ESTIMI TA' DĦUL U NFIQ TAL-KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TA’ L-ILMA GĦAS-SENA FINANZJARJA 1996/1997 91
AĠĠORNAMENT 116
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 121
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 137
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 41 li saret fl-10 ta' Marzu, 1997 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI
WSC - BDIL TA' SERVIZZI
3540. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Ninu Zammit) staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' services ta' galvanised metal li ġew mibdula b'oħrajn ta' polyethelene fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru, 1996 u l-15 ta' Frar, 1997 u kemm kien l-istess ammont fis-sentejn preċedenti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet twettaq il-proġett tal-bdil tas-servizzi ta' l-ilma minn kanen tal-ħadid galvanizzat għall-polyethylene f'Ġunju 1995. Minn dan il-perijodu sal-31 ta' Ottubru, 1996 inbidlu 6325 servizz għall-polyethylene. Mill-1 ta' Novembru, 1996 sal-15 ta' Frar, 1997 inbidlu 1134 servizz għall-polyethylene.
TAXXI INTERNI - ID NO. 348171(M)
775. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Jista' l-Ministru jara li l-persuna b'ID No.348171(M) mill-Marsa tingħata l-flus f'arretrati dovuti lilha mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għad-domanda numru 55.
PROTEZZJONI ĊIVILI - DIRETTUR
782. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex, wara li saret sejħa għal applikazzjonijiet xi żmien ilu għal Direttur (Protezzjoni Ċivili), dan il-post għadu ma mteliex? Għaliex l-unika applikazzjoni ta' wieħed mit-topmostcivil servants għadha ma ntlaqgħetx meta l-karriera tiegħu fis-servizz pubbliku hi waħda mill-aktar eżemplari?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Jien informat li wara li f'April ta' l-1994 kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela' l-post ta' Direttur (Protezzjoni Ċivili) fil-fatt kienu applikaw disa' kandidati. Sussegwentement l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamel rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li dwarha kien hemm xi diffikultajiet ta' interpretazzjoni legali.
Is-sitwazzjoni bħalissa qed terġa tiġi kkonsidrata.
BURGER KING - TĦADDIM TA' ĊUMNIJA
783. L-ONOR. CHRIS AGIUS(f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħariġx xi permess biex il-Burger King iħaddem xi forma ta' ċumnija li qed toħloq inkonvenjent għar-residenti tas-City Gate Project? Jekk le, x'passi se jittieħdu? X'difiża għandhom iċ-ċittadini quddiem dan? Intalbet l-approvazzjoni tar-residenti qabel sar xi xogħol? X'tip ta' environmental impact assessment seta' sar?
ONOR. JOE MIZZI(f'isem il-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-Burger King fil-Belt Valletta kienet għal tibdil fit-taraġ u tibdil ieħor fuq ġewwa.
Peress li qabel ma' dan il-post ittieħed mill-Burger King minfloku kien hemm stabiliment ieħor ta' l-ikel - Galea Sluta - huwa mifhum li ċ-ċumnija kienet diġa eżistenti. Jekk hemm ilment dwar iċ-ċuminja dan għandu jsir lill-occupationalhealth fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa.
Jekk sid l-istabiliment talabx permess lir-residenti, din il-parti tal-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-ministru responsabbli mill-pulizija.
Mhux il-każ li jsir environmentalimpact assessment.
AWTORITA' NAZZJONALI TAX-XOGĦOL
784. L-ONOR. CHRIS AGUIS(f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid meta se terġa' tiġi appuntata l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol?
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi għall-avviż numru 74 fil-Gazzetta tal-Gvern Nru. 16,404 tat-28 ta` Jannar, 1997.
PA - FILE 2519/1996 785. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien fl-ipproċessar ta' file 2519/1996 tal-Planning Authority?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-applikazzjoni Nru. PA 2519/96 ġiet sottomessa nhar l-24 ta' April, 1996. Sussegwentement din l-applikazzjoni nħadmet mill-uffiċċjal inkarigat u għaddiet sabiex tiġi deċiża mill-kummissjoni għall-kontroll ta' l-iżvilupp fis-27 ta' Mejju, 1996.
Minħabba li kien hemm talba għall-preżenza meta l-kummissjoni għall-kontroll ta' l-iżvilupp tiddiskuti din l-applikazzjoni - mill-istess Onor. Interpellant, fost oħrajn - dan il-każ ħa aktar fit-tul. Dan kollu għaliex il-kummissjoni f'kull seduta tiddiskuti tnax-il applikazzjoni biss li jkollhom talba għal preżenza.
Il-kummissjoni għall-kontroll ta' l-iżvilupp bdiet tiddiskuti l-każ fil-25 ta' Settembru, 1996 iżda l-każ ġie differit sabiex l-applikant jipprovdi pjanti emendati li jipprovdu parkeġġ aċċettat. Il-pjanti emendati waslu fil-15 ta' Jannar, 1997 u l-applikazzjoni għaddiet mingħand l-uffiċjal inkarigat għal preparazzjoni ta' l-aġenda tal-kummissjoni għall-kontroll ta' l-iżvilupp fis-17 ta' Jannar li għadda.
Bħalissa l-file ta' l-applikazzjoni qiegħed fil-kju jistenna li jkun imissu jidher quddiem il-kummissjoni.
786. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Peress li kontinwament iċ-Chairman ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku joħroġ b'inizjattivi biex forsi jħajjar aktar nies jużaw it-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba dan l-istess chairman juża t-trasport pubbliku b'mod regolari fuq bażi ta' xahar?
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Le, ma nistax ngħid, speċjalment issa li l-persuna li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant ma għadhiex chairman.
VALLETTA - RESERVED PARKING
3475. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: In vista tal-problema kbira tal-parking li jiltaqgħu magħha kuljum ir-residenti tal-Belt, jista' l-Prim Ministru jordna lill-pulizija biex jirrevokaw kull permess għal reserved parking li hemm fil-Belt, ħlief dawk li huma verament neċessarji, bħal "keep clear" quddiem il-banek u dawk għal persuni ħandikappati?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lill-ministru responsabbli mill-ippjanar tat-traffiku.
VALLETTA - RESERVED PARKING 3476. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ċ-Chamber of Commerce u l-GRTU jikkwalifikaw li jkollhom reserved parking spaces quddiem l-uffiċċju tagħhom fi Triq ir-Repubblika, il-Belt?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Għalkemm m'humiex dipartimenti tal-gvern, il-bord għall-kontroll tat-traffiku ħass li ċ-Chamber of Commerce u l-GRTU għandhom funzjoni fuq skala ta' dipartiment tal-gvern u għaldaqstant approva li dawn iż-żewġ entitajiet ikollhom reserved parking bay waħda quddiem l-uffiċċju tagħhom.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Ministru jerġa' jikkonsidra l-policy ta' għoti ta' reserved parking spaces lid-dipartimenti tal-gvern? Qed ngħid dan għax kif jaf il-Ministru, fil-Belt hawn problema kbira ta' parking u jekk tibqa' viġenti din il-policy se tkompli toħloq problema għar-residenti. Issa qed jirriżulta li numru ta' assoċjazzjonijiet bħaċ-Chamber of Commerce u l-GRTU għandhom numru ta' parking spaces ukoll. Jien ma nafx kemm għadu validu l-kriterju li dawn l-entitajiet u d-dipartimenti tal-gvern għandu jkollhom parking spaces.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nixtieq ngħid lill-Onor. Interpellant li wara li jiġi mwaqqaf il-bord għall-kontroll tat-traffiku il-ġdid, dawn il-parking spaces se jerġgħu jiġu kkonsidrati fuq id-domanda u fuq l-esiġenza tar-residenti tal-Belt.
VALLETTA - RESEREVED PARKING
3477. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sports fi Triq ir-Repubblika, l-Belt għandu dritt għal numru ta' reserved parking spaces?
ONOR. JOE DEBONO GRECH:Skond il-policy kurrenti tal-bord għall-kontroll tat-traffiku, id-dipartimenti tal-gvern, fejn hu possibli, jingħataw żewġ parking bays għall-użu ta' vetturi uffiċjali tad-dipartiment konċernat.
Il-bord għall-kontroll tat-traffiku iżda jħoss li l-policy kurrenti tar-reserved parking fil-Belt għandha tiġi riveduta fid-dawl taċ-ċirkostanzi eżistenti u l-ħteġijiet tal-lum. Għaldaqstant il-bord qed jieħu passi biex l-entitajiet konċernati ma' l-amministrazzjoni u l-kontroll tat-traffiku fil-Belt, ċioe' l-kunsill lokali u l-pulizija, jeżaminaw is-sitwazzjoni bir-reqqa u jagħmlu r-rakkmandazzjonijiet tagħhom biex flimkien mal-bord għall-kontroll tat-traffiku jinħoloq pjan sostenibbli għall-kontroll tat-traffiku fil-Belt.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Waqt li indubjament napprezza l-preokkupazzjoni tal-bord, jista' l-Ministru jinformana jekk id-direzzjoni hijiex fis-sens li jitnaqqsu jew jitneħħew dawn ir-reserved parking spaces?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: GĦalissa ma nistax ngħid jekk dawn humiex se jitnaqqsu pero' żgur li m'humiex se jiżdiedu.
VALLETTA - RESERVED PARKING
3478. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Mid-Med Bank fi Triq ir-Repubblika għandu reserved parking space barra l-"keep clear" li tintuża mill-vetturi li jġorru l-flus?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Il-Mid-Med Bank fi Triq ir-Repubblika l-Belt għandu reserved parking space barra l-"keep clear" li tintuża minn vetturi li jġorru l-flus għaliex il-policy kurrenti tippermetti li head office ta' bank kummerċjali jista' jkollu sa żewġ parking bays għall-użu tiegħu.
VALLETTA - RESERVED PARKING
3479. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid għaliex prattikament kull dipartiment li għandu uffiċċju fil-Belt għandu reserved parking space u għaliex persuna li taħdem fid-dipartiment għandha tkun preferuta minn ħaddieħor, speċjalment residenti tal-Belt?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Il-policy kurrenti tal-bord għall-kontroll tat-traffiku tippermetti, fejn hu possibbli, massimu ta' żewġ parking bays għall-vetturi uffiċċjali tad-dipartimenti.
Il-bord għall-kontroll tat-traffiku ma jidħolx fil-mertu ta' min juża dan l-ispazju, iżda jenfasizza li dan l-ispazju għandhu jiġi użat mill-vetturi uffiċċjali tad-dipartiment.
TRASPORT - SERVIZZ TAL-HELICOPTER
3480. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 779 li saret fid-9 ta' Jannar, 1997 dwar is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru tat-Turiżmu): Kif l-Onor Interpellant forsi jaf aħjar kien hemm proposta mill-ex-chairman tal-kumpannija Air Malta biex dan is-serviżż jieqaf.
Madankollu peress li din hija materja ta' natura kummerċjali, f'dan l-istadju ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Nifhem li l-Ministru tat-Turiżmu huwa assenti U qed jirrispondi għalih il-Ministru mingħajr Portafoll u jista' jkun li l-Onor. Joe Mizzi ma jafx x'inhi l-policy rigward il-helicopter service, pero' l-Gvern għandu policy f'dan ir-rigward?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Kif intqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari, l-materja bħalissa qed tiġi studjata. Meta jkollu risposta u jkun jista' jagħti l-informazzjoni mitluba, il-Ministru mhux se jonqos li jagħtihielek.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Ministru jinformana minn fejn irriżulta li l-ex-chairman kien issuġġerixxa li s-servizz tal-helicopter għandu jieqaf?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Lill-Onor. Gatt naċċertah li dan jirriżulta mid-dokumenti li hemm u din m'hijiex xi ħaġa li vvinta l-Ministru.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Peress li l-informazzjoni li għandha din in-naħa hija għal kollox kontra dan li qed jingħad, jista' l-Ministru personalment - peress li qed jirrispondi hu u mhux jissopponi - jgħidilna dan minn liema dokument jirriżulta?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI:Stante li huwa l-Onor. Membru li qed jassumi li l-Ministru m'huwiex korrett, jiena naċċertah li l-Ministru huwa korrett u meta jkun il-waqt u jkun preżenti jgħidlu din minn fejn ħarġet.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Il-Ministru mingħajr Portafoll li qed jirrispondi għall-Ministru tat-Turiżmu rahom dawn id-dokumenti?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Kieku rajthom kont ngħidlek li rajthom. (Interruzzjonijiet) Inti rajthom dawn id-dokumenti?
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTON TABONE: Jikkonsidra l-Ministru li ladarba qegħdin nitkellmu fuq it-trasport ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex u ladarba l-mistoqsija saret lill-Ministru tat-Turiżmu, dan iffisser li l-istess trasport jikkostitwixxi investiment fil-qasam tat-turiżmu għal Għawdex u anke għal Malta?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, din hija materja ta' natura kummerċjali u f'dan l-istadju ma tistax tingħata aktar informazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTON TABONE: Peress li din hija domanda marbuta ħafna mal-gżira ta' Għawdex, jista' jirrispondi l-Prim Ministru li finalment jassumi r-responsabbilta' ta' l-amministrazzjoni ta' Għawdex?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Mela le, Sur President. Il-problema li hemm fit-trasport t'Għawdex hija minħabba deċiżjoni li ħadu l-ministru għal Għawdex u l-ministru tal-finanzi preċedenti li jwaqqfu s-sistema mħaddma mill-Air Malta, li kien hemm vis-a-vis l-helicopter għal Għawdex, b'effett mis-sajf li ġej. Din id-deċiżjoni kienet li l-Air Malta se jkollha tibda tħallas il-fees afferenti mat-tħaddim tal-heliport f'Għawdex. Iċ-chairman ta' l-Air Malta li għadu kemm telaq kien irreżista din id-deċiżjoni u qal li jekk l-Air Malta se tkompli tiġi mitluba toffri s-servizz tal-helicopter f'Għawdex kien hemm bżonn li tibqa' s-sistema li biha l-Air Malta ma tħallasx ċerti drittijiet li l-ministru għal Għawdex u l-ministru tal-finanzi ta' dak iż-żmien kienu qed jinsistu li l-Air Malta kellha tibda tħallas. Kien hemm l-idea li din is-sistema li biha l-Air Malta ma tħallasx id-drittijiet fuq il-heliport f'Għawdex tibda minn Awissu li għadda iżda peress li kienet ġejja l-elezzjoni dak iż-żmien kienu nsewha din u għamluha għas-sajf ta' din is-sena.
Iċ-chairman ta' dak iż-żmien kien ipprotesta bil-kbir kontra din id-deċiżjoni imma kellu ittra ffirmata mill-Onor. Anton Tabone u mill-Onor. John Dalli li biha baqgħu jinsistu li l-Air Malta kellha tibda tħallas id-drittijiet fuq il-heliport t'Għawdex mis-sajf ta' din is-sena. Iċ-chairman ta' dak iż-żmien kien ipprotesta li dan kien se jżid bil-kbir it-telf li l-Air Malta qiegħda tagħmel fuq is-servizz tal-heliport għal Għawdex - indipendentement mit-telf li jħallaq xi Lm200,000 fit-turiżmu għal Għawdex u għal Malta li għadu kemm semma l-Onor. Interpellant - u kien ipprotesta li dan ma kienx mod kif il-Gvern ta' dak iż-żmien jittratta ma' l-Air Malta u mat-turiżmu bejn Malta u Għawdex u mat-turiżmu lejn Għawdex.
Xorta waħda l-ministri ta' dak iż-żmien baqgħu jippersistu f'din il-pożizzjoni u l-Gvern preżenti qed jerġa' jħares lejn il-kwestjonijiet kollha fit-terminu u fil-parametri li għadu kemm semma l-Onor. Interpellant, jiġifieri li hemm bżonn li nagħtu appoġġ sħiħ lit-turiżmu bejn Malta u Għawdex.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Sur President, din l-ittra li qed jgħid li ffirmajt jien biex l-Air Malta tibda tħallas dak li ma kenitx qed tħallas sal-lum, nitolbu jpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Prim Ministru qed jgħid li jien iffirmajt xi ittra fejn tlabt lil Air Malta li minn Awissu li ġej tibda tħallas pagamenti li ma kenitx qed tħallas qabel. Jien naħseb li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien irnexxielu jintroduċi dan is-servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex u wieħed kien jistenna li l-Gvern Laburista jagħraf il-vantaġġi li din l-operazzjoni kienet qiegħda tagħti fil-qasam tat-turiżmu. (Interruzzjonijiet) Allura nistaqsi lill-Prim Ministru jekk f'dan il-qasam jarax il-valur li jkun hemm dan is-servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex li barra li jimbotta 'l quddiem it-turiżmu f'Għawdex jagħti wkoll image aħjar lil Malta. Jafx ukoll il-Prim Ministru li l-kontribut kbir, li tajna aħna biex jitwaqqaf dan is-servizz, ċertament konna se nkomplu nagħtuh biex dan is-servizz ikompli jikber kif kompla jikber fi żmienna u jikkonsidrax allura li l-Gvern tiegħu għandu wkoll jieħu l-miżuri biex jissalvagwarda servizz ta' dan it-tip li qed jagħmel ġid lill-pajjiż?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Ċertament li nirrikonoxxu l-valur ta' servizz ta' helicopter, b'mod imma li jkun trasparenti. Wieħed mill-ikbar servizzi ħżiena li ta l-Onor. Interpellant kien meta f'Għawdex stess baqa' jinsisti li minflok heliport ikun hemm airstrip f'Għawdex, liema airstrip kienet maħsuba biex tiekol l-art li kienet saqwija u art ta' ċerta importanza fil-biedja f'Għawdex u kienet maħsuba biex tiskredita s-servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex. Għaliex? Għax l-insistenza tal-ministru għal Għawdex ta' dak iż-żmien li jinbena dan l-airstrip kienet ovvjament maħsuba mhux tabilħaqq biex issostni is-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex fl-interess turistiku ta' Għawdex imma kien hemm allegazzjonijiet, li jiena nemmen fihom, li kienet maħsuba l-iktar biex taġevola ċertu żvilupp li hemm ħafna mistoqsijiet dwaru fir-rigward ta' Chambrai.
F'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif il-ministeru għal Għawdex u l-ministeru tal-finanzi żviluppaw il-pożizzjoni tagħhom vis-a-vis id-drittijiet li l-Air Malta kellha tħallas għall-użu tal-heliport f'Għawdex, nerġa' nikkonferma li kien hemm deċiżjoni li mis-sajf ta' din is-sena l-Air Malta tibda tħallas id-drittijiet għall-heliport t'Għawdex li qabel ma kenitx tħallas. Dak iż-żmien kien mod kif tinċentiva lill-Air Malta biex iżżomm dak is-servizz. Kien hemm din l-insistenza li tibda tħallashom mis-sajf ta' din is-sena u ċ-chairman ta' dak iż-żmien kien għamel insistenza qawwija li mhux sew li l-Air Malta tiġi obbligata tħallas dawn l-affarijiet għax b'dan il-mod it-telf kbir li kienet qed tagħmel il-kumpannija nazzjonali ta' l-ajru fuq dan is-servizz kien se jkompli jikber. Imma xorta waħda kien hemm l-insistenza mill-ministeru tal-finanzi flimkien mal-ministeru għal Għawdex ta' dak iż-żmien illi dawn bi dritt kellhom jitħallsu.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li għal ċertu ammont ta' snin il-ministeru għal Għawdex kien għalaq għajnejh kompletament għall-problema li kien hemm f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurta' fil-heliport t'Għawdex. Għalkemm kien hemm talbiet qawwija min-naħa tal-ministeru ta' l-avjazzjoni ċivili f'Malta biex il-heliport t'Għawdex jinżamm skond normi ta' sigurta', dawn l-affarijiet ma sarux għal żmien twil u saru in extremis, saru b'mod mgħaġġel u mhux ippjanat. Dan juri li l-ministeru għal Għawdex ta' dak iż-żmien għalaq għajnejh għall-problemi li kien qiegħed joħloq bit-tmexxija tiegħu li biex taparsi juri li qed ikun hemm progress ma jippjanax tajjeb, b'mod effettiv u b'mod li jkun tabilħaqq skond l-interess ultimu ta' l-Għawdxin u tal-Maltin.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Jiġifieri, Sur President, għandna għax nifhmu li l-Gvern huwa kontra li dan is-servizz ikompli jingħata? Dan il-ħafna diskors li qal il-Prim Ministru - u nikkontesta ħafna minn dak li qal - se jwassal biex il-Gvern iwaqqaf dan is-servizz li huwa tant utli għal Għawdex kif ukoll għall-pajjiż kollu? Nistaqsi jekk dawn humiex kollha skużi biex iwaqqaf dan is-servizz ta' l-ajru li kien beda jingħata fi żmien il-Gvern preċedenti u li aħna konna naħsbu li din kienet xi ħaġa li ġiet aċċettata minn kulħadd u allura konna nistennew li anke l-Gvern ta' wara jagħmel ħiltu kollha biex dan is-servizz jibqa' għaddej.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Ikolli nirrimarka li l-Onor. Interpellant għandu ħabta interessanti kif jgħawweġ id-diskors, b'mod li jindika tajjeb għaliex m'huwiex qed jifhem l-inizjattivi li qed jittieħdu f'Għawdex u b'mod li naħseb li lilu wasslu biex lanqas jifhem għaliex fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta' nhar is-Sibt li għadda l-partit tiegħu tilef xi 2% tal-voti. Imma apparti minn hekk, l-Onor. Membru assolutament ma fehem xejn mill-intervent tiegħi; anzi jien għamilt il-punt li kienu l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu u ta' l-ex-ministru tal-finanzi tal-Gvern preċedenti li wasslu biex l-Air Malta tagħmel protesta qawwija għax kienet qed tiġi mitluba tħallas id-drittijiet, li qabel ma kenitx tħallas, mis-sajf ta' din is-sena fuq l-użu tal-heliport f'Għawdex, ħaġa li nżammet sigrieta ovvjament sakemm tgħaddi l-elezzjoni.
Jiena nista' nassigurah li din l-Amministrazzjoni qed tħares lejn is-sitwazzjoni kollha b'determinazzjoni li s-servizz tal-helicopter f'Għawdex jinżamm u jiġi sostnut b'mod li jkun ta' interess long term għal GĦawdexħafna iktar milli kien jagħmel hu u l-Gvern tiegħu, għax kienu jagħmlu kollox ta' malajr malajr, mingħajr ħsieb u mingħajr għaqal, l-aqwa li jingħoġbu!
THE DEPUTY SPEAKER: Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru