ONOR. LINO SPITERI: Nitlob il-permess tal-Kamra sabiex jitressqu żewġ Abbozzi ta' Liġi għall-Ewwel Qari.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA
ONOR. LINO SPITERI: Nipproponi l-Ewwel Qari ta' Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. BERTU PACE: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa" ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR TAXXA TAR-REĠISTRAZZJONI TA' VETTURI BIL-MUTUR
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, nipproponi l-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att ta' l-1994 dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur" ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Nitlob lill-Viċi Prim Ministru sabiex jekk jogħġbu jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
AĠĠORNAMENT
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada t-Tlieta, 14 ta' Jannar 1997 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Mozzjonijiet
Mozzjoni sabiex jiġi approvat l-Ombudsplan għas-sena 1996/1997;
L-Ewwel Qari ta' Abbozz ta' Liġi dwar Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji; u
Estimi ta' Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni Enemalta għas-sena finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1996 sat-30 ta' Settembru 1997.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal għada t-Tlieta, 14 ta' Jannar, 1997 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fid-9.09 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
MISTOQSIJIET
IMWIEĠBA BIL-MIKTUB
LITTLE ARMIER - CARDPHONE
400. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-bajja ta' Little Armier jitqiegħed telephone pubbliku biex ikun jista' jintuża mill-ħafna nies li jużaw din il-bajja, b'mod partikolari fix-xhur tas-sajf?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li l-Korporazzjoni Telemalta qiegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiġi mwaħħla cardphone pubblika fil-bajja ta' Little Armier peress li issa huwa teknikament possibbli li dan isir.
TRASPORT PUBBLIKU - TIBDIL FIL-ĦINIJIET TAR-ROTOT
401. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar tibdil fil-ħinijiet tad-diversi rotot li għandna f'pajjiżna, kemm f'dak li hu l-ħin ta' l-ewwel u l-aħħar 'trip', kif ukoll dwar il-frekwenzi ta' l-istess 'trips'?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li l-ħinijiet ta' l-ewwel 'trip' dejjem baqgħu l-istess, filwaqt li l-aħħar ħinijiet kienu ġew mibdula fl-20 ta' Jannar 1994 fuq ir-rotot li ġejjin:-
Rotta
|
Destinazzjoni
|
l-Aħħar ħin
|
6
|
Belt > Birgu
|
10.30 p.m.
|
|
Birgu > Belt
|
10.00 p.m.
|
11
|
Belt > B'Buġa
|
10.00 p.m.
|
|
B'Buġa > Belt
|
9.00 p.m.
|
26
|
Belt > Żejtun
|
10.00 p.m.
|
|
Żejtun > Belt
|
9.30 p.m.
|
39
|
Belt > Żurrieq
|
|
|
(via Airport)
|
10.00 p.m.
|
|
Żurrieq > Belt
|
|
|
(via Airport)
|
9.00 p.m.
|
55
|
Belt > Naxxar
|
10.00 p.m.
|
|
Naxxar > Belt
|
9.00 p.m.
|
60
|
Belt > Savoy
|
10.00 p.m.
|
|
Savoy > Belt
|
9.30 p.m.
|
67
|
Belt > St. Andrews
|
11.00 p.m.
|
|
St. Andrews > Belt
|
11.00 p.m.
|
71
|
Belt > B'Kara
|
10.30 p.m.
|
|
B'Kara > Belt
|
10.00 p.m.
|
80
|
Belt > Rabat
|
10.00 p.m.
|
|
Rabat > Belt
|
9.00 p.m.
|
81
|
Dingli > Belt
|
9.00 p.m.*
|
|
Belt > Dingli
|
9.30 p.m.
|
* Fi triqtha lejn il-Belt, din il-karozza tgħaddi wkoll mill-venda tar-rotta Nru. 80 fir-Rabat.
MINISTRI - KORRISPONDENZA F'ENVELOPES TAL-GVERN
409. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jidhirlu l-Prim Ministru li hu ħażin li Ministru tal-Gvern jibgħat f'envelopes ittimbrati "Gvern ta' Malta" nota lill-kostitwenti tiegħu fejn jirringrazzjahom li eleġġewh u jinfurmahom bil-ħinijiet ta' l-uffiċċju tiegħu?
ONOR. ALFRED SANT: Naħseb li hu importanti li Ministru jibgħat jinforma liċ-ċittadini bil-postijiet u l-ħinijiet fejn jistgħu jiltaqgħu miegħu.
MELLIEĦA:TA' MAZRIJA - ILMA
413. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi assigurat li fit-toroq kollha bejn Triq is-Salib u l-Bypass tal-Mellieħa jiddaħħlu l-mains ta' l-ilma ta' daqs adegwat li mhux biss iservu l-bżonnijiet ta' l-ilma llum, iżda wkoll meta l-area kollha tkun okkupata?
Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji biex it-toroq kollha f'Ta' Mansija, bejn Triq is-Salib u l-Bypass tal-Mellieħa jiġu asfaltati issa li minn bena f'dawn l-inħawi qed imur joqgħod fil-bini li bnew?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-pjanijiet għall-iżvilupp tas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma, b'mod permanenti, fl-inħawi ta' Mazrija il-Mellieħa, ilhom li tlestew.
Iż-żmien meta jitwettaq dan il-proġett u oħrajn bħalu jiddependu mir-riżorsi li jkollha il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma
u l-prijorita' tal-proġett.
Programmi ta' xogħol isiru minn żmien għal żmien skond dawn il-kriterji.
B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-asfalt f'dawn it-toroq ikun jista' jsir meta x-xogħol tat-tqegħid tas-servizzi ikun tlesta.
GĦAWDEX - TRIQ ĊANQA - VULTAĠĠ BAXX
414. L-ONOR. KARMENU BORG staqsa lill-Ministru tal-Kummerċ: Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiġi rranġata l-problema ta' vultaġġ baxx fi Triq Ċanqa, ix-Xewkija, Għawdex?
ONOR. LEO BRINCAT: Fi Triq Ċanga, Xewkija, Għawdex diġa' saru xogħlijiet biex il-problema ta` vultaġġ baxx tittaffa. Aktar xogħlijiet huma ppjanati biex tkompli titjieb is-sistema ta` l-elettriku fl-inħawi.
IMPJIEGI - "LEAVE" BLA ĦLAS
415. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex policy tal-Gvern li jibda jippermetti lill-impjegati li jieħdu "leave" bla ħlas fil-każ ta' kull emerġenza fil-ħajja tal-familja bħal ngħidu aħna, marda serja tat-tfal jew tal-ġenituri anzjani?
ONOR. EDWIN GRECH: Il-kwestjoni tal-għoti ta` `leave` bla ħlas għal dawk l-impjegati li għandhom bżonnijiet tal-familja hija marbuta mal-għoti ta` `parental leave` għal dawk l-impjegati li jenħtieġu dan il- `leave` biex jieħdu ħsieb ulied jew trabi ta` taħt it-tliet snin.
`Leave` bla ħlas diġa' qiegħed jingħata fis-settur pubbliku. Fil-fatt m`hemm xejn fil-liġi li jżomm lill-`employers` fis-settur privat milli jagħtu `leave` bla ħlas lill-impjegati tagħhom.
SIGURTA' SOĊJALI - GĦAJNUNA SOĊJALI
416. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għajnuna soċjali li bdiet tingħata lin-nisa xebbiet jew romol li jieħdu ħsieb weħidhom, fulltime, ta' qraba b'mard gravi li joqogħdu fl-istess dar, hijiex se tiġi estiża wkoll għall-irġiel ġuvintur jew romol?
ONOR. EDWIN GRECH: Il-politika tal-Gvern Laburista fil qasam tas-Sigurta` Soċjali hi waħda ta` reviżjoni ta` l-Att tas-Sigurta` Soċjali (Kap 318). Dan bl-iskop li, fost ħwejjeġ oħra, jitneħħew l-anomaliji eżistenti. Nassigura lill-Onor. Interpellant li s-suġġeriment tiegħu jingħata konsiderazzjoni waqt l-eżerċizzju msemmi.
DIPARTIMENT TAX-XOGĦOL - KUNTRATT TAX-XOGĦOL
417. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ġejjieni qarib huwiex se jressaq liġi ġdida dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħmel ġustizzja ma' kulħadd u li tkompli tqaċċat il-kunċett tal-kuntratt tax-xogħol bħala wieħed ta' bejgħ ta' enerġija umana bil-prezz tal-paga u ddaħħal aktar il-kunċett tax-xogħol bħala kuntratt ta' sħubija bejn bnedmin li qed iżewġu l-ħiliet rispettivi tagħhom personali u li wirtu?
ONOR. EDWIN GRECH: Hija x-xewqa tad-Dipartiment tax-Xogħol li jkun hemm liġi aġġornata dwar il-kuntratt tax-xogħol. Għalkemm kien hemm proposti dwar dan għal dawn l-aħħar ħames snin, għal xi raġuni il-liġi ma seħħitx. Id-dipartiment qed jara x`jista jsir biex sakemm issir liġi ġdida jkompli jkun hemm titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol permezz ta` `National Standard Orders`.
DAR MERĦBA BIK - TFAL
418. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Billi llum hawn dar waħda mmexxija minn sorijiet li tilqa' biss nisa vittmi tal-vjolenza domestika, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jorganizza aktar djar ta' kenn fejn ikunu jistgħu jintlaqgħu wkoll it-tfal, subien u bniet?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Id-dar 'Merħba Bik' tilqa' lit-tfal tan-nisa vittmi tal-vjolenza domestika flimkien ma' ommhom.
Il-Gvern qed jagħti s-support kollu neċessarju għal dan is-servizz. It-tfal dejjem sabu kenn.
ĦABS ĊIVILI - PRIĠUNIERI
419. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm priġunieri sentenzjati fil-Ħabs ta' Kordin u kemm minnhom ibbenefikaw b'xi mod mill-amnestija u maħfra presidenzjali li ngħatat fl-okkażjoni tal-bidla fil-Gvern?
ONOR. ALFRED SANT: In-numru ta' priġunieri fil-Ħabs ta' Kordin li kienu qegħdin iservu sentenza meta fit-12 ta' Diċembru 1996, ingħatat l-Amnestija fl-okkażjoni tal-bidla fil-Gvern, kien ta' 109.
Minn dawn kien hemm 80 priġunier li bbenefikaw b'xi mod minn din l-Amnestija.
PULIZIJA - ĦLAS TA' SAHRA
420. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas "extra duty" lill-membri tal-Korp tal-Pulizija sena b'sena mill-1992 sal-lum? Kemm tħallas "overtime" fl-istess perjodu?
ONOR. ALFRED SANT:Il-ħlasijiet li saru fir-rigward ta' "overtime" u extra duty li nħadem mill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1992 sa llum huwa kif jidher hawn taħt:
|
Overtime
|
Extra Duty
|
1992
|
Lm47,419
|
Lm275,323
|
1993
|
67,917
|
655,450
|
1994
|
389,526
|
664,429
|
1995
|
397,025
|
764,334
|
1996
|
384,194
|
907,308
|
SETTUR PUBBLIKU - RAPPORTI
421. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-oqsma, dipartimenti u entitajiet fis-Settur Pubbliku li dwarhom qed jitħejjew rapporti u li għadhom ma ġewx ippreżentati r-rapporti dwarhom?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Gvern bi ħsiebu jikkummissjona studji fuq oqsma, dipartimenti u entijiet pubbliċi oħra kull fejn jinħass li tkun ħaġa utli li jkollna 'benchmark' għall-operat amministrattiv in kwestjoni jew kull fejn ikun hemm bżonn li tingħata gwida strateġika ġdida lill-ħidma ta' organizzazzjoni. Għalhekk, rapporti bħal dawk imsemmijin mill-Onor. Membru jistgħu jiġu mitluba minn żmien għal żmien. Il-politika tal-Gvern hi li, kull fejn ikun xieraq, dawn ir-rapporti tiegħu jiġu pubblikati.
ATTARD - TRIQ SAN ANTON
422. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex San Anton Street, Attard, fil-parti fejn tiżbokka ħdejn it-Three Villages Bar, issir 'one way', bil-karozzi jidħlu biss lejn Ħal-Lija/Balzan kif suġġerit mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena rriferejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għal-Kontrol tat-Traffiku.
FORZI ARMATI - QBID TA' DROGA
423. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm inqabdet droga mill-forzi ta' l-ordni xahar b'xahar din is-sena?
ONOR. ALFRED SANT: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
KUMITAT TAS-SIGURTA' TA' L-AJRUPORT
424. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm u meta ltaqa' l-Airport Security Committee matul l-1996? Kemm-il darba ltaqa' mis-26 ta' Ottubru, 1996 sal-lum? Min qed jippresjedi l-istess Kumitat mill-elezzjoni 'l hawn?
ONOR. ALFRED SANT:Matul is-sena 1996, il-Kumitat ta' l-Airport Security iltaqa' sitt darbiet fid-dati hawn taħt imsemmija:
18 ta' Jannar 1996
14 ta' Marzu 1996
7 ta' Mejju 1996
2 ta' Lulju 1996
30 ta' Lulju 1996
10 ta' Settembru 1996
Mill-aħħar laqgħa msemmija sal-lum dan il-kumitat għadu ma ltaqax.
PULIZIJA - MEMBRI FIL-KORP
428. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' pulizija fil-Korp? Kif inhuma mqassma f'ranks? Kemm hemm postijiet vakanti f'kull rank? Kemm hemm pulizija nisa fil-korp? Ta' liema rank? Meta hemm il-ħsieb li jsiru eżamijiet għall-(a) spetturi għal dawk diġa' membri fil-Korp? (b) għall-kuntistabbli minn barra? Kemm hemm uffiċjali kadetti fl-Akkademja tal-Pulizija? Meta se jtemmu l-kors?
ONOR. ALFRED SANT: Sal-31 ta' Diċembru, 1996, il-membri fil-Korp tal-Pulizija kienu mqassma kif jidher hawn taħt:
Kummissarju
|
1
|
Deputat Kummissarju
|
1
|
Assistenti Kummissarji
|
4
|
Supretendenti
|
17
|
Spetturi
|
54
|
Surgenti Magguri
|
11
|
Surgenti
|
299
|
Kuntistabbli
|
1,471
|
Total
|
1,858
|
Minn dan it-total, 204 huma nisa u huma mqassma kif ġej:
Spetturi
|
4
|
Surgenti
|
30
|
Kuntistabbli
|
170
|
Il-karigi vakanti huma kif ġej:
Assistent Kummissarju
|
1
|
Supretendenti
|
3
|
Spetturi
|
20
|
Surgent Maggur ta'
l-Ewwel Klassi
|
1
|
Surgenti Magguri
|
7
|
Surgenti
|
2
|
Kuntistabbli
|
41 zejda
|
Ta' min jgħid li, fil-każ ta' Kuntistabbli, mhux talli m'hemmx vakanzi, iżda talli hemm 41 aktar mill-complement stabbilit.
Fl-Akkademja tal-Pulizija hemm 17-il uffiċjal kadett li qed jieħdu t-taħriġ tagħhom li għandu jdum sa Ġunju li ġej. Dan jista' jiġi estiż jekk l-istess kadetti, bħal ta' qabilhom, ikollhom tagħlim u taħriġ ulterjuri barra minn Malta.
Għalissa m'hemmx il-ħsieb li jsir ingaġġ fil-Korp jew li ssir sejħa għall-applikazzjonijiet minn membri tal-Korp għal rank ta' Spettur.
TOROQ - TISWIJA TA' TOROQ
429. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-triqat li huma responsabbilta' tal-Gvern ċentrali li huma ppjanati li jsiru matul is-sena finanzjarja li jmiss: 1. se jingħata t-tarmac għall-ewwel darba; u 2. se jinksew mill-ġdid għaliex jinstabu fi stat ħażin? U dan f'Birkirkara, Ħal-Lija u Ħal Balzan separatament.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-Dipartiment tat-Toroq bħalissa qed jirrevedi sistemi ta' kif xogħol fit-triqat ikun jista' jiġi prijorizzat biex il-pubbliku jingħata l-aħjar servizz possibli. Għalhekk bħalissa ma tistax tingħata l-lista ta' toroq li fihom ser jsiru xogħlijiet is-sena d-dieħla.
SKEJJEL - GIROLAMO CASSAR
430. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti ta' l-iskola tal-bini Girolamo Cassar se jkomplu jgħinu fuq xogħol ta' restawr tat-Torri Ossia il-Belevedere fi Triq Trasfigurazzjoni f'Ħal-Lija? Il-Ministeru tiegħek irċeva xi talba f'dan is-sens mill-kunsill lokali? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol li għamlu l-istudenti fuq dan it-Torri?
ONOR. EVARIST BARTOLO:Sitt studenti mill-Iskola tal-Bini, Ġirolamo Cassar se jkomplu jgħinu fuq xogħol ta restawr tat-Torri ossia il-Belvedere fi Triq it-Trasfigurazzjoni, Ħal Lija. Biex ix-xogħol jintemm jonqos li l-kunsill lokali jipprovdi l-ġebel tal-balavostri biex jiġu skulturati u l-materjal tal-paviment ta madwar it-Torri.
L-istudenti għamlu xogħol li kien jikkonsisti f dan li ġej:
a. Id-dawra ta fuq il-koppla ġiet maqlugħa u reġgħet tpoġġiet għax kien hemm xi konsenturi.
b. Saret l-iskultura mad-dawra tal-gallarijiet ta fuq li kienu mmermrin għal kollox.
c. Ġew mibruxa, mikxufa u mkaħħlin mill-ġdid il-fili ta ġewwa u barra.
d. Sar il-paviment ta l-entratura tat-Torri.
e. Ġie miżbugħ il-ħadid li jagħlaq it-Torri.
f. Ġew mibruxin u miżbugħin l-aperturi ta l-injam.
g. Ġew skulturati tliet kapitelli ta fuq il-kolonni.
GĦAQDIET SPORTIVI
431. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata lill-għaqdiet sportivi li minn żmien għal żmien jagħmlu testijiet "anti-doping" fuq l-atleti tagħhom? Liema huma dawk l-għaqdiet li matul l-1996 ibbenefikaw minn din l-għajnuna? Kemm saru testijiet "anti-doping" minn kull għaqda sportiva li ngħatat għajnuna? Kif se jiġu nkoraġġiti għaqdiet oħra biex huma ukoll jagħmlu dawn it-testijiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fl-aħħar snin kien hemm vot speċifiku għat-testijiet msemmija mill-Onor. Interpellant. It-testijiet isiru mill-għaqdiet stess f'Laboratorju rikonoxxuti fl-Ewropa, u l-Ministeru jħallas l-ispejjeż skond l-irċevuta mibgħuta.
Il-policy għal dawn it-testijiet hija ċara. Kull għaqda ġiet mitluba li tikkonferma li fl-istatut tagħha fejn jidħlu r-regoli għall-kompetizzjonijiet, ikollhom klawsola li tgħid li kull atleta jista' jkun sottomess għal-tests kemm waqt il-kompetizzjoni kif ukoll fit-taħriġ u dan it-test ma jkunx avżat minn qabel (surprise tests) kif wara kollox tisuġġerixxi l-konvenzjoni fuq misuse of drugs in sport.
Dawk l-għaqdiet li nformaw lil Ministeru li jiikkonformaw ma' din il-policy jingħataw għajnuniet għat-testijiet u xi għajnuniet oħra meta mitluba.
Matul l-1996 saru 9 doping tests mill-Malta Football Association u 10 mill-Amateur Swimming Association.
Huwa l-intenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti, fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali fil-ġimgħat li ġejjin se jara kif jistgħu jiġu aktar imferrxa id-doping tests fl-isport lokali u kif tista tissaħħaħ l-istruttura biex tiġi kkummbattuta din il-pjaga fl-isport.
Dostları ilə paylaş: |