GĦawdex
GĦal GĦawdex qegħdin nivvotaw somma ta’ Lm1.9 miljun biex jitkompla l-iżvilupp ta’ din il-gżira bil-mod preżenti, waqt li nersqu lejn arranġamenti oħra li jinvolvu iżjed lin-nies ta’ GĦawdex anki permezz tar-rappreżentanti tagħhom.
Dan l-ammont hu mifrux fuq diversi setturi li jinkludu l-bini ta’ aktar fabbriki u ta’ ħlas ta’ inċentivi għal investiment f’GĦawdex, il-qasam tal-biedja, titjib, twessiegħ u tkomplija ta’ toroq, estenzjoni tas-sistema tad-drenaġġ, titjib ta’ l-iskejjel tal-Gvern, xogħlijiet u xiri ta’ tagħmir ġdid għall-Isptar t’GĦawdex u provvediment ta’ faċilitajiet ġodda sportivi.
Il-kwistjoni tal-Gozo Channel qiegħda tiġi mgħarbla sewwa biex tinsab soluzzjoni f’kuntest serju, b’kuntrast ma’ li sar qabel l-elezzjoni.
Ambjent
Fil-qasam ta’ l-ambjent ukoll hemm ammont għal xiri ta’ tagħmir ġdid li jindika l-livell tat-tniġġiż fl-arja, kif ukoll ix-xiri ta’ vapur żgħir biex jintuża għat-tnaddif mit-tinġiż ta’ ibħra madwar il-kosta tagħna. Sadattant, konsiderazzjonijiet ambjentali jridu jagħmlu parti mill-ħsieb ta’ l-operat kollu tal-Gvern.
Finanzjament u Investiment
Taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi hemm vot ta’ Lm8.9 miljun li minnu Lm5.3 miljun imorru lill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles biex jitħallsu interessi fuq self ta’ flus meħuda mill-istess Korporazzjoni għall-iżvilupp tal-Port Ħieles.
L-Edukazzjoni
Dan il-Gvern, anki fil-kontest ta’ rażan fuq l-infiq, huwa mpenjat li jagħti prijorita' lill-qasam ta’ l-Edukazzjoni. Dan se jibda jidher minn din is-sena.
Qed nipproponu spiża kapitali totali ta’ Lm9.4 miljun għall-Edukazzjoni li minnha ammont ta’ Lm1.1 miljun ikun allokat lill-Universita' biex tkompli l-programm tagħha ta’ bini u xogħlijiet oħrajn u xi xiri ta’ tagħmir. Lm900,000 qed ikunu allokati għal riċerka fuq diversi programmi finanzjarji taħt ir-Raba’ Protokoll ma’ l-Italja.
Bini Ġdid u Xogħol ta’ Titjib fl-Iskejjel ta’ l-Istat
Hija l-politika dikjarata ta’ l-Amministrazzjoni preżenti illi ttejjeb il-qagħda ta’ l-iskejjel tal-Gvern biex jirbaħ lura lejhom l-interess u l-ammirazzjoni li jistħoqqilhom.
GĦal dan il-għan tfassal programm ta’ titjib u xogħol ta’ kostruzzjoni fuq medda ta’ snin li teħtieġ allokazzjoni iżjed qawwija milli kien hemm qabel. B’hekk waqt li fl-1996 ġie provdut ammont ta’ Lm1.4 miljun, din is-sena dan se nżiduh b’Lm1.1 miljun. (Onor. Membri: Hear, hear) Dan il-programm estensiv ta’ xogħol se jolqot skejjel primarji, sekondarji, tas-snajja’ u post-sekondarji f’inħawi differenti tal-pajjiż.
B’dan it-total ta’ Lm2.5 miljun id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni għandha sfida serja quddiemha li torganizza ruħha b’mod mill-aktar serju biex tkun tista’ tonfoq dawn il-flus ipprovduti biex jibdew igawdu minn ambjent aħjar l-istudenti u l-għalliema ġo l-iskejjel.
Hemm ukoll Lm500,000 għal tiswijiet u manutenzjoni fl-iskejjel li għandhom l-aktar bżonn.
Informatika fl-Iskejjel Primarji
L-implimentazzjoni tat-teknoloġija ta’ l-Informatika fl-iskejjel primarji tal-Gvern bħala mezz ieħor ta’ tagħlim u bħala għajnuna għall-għalliema se tkompli. GĦal dan il-għan qegħdin nipprovdu somma ta’ Lm1.4 miljun.
Turiżmu
It-turiżmu huwa qasam fejn erġajna kellna esperjenza ta’ perijodi ħżiena matul l-aħħar snin. GĦalhekk qed ikun aktar vitali għalina li nsostnu dejjem aktar dan il-qasam ewlieni bi sforzi akbar biex ikollu l-forza li jakkwista lura dak li tilef mis-suq Ingliż u mis-suq Ewropew.
Bħala parti minn dan l-isforz, li fih dejjem irid ikun sieħeb ewlieni s-settur privat, il-Gvern qed jalloka Lm5.25 miljun lill-Organizazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu.
Ammont ta’ Lm500,000 ieħor qed ikun allokat ukoll lill-organizazzjoni biex nipparteċipaw fi proġett ġdid turistiku li jinvolvi d-destinazzjonijiet kollha turistiċi fil-Mediterran. L-infiq fuq dan il-proġett ser ikun iffinanzjat taħt ir-raba’ Protokoll Finanzjarju Taljan.
Kummerċ
Vot ta’ kważi miljun lira qed ikun propost għall-Ministeru tal-Kummerċ biex jgħin esportaturi Maltin jakkwistaw ordnijiet minn barra. Malta trid tesporta biex tgħix. L-ikbar sforz irid isir mill-produtturi nfushom bl-investiment li jagħmlu, produttivita', metodi li jużaw, kwalita' li joffru, marketing u l-ħeffa li biha jwieġbu d-domanda għat-tibdiliet fis-swieq. Il-Gvern, sadattant, irid joffri s-sosteniment tiegħu hu wkoll. Biż-żmien, iżjed infittxu li dan ikun iffokat b’mod li jaddatta għall-aħjar effett.
Qed ikollna nallokaw somma oħra ta’ Lm200,000 għal ħlas ta’ l-imgħaxijiet fuq self bankarju meħud mill-Malta Countertrade. Dwar dan is-self irridu nidħlu iżjed fil-fond.
Xogħolijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni
Taħt il-vot kapitali għal Xogħolijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni qegħdin nipproponu infiq ta’ Lm13.4 miljun. Minn dan l-ammont Lm6 miljun huma allokati għal titjib u estenzjonijiet ġodda fis-sistema ta’ drenaġġ. Nofs dan l-ammont ġej minn self taħt it-tielet Protokoll Finanzjarju ma’ l-Unjoni Ewropea.
Biex intejbu l-prodott turistiku tagħna u siti ambjentali qed isir programm ta’ restawr ta’ fortizzi, fortifikazzjonijiet u mkejjen storiċi u li għalih qed nivvotaw Lm400,000. Qed nallokaw ukoll is-somma ta’ Lm250,000 għall-riabilitazzjoni ta’ siti għal skart domestiku u materjal ieħor.
Fuq il-programm tat-toroq qegħdin nallokaw is-somma ta’ Lm4.5 miljun għal titjib fuq toroq eżistenti, asfaltar u tqegħid ta’ tarmak, kif ukoll għat-tkomplija tal-proġett tat-toroq tal-Qroqq. Fost ix-xogħlijiet li ser isiru din is-sena hemm titjib fit-Triq tal-Fgura.
Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja
Taħt il-qasam tas-Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u ta’ l-Affarijiet tal-Familja qed jiġi allokat Lm7 miljun għall-ispiża konnessa max-xogħlijiet tal-proġett ta’ l-Isptar San Raffaele. Il-proġett, kif għidt, qed jiġi rivedut u l-Gvern qed jara kif jagħmel l-aktar użu għaqli tar-riżorsi li ġew kommessi diġa’ u li qed nkomplu nikkommettu.
Vot ieħor ta’ Lm500,000 qed ikun propost għal sistema komputerizzata li fiha titqiegħed l-istorja medika ta’ kull persuna li tiġi bżonn is-servizz ta’ kull sptar u ċentru kliniku tal-Gvern.
Dan il-proġett għandu jibqa’ sejjer sa nofs l-1999 iżda l-ewwel fażi ta’ din is-sistema ser tibda tintuża qabel nofs din is-sena.
GĦall-immodernizzar u għax-xiri ta’ tagħmir għall-Isptar ta’ San Luqa qegħdin nipproponu somma ta’ Lm2.85 miljun, jiġifieri Lm500,000 aktar min dak ivvutat fl-l996.
Se ssir ukoll sistema ġdida tad-drenaġġ għall-Isptar San Luqa li hija stmata li se tkun tiswa Lm350,000 biex ittaffi l-ħtiġijiet attwali u timmira biex taqta’ l-mixja ta’ insetti f’dan il-post ta’ kura u ta’ saħħa fejn l-iġjene hi prijorita'.
Ammont ta’ Lm200,000 oħra qed ikun ivvutat għal servizzi fil-komunita' sabiex titjieb il-kura tas-saħħa primarja, u biex jitkompla x-xogħol fuq iċ-ċentru l-ġdid tas-saħħa f’Birkirkara.
Ser issir ukoll iċ-ċentralizzazzjoni tal-Medical Stores billi jkunu miġbura taħt saqaf wieħed f’Ta’ Qali.
Industrija
Qegħdin nallokaw vot ta’ Lm6.8 miljun għal infiq kapitali għall-industrija. Minn dan, Lm2.5 miljun huma għal bini ta’ fabbriki Lm750,000 għall-manutenzjoni u tiswijiet fl-oqsma industrijali, Lm720,000 għat-taħriġ tal-impjegati u Lm500,000 li tmur bħala inċentivi għal aktar investiment f’pajjiżna. Sovvenzjoni ta’ Lm1.75 miljun se tingħata lill-Korporazzjoni Maltija ta’ l-Iżvilupp biex tkompli fil-ħidma tagħha fil-qasam industrijali, kemm dak li jipproduċi għas-suq lokali kif ukoll dak li jaħdem għall-esportazzjoni.
GĦajnuna għall-Industriji Lokali Żgħar
Il-Gvern irid jgħin ukoll, b’impenn, lill-industrija ż-żgħira.
Se tiġi emendata l-Ligi ta’ Iżvilupp Industrijali f’dak li hu self b’imgħax baxx. Fil-preżent il-Korporazzjoni toffri self ta’ flus b’rati sussidjati lill-kumpaniji li jinvestu mhux anqas minn Lm100,000. Industrijalist żgħir, iżda, diffiċli jaqbeż l-ammont ta’ Lm100,000 kif imsemmi fil-liġi u għalhekk jiġi awtomatikament skwalifikat.
Il-Korporazzjoni se tħejji skema xierqa b’pakkett li jinkludi għajnuna fis-sistemar finanzjarju ta’ l-ażjendi li jibbenefikaw minn din l-iskema.
Il-Korporazzjoni qed tippjana li twaqqaf Istitut għat-Tkattir ta’ l-Impriża Żgħira, li se jopera minn ġo l-Estate Industrijali tal-Marsa. Dan se joffri għadd ta’ servizzi għall-industrija żgħira, sew dik eżistenti u kemm għall-industrijalist li fi ħsiebu jibda proġett ġdid.
L-industrija żgħira għadha ġġarrab diffikultajiet kbar biex ssib post adegwat għall-produzzjoni. GĦalhekk, matul l-1997 il-Korporazzjoni fi ħsiebha timplimenta pjanijiet sabiex toffri għall-kiri units ta’ bejn 50 u 365 metru kwadru ġewwa Ħal-Far u ix-Xewkija, GĦawdex. Dan ser isir permezz ta’ tqassim ta’ fabbriki eżistenti f’kumplessi ta’ units iżgħar.
Il-Korporazzjoni se tkompli tirristruttura l-estates ta’ Ħal-Luqa u Ta’ Qali, għall-industriji ż-żgħar speċjalment dawk ta’ natura artiġjanali bħal fil-każ ta’ Ta’ Qali.
Biex jingħata bidu għal dawn il-pjanijiet il-Gvern se jalloka l-ammont ta’ Lm500,000 lill-Korporazzjoni Maltija ta’ l-Iżvilupp fl-1997.
Il-Korporazzjoni qed taħseb biex taddotta politika ġdida rigward it-titolu li bih tagħti fabbriki jew artijiet biex ikunu jistgħu jintużaw bħala sigurta' għal finijiet ta’ self mill-banek.
Trasport u Portijiet
Taħt il-Vot Kapitali għall-Ministeru tat-Trasport u Portijiet qed nipprovdu somma ta’ Lm1.6 miljun.
Lm100,000 se jkun allokat lill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku biex tonora l-ftehim li għandha ta’ sussidju fuq ix-xiri ta’ ħames karozzi tal-linja ġodda li kienu laħqu ġew ordnati s-sena l-oħra. Lm100,000 oħra qed ikunu allokati għal titjib f’bus stops u f’bus shelters flimkien ma’ Lm200,000 biex isir xogħol fuq il-vendi tal-karozzi tal-Belt u ta’ Buġibba.
Flimkien ma’ dan, qed nipprovdu wkoll miljun lira għal tagħmir tar-radar u għal xogħlijiet oħra għad-Dipartiment ta’ l-Avjazzjoni Ċivili.
Djar
Qed jiġi propost ammont ta’ Lm3 miljun għal akkomodazzjoni soċjali. Dan jinkludi miljun lira sovvenzjonijiet lill-Awtorita' tad-Djar kif ukoll Lm850,000 bħala sussidji għall-interessi li jridu jħallsu dawk li jieħdu self ta’ flus għall-bini ta’ djar tagħhom. Lm500,000 oħra qed ikunu ivvutati għal tiswijiet u manutenzjoni ta’ djar tal-Gvern. Il-programm tat-tkomplija ta’ bini ta’ l-Awtorita' tad-Djar għall-1997 hu stmat li jqum Lm6 miljun.
Biedja u Sajd
Taħt il-vot kapitali għall-Biedja u Sajd qed nipproponu somma ta’ Lm1.7 miljun. Lm120,000 minnha qed nallokawha biex titlesta t-tieni fażi tal-komputerizazzjoni tal-pitkalija. F’dan il-qasam qed isiru thejjijiet biex jitfassal Master Plan.
Lm400,000 oħra qed nallokawhom għal titjib fil-Biċċerija tal-Gvern.
Ammont ta’ Lm500,000 min-nefqa globali taħt dan il-Vot se jmur għall-iżvilupp ta’ riżorsi ta’ l-art u ta’ l-ilma. Parti mportanti minn dan ix-xogħol ser ikun ir-riabilitazzjoni ta’ siti fejn jintrama l-iskart kif ukoll l-iżvilupp ta’ għejjun ta’ ilma għat-tisqija.
Hekk, minn dan kollu jirriżulta li, filwaqt li d-dħul ordinarju se jilħaq Lm514.7 miljun, l-infiq rikorrenti u kapitali se jammontaw għal Lm530.3 miljun u Lm85.6 miljun rispettivament, total ta’ Lm615.9 miljun. B’hekk, id-differenza bejn id-dħul ordinarju u l-infiq se tkun żbilanċ - li qed insejjaħlu expenditure gap - ta’ Lm101.2 miljun li se jkun parzjalment iffinanzjat minn għotjiet ta’ Lm10.5 miljun taħt ir-Raba’ Protokoll Finanzjarju ma’ l-Italja. Dan iħalli Budgetary Gap ta’ Lm90.7 biex jiġi finanzjat, jew 6.9 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku. Minn dan l-ammont, somma ta’ Lm8.1 miljun għandha tinkiseb f’self barrani. Il-bqija tiżdied ma’ l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat.
Kif diġa’ għidt, għalkemm il-Gvern Nazzjonalista s-sena li għaddiet suppost għamel self lokali li kellu jkopri l-iżbilanċi ta’ l-1995 u l-1996, xorta fl-1996 kien baqa’ Lm73.6 miljun ta’ nfiq li ma ġiex iffinanzjat. GĦalhekk dan ser ikollna nagħmlu tajjeb għalih din is-sena b’self lokali, u nagħlqu s-sena bi żbilanċ fil-Fond Konsolidat ta’ Lm82.2 miljun.
F’tabella Numru 2, (ara tabella 2 annessa) li nitlob lill-Kamra tieħu bħala moqrija, qed nagħti rendikont finanzjarju fil-qosor għall-1997.
MORALITA' FISKALI TIBDIL FIT-TAXXI, U INFURZAR TAGĦHOM
Ħalli ngħaddi issa għal ftit tagħrif dwar it-tibdil li qegħdin nippjanaw fis-sistema fiskali u fl-infurzar tat-taxxi fil-kuntest ta’ moralita' fiskali.
Is-sistema tat-taxxi fil-pajjiż hija mekkaniżmu fil-qalba nett ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Hi din is-sistema li trid tiffinanzja l-infiq meħtieġ li l-gvern irid jagħmel fit-twettiq tar-rwol tiegħu permezz ta’ Nefqa Pubblika li tfittex bla waqfien il-ksib ta’ valur sħiħ għal kull lira li tintnefaq, u tfittex dan permezz ta’ infiq maħsub sewwa minn qabel u mwettaq b’mod effettiv, effiċjenti u ekonomiku.
Hu prinċipju bażiku li din is-sistema trid tfittex bilanċ xieraq bejn dħul minn taxxi diretti u dħul minn taxxi indiretti u ċerti ħlasijiet li jesiġi l-gvern għal uħud mis-servizzi tiegħu, biex jiġu milħuqa għanijiet kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi. Dan il-bilanċ irid jinstab fil-konfini ta’ dak li jeħtieġu l-ġustizzja soċjali minn banda waħda, u l-effiċjenza ekonomika mill-banda l-oħra.
Politika fiskali għaqlija, waqt li bilfors trid titħaddem f’dawn il-konfini, trid tfittex li twarrab kemm jista’ jkun il-konflitti bejniethom. Dan trid tagħmlu billi tkun imsejsa fuq l-għarfien li bilfors irid ikun hemm taxxi, inkella ma jistax ikun hemm gvern li jagħti s-servizzi pubbliċi li soċjeta' moderna u demokratika tiddomanda mingħandu. U trid tagħmlu wkoll billi fl-istess waqt tfittex li ma sservix ta’ disinċentiv, anzi għandha tinċentiva, l-impenn għall-ħidma ekonomika bi qligħ, kemm mil-lat ta’ l-individwu bħala ħaddiem, kif ukoll mil-lat tas-sid bħala tali, sew jekk jopera għal rasu kif ukoll fi sħab ma’ oħrajn jew f’kumpannija.
Taxxi diretti: it-Taxxa fuq id-Dħul
L-amministrazzjoni ta’ qabel wettqet għadd ta’ riformi fis-sistema ta’ taxxi diretti. Din l-amministrazzjoni biħsiebha żżomm il-bdil xieraq li sabet u timmira biex meta jkun possibbli ddaħħal iżjed riformi u titjib. Sadattant, il-livelli u r-rati tat-Taxxa tad-Dħul u dak li hemm marbut magħha, se jibqgħu l-istess. Il-pjanijiet għal bidla minn PAYE għal sistema ta’ Final Settlement System (FSS) se jkomplu jitwettqu, għalkemm ġejt mogħti parir mid-Dipartiment biex nipposponuhom, l-iżjed b’sena. Kieku l-bidla seħħet mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena kif kien ippjanat, kienet tinħoloq konfużjoni kbira, kemm għas-sidien u l-impjegati, kif ukoll għad-Dipartiment innifsu.
Bidliet fiskali, anki jekk ta’ natura amministrattiva, iridu jiġu mdaħħla b’mod li ma jiżlukawx. Jekk il-bidu jkun ħażin, ikun hemm ħsara u spejjeż bla ħtieġa għal kulħadd. Id-Dipartiment qed ikompli bit-tħejjijiet tiegħu biex naqilbu għal din is-sistema, u qed iżomm lill-pubbliku mgħarraf fejn meħtieġ.
Irridu naraw ukoll kif il-problemi li sibna li għandu d-Dipartiment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżorsi umani, produttivita', xogħol ta’ ġbir b’lura, u ħwejjeġ relatati, jistgħu jiġu indirizzati aħjar.
Irridu neżaminaw kif il-provvedimenti tal-Liġi tat-Taxxa tad-Dħul jistgħu jiġu infurzati iktar, kif jistgħu jibdew jinġabru b’iżjed ħeffa l-arretrati li hemm, kif jistgħu jitħallsu rifużjonijiet li għandu jagħti d-dipartiment. F’dan il-kontest se jsir sforz, mhux l-inqas fuq talba tal-moviment trejdunjonistiku, biex anzjani li qegħdin jistennew rifużjonijiet ifittxu jeħduhom.
Id-dipartiment se jkun qiegħed jgħarbel ukoll kif jista’ jsaħħaħ l-investigazzjonijiet tiegħu kemm ta’ kumpanniji kif ukoll ta’ individwi, kif jista’ jagħmel random audits u investigazzjonijiet fuq il-post, dejjem fil-kontest legali li lkoll irridu li jkun imħaddem.
Taxxi indiretti: il-Bidla mill-VAT
Hi ħaġa magħrufa biżżejjed li parti mill-mandat ċar tal-Gvern Laburista hi li jibdel is-sistema tat-taxxi indiretti, billi flok it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-VAT idaħħal sistema iżjed addattata għall-istruttura tas-soċjeta' u l-ekonomija Maltija.
Dan il-mandat irid jitwettaq, u sejjer jitwettaq. Dan mhux se jsir bħala mossa politika, biex il-gvern ifittex li jingħoġob. Wisq inqas m'hu se jsir bħala kontinwazzjoni tal-kultura skaduta tal-pika politika, jiġifieri dik illi li jagħmel gvern, jgħaġġel jibdlu gvern ieħor ta’ twemmin differenti.
Se ssir, dejjem permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni, għax hu xieraq li, anke fil-kontest ta’ kif ħadmet il-VAT fis-sentejn li ilha li daħlet fis-sistema tat-tassazzjoni Maltija, nitgħallmu minn x’kien l-impatt tagħha u jekk urietx li hi l-aħjar mekkaniżmu ta’ dan it-tip li hu applikabli għal Malta.
Ir-realtajiet li osservajna qabel l-elezzjoni ta’ Ottubru li għadda kienu diġa' wrew li dak li pprospetta l-gvern ta’ qabel kien ilu sejjer żmerċ.
Il-gvern ta’ qabel kien ikkommetta ruħu li l-VAT ma tolqotx il-prezzijiet, u tikseb l-istess dħul minn dawk il-partijiet mid-Dwana u s-Sisa li kellha tidħol flokhom. Jiġifieri, li tkun price neutral u revenue neutral. Il-gvern l-ieħor kellu l-mira wkoll li, bil-VAT, inaqqas l-evażjoni tat-taxxa. Fuq kollox kellu l-ħsieb li jallinja s-sistema fiskali ta’ Malta ma’ dik ta’ l-Unjoni Ewropea, minħabba li kien qed ifittex sħubija sħiħa għal gżiritna f’din l-Unjoni.
Il-Gvern Nazzjonalista kien dam seba’ snin biex jersaq ħalli jwettaq dak li ried jagħmel dwar il-VAT. Imbagħad, għalkemm kien ikkommetta ruħu li jdaħħalha fl-1994, ippospona kollox b’sena, biex spiċċa daħħalha fl-1995.
Minkejja dan it-tul u dan il-posponiment, xorta ħalla l-ħerqa żejda biex jipprova jingħoġob ma’ l-Unjoni Ewropea tegħleb is-sens li għandu juri kull gvern. Dan is-sens għandu jkun imsejjes qabel xejn fuq dak li jaqbel għall-pajjiż, fuq l-istrutturi u l-iskedi tiegħu, u mhux fuq dak li jagħmel ħaddieħor fiċ-ċirkostanzi tiegħu.
It-tħaddim attwali tal-VAT, ir-rati magħżula u l-firxa tagħha, mill-ewwel laqtu ħażin lis-soċjeta' u lill-ekonomija. Il-prezzijiet, kontra dak li wiegħed il-gvern li daħħalha, għolew biha. In-newtralita` fid-dħul kienet biss logħob bil-kliem biex il-gvern ta’ dak iż-żmien jaħbi kontradizzjoni fundamentali. Din kienet illi waqt li, mil-lat tekniku, il-gvern kien jgħid li l-VAT toffri prospetti ta’ żieda ta’ dħul fl-erarju pubbliku, kien fl-istess nifs iwiegħed li, meħud kollox ma’ kollox, il-konsumatur mhux se jħallas iżjed milli kien iħallas bid-dazji.
Imqiegħda hekk, din kienet mhux biss kontradizzjoni, iżda diżonesta`. Kienet turi l-mod kif il-Gvern Nazzjonalista kien iqis lill-poplu.
Din l-attitudni l-gvern preċedenti urieha wkoll meta tkellem ma’ istituzzjonijiet barranin u għamlulu twissijiet, bla ma hu ta każ xieraq tagħhom għax ried ikun f’qagħda li jilqa’ għall-iskuntentizza li magħhom ammetta li se tqanqal il-VAT. L-espedjent politiku kien jitpoġġa quddiem nett anki ħafna qabel ma waslet l-elezzjoni ta’ Ottubru.
Saħansitra, fil-kontest tal-ħsieb tiegħu li jagħmel lil Malta membru ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern Nazzjonalista lanqas biss fisser lill-poplu li l-Unjoni stess qiegħda tippjana biex tbiddel il-mod kif tinġabar il-VAT fil-konfini tagħha, jiġifieri li l-VAT titħallas u tinżamm fil-pajjiż li jesporta, u mhux f’dak li jimporta, u mbagħad jagħmlu l-kontijiet. Dan il-metodu jiżvantaġġja pajjiż bħal Malta li jimporta prodotti mill-Unjoni wisq iżjed milli jesportalha.
GĦal dik li hi l-mira li titnaqqas l-evażjoni, jeħtieġ li jiġu reġistrati fatti ċari. Ibda biex, in-naħa Laburista kienet minn dejjem tiddikjara, mingħajr l-ebda tlaqliq, li hi kontra kull evażjoni tat-taxxi. Dejjem sostniet li dak li hu dovut lill-Gvern tal-ġurnata, taħt il-liġijiet prevalenti, għandu jitħallas bl-ikbar skruplu. GĦamlet dan anki b’kuntrast ma’ min, bi stmerrija sfaċċata għall-interess nazzjonali, għas-sewwa u għall-Moralita' Fiskali, għen biex ikabbar il-kultura ta’ l-evażjoni billi fost kollox għawwa b’mod ħajjien kontra l-ħlas tal-bolla tas-Sigurta` Soċjali u tat-Taxxa tad-Dħul.
B’kuntrast qawwi, anki waqt li ma qablitx mal-VAT, in-naħa Laburista xorta seħqet li, sakemm qiegħda hemm u għal dak li hu dovut taħt dik it-taxxa, għandha titħallas. Qatt ma fittxet li toħloq inċertezzi jew dubji, wisq inqas ma qatt tat l-iċken sulliev lil min iħaddan il-kultura misħuta ta’ l-evażjoni.
Jekk kien hemm evażjoni tal-VAT, jekk ċerta evażjoni kibret u magħha żviluppat xi ħaġa agħar minnha, din kienet fil-kuntest tad-drawwa sewda f’ċerti oqsma tas-soċjeta' Maltija li jirrifjutaw li jifhmu li l-evażjoni hi serq morali. Bil-VAT infetaħ ukoll spazju biex ikun hemm min jisraq flus tanġibbli billi jiġbor il-VAT u ma jgħaddihiex lill-Gvern, jew juri li ħareġ iżjed milli daħħal meta ma jkunx il-każ.
Meta jissemma li bil-VAT naqset l-ekonomija s-sewda għax irreġistraw iżjed persuni bħala li qegħdin jaħdmu, wieħed irid jara sewwa dan xi jfisser. Fih innifsu, il-fatt kien pożittiv, mil-lat ta’ kontribuzzjonijiet għas-Sigurta’ Soċjali. Mil-lat ta’ ħlas tat-Taxxa tad-Dħul, iżda, għad irridu naraw kemm il-konnessjoni msemmija se tkun seħħet kif intqal billi naqset l-evażjoni fejn l-iktar li tinħass. Aħna hekk nittamaw, u hekk irridu.
Fil-konsultazzjonijiet li nieda l-Gvern dwar x’għandu jidħol flok il-VAT, ġie enfasizzat il-punt ta’ kemm hemm evażjoni taħt din is-sistema. Nieħu gost ngħid ukoll li, f’dawn il-konsultazzjonijiet intwera li qiegħed jikber l-għarfien li għandu jkun hawn Moralita' Fiskali, appoġġata b’infurzar serju, jekk irridu nibdlu l-kultura ta’ l-evażjoni. Kultura illi, kieku kellha tibqa’ mingħajr ma tiġi mxejna, tfixkel bis-sħiħ lill-poplu milli joħroġ mill-problemi kbar tal-qagħda finanzjarja li wiret dan il-gvern, u li jimxi iżjed 'il quddiem.
Aħna rridu, u l-poplu għalhekk ivvota, li ċ-ċittadin tassew jitqiegħed l-ewwel. B’kuntrast, min jevadi, min jinkoraġġixxi lil min jevadi, min b’mod jew ieħor jgħinu, min anke ma jikkundannahx, ikun iqiegħed ipoġġi liċ-ċittadin l-aħħar.
Il-Moralita` Fiskali, wara kollox, hi meħtieġa mhux biex il-gvern jiġbor iżjed flus, iżda biex biż-żmien iċ-ċittadin iħallas inqas.
White Paper
Il-konsultazzjonijiet li għamel u qed ikompli jagħmel il-gvern dwar id-dħul ta’ mekkaniżmi oħra flok il-VAT, se jwasslu biex dalwaqt toħroġ White Paper dwar sistema ġdida. B’hekk, barra l-konsultazzjonijiet li saru, il-pubbliku jkun jista’ jixtarr u jirreaġixxi qabel naslu għal deċiżjoni.
Il-prinċipji li rridu nfittxu, iżda, nista’ ngħidhom fil-qosor issa.
Irridu nżommu f’moħħna l-livell tal-prezzijiet. Irridu li jkollna bażi raġonevolment wiesa’ fuqhiex niġbru t-taxxi indiretti, iżda b’mod li servizzi essenzjali għall-familja fid-dar ma jidħlux fix-xibka. Irridu nnaqqsu l-ispiża biex dak li jkun jaderixxi mal-ħtiġiet tal-mekkaniżmi fiskali. Irridu sistema kemm jista’ jkun sempliċi, bl-iżgħar numru possibbli ta’ azjendi u persuni jiġbru f’isem il-gvern, u jgħaddu li jiġbru b’mod regolari.
Irridu nħarsu u ninkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi għall-esportazzjoni, li mingħajrha pajjiżna - kważi iżjed minn kull pajjiż ieħor - ma jgħix. Iridu ngħinu il-produzzjoni għal konsum lokali. Irridu nqisu l-obbligi internazzjonali tagħna.
Ma rridux naħsdu jew infixklu l-ekonomija. GĦalhekk id-dazju li jidħol flok il-VAT se jibqa’ ta’ 15 fil-mija (fil-kas ta’ importazzjoni mill-Unjoni Ewropea), bl-eżenzjonijiet li hemm issa bħal fl-oqsma ta’ l-ikel, mediċini u ta’ l-edukazzjoni.
Ma rridux u m’aħniex sejrin niftħu spazji għall-evażuri tat-taxxi, anzi rridu nagħlquhom. GĦalhekk irridu li kull min ibiegħ prodotti jew jipprovdi servizzi jkollu l-obbligu li jkun reġistrat biex jagħmel dan u li jagħti riċevuta fiskali ta’ kull ħlas li jirċievi. Irridu li r-riċevuta jkollha valur għand min iħallas. Irridu rabtiet aħjar fost il-liġijiet fiskali, ħalli mhux biss nippromwovu tassew id-dħul ta’ Moralita` Fiskali, iżda jkollna iżjed mezzi biex, b’mod ċivili imma li ma jlaqlaqx, li ma jagħmilx kompromessi, li ma jħarisx lejn uċuh, ninfurzaw il-liġijiet fiskali.
Il-proċess tar-Riforma tat-Tassazzjoni għandu jkun wieħed dinamiku billi dejjem infittxu kif nistgħu ntejbu s-sistemi tagħna bla ma noqogħdu nqallbu wisq. GĦalhekk, 'il quddiem nibdew inħarsu wkoll lejn is-sorsi l-oħra tad-dħul tal-gvern minn diversi dipartimenti ħalli naraw kif l-aħjar li - dejjem b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem - jistgħu jintrabtu flimkien aħjar.
Din tgħin fost kollox ħalli tidħol koerenza u ma jittiħdux miżuri f’settur bla ma ieħor ikun jaf u affjatat kif jixraq, ħalli x-xibka li titlob soċjeta` demokratika u onesta tkun minsuġa sewwa, nibdew anki naħsbu biex, fil-kontest ta’ dan li għidt, naraw għandniex inwaqqfu Awtorita' Fiskali biex id-diversi oqsma li jiġbru il-ħlasijiet li jridu jsiru minn dawk li għandhom jagħmluhom ikunu ko-ordinati kif imiss.
Dan kollu beħsiebna nagħmluh ħalli l-qirda tal-kultura sewda ta’ l-evażjoni, il-ġenerazzjoni u tisħiħ dejjem u iżjed ta’ kultura ta’ Moralita` Fiskali ikunu sostnuti kif jixraq minn mekkaniżmi b’saħħithom u ċari u li jiffokaw bla heda fuq l-infurzar tal-provvedimenti fiskali kollha. B’mod trasparenti u responsabbli.
Fi ftit kliem irridu naħdmu ħalli nnisslu s-serjeta` u l-għaqal li pajjiż serju u għaqli jeħtieg u jiddomanda li jkollu fid-dħul li jeħtieġ kull gvern biex jiffinanzja n-Nefqa Pubblika effettiva li teħtieġ soċjeta` demokratika, moderna, ħanina, u ġusta.
Dostları ilə paylaş: |