn diġa' twaqqgħu xi blokki ta' bini (faċċata tal-Kappella tal-Kunċizzjoni)? Meta hu maħsub li jitkompla x-xogħol fuq it-twaqqigħ li jonqos x'isir?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dik li qed tissejjaħ it-tielet fażi tal-proġett ta' slum clearance fl-Imsida. Fil-fatt din l-area se titwaqqa' wkoll b'konnessjoni mal-proġett tal-flood relief u x-xogħol irid isir f'kordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u Taqsima tax-Xogħlijiet. Fil-fatt applikazzjoni għall-iżvilupp ta' din l-area għandha titressaq mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar f'April li ġej.

SLIEMA - SUB-POST OFFICE

4000. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3693, il-Ministru qed jikkonferma li twaqqfu l-preparamenti sabiex tinfetaħ sub-post office oħra f'Tas-Sliema fl-inħawi tal-Balluta kif kien ippjanat mill-bord preċedenti? X'inhi r-raġuni għal dan, kemm-il darba t-tweġiba hija fl-affermattiv, għall-ewwel mistoqsija?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jien infurmat li il-Bord preċedenti ta' Posta Ltd. qatt ma kellu pjan biex jiftaħ Sub Post Office oħra f'tas-Sliema fl-inħawi tal-Balluta.

EXPO '98

4001. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm flus hu maħsub li jintnefqu sabiex Malta tieħu sehem fl-Expo '98 ġewwa Lisbona - Portugal? Sal-lum ġew iffurmati xi kuntratti mill-gvern Malti b'konnessjoni mal-parteċipazzjoni mal-organizzaturi tal-Expo '98? Jekk fl-affermattiv, meta ġew iffirmati u min iffirma għall-Gvern Malti?
ONOR. ALFRED SANT: Taħt l-Amministrazzjoni ta' qabel kien stmat li l-parteċipazzjoni ta' Malta kienet ser tlaħħaq madwar Lm285,000. Qed isir studju biex din il-figura tiġi riveduta.
Sal-lum ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt mill-Gvern Malti b'konnessjoni mal-parteċipazzjoni ma' l-organizzaturi ta' l-Expo 98.


TA' KANDJA - TWAQQIGĦ TA' KAMRA

4002. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3598, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tinħatt din il-kamra? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni u x'inhi r-riferenza ta' din l-applikazzjoni? B'riferenza għall-istess tweġiba "il-ġebel kif ukoll it-travi ġew preservati" jfisser li ġew inkorporati u integrati mill-ġdida meta ttelgħet din il-kamra?
ONOR. ALFRED SANT: It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv. Din il-kamra għadha ma ġietx imtella'.


Yüklə 441,91 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin