ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ir-riżultat huwa ta' nuqqas ta' ppjanar fil-passat. Ta min jgħid li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-prodotti għola l-konsum tagħhom konsiderevolment f'dawn l-aħħar xhur minħabba li nbdew pazjenti ġodda.
Il-lista ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
SPTAR SAN LUQA - SISTEMA TAD-DRENAĠĠ
466. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Peress li wara studju li sar fuq is-sistema ta' drenaġġ ta' l-Isptar San Luqa instab li l-problema tal-wirdien ġejja minħabba nuqqas ta' manutenzjoni tul l-aħħar għoxrin sena, meta huwa maħsub li din tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex tissolva? Jikkonsidraw li din tingħata prijorita'?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Is-sistema tad-drenaġġ ser tingħata l-attenzjoni xierqa.
SPTAR SAN LUQA - BDIL TA' INĊINERATUR
467. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-ipproċessar tat-tenders biex jinbidel l-inċineratur ta' l-Isptar San Luqa?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: M'hemm l-ebda tender biex l-inċineratur jinbidel.
SAĦĦA - DIRETTURI ĠODDA
468. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista'l-Ministru jgħid meta se ssir il-ħatra tad-diretturi ġodda fid-Dipartiment tas-Saħħa peress li t-terminu ta' dawk preżenti skada f'Novembru 1996?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħatra tad-Diretturi fid-Dipartiment tas-Saħħa ħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
SKEMA TA' L-AWŻILJARJI - ĦADDIEMA
482. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal ħaddiema taħt l-iskema ta' l-awżiljarji? Kemm għandhom salarju fix-xahar? X'se jagħmel Gvern Laburista ġdid għal dawn il-ħaddiema?
ONOR. EDWIN GRECH: L-Iskema Awżiljari u Taħriġ waqfet taħdem fl-1 ta` Jannar 1993 u l-ħaddiema awżiljari li kien baqa fiha ġew mgħoddija lil diversi Dipartimenti tal-Gvern jew parastatali bħala `casuals`.
F`Novembru 1995 kien hemm 89 ħaddiema mpjegati b`dan il-mod, fosthom 36 persuni reġistrati b`Diżabilita, 8 li kienu ħadu kura għad-droga u 45 oħrajn.
Dawn il-ħaddiema kienu mpjegati fuq bażi temporanja, pero irregolarment u kontra d-direttiva ta` l-OPM (Settembru 1991).
Qed nindaga x`sar minn dawn il-ħaddiema, u x`jista jsir dwarhom.
ŻEBBUĠ - TRIQ L-IMDINA - PERMESSI TAL-ĦWIENET
483. L-ONOR. CLAUDE MUSCAT staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jassigurana li l-ħwienet kollha, ix-showrooms kollha u kull tip ieħor ta' retail outlets garaxxijiet/workshops, eċċ li jeżistu fi Triq l-Imdina, f'Ħaż-Żebbuġ bejn ir-roundabout ta' ħdejn "De Rohan Gate" u r-roundabout "Ta Srina" għandhom il-permess imħallas tal-pulizija? Jekk hemm xi ħwienet li m'għandhomx il-permess/liċenzji tal-pulizija, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi mhux il-ħwienet kollha fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant għandhom liċenzja tal-Pulizija. Se jittieħdu proċeduri bil-Qorti kontra min qed jopera mingħajr permess.
DJAR - TAL-GVERN - TROBBIJA TA' ANNIMALI
484. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tad-Djar: Peress li f'diversi oqsma tad-djar tal-Gvern (Housing Estates) fejn ir-residenti għandhom kondizzjoni fil-kuntratti tagħhom li ma jistax ikollhom annimali (pets) b'mod speċjalment fejn hemm il-flats, qegħdin isiru abbużi fejn hemm persuni li fuq bjut irabbu kwantita' ta' annimali bħalma huma ħamiem, eċċ, jista' l-Ministru jieħu azzjoni li jikkontrolla din l-irregolarita' meta l-inkwilini (residenti) jagħmlu rapporti għand il-pulizija?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: Meta d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni jsir jaf b'xi abbużi simili huwa jgħaddi l-informazzjoni lid-Dipartiment ta' l-Artijiet u lill-Pulizija biex dawn jieħdu l-passi meħtieġa.
ETC - REĠISTRAZZJONI BĦALA "WATCHMAN"
485. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jirreġistraw bħala "watchman" ma' l-ETC? Mill-1 ta' Novembru, 1996 kemm ġew impjegati bħala watchman mas-Servizz Pubbliku jew azjenda parastatali? L-ETC imxiet, jekk fl-affermattiv, fuq sistema li jintgħażlu dawk li ilhom jirreġistraw? L-ETC għamlet 'interviews' qabel ġew impjegati? Kemm kien in-numru ta' persuni li aċċettaw li jersqu għall-'interviews' ta' watchman?
ONOR. EDWIN GRECH: Fl-aħħar ta` Settembru kien hemm 335 persuna li qed jirreġistraw bħala `Watchman`.
Skond informazzjoni li l-korporazzjoni tiġbor mill-formoli tal-Bidu ta` Mpieg jirriżulta li mill-1 ta` Novembru 1996 sa llum ma beda jaħdem ħadd bħala `Watchman`, kemm fis-servizz pubbliku u lanqas ma` azjendi parastatali.
Fi kwalunkwe każ, kull meta jkun hemm vakanzi ma` azjendi parastatali, fl-għażla ta` persuni li jiġu riferuti lill-prinċipali, il-korporazzjoni dejjem imxiet skond Artiklu 15 ta` l-Att ta` 1990 dwar is-servizzi ta` Impieg u Taħriġ. Dan ifisser li l-korporazzjoni tieħu kunsiderazzjoni kemm tal-kwalifiki jew esperjenza meħtieġa kif ukoll tat-tul tar-reġistrazzjoni għall-impieg.
VALLETTA - STRAIT STREET - LATRINI
486. L-ONOR. JOSE' HERRERA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-toilets ta' Strait Street, Valletta qed jiżammu magħluqa b'inkonvenjent għall-pubbliku?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub iqiegħed il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
ĦAL TARXIEN - TRIQ SANNAT - XOGĦOL TA' SKAVAR
488. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-interpellanza numru 216 fejn il-Ministru stqarr li d-Dipartiment tal-Mużewijiet "jagħti prijorita' għal xogħlijiet ta' skavi fuq siti li huma mhedda mill-iżvilupp", jista' l-Ministru jgħid għal-liema siti qed jirreferi u liema xogħol qiegħed isir dwarhom?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa s-Sezzjoni ta l-Arkeoloġija fid-Dipartiment tal-Mużewijiet qed tagħmel xogħolijiet ta skavi fuq żewġ siti fir-Rabat t Għawdex - wieħed qrib Triq l-Imgħallem u l-ieħor biswit Triq Aniċi. Ovvjament dawn ix-xogħolijiet jinkludu l-proċessar u d-dokumentazzjoni tal-materjal arkeoloġiku w il-preparazzjoni tar-rapport rilevanti għall-arkivju ta l-iskavi.
Fix-xhur li ġejjin, is-Sezzjoni ta l-Arkeoloġija għandha proġettat il-kontinwazzjoni ta l-iskavi fuq il-katakombi palaeo-Kristjan misjub dan l-aħħar qrib il-mitħna tax-Xarolla, iż-Żurrieq; il-kontinwazzjoni ta l-iskavi fis-sotterran tal-Mużew tal-Katidral, l-Imdina; u survey arkeoloġiku fuq medda art ma ġenb Howard Garden, ir-Rabat, li jinkludi wkoll xi sondaġġi fuq dan is-sit.
XUFIERA IMPRESSED
489. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-interpellanza numru 219 dwar l-impressed drivers, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jimpjega direttament miegħu dawn is-sewwieqa?
ONOR. EDWIN GRECH: Is-sidien ta` vetturi `impressed` li huma wkoll xufiera tal-istess vetturi huma `self-employed persons`. Qatt ma kien hemm l-ebda talba biex dawn ix-xufiera jiġu mpjegati mal-Gvern.
Hemm diffikultajiet li jridu jiġu riżolti biex tiġi kunsidrata l-proposta tal-Onor. Membru.
PJAN TA' STRUTTURA - REVIŻJONI
493. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għamilx "time frame" għal meta għandu jibda u jitlesta r-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura u għal meta għandhom jitlestew il-Pjanti Lokali ta' Malta kollha?
ONOR. GEORGE VELLA: Pjan ta` Struttura
Sabiex jitwettaq il-Pjan ta` Struttura, b`mod rilevanti u validu, hemm bżonn li bosta xogħol ta` natura teknika jsir. Ammont ta` xogħol sostanzjali diġa sar mill-`iStrategic Planning Unit` (SPU) fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Dan ix-xogħol iħaddan fih dawn il-komponenti.
`Databases` - it-twaqqif ta` 13 il-`Database` (li jagħtu tagħrif dwar: proġetti strateġiċi, id-disponibilita ta` l-art, applikazzjonijiet għal-djar, il-prezz tal-propjeta`, tbassir tan-numru tal-popolazzjoni minn fuq iċ-ċensimenti ta` l-1985 u ta` l-1995, propjeta` vojta, `economic trends` tagħrif dwar l-impiegi u l-postijiet tax-xogħol, tagħrif dwar xtajitiet, agrikoltura, etc..) huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu lest (imma hemm il-bżonn li t-tagħrif jiġi mġedded fuq bażi regolari). Dawn jagħtu tagħrif dwar il-progress u l-attivita fuq firxa ta` materji.
`Monitoring Report 1190 - 1995` - id-`draft` ta ` dan huwa kważi lest u jagħti rendikont tal-progress fis-setturi kollha tal-Pjan ta` Struttura u jidentifika punti li għandhom jiġu kkunsidrati fir-`Review`.
`Subject Studies` - tlett studji ġew mibdija għas-setturi tal-`housing`, turiżmu u rekreazzjoni u għas-setturi tal-kummerċ u l-industrija. Dan jinvolvi analiżi dettaljata ta` dawn is-setturi u jiġbor fih stħarriġ, ġbir ta` informazzjoni, laqgħat ma` nies involuti, l-identifikazzjoni ta` punti ewlenin u t-twaqqif ta` `policies` għall-futur.
`Survey for Subject Studies` - madwar 12 il-stħarriġ fuq skala nazzjonali tlestew u qegħdin jiġu analiżżati. Dawn għandhom fihom 18,000 intervista. L-informazzjoni sejra tintuża biex issir reviżjoni ta` kull settur, jiġu mistħarrġa idejat ġodda u biex jiġu mħarsa l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tar-residenti lokali.
Meta dan ix-xogħol jitlesta u waqt il-konsultazzjonijiet li qegħdin isiru dwar dan, `draft terms of reference` ghall-`istructure Plan Review` għal-tard 1997\bidu ta` l-1998. Xogħol fuq ir-`Review` sejjer jieħu madwar sitt xhur. Wara dan, konsultazzjonijiet fuq ir-riżultati huma bżonnjużi, qabel ma tiġi mressqa proposta għal revisjonijiet għall-Pjan ta` Struttura lill-Parlament wara konsultazzjoni pubblika.
Pjan Lokali
Huwa maħsub illi jsiru seba` pjani lokali biex ikopru Malta u Għawdex. Minn dawn is-seba` wieħed tlesta; dak tal-Bajja ta` Marsaxlokk. Il-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir u għall-Majjistral ta` Malta qegħdin fi stadju avvanzat. Għaż-żewġ pjani, qed isiru l-aħħar konsultazzjonijiet ma` Membri Parlamentari u Kunsilli Lokali qabel ma jinħarġu għall-konsultazzjoni pubblika. Qed isir xogħol ukoll fuq Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana. Ta min isemmi wkoll żewġ Pjani ta` Azzjoni: dak ta` Pembroke u ieħor għal ta` Qali. Irid jibda x-xogħol fuq tlett pjani lokali oħra: Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna, Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta, u Pjan Lokali għaż-żona ċentrali ta` Malta. Minħabba diffikultajiet ta` riżorsi umani, u l-ħin li kien meħtieġ għall-konsultazzjonijiet li saru fuq il-Pjan Lokali għall-Majjistral u dak tal-Port il-Kbir, il-programm tax-xogħol ma setax jintlaħaq. Qed isiru diskussjonijiet fuq ir-reviżjoni ta` dan il-programm fid-dawl ta` prijoritajiet u ċirkostanzi li jistgħu
jinbidlu.
PEMBROKE - PJAN TA' AZZJONI
494. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inbediex xi ħaġa fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Pembroke partikolarment il-Business Park li kien ippjanat?
17/12/96
ONOR. GEORGE VELLA: Il-Pjan ta` Pembroke, approvat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar jikkonsidra fuq livell strateġiku aspetti nazzjonali li jolqtu lill-aġenziji Governattivi kkonċernati.
Fit-twettiq tal-Pjan, aspetti dettaljati jridu jiġu kkonsidrati aktar mill-qrib, fil każ tal-`Business Park`. L-utilita` tal-Business Park f`dan il-pjan u dan il-lokal għadha qiegħda tiġi studjata.
AWTORITA' TA' L-IPPJANAR - "COMPLIANCE REPORT"
495. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-proċedura fis-seħħ bħalissa, li "compliance report" mal-Building Inspectors ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, għal proprjeta' li tkun tikkonsisti f'numru ta' units, ma toħroġx sakemm il-blokk kollu jkun lest, bil-konsegwenza ta' ħafna tbatija lill-koppji, hux sejra titkompla?
ONOR. GEORGE VELLA: Skond il-liġi (Artiklu 61(2)), l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hija obbligata li meta żvilupp ikun tlesta skond il-permessi u l-kundizzjonijiet approvati, għandha toħroġ ċertifikat li jgħid li dak l-iżvilupp huwa skond il-permess għall-iżvilupp.
Skond il-liġi, l-Awtorita ma tistax toħroġ ċertifikat fuq parti minn żvilupp iżda fuq żvilupp komplut skond il-permess kif mitlub u approvat.
Fiċ-ċirkostanzi attwali u koxjenti tas-sitwazzjoni, l-Awtorita ta` l-Ippjanar qiegħda tikkunsidra l-ħruġ ta` `Compliance Certificate` apparti il-`Completion Certificate` u dan sabiex tevita kull inkonvenjent lill-applikanti għal żvilupp.
Qiegħdin isiru diskussjonijiet ma` l-Enemalta sabiex tiġi stabbilita proċedura konsistenti fil-ħruġ tal-`Compliance Certificate`. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi iżda qed isir kull sforz sabiex tinstab soluzzjoni legali u ġusta fl-iqsar żmien possibbli.
POLICE LICENSING ADVISORY BOARD
496. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsiet lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba numru 355, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Bord Konsultattiv dwar il-liċenzji tal-Pulizija huwiex fil-fatt jiffunzjona f'dawn il-ġimgħat ta' wara l-elezzjoni?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Bord Konsultattiv dwar il-Liċenzji tal-Pulizija għadu jiffunzjona.
SKEJJEL - TAL-GVERN/KNISJA/PRIVAT
497. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel (i) tal-Gvern, (ii) tal-Knisja, (iii) u tal-Privat kategorija, kategorija f'pajjiżna? Kemm minnhom għandhom faċilitajiet sportivi "out door"? Liema huma u x'tip ta' sport jiġi pprattikat fihom?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra għall-qari.
GĦAQDIET SPORTIVI
498. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet sportivi reġistrati f'pajjiżna? Liema huma dixxiplina, dixxiplina? Liema minnhom għandhom faċilitajiet sportivi u min hu sidhom, każ b'każ? Jekk hemm fosthom mikrija, kemm hi l-kera fis-sena u hix titħallas?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirreferi l-Onorevoli nterpellant għal tweġiba mogħtija għall-P.Q. 499 fis-Seduta Nru. 8. Inżid ngħid pero illi qed isir stħarriġ biex tiġi studjata l-possibilita li tiġi ntrodotta sistema ta reġistrazzjoni tal-għaqdiet imsemmija, fost oħrajn.
In kwantu għall-kumplament tal-mistoqsija, peress illi l-informazzjoni mitluba hija ddettaljata, din qed tinġabar u r-risposta tingħata f xi seduta oħra.
GĦAQDIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
499. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet taż-żgħażagħ reġistrati f'pajjiżna? Liema huma? Kif u meta jipparteċipaw fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-għaqdiet taż-żgħażagħ f'pajjiżna mhux mitluba jkunu reġistrati iżda ħafna minnhom huma membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Dan in-numru huwa ta' 49. Ser tiġi studjata jekk tistax issir xi forma ta' reġistrazzjoni ta' l-għaqdiet taż-żgħażagħ aktar formali biex ikun hawn ko-ordinament aħjar tal-għaqdiet u l-qasam taż-żgħażagħ.
L-għaqdiet li preżentament huma membri fil-KNZ huma:
Membri sħaħ
Kategorija A : Għaqdiet Reliġjużi jew tal-Knisja
Żgħażagħ Azzjoni Kattolika
Oratorju Salezjani Sliema
Żgħażagħ Ħaddiema Nsara
Kerygma Żagħżagħ
Soċjeta' tad-Duttrina Nisranija - MUSEUM (Ġuvintur)
Moviment Kattoliku Studenti Universitarji
Soċjeta' tad-Duttrina Nisranija - MUSEUM (Tfajliet)
Christiam Life Communities
Kummisjoni Djocesana Żgħażagħ
Maltese Federation of Past Pupils of Don Bosco
Kummisjoni Tħejjija Għaż-Żwieġ, Moviment ta' Kana
Vennazfal Crusaders
Leġjun ta' Marija - Taqsima Żgħażagħ
Kategorija B : Għaqdiet Edukattivi jew ta' Rappreżentanza Studenteska
Kunsill Studenti Universitarji
Catholic Youth Leaders Organisation
Kunsill ta' l-Istudenti tal-Junior College
University Engineering Students Association
Għaqda Studenti tal-Liġi
European Law Students Association
Malta Medical Students Association
Kategorija C : Għaqdiet Politici, Trejdunjonistici u Ambjentali
CMTU - Taqsima Żgħażagħ
Żgħażagħ Ħbieb in-Natura
Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista
Studenti Demokristjani Maltin
Għaqda Ħaddiema Żgħażagħ tal-General Workers' Union
Forum Żgħażagħ Laburisti
ARBOR
Kategorija D : Għaqdiet Kulturali, Għaqdiet tal-Ħadikappati, Għaqdiet Sportivi u Oħrajn
Youth Travel Circle
The Scout Association of Malta
Malta Girl Guides' Association
Red Cross Society
Malta Youth Hostels Association
Third World Group
Polisportive Giovanili Salesiane
Għaqda tal-Malti
Youth for Exchange & Understanding
Grupp OASI Attivita' Żgħażagħ
MEMBRI ASSOCJATI
Kategorija A
Attard Youth Centre
Għaqda Vokazzjonijiet Frangiskani
Kategorija B
General Union of Palestanian Students
Kategorija C
Falko Żgħażagħ - Birdlife Malta
SSCN Malta - Society for the Study and Conservation of Nature
Katgorija D
Nigret Youth Club
Siggiewi Brass Band and Social Club
National Student and Travel Foundation
M.A.C. Productions
Physically Handicapped Rehabilitation Fund
Malta Aviation Society
Laboratorju tal-Paci
Dawn l-għaqdiet jippartecipaw fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-Assemblei Generali, fil-laqgħat li jsiru ma' l-għaqdiet, permezz tal-korrispondenza regolari bejn il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-għaqdiet membri u fl-attivitajiet (seminars, fora, etc) kollha li jsiru.
Mil-laqgħa li saret bejn is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti u l-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ hemm qbil li tiġi mistħarrġa l-possibilita' tat-tkabbir tal-partecipażżjoni taż-Żgħażagħ mhux biss fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ izda wkoll fis-socjeta' in generali.
ISTITUZZJONIJIET GĦALL-KURA/RIABILITAZZJONI TAD-DROGATI
500. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn istituzzjonijiet għall-kura u r-riabilitazzjoni tad-drogati li huma governattivi u liema huma?
Kemm ġew ikkurati/riabilitati nies differenti matul din is-sena? Kemm minnhom għandhom anqas minn 30 sena? (Age groups: anqas minn 16-il sena, bejn 16 u 19-il sena; bejn l-20 u d-29 sena).
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat
ĦABS ĊIVILI - PRIĠUNIERI
501. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni l-Ħabs bħalissa? Kemm minnhom għandhom bejn 16 u 19-il sena u bejn l-20 u d-29 sena?
ONOR. ALFRED SANT: In-numru ta' priġunieri fil-Ħabs ta' Kordin fil-31 ta' Diċembru 1996 kien ta' 226.
Kien hemm tmienja li għandhom bejn 16 u 19-il sena, u kien hemm 110 li għandhom bejn 20 u 29 sena.
ISTITUT/FAĊILITA' KORRETTIVA - ŻGĦAŻAGĦ
502. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ li huma taħt l-eta' f'xi Istitut/Faċilita' Korrettva? X'inhi l-eta' tagħhom? Kemm hemm persuni b'sentenza sospiża fil-preżent? Kemm minnhom għandhom bejn 16 u 19-il sena u bejn l-20 u d-29 sena?
ONOR. ALFRED SANT: Fil-31 ta' Diċembru 1996 kien hemm priġunier wieħed taħt l-eta' fil-Ħabs ta' Kordin. Dan għandu 16-il sena. Hemm persuna oħra ta' 14-il sena li ġiet riferuta mill-Qorti tal-Minorenni fil-21 ta' Ottubru 1996 biex tagħmel programm ta' rijabilitazzjoni fil-kommunita' Santa Maria.
Persuni li jkunu b'sentenza sospiża ma jinżammux fil-Ħabs ta' Kordin u, għalhekk, l-informazzjoni mitluba fil-bqija tal-mistoqsija ma tapplikax.
AWTORITA' TA' L-IPPJANAR - PREZZIJIET TA' PROPRJETA'
506. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: B'riferenza għat-tweġiba Nru. 325, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ix-xogħol tal-ġbir ta' Database dwar il-Prezzijiet tal-Proprjeta' tinkwadra fix-xogħol ġenerat tat-tfassil u r-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-`Property Price Database` tħares lejn il-medja tal-prezzijiet ta` propjeta bejn l-1990 u l-1994 mqassma skond il-lokalita u tip ta` propjeta. Din l-informazzjoni ġiet provduta b`kollaborazzjoni ma` l-`Association of Estate Agents` u fiha madwar 3000 propjeta. Barra minn dan minn Ottubru ta` l-1995 il-prezzijiet ta` propjeta qegħdin jiġu mdaħħla (fid-Database) u sa l-aħħar ta` l-1996 madwar 2,800 propjeta ġew inklużi. Minn hawn u ftit ieħor, l-iStrategic Planning Unit, ser tibda tħares lejn il-prezzijiet ta` propjeta kummerċjali mill-bidu ta` l-1996.
Din id-`Database` tagħti tagħrif dwar lokalitajiet li l-`estate agents` huma l-aktar attivi fil-kummerċ tagħhom u ma tagħtix indikazzjonijiet ċari dwar lokalitajiet oħra. Madankollu d-`Database` tipprovdi tagħrif bżonnjuż dwar il-prezzijiet tal-propjeta u turi li l-prezz tal-propjeta qiegħed jogħla (għalkemm b`rata inqas mgħaġġla minn prezzijiet reklamati) minkejja l-fatt li hemm ħafna art allokata għal-żvilupp residenzjali u l-bosta djar li jinsabu vojta. Jidher ċar, li l-prezz tal-propjeta qigħed jiżdied aktar minħabba raġunijiet ta` nuqqas ta` art jew dawk demografiċi.
Ir-riżultat ta` din id-`Database` (u minn riċerka oħra) qiegħed jintuża biex jiġi formulat id-`draft Monitoring Report` ta` l-1990 u l-1995. Dan ir-rapport jipprova jindentifika fatturi għall-kunsiderazzjoni għall-iStructure Plan Review minn analiżi ta` riżultati meħuda mill-iStructure Plan Monitoring Programme (approvata mill-Awtorita ta` l-Ippjanar fi Frar ta` l-1996). Dan ix-xogħol, flimkien ma` `subject studies` (li qiegħdin jiġu maħduma) huwa parti essenzjali mill-proċess ta` l-iStructure Plan Review`
DJAR - ALLOKAZZJONI TA' PUNTI
507. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċedura ta' l-allokazzjoni ta' punti lill-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali u għall-applikanti għall-avviżi li joħroġ il-Gvern, u it-tqassim b'mod trasparenti abbażi ta' dawn il-punti ta' dawn id-djar huwiex se jitkompla?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: L-Awtorita' tad-Djar ma għandha l-ebda intenzjoni li tbiddel il-proċedura presenti ta' allokazzjoni.
BIRKIRKARA - PROPRJETA LI NGĦATAT LILL-MCDONALD'S
524. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasferiment ta' parti mill-proprjeta' li ngħatat lill-Club tal-Football ta' B'Kara lid-ditta McDonald's saritx b'mod legali? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-proprjeta' okkupata hijiex ta' daqs kif speċifikat fil-kuntratt ta' trasferiment li sar mad- Dipartiment ta' l-Artijiet? Ix-xogħlijiet li saru fil-proprjeta' huma kollha koperti bil-permess tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-permess biex il-Klub ta' Birkirkara ikun jista' jagħti b'kirja parti mill-propjeta, inħareġ wara li ttieħdu l-pariri legali kollha neċessarji, u l-permess inħareġ konformi ma' dawn il-pariri.
L-alterazzjonijiet li saru oriġinalment fil-1992 għandhom l-approvazzjoni tad-dipartiment tal-Artijiet.
Fl-1996 il-Klub reġa' talab biex isiru xogħlijiet oħra, għalkemm inħareġ il-permess mill-Awtorita tal-Ippjanar, il-Kummissarju tal-Artijiet qatt ma ta permess għal dawn ix-xogħlijiet. Irriżulta li fil-fatt dawn saru, u l-Klub qed jokkupa wkoll art oħra li mhix parti mill-art enfitewtika.
Id-dipartiment tal-Artijiet qed jara x'passi għandom jittieħdu.
Dostları ilə paylaş: |