Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 365,43 Kb.
səhifə4/5
tarix01.03.2018
ölçüsü365,43 Kb.
#43423
1   2   3   4   5

AĠĠORNAMENT



ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada l-Erbgħa,14 ta' Mejju, 1997, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:.
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda Diversi Liġijiet Finanzjarji - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Eurocontrol - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jirregola Condominia - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa - it-Tieni Qari; u
Mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar il-Liġi tal-VAT - Kontinwazzjoni.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Edwin Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Madam Speaker, matul dawn l-aħħar ġimgħat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista imbarkat fuq kampanja ta' ħmieġ, gideb, nofs veritajiet u spekulazzjonijiet dwar il-qagħda ekonomika tal-pajjiż, b'mod partikolari dwar il-qagħda fl-impjiegi.
L-Oppożizzjoni pprovat tagħti l-impressjoni li hawn xi inċertezza fil-pajjiż, maħluqa mill-politika tal-Gvern Laburista, u li qiegħda twassal għat-telf ta' direzzjoni tal-pajjiż u għal inkwiet ekonomiku kbir. Bil-mod kif tkellmet l-Oppożizzjoni uriet mhux biss l-irresponsabbilta' tagħha, iżda wkoll l-ipokresija li tħaddan fit-tmexxija tagħha.
Proprju l-irresponsabbilta' u l-ipokresija ta' l-Oppożizzjoni ħarġu aktar fil-beraħ il-ġimgħa li għaddiet meta ħarġet l-istatistika uffiċjali dwar l-impjiegi għax-xhur ta' bejn Diċembru 1996 u Marzu 1997 u ċ-ċifri tal-qgħad għal April li għadda.
L-istatistika uffiċjali dwar l-impjiegi tikkonferma kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-fergħat u l-mezzi ta' komunikazzjoni tagħha, kienu qegħdin jigdbu sfaċċatament meta kienu qed jgħidu li l-qgħad mill-elezzjoni 'l hawn żdied b'aktar minn 1,000 ruħ. Fl-istess ħin din tikkonferma kemm kienet irresponsabbli l-Oppożizzjoni meta din ipprovat tagħti l-impressjoni li fil-pajjiż kollox sejjer ħażin, li hawn inċertezza kbira u li dan l-għawġ inġieb bil-politika tal-Gvern Laburista ġdid.
Madam Speaker, il-verita' hija li l-affarijiet assolutament m'humiex kif qegħdin ipinġuhom ta' l-Oppożizzjoni. Id-diffikultajiet li hawn fil-preżent huma dawk li kien hawn qabel Novembru li għadda u dawn inġiebu mill-Gvern Nazzjonalista nnifsu, b'mod partikolari bid-dħul tal-VAT. Għal dawk li huma mpjiegi u qgħad, l-istatistika uffiċjali toħroġ dan fil-beraħ b'mod kemm jista' jkun ċar.
L-istatistika turi b'mod ċar li kien bejn Mejju u Novembru ta' l-1996, jiġifieri fl-aħħar sitt xhur ta' Gvern Nazzjonalista, li l-qgħad żdied b'aktar minn 1,000 ruħ, eżattament b'1,071. Għalkemm Novembru 1996 kien l-ewwel xahar tal-Gvern preżenti, iż-żieda fil-qgħad f'dan ix-xahar kienet ikkawżata minn telf ta' aktar minn 500 impjieg fis-settur privat f'Ottubru, l-aħħar xahar tal-Gvern ta' qabel.
L-istatistika turi li minn Novembru 1996 sa April 1997, il-qgħad żdied biss b'259 ruħ. Dan ifisser li fl-aħħar xhur ta' Gvern Nazzjonalista, il-qgħad żdied b'erba' darbiet aktar milli żdied fl-ewwel xhur ta' Gvern Laburista. L-istampa globali turi li bejn Mejju 1996 u April 1997, il-qgħad żdied b'1,330. Minn dawn, 1,071 jew aktar minn 80%, żdiedu fl-aħħar xhur tal-Gvern Nazzjonalista. Jiena għalhekk jiddispjaċini meta s-Sur Tony Muscat - Viċi President ta' l-Assoċjazzjoni Solidarjeta' Ħaddiema Partit Nazzjonalista u wkoll direttur fl-ETC - fuq programm ta' Radio 101 li xxandar fit-13 t'April, 1997, stqarr ħafna affarijiet inkorretti.
Anke li kieku wieħed kellu, għas-saħħa ta' l-argument, jgħodd iż-żieda fil-qgħad li kien hemm f'Novembru 1996 bħala li seħħet taħt Gvern Laburista, isib li l-qgħad żdied b'689, ħafna anqas minn dak li ilha tallega l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. L-istatistika turi wkoll li r-rankatura 'l fuq li kien qabad il-qgħad taħt il-Gvern Nazzjonalista, issa waqfet. Dan jien kont diġa' semmejtu. Fil-fatt, f'April ta' din is-sena - l-ewwel darba li l-qgħad niżel minn Mejju ta' l-1996 'l hawn - il-qgħad niżel b'192.
Madam Speaker, l-istatistika tikkonferma dak li ilu jsostni l-Gvern, fi kliem ieħor, li s-settur ekonomiku fl-aħħar amministrazzjoni kien ilu xhur sħaħ inaqqas mir-ritmu tiegħu bil-konsegwenza li bdew jiżdiedu s-sensji u beda jiżdied il-qgħad. Dan huwa pprovat minn graphs li 'l quddiem beħsiebni npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-graphs juru b'mod ċar kemm il-qgħad ma bediex tiela' minn Novembru li għadda, u hawnhekk nagħmel riferenza speċjalment għal dak li qalet "The Times" fis-6 ta' Mejju, 1997, meta kienu għadhom kemm ħarġu l-figuri li riedet l-Oppożizzjoni. Din ma flietx dawn il-figuri u lill-poplu ma qaltlux il-verita'. Fil-fatt fit-title ġabet:
"Unemployment up every month since October and dips in April."
Jiġifieri din ħalliet nofs l-istorja barra u nixtieq li għada jew pitgħada din toħroġ tgħid il-verita' għaliex lill-poplu għandna ngħidulu l-verita'.
Ma jimpurtax li jkun hemm kritika fejn ikun hemm bżonn, u aħna neħduha l-kritika, imma m'għandux ikun hemm gideb. Jiena għalhekk illejla beħsiebni npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-graphs, sabiex nispjega lill-poplu x'ġara u x'ma ġarax rigward il-qgħad fl-aħħar xhur. Dawn il-graphs juru b'mod ċar kemm il-qgħad ma bediex tiela minn Novembru li għadda, jiġifieri mindu tela' l-Partit Laburista fil-gvern, imma beda tiela minn Mejju ta' l-1996, jiġifieri taħt il-Gvern Nazzjonalista.
Madam Speaker, matul is-sena l-oħra, il-qgħad żdied f'Ġunju, reġa' żdied f'Lulju, reġa' żdied f'Awissu, reġa' żdied f'Settembru, reġa' żdied f'Ottubru u reġa' żdied f'Novembru minħabba li f'Ottubru, kif għidt diġa', intilfu aktar minn 500 impjieg fis-settur privat. Għalhekk nakkuża lill-Oppożizzjoni b'ipokresija għaliex id-deni li kkawżaw huma bil-politika tagħhom, issa bil-wiċċ tost kollu, qed jipprovaw jitfgħuh fuqna.
Barra minn hekk, il-qgħad illum jinsab fl-istess livell li kien fl-ewwel tliet xhur ta' l-1994, u mhux hekk biss, għaliex f'dik is-sena in-numru ta' nies jaħdmu bi qliegħ kien ħafna anqas mil-lum. Mela fil-verita' r-rata tal-qgħad fl-1994 kienet ogħla mil-lum. Allura dak iż-żmien fejn kienu n-Nazzjonalisti? Ma ħarġux jgħajtu bil-kriżi u l-inċertezza? Fejn kienet l-Assoċjazzjoni Solidarjeta' Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista? Fejn kien is-Sur Gafa', il-President ta' din l-assoċċjazzjoni u fejn kien is-Sur Tony Muscat?
Din hija ipokresija fl-agħar xorta tagħha. Hija wkoll irresponsabbilta' fl-agħar xorta tagħha għaliex in-Nazzjonalisti bil-mod kif qed jitkellmu qed jipprovaw joħolqu l-inkwiet fil-pajjiż. Hawnhekk irrid nerġa' nsemmi d-dibattitu li kien hemm fuq programm ta' Radio 101, fejn is-Sur Muscat qal dawn il-kelmiet:
"Bħala moviment aħna ngħidu li issa bilfors irridu nimmobilizzaw lill-poplu.".

Madam Speaker, mela fuq ir-radju qegħdin jgħidu li hemm bżonn jimmobilizzaw lill-poplu meta il-qgħad beda tiela' minn żmien meta huma kienu fil-gvern!


Imma l-ħaddiema li tilfu ħobżhom matul din l-aħħar sena jafu biżżejjed għalfejn tilfu l-impjieg tagħhom; jafu biżżejjed meta beda l-inkwiet li wassal biex tilfu l-impjieg tagħhom. Ħadd ma jista' jemmen lin-Nazzjonalisti meta dawn jitkellmu dwar għeluq ta' fabbriki u sensji li ġraw f'dawn l-aħħar xhur għaliex jekk kien hawn xi fabbriki li għalqu issa, dawn ma bdewx jiffaċċjaw il-problemi f'daqqa waħda mindu tela' l-Gvern Laburista.
Ma jridx ikollok xi għerf kbir biex tirrealizza li meta fabbrika tasal biex tagħlaq jew tnaqqas l-impjegati tagħha, trid ikun ilha għal żmien twil mhux ħażin tiffaċċja problemi biex tieħu azzjoni daqshekk drastika. Għalhekk huwa evidenti li s-sensji li qed jingħataw issa huma frott il-politika żbaljata u staġnata li kien qabad il-Gvern Nazzjonalista bid-dħul tal-VAT u bl-ossessjoni tagħhom li jdaħħluna fl-Unjoni Ewropea.
Madam Speaker, id-direzzjoni lill-pajjiż qed jagħtihielu l-Gvern preżenti bil-politka serja tagħna ta' Svizzera fil-Mediterran, pajjiż ħabib ma' kulħadd; ma' l-Ewropej, mal-pajjiżi Mediterranji u ma' l-GĦarab. Aħna qed nagħtu fiduċja ġdida lil dan il-pajjiż, u qed inkabbru l-istima li pajjiżi barranin għandhom għalina. B'dan il-mod jista' jinġieb l-investiment lejn pajjiżna u mhux bil-paroli vojt dwar l-Unjoni Ewropea.
Madam Speaker, biex inkompli fuq is-suġġett tas-sensji u l-qgħad irrid ngħid li l-verita' hi li l-fabbriki bdew jagħlqu, is-sensji bdew jiżdiedu u l-qgħad beda jiżdied taħt il-Gvern Nazzjonalista. Irrid insemmi wkoll li s-Solidarjeta' Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista ma qalux, per eżempju, li bejn Jannar u Ottubru ta' l-1996, kien hemm kważi 1,200 persuna li ġew issensjati mix-xogħol. Dan huwa l-ogħla numru ta' nies li tilfu l-impjieg tagħhom f'dawn l-aħħar tliet snin. Ma qalux lanqas li bejn Jannar u Ottubru ta' l-1996, kien hemm aktar minn 3,900 persuna li rreġistraw għax-xogħol għall-ewwel darba. Dan huwa wkoll l-ogħla numru ta' nies li rreġistraw għax-xogħol għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar sitt snin. U lanqas qalu li bejn Ottubru 1995 u Settembru 1996, l-opportunitajiet ta' xogħol li kienet infurmata bihom l-ETC naqsu b'1,200 fuq is-sena ta' qabel.
Dawn l-affarijiet imissha tgħid l-Assoċjazzjoni Solidarjeta' Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista u mhux il-gideb li qalet tul il-ġimgħat ta' qabel il-festa ta' l-Ewwel ta' Mejju. Dawn l-affarijiet, għalkemm ma jiġux ippubblikati, xorta jidher l-effett tagħhom fl-istatistka li ġiet ippubblikata l-ġimgħa l-oħra.
Barra minn hekk, il-Gvern Nazzjonalista kien ilu s-snin jaf li fl-istatistika uffiċjali hemm diskrepanzi kbar li juru li hemm eluf ta' nies jaħdmu aktar milli fil-fatt hemm. Issa aħna niftakru li l-ETC taħt il-Gvern l-ieħor kienet tiftaħar kemm għandha data bank mill-aħjar. Minħabba f'hekk, l-ETC bdiet eżerċizzju ta' reviżjoni biex il-figuri uffiċjali jiġu korretti imma minkejja li dan l-eżerċizzju kien ilu għaddej għal snin sħaħ, il-Gvern Nazzjonalista baqa' ma qal xejn u ma ddeċieda xejn dwar x'se jagħmel. Kien minħabba dan l-eżerċizzju li dan l-aħħar kien hemm dewmien fil-pubblikazzjoni ta' l-istatistika. Minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet taf b'dan kollu, xorta waħda għażlet li tipprova tagħmel kapital politiku mis-sitwazzjoni.
Madam Speaker, il-Gvern Laburista jinsab impenjat biex mingħajr daqq ta' trombi, jagħti nifs ġdid lill-ekonomija biex jinħoloq ix-xogħol. F'dan il-kontest, wieħed jista' jsemmi t-tneħħija tal-VAT - li sa xahar ieħor tkun tneħħiet - l-inċentivi ġodda li se tingħata l-industrija lokali bbażati fuq ir-rapport Ramboll, l-għajnuna professjonali, teknika u finanzjarja li diġa' bdiet tingħata lill-azjendi żgħar biex ikomplu jkabbru l-attivita' tagħhom, u t-tisħiħ ta' l-industrija turistika. U dan minbarra proġetti infrastrutturali li hemm ippjanati għax-xhur li ġejjin.
Qabel nagħlaq, Madam Speaker, nixtieq nitlob il-permess tal-Kamra sabiex inqiegħed xi dokumenti li semmejt aktar kmieni fid-diskors tiegħi fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni li turi s-sitwazzjoni tal-qgħad bejn Mejju 1996 u April 1997.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Gavin Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA (Segretarju Parlamentari għas-Self-Employed): Madam Speaker, jiena tpaxxejt nisma' lill-Onor. Edwin Grech jitkellem dwar il-qagħda fis-settur ta' l-impjiegi taħt l-Amministrazzjoni preċedenti, u dan għas-sempliċi raġuni li f'dan l-Aġġornament beħsiebni nagħmel l-istess kummenti fuq settur li għandu x'jaqsam ma' l-impjiegi, is-settur tas-self-employment.
Madam Speaker, jien nixtieq li niċċara ċ-ċpar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qiegħda tipprova twaqqa' fuq is-settur tas-self-employed. Issa t-tattika distruttiva u l-istrateġija ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-konfront ta' l-impjiegi f'pajjiżna, fil-konfront tas-self-employment, fil-konfront ta' l-ekonomija u fil-konfront tan-negozju in ġenerali f'pajjiżna, drajniha. Fil-ftit ħin li għandi m'iniex se noqgħod nikkumenta fuq dan l-aġir, pero' meta l-Oppożizzjoni tuża l-mezzi tax-xandir u l-ġurnaliżmu tagħha biex tqarraq bl-istatistiċi biex mingħaliha tieħu vantaġġ politiku on a short term, bilfors li jkun jenħtieġ li dan jiġi ratifikat immedjatament għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali u anke sabiex il-verita' tirbaħ fuq il-gideb.
Madam Speaker, il-Ħadd li għadda ġiet ippubblikata intervista ta' l-ispokesman tal-Partit Nazzjonalista dwar il-qagħda tas-self-employed fil-ġurnal "il-mument". Il-frustrazzjoni ta' l-Oppożizzjoni għall-fatt li twaqqaf Segretarjat Parlamentari għas-Self-Employed dehret ċara, u spikkat ukoll il-politika ta' l-għira għall-fatt li skond il-Partit Nazzjonalista stess - jiġifieri dan qegħdin jammettuh - dan is-settur abbanduna lill-Partit Nazzjonalista u ingħaqad mal-Partit Laburista għal ħafna raġunijiet. Jiena m'iniex se noqgħod nikkummenta fuq l-opinjonijiet li ngħataw - naturalment l-Oppożizzjoni għandha d-dritt tagħmel il-kritika tagħha - pero' inħalli f'idejn il-poplu sabiex jara x'qegħdin nagħmlu aħna għas-self-employed u x'qiegħda tgħid l-Oppożizzjoni.
Madam Speaker, jien ħadt dan l-Aġġornament proprju sabiex nindirizza dik l-istatistika li m'hijiex qiegħda ddoqq tajjeb u nixtieq nenfasizza li kif għadu kif qal l-Onor. Edwin Grech, bħas-soltu, mill-intervista li għadni kif semmejt ħareġ li f'daqqa waħda ħarġu jiżfnu l-anġli ta' l-Apokalissi u ġraw id-diżastri kollha li wieħed jista' jimmaġina anke għas-settur tas-self-employed. Dawn qalu li minn Ottubru 'l hawn - dak iż-żmien konna għadna taħt Gvern Nazzjonalista - in-numru tas-self-employed niżel b'500 ruħ. Issa din il-figura, tonda tonda, prima facie tqabbdek is-suspetti, pero' meta komplejt nixtarr din l-intervista skoprejt li din il-figura ma qalhiex l-abbli kollega tiegħi min-naħa ta' l-Oppożizzjoni l-Onor. George Hzyler imma qalha min kien qiegħed jintervistah li jekk m'iniex sejjer żball kien ġurnalista ta' Radio 101. Dan staqsa lill-Onor. Hyzler x'jidhirlu mit-tnaqqis ta' 500 ruħ fis-settur tas-self-employed u jien hawnhekk nistaqsi: Minn fejn ġabuha din l-istatistika? Minn fejn jirriżulta li n-numru tas-self-employed naqas b'500 ruħ tondi tondi? Dan huwa fatt kurjuż għaliex se mai, ċifri bħal dawn ma joħroġhomx ġurnalista imma joħroġhom ix-shadow minister ta' dan id-dekasteru. Naturalment, l-ispokesman dwar is-self-employed la kkonferma u lanqas innega għaliex din iċ-ċifra ġiet appiċċikata lilu. GĦalhekk jiena nistieden - mhux lill-Onor. George Hyzler u lanqas lill-ġurnalista ta' Radio 101 - lill-Partit Nazzjonalista sabiex jgħidilna minn fejn ġabu din l-istatistika.

Peress li l-ħin qiegħed jagħfas, Madam Speaker - sabiex niġu uniformi u konformi ma' dak li qal l-abbli kollega tiegħi l-Onor. Edwin Grech dwar is-settur tas-self-employment - tajjeb li wieħed jiċċita l-istatistika li l-Onor. Edwin Grech ġentilment għaddieli bl-għajnuna ta' l-ETC. F'din l-istatistika nsibu li minn Ottubru ta' l-1995 sa Ottubru ta' l-1996, is-settur tas-self-employment naqas b'525 ruħ, u dan fi żmien l-Amministrazzjoni Nazzjonalista u fi żmien meta l-VAT, li kellha trebbaħhom l-elezzjoni, kienet qiegħda taħdem at full blast. Fil-fatt, f'Settembru ta' l-1995 iċ-ċifra kienet taqra 16,407, f'Ottubru kienet taqra 16,365, f'Novembru 16,333, f'Diċembru 6,329, fi Frar 16,303, f'Marzu 16,220 u f'April kienet taqra 16,136. S'hawnhekk kienu ntilfu xi 300 impjieg. Ta' min jgħid li llum meta xi ħadd jagħti s-sensja lil xi ħaddiema, insibuha headlines fil-gazzetti tagħhom imma meta dan kien jiġri fi żmienhom, peress li kienu qegħdin jaddottaw politika ta' ħabi, dawn l-istatistiċi qatt ma dehru. Madam Speaker, dan it-tnaqqis huwa konsistenti u jekk nibqgħu għaddejjin insibu li fi żmien sena is-settur tas-self-employed naqas b'525 ruħ, u kif diġa' għidt, dawn il-figuri huma konfermati mill-ETC. Jiena ngħid li jekk illum l-Oppożizzjoni Nazzjonalista din qiegħda ġġibha tant bi kbira - anke jekk għall-grazzja ta' l-argument dan is-settur vera tnaqqas b'500, li m'huwiex il-każ, u għalhekk nistednuhom jgħidulna minn fejn ġabu din l-istatistikia - u jekk għandhom għalfejn igorru għal dan il-perijodu, għalfejn ma garrewx fi żmienhom meta dan is-settur kien qiegħed ibati tant u kien għaddej minn din l-agunija kollha?


Madam Speaker, jiena nagħlaq hawnhekk billi ngħid li l-mod kif qiegħda taġixxi l-Oppożizzjoni anke permezz tal-media tagħha hija indikazzjoni li ma tbiddlitx u huwa l-każ li ma tistax tafdaha. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Alfred Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, barra l-problema kbira fl-impjiegi li writna mingħand il-Gvern Nazzjonalista, writna wkoll problema kbira fil-qasam tal-housing.
Nixtieq nagħmel żewġ punti qosra b'riferenza għad-diskors li għamel l-Onor. Jean Pierre Farrugia. Fil-ħarġa tal-ġurnal "l-orizzont" tal-Ħamis, 8 ta' Mejju, 1997, ġie rrapportat diskors li d-deputat Nazzjonalista, l-Onor. Jean Pierre Farrugia, kien għamel fil-Parlament fil-ħin ta' l-Aġġornament fis-seduta ta' nhar it-Tlieta, 6 ta' Mejju, 1997. L-ewwel punt li nixtieq nagħmel huwa li l-heading li deher f'"l-orizzont", u ċioe' "Terran fil-Belt jingħata lil għarajjes", huwa żbaljat għaliex fil-fatt mhux veru li dan il-post terran ingħata lil għarajjes. Infatti l-post ingħata lil xebba omm bi tlett itfal li kienet homeless.
Niġi issa għat-tieni punt. Skond id-debate, l-Onor. Jean Pierre Farrugia ma qalx li dan il-post ingħata lil għarajjes iżda qal li ngħata lil familja żagħżugħa minflok ma ngħata lil min għandu xi 60 sena u joqgħod f'post b'ħafna taraġ u anke forsi jkun marid. Fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari, jiena kont għidt li fejn huwa possibbli, pjan terran u postijiet bla taraġ jingħataw lil min ikollu bżonn jew f'każ li jkun hemm xi mard u għamiltha ċara li dan isir fejn huwa possibbli għaliex dan mhux dejjem ikun possibbli. Infatti f'dan il-każ ma kienx possibbli; anzi, f'dan il-każ, dan sar fl-interess ta' l-istess anzjani morda. Peress li l-Onor. Farrugia talabni nindaga, jiena ħadt passi minnufih u tlabt lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jara l-każ u billi l-Onor. Farrugia la semma min hija l-familja u lanqas liema post ingħatat, jiena tlabt lid-direttur tad-dipartiment jikkuntatjah. Min-naħa tiegħu d-direttur informani li lill-Onor. Farrugia kellmu u l-informazzjoni li għandi mingħandu hija li l-Onor. Farrugia aċċetta l-ispjega, jiġifieri li dan sar fl-interess ta' l-istess anzjani morda. Dan ifisser li d-dipartiment ma mexiex ħażin, u dan il-post imtela' wara li ġie f'idejn id-dipartiment permezz ta' żgumbrament ġustifikat. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal għada l-Erbgħa, 14 ta' Mejju, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.

Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 365,43 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin