MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
KUNSILLI LOKALI - SISTEMA TA' CLAMPING
4974. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jiddelega lill-kunsilli lokali l-clamping tal-vetturi?
ONOR. ALFRED SANT: Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Gvern talab ir-reazzjoni tal-pubbliku dwar il-proposta biex tiġi addottata s-sistema ta' Clamping f'Malta. Sad-data ta' l-għeluq li ngħatat fl-istqarrija pubblika rċevejna 28 suġġeriment mill-pubbliku. Il-Gvern issa se jara dawn is-suġġerimenti kollha qabel ma jasal f'deċiżjoni finali dwar is-sistema li trid tiġi adottata.
PULIZIJA - CIRO DEL NEGRO
4975. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija talbietx estradizzjoni ta' Ciro del Negro jew, jekk din m'hijiex possibbli, talbitx l-għajnuna tal-Pulizija Taljana u/jew l-Interpol biex dan jinġieb Malta bħala xhud biex jixhed f'xi kawżi li l-Pulizija jidhrilha li jista' jgħin fihom?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari hija fin-negattiv.
QRATI - IMĦALLFIN/MAĠISTRATI
5017. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 24 tas-Seduta Nru. 5?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-amministrazzjoni Nazzjonalista, ħlief għal tlett Imħallfin u tlett Maġistrati, l-membri kollha tal-ġudikatura marru barra bi flus il-Gvern. Dawn iż-żjajjar saru għal raġunijiet diversi, iżda primarjament biex jattendu laqgħat u seminars konnessi ma' xogħol ġudizzjarju.
Dawn ma jintbagħtu fuq l-ebda kriterju iżda kull talba tiġi kkonsidrata fuq il-mertu tagħha.
KALKARA - VILLA PORTELLI
5025. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MSU hijiex se tibqa' tuża Villa Portelli, fil-Kalkara u jekk le, meta hu ppjanat li jitilqu u għal xiex se tintuża?
ONOR. ALFRED SANT: Numru ta' mpjegati ta' l-MSU li qabel kienu bbażati ġewwa Villa Portelli fil-Kalkara diġa' ġew trasferiti għal Gattard House fil-Blata l-Bajda u dawk li għadhom Villa Portelli għandhom jiġu ttrasferiti bl-istess mod fi ftit ġimgħat oħra meta jitlesta xi xogħol ta' ristrutturazzjoni li bħalissa qed jitwettaq f'Gattard House.
Meta jseħħ dan it-trasferiment, ġewwa Villa Portelli jkun baqa' l-impjegati tal-Management Efficiency Unit tal-Management and Personnel Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn l-impjegati qabel kienu jiffurmaw il-Consultancy Group tal-MSU. Hija l-intenzjoni li anke dan il-unit eventwalment jiġi ttrasferit ġewwa uffiċini fil-Belt.
Villa Portelli se tintuża għal użu ieħor tal-Gvern.
POSTA - POSTA MILL-AWSTRALJA GĦAL MALTA
5073. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħmel rappreżentazzjonijiet mal-Gvern Awstraljan peress li l-posta ndirizzata mill-Awstralja għal Malta qed tispiċċa l-Malawi, il-Mali u anke l-Portugal? Jaf il-Ministru li anke l-Maltese Herald - il-gazzetta tal-Maltin fl-Awstralja - fil-ħarġa ta' l-14 ta' Jannar ikummentat dwar dan?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li Posta Ltd. tinsab f'kuntatt regolari ma' l-awtoritajiet postali fl-Awstralja rigward il-problema t'ittri mill-Awstralja għal Malta li jispiċċaw f'destinazzjonijiet oħra bħal Mali, Malawi, Manila u l-Maldives.
L-Australia Post taw assigurazzjoni li qed jagħmlu minn kollox biex tinsab soluzzjoni għal din il-problema.
Ftit tal-gimgħat ilu, Posta Ltd. issottomiet rapport dettaljat rigward posta mill-Awstralja għal Malta li ntilfet jew għadha ma twasslitx. Posta Ltd. qed tistenna tweġiba mill-Australia Post dwar dan.
Il-kwestjoni issa qed tiġi trattata f'livell ta' amministrazzjonijiet postali.
Hu magħruf li din il-kwestjoni t'ittri mill-Awstralja li jispiċċaw band'oħra kemm-il darba ssemmiet fil-ġurnali u fuq il-mezzi tax-xandir, kemm bħala artikli, kif ukoll bħala lmenti tal-qarrejja. Il-kwestjoni ssemmiet ukoll fuq stazzjonijiet etniċi tar-radju fl-Awstralja .
Posta Ltd. invarjabbilment tagħti l-fehmiet tagħha u twieġeb ukoll meta jsiru lmenti dwar din il-kwestjoni.
PULIZIJA - MEMBRI
5083. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista biex l-ex Pulizija li spiċċaw biex kellhom jitilqu mill-Korp minħabba xi nġustizzji li sofrew fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti jerġgħu jidħlu fil-Korp biex jagħtu servizz lill-poplu u lir-Repubblika mill-ġdid?
ONOR. ALFRED SANT: It-Tribunal ta' Inġustizzji hu abilitat bil-liġi biex jistħarreġ allegazzjonijiet ta' inġustizzji bejn l-1987 u d-data tal-ħatra ta' l-Ombudsman. Ir-reinstatements fil-pulizija jiġu mistħarrġa każ b'każ, fid-dawl ukoll ta' l-esiġenzi tas-servizz.
DROGA - NEGOZJAR TA' DROGA
5121. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 698 u 3870 li oriġinarjament kienu saru lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali u l-Prim Ministru rispettivament u li issa ġiet riferuta lilek ċioe' jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ikun hemm reserved burden of proof li permezz tagħha kulma jipposjedi l-individwu maqbud fin-negozjar ta' droga, bħal dar jew assi, ikun awtomatikament meqjus li huwa dħul mid-droga, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju? Jekk iva, meta beħsiebu jkun hemm emendi meħtieġa fil-liġijiet viġenti?
ONOR. CHARLES MANGION: Il-liġi diġa' hi kif qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant.
MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - MISSION STATEMENT
5189. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-ministeru tiegħu biex ipoġġi fil-prattika l-mission statement li hemm fl-estimi ta' din is-sena u li jiddikjara li se jitneħħew l-inegwaljanzi soċjali li skond il-mission statement, qegħdin ifixklu liż-żgħażagħ milli jassumu r-responsabbilitajiet tagħhom lejn soċjeta' moderna?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti qegħdin kontinwament f'kull ma' jagħmlu jaraw li din il-mission statement tkun osservata fil-prattika.
SKEJJEL - BIRKIRKARA
5190. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għalliema neqsin fl-iskejjel sekondarji ta' Triq Brared u Ta' Paris f'Birkirkara? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid (i) ta' liema suġġetti huma; (ii) kemm ilhom neqsin; (iii) xi pjani hemm biex il-problema tingħeleb?
ONOR. EVARIST BARTOLO: M'hemm l-ebda nuqqas ta' teachers fl-iskejjel V. Borg Brared (B.S.S.) u P. Guże' Delia (G.S.S.) Ta' Paris B'Kara.
SKEJJEL - BIRKIRKARA
5191. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xogħol ta' upgrading fil-btieħi taż-żewġ skejjel primarji ta' Birkirkara? Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm talba mill-Kunsill Skolastiku biex isir l-upgrading tal-wiċċ tal-btieħi?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Hemm il-ħsieb li jsir xogħol ta' upgrading fil-btieħi taż-żewġ skejjel ta' Birkirkara.
BIBLJOTEKA NAZZJONALI
5192. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni attwali dwar is-sistema ta' protezzjoni kontra n-nirien fil-Bibljoteka Nazzjonali?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ix-xogħol meħtieġ biex isiru d-disinji u speċifikazzjonijiet dettaljati biex jinħareġ tender għal sistema ta' protezzjoni kontra n-nirien fil-Bibljoteka, huwa avvanzat ħafna. Mill-21 sa l-24 ta' April kien hawn espert Taljan mill-Istituto Centrale per la Patologia del Libro li ddiskuta aspetti tekniċi tal-proġett mal-konsulenti tad-Dipartiment, il-Mediterranean Technical Services Ltd. Id-dokumentazzjoni kollha għall-ħruġ ta' tender mistennija tkun lesta qabel l-aħħar ta' Mejju.
RAĦAL ĠDID - IPOĠEW
5193. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jiftaħ għall-pubbliku l-Ipoġew ta' Raħal Ġdid?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Kif weġibt għall-mistoqsija parlamentari numru 571, ix-xogħlijiet rilevanti għall-proġett ta' l-Ipoġew preistoriku f'Raħal Ġdid issa qegħdin fl-aħħar fażi tagħhom.
Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jagħmel dak kollu possibbli biex dawn ix-xogħlijiet jitħaffu, u huwa ttamat li dan is-sit jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku sa l-aħħar tas-sajf li ġej.
GĦAWDEX - KUNSILL REĠJONALI
5194. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tinħareġ il-white paper li l-Gvern diġa' ħabbar dwar it-twaqqif tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex?
ONOR. ALFRED SANT: Din il-white paper se tinħareġ fi żmien opportun din is-sena.
GĦAWDEX/MALTA - TRASPORT TA' PRODOTTI
5214. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien il-ħlas tas-sussidji li ħallas il-Gvern għat-trasport ta' prodotti bejn Għawdex u Malta matul l-1994, l-1995 u l-1996?
ONOR. ALFRED SANT: Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-sussidju li tħallas mill-Gvern għat-trasport ta' prodotti bejn Għawdex u Malta matul l-1994, l-1995 u l-1996 kien jammonta għal Lm133,017.91 u hu maqsum kif imniżżel hawn taħt:
Sena
|
Ammont ta' sussidju fuq it-Trasport ta' Prodotti Agrikoli
|
Ammont ta' Sussidju fuq it-Trasport ta' Gwież
|
Ammont ta' sussidju fuq it-trasport ta' makkinarju u prodotti taħt l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali
|
Total
|
1994
|
19,576.60
|
4623.73
|
17,040
|
41,240.33
|
1995
|
18,994.10
|
4935.44
|
12,331
|
36,260.54
|
1996
|
22,408.60
|
4571.44
|
28,537
|
55,517.04
|
BORDIJIET GOVERNATTIVI - NISA
5215. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru (jew is-Segretarja Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa) jagħti tagħrif dwar in-numru ta' nisa li huma membri f'kull bord governattiv, jew parastatali?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni mitluba, safejn din għandha x'taqsam ma' l-Uffiċċju tiegħi, qegħda tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
PTA - TRASPORT PUBBLIKU
5216. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jara li r-rotot tal-karozzi tal-linja ta' l-Għadira, Ċirkewwa, Armier, Buġibba, Għajn Tuffieħa u bajjiet oħra popolari jkollhom is-servizz tal-karozzi tal-linja estiż fil-ħin iktar milli kien sal-lum?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku qed ikollha laqgħat fuq bażi regolari ma' l-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja bl-iskop li jitjieb is-servizz tal-karozzi tal-linja, inkluż dak għal bajjiet popolari.
TURIŻMU - FURNISHED FLATS
5262. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tat-Turiżmu dwar il-furnished flats għat-turisti fil-futur? Meta hu mistenni li terġa' tinfetaħ reġistrazzjoni ġdida għal dan it-tip ta' appartamenti għat-turisti?
ONOR. KARMENU VELLA: Għalissa ma jinħassx il-bżonn li jinfetħu applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet ġodda ta' holiday furnished flats' għat-turisti.
MĠARR/VALLETTA - TRASPORT PUBBLIKU
5263. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jassigura li matul ix-xhur tas-sajf jiżdiedu l-karozzi tal-linja li jaħdmu fuq ir-rotta Mġarr Valletta u viċe-versa, biex jiġi assigurat li n-nies li joqogħdu l-Imġarr ma jibqgħux jistennew fuq l-istages għaliex tal-linja jkunu għaddejjin mimlija minn Għajn Tuffieħa?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li l-problema li qed isemmi l-Onor. Interpellant ma teżistix aktar u aktar issa li jeżistu servizzi diretti bejn Għajn Tuffieħa u Buġibba (Rotta 51) u bejn Għajn Tuffieħa u tas-Sliema via Buġibba u San Ġiljan (Rotta 652).
BUĠIBBA - TIBDIL FID-DAĦLA
5264. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jissottometti kopja tal-pjanta li ġiet approvata mill-Planning Authority għat-tibdil fid-daħla ta' Buġibba, ħdejn Triq il-Pijunieri? Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet sottomessa u approva din il-pjanta?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li ġiet approvata mill-Planning Authority għat-tibdil fid-daħla ta' Buġibba, ħdejn Triq il-Pijunieri. Din il-pjanta ġiet sottomessa fis-26 ta' Frar, 1997 u ġiet approvata fl-14 ta' April, 1997.
LIBRERIJA NAZZJONALI - SKRIVANA
5273. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li taħdem bħala skrivana fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt kenitx bil-leave nhar il-Ġimgħa 28 ta' Frar, 1997 peress li f'dak il-jum attendiet għall-Konferenza ta' l-Aħbarijiet mogħtija mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista dwar l-attivitajiet ta' Jum il-Mara għal din is-sena? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta din il-persuna talbet il-ġurnata off, kif ukoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni tal-leave li hija għamlet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-iskrivana ndikata mill-Onor. Membru ffirmat l-Attendenza u daħlet għax-xogħol nhar il-Ġimgħa 28 ta' Frar 1997. Dakinhar talbet lis-Superjur tagħha biex tibqa' taħdem waqt il-break biex imbagħad titlaq ftit kmieni fil-għaxija. Mill-bidu tas-sena din l-iskrivana talbet u ngħatat permess tibqa' taħdem waqt il-break xi erba' jew ħames darbiet.
DIVIŻJONI TA' L-EDUKAZZJONI - IMPJEGATI
5274. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati bi grad postali fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu minkejja li l-Ministeru tiegħu mhux responsabbli mis-servizzi postali filwaqt li jgħid min huma u fejn kienu assenjati xogħol qabel is-26 ta' Ottubru ta' l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn għandhomx jaħdmu ħinijiet li jgħoddu għall-impjegati taċ-Ċivil peress li jidher li wħud minn dawn l-impjegati qegħdin jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol qabel il-ħin? Jaħseb il-Ministru li d-Direttur għas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru tiegħu għandu jikteb ittra personali lil kull impjegat/a fi grad postali biex iwiddibhom dwar il-ħtieġa li dawn ma jitilqux minn fuq il-post tax-xogħol qabel il-ħin?
ONOR. EVARIST BARTOLO: In-numru ta' mpjegati bi grad postali fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa 18. L-informazzjoni dwar dawn l-impjegati tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari.
Fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport fil-preżent hemm tlett impjegati bi grad postali. Dawn huma Simon Żammit - Post person, Charles Mallia - Senior Post person, u Victor Sammut - Postal Auxiliary.
Qabel is-26 t'Ottubru 1996, is-Sur Żammit u s-Sur V. Sammut kienu assenjati xogħol fil-Ministeru tal-Ġustizzja u Arti filwaqt li s-Sur Charles Mallia kien assenjat xogħol fil-Qorti.
Dawn qegħdin jaħdmu ħinijiet regolari bħal kull impjegat ieħor fi ħdan id-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti.
Fl-1 ta' Ġunju 1995 kienu ntbagħtu tliet impjegati bi gradi postali fid-Dipartiment tal-Bibljoteki u Arkivji. Dawn huma:
1. Godwin Borg Cauchi (Senior Postman) li ntbagħat jagħmel xogħol klerikali fil-Librerija Pubblika tal-Furjana.
2. Godfrey Cassar (Postman) li kien jagħmel xogħol klerikali fil-Bibljoteka Nazzjonali, sakemm irriżenja mill-bidu ta' Jannar 1997.
3. Alfred Farrugia (Postal Auxiliary) li ntbagħat jaħdem fl-Arkivju Nazzjonali, r-Rabat.
It-tliet impjegati jaħdmu ħinijiet taċ-Ċivil, fil-każ ta' l-ewwel tnejn mit-7.45a.m. sal-5.15p.m. u fil-każ tat-tielet wieħed mis-7.00a.m. sal-4.30p.m.
Ma jirriżultax li dawn l-impjegati kienu jew għadhom jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol qabel il-ħin.
M'hemm ebda mpjegat bi grad postali fi ħdan id-Dipartimenti tal-Mużewijiet, ta' l-Eżamijiet, tas-Servizzi Korporattivi, il-Fondazzjoni għall-Istudju Internazzjonali jew mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
SPTAR ĠDID - OFFERTI
5275. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kumpanniji/konsorzji li kienu ġew prekwalifikati biex jitfgħu l-offerta għall-bini ta' l-isptar ġdid flimkien mal-perċentaġġ li kull kumpannija/konsorzju ottjenew fil-proċess ta' evalwazzjoni mill-istess kumitat u kif ġew skond l-ordni ta' preferenza?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-lista tal-Kumpanniji/Konsorzji li kienu ġew prekwalifikati biex jitfgħu l-offerta għall-bini ta' l-Isptar il-Ġdid hi kif ġej:
2 Skanska International Building A.B together with Blokrete Ltd. Devlands Ltd. and Cassar Grech and Partners.
7 SAE International
MBM Meregaglia Spa.
10 Taylor Woodrow International Ltd.
Gasan Technical Services Ltd.
14 Impresa Castelli Spa
Dragados S.A
Finax Ltd.
20 SMELT
GIP Pionir
GPG Gradbeno
21 SCI Spa
Aster Spa
Ing Grossi & Speier Spa.
24 Coop Muratori & Cementist CMC
Inter Coop
Gemmo Impianti Spa
Guerrato Spa.
25 Impresa Ing. Fortunato Federici Spa
Del Favero Spa
Ballut Blocks Ltd
Hal Mann Ltd.
Tarcisio Galea Cons.Ltd.
Raniolo & Bencini.
32 Cogefarimpresit Spa
Novita Const. Co Ltd.
Pantalesco Ltd.
37 Dumez S.A.
Ir-rapport tat-tender Prequalifications Assessment Committee ma jagħtix persentaġġi u anqas ordni ta' preferenza.
SAĦĦA - WARD CLERICAL ASSISTANTS
5276. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jikkonsidra li jikkanċella l-proċess ta' l-ingaġġ ta' ward clerks ta' l-1996 mad-Diviżjoni tas-Saħħa peress li 130 casual ward clerks kienu ġew impjegati qabel l-elezzjoni ta' l-1992 fuq insistenza ta' l-ex-Ministru Louis Galea, li esiġa mill-interviewing board għall-ingaġġ ta' ward clerks li l-intervisti tagħhom kienu baqgħu għaddejjin sa ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ta' l-1996 li dawk il-casual ward clerks impjegati minnu kellhom jingħataw il-vantaġġ ta' 35 punt fuq mija talli ħadmu diġa' fis-swali b'detriment għal oħrajn li kienu applikaw u kienu kwalifikati aktar minnhom?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-mili ta' postijiet ta' Ward Clerical Assistants fis-Servizz Pubbliku bħal postijiet oħra kien proċessat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
FMSS - KAP EŻEKUTTIV
5277. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kandidati li kienu applikaw għal post ta' Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għax-Xjenzi u Servizzi Mediċi fl-1995 u li wasslet biex jinħatar is-Sur Emmanuel Attard bħala Kap Eżekuttiv b'salarju ta' Lm15,000 fis-sena u benefiċċji oħra?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba għal din il-mistoqsija hija ta' natura konfidenzjali.
SAĦĦA MENTALI
5278. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid x'kienu u x'inhuma l-arranġamenti li jeżistu bejn il-Gvern Malti u l-Brothers of Charity tal-Belġju fir-rigward tas-Saħħa Mentali f'Malta? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull kuntratt li jeżisti bejn il-Gvern Malti u l-Belġjani msemmija kif ukoll jgħid xi tħallsu sena b'sena u x'xogħol wettqu b'mod dettaljat fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar ta' l-1988 u l-aħħar ta' Frar, 1997?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ngħarraf l-Onor. Membru li l-ftehim bejn il-gvern Malti ul-Brothers of Charity kien ikopri sentejn biss jiġifieri 1994/1995 u 1995/1996. Kopja ta' dan il-ftehim se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta.
Il-Brothers of Charity tħallsu is-somma ta' 1,000,000 Belgian Franc (Circa Lira Lm 11,000) fis-sena. Taħt il-ftehim, kien jiġi ġimgħa fix-xahar Change Manager (Sir Rik Ouvry), biex jgħin lil management ta' l-Isptar Monte Carmeli iwettaq ir-riforma f'dan is-settur.
Taħt il-ftehim saru diversi action programmes bħal:
1. Ċensiment dettaljat tal-pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli sabiex inkunu nafu x'servizzi hemm bżonn niżviluppaw sabiex nagħtu servizz aktar effiċjenti u effettiv.
2. In service training għall-istaff dwar kura psikjatrika. Għal dawn il-courses ġew esperti minn barra taħt l-auspices tal-ftehim.
3. Saret Master Plan ta' l-Isptar biex is-servizzi mediċi jinqasmu f'ħames Dipartimenti.
4. Intbagħtu numru ta' paramediċi u tobba l-Belgium għal konferenzi speċjalizzati u hands on experience fil-kura psikjatrika moderna.
5. Formulaw il-proġett biex tiġi modernizzata il-male Ward 2 f'mixed admission ward moderna fuq prinċipju ta' kura personaliżżata u effettiva.
Il-Brothers of Charity għenu lid-Department of Health Policy and Planning biex tiġi formulata l-policy nazzjonali dwar is-servizzi psikjatriċi.
KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT
5337. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li ġie deċiż li l-Kunsill Malti għall-Isport jiġi allokat post fil-Kumpless Sportiv ta' l-Universita'? Il-ħsieb li dan il-kunsill jiġi mogħti premises fil-kumpless tal-Marsa ġie skartat? Jekk fl-affermattiv, għaliex?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nikkonferma li l-Kunsill Malti għall-Isport ġie allokat uffiċċju amministrattiv fil-kumpless sportiv ta' l-Universita'. Minn mindu twaqqaf dan il-Kunsill, qatt ma' kellu sede permanenti u kien jiltaqa' f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Kumpless tal-Marsa u anke fil-Kumpless tal-Pixxina tal-Qroqq.
Id-deċiżjoni li ma jibqgħux jiltaqgħu fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa kienet tal-Kunsill preċedenti.
PULIZIJA - ĦLAS TA' SAHRA
5343. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija li fl-elezzjoni li għaddiet ħadmu għadd ta' sigħat f'sahra humiex se jitħallsu f'termini ta' flus jew inkella f'time-off-in-lieu?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Pulizija se jitħallsu.
ĦABS ĊIVILI - KTIEB TA' REĠISTRAZZJONI
5356. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-paġni tal-ktieb tar-reġistrazzjoni tal-viżitaturi tal-ħabs ta' Kordin għal dawn l-aħħar xahrejn? Nitob li għal raġunijiet ta' privatezza jħassar l-ismijiet tal-viżitaturi mill-kopji ta' dawn il-paġni.
ONOR. ALFRED SANT: Ma nħossx li hu ġustifikat li tingħata l-informazzjoni mitluba, l-iktar minħabba l-aspett ta' kunfidenzjalita' billi xorta jista' jkun hemm inferenza għal min kien/u l-viżitatur/i mid-dettalji tal-paġni tar-reġistru mingħajr ismijiet.
MSU - BUSINESS PLAN
5357. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4677, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġiet skartata l-idea oriġinali li kellha l-MSU qabel Ottubru 1996 li l-alleanza għal Value Added Networks issir ma' kumpannija privata?
ONOR. ALFRED SANT: Kif diġa' għidt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4677 il-Value Added Networks sa Ottubru 1996 ma kenitx għajr ħolma fis-sħab, mingħajr xejn konkret fiha.
MSU - BUSINESS PLAN
5358. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4677, jikkonferma l-Prim Ministru li l-MSU fil-budgets submissions tagħha sa Ottubru 1996 kienet diġa' għamlet talba għal shareholding capital ta' Lm48,000 sabiex l-MSU tkun f'pożizzjoni żżid il-kapital tax-share holding tagħha fin-New Age Training?
ONOR. ALFRED SANT: Id-deċizjoni b'kemm ikun il-kapital hija f'idejn id-diretturi tan-New Age Training li huma liberi li jaġixxu kummerċjalment fl-aħjar interess tal-kumpannija.
Infakkar lill-Onor. Membru li din hi kumpannija privata li fiha l-MSU għandha biss 20% ta' l-ishma.
MSU - ANNUAL REPORT
5359. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li se jkun lest l-MSU Annual Report ta' l-1996?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li bħalma jsir minn kumpanniji oħra l-Annual Report ta' l-MSU għas-sena 1996 se jkun ippubblikat meta x-xogħol ta' verifika ta' l-accounts ikun konkluż mill-Awdituri tal-Kumpannija.
MSU - BUSINESS ANALYST
5360. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw persuni għal post ta' Business Analyst in Systems Development li l-MSU ħarġet b'mod intern aktar kmieni din is-sena? Fiex wasal il-proċess biex jimtela' dan il-post? Meta hu maħsub li jitħabbar ir-riżultat ta' din is-sejħa?
ONOR. ALFRED SANT: Għal post ta' Business Analyst in Systems Development applikaw tmien persuni wara sejħa interna għall-applikazzjonijiet. Il-proċess ta' reklutaġġ waqaf wara deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-Diretturi tal-Kumpannija.
MSU - BUSINESS PLAN
5361. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4676, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għad-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-Business Plan tal-MSU għall-1997?
ONOR. ALFRED SANT: Meta tqis li l-Parlament aġġorna fis-26 ta' Marzu u reġa' ltaqa' fil-21 ta' April, ma jidhirlix li kien hemm xi dewmien partikolari.
LOTTERIJA NAZZJONALI - BILJETTI
5364. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imqassma biljetti b'xejn tal-Lotterija Nazzjonali għat-tlugħ ta' Diċembru, 1996 u Frar, 1997 liema biljetti nstabu fil-logħba P9 ta' l-iScratch and Win u fil-parti ta' l-iscratch tal-Lotterija Nazzjonali? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' biljetti li nbiegħu mir-riċevituri tal-lottu u kemm minn bejjiegħa oħra?
ONOR. LEO BRINCAT: L-ebda biljett tal-Lotterija Nazzjonali ta' Diċembru 1996 u Frar 1997 ma tqassmu b'xejn bħala rebħ fil-logħba P9 ta' l-iScratch and Win Presto Instant Lottery billi din il-logħba bdiet tinbiegħ fil-5 ta' Marzu, 1997.
Dwar biljetti tal-Lotterija Nazzjonali li tqassmu b'xejn wara li nstabu fl-iScratch ta' l-istess Lotterija Nazzjonali, ngħarraf lill-Onor. Membru li dak iż-żmien id-dipartiment kien juża sistema ta' Credit Notes li jissarrfu f'bejgħ ta' biljetti mill-istess dipartiment.
Iżda, nista' ngħid li l-biljetti tal-Lotterija Nazzjonali b'xejn li nstabu f'dawn iż-żewġ lotteriji kienu:
Lotterija Nazzjonali tlugh Dicembru 1996 2549 Biljett
Lotterija Nazzjonali tlugh Frar 1997 2482 Biljett
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nirriferi l-Onor. Membru għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 3976.
SAĦĦA - UŻU TA' SUNBLOCKS
5365. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5079 - oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tat-Turiżmu - ċioe' fid-dawl tal-fatt li hu pubblikament magħruf li r-raġġi tax-xemx iżidu r-riskju ta' kanċer tal-ġilda, u peress li pajjiżna hu partikolarment magħruf fil-qasam turistiku għax-xemx u l-baħar, x'inhu jagħmel il-Gvern sabiex fl-istess ħin jeduka lil min hu mħajjar isiefer lejn Malta għall-btala fis-sajf sabiex jintużaw is-sunblocks li joffru protezzjoni kontra mard?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għadu kemm nieda kampanja imsejħa X'HEMM X'TAGĦMEL GĦAX-XEMX immirata sabiex tkattar l-informazzjoni dwar il-ħsara li jagħmlu r-raġġi tax-xemx jekk wieħed ma jipproteġix ruħu minnhom.
Din il-kampanja saret bil-għan li tilħaq kemm lil Maltin kif ukoll lit-turisti li jżuru pajjiżna matul ix-xhur tas-sajf. Fil-fatt il-materjal informattiv li ġie mitbugħ, inkiteb bil-Malti kif ukoll bl-ingliż.
L-Onor Interpellant jaf li s-sunblock m'humiex l-uniku mezz kif wieħed jista' jipproteġi ruħu mir-raġġi tax-xemx. Għalhekk id-dipartiment qiegħed jagħmel aċċenn mhux biss fuq il-ħtieġa tas-sunblock iżda anke fuq l-użu ta' kpiepel, t-shirts, nuċċalijiet kif ukoll il-ħtieġa li wieħed jevita għal kollox ix-xemx matul xi ħinijiet tal-ġurnata.
SAĦĦA - UFFIĊJALI MEDIĊI
5374. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-Gazzetta tal-Gvern ta' l-10 ta' April, 1997, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nuqqasijiet fid-Dipartiment tas-Saħħa ta' uffiċjali mediċi fil-qasam amministrattiv u consultant psychiatrists?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta' vakanzi fil-postijiet ta' uffiċjali mediċi fil-Qasam Amministrattiv u Consultant Psychiatrist skond l-avviżi li dehru fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta' April, 1997 huwa tlieta u ħamsa rispettivament.
MEDSERV
5396. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Rigward it-trasferiment tal-Medserv għall-post f'Birżebbuġia, jista' l-Ministru:- (i) ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan u pjanta dettaljata ta' l-area allokata għall-użu tal-Medserv f'Birżebbugia; (ii) jgħid jekk sarx EIA (Environment Impact Assessment) għal dan l-operat tal-Medserv f'Biżebbugia u jekk fl-affermattiv, ipoġġi kopja ta' l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Kopja tal-pjanta site plan ta` l-area li dwarha hemm l-intendiment li tiġi allokata għall-użu tal-Medserv fil-Freeport tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
Peress illi din l-area tagħmel parti mill-area allokata lill-Freeport ma` nħossx li hemm il-ħtieġa li jerġa' jsir Environment Impact Assessment ieħor.
FROTT - IMPORTAZZJONI
5397. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid għall-perijodu minn 1.11.96 sa 15.4.97: (i) x'tip ta' frott ġie mportat; u (2) il-kwantita' ta' kull tip ta' frott importat?
ONOR. LEO BRINCAT: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
SVPR - RIMI TA' SKART
5398. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Rigward ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5238 dwar rimi ta' skart fl-iSptar San Vinċenz de Paule, jikkonferma l-Ministru li l-iskart ta' l-ikel (swill) kien, fis-snin preċedenti jinħaraq bil-għan li jiġi evitat kull tip ta' użu ta' l-istess swill? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm-il quotation irċieva d-dipartiment għall-ġbir ta' dan l-iskart ta' l-ikel (swill) u kemm kien il-valur tal-quotation li ġiet aċċettata?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fis-snin preċedenti kien hemm numru ta' skips fir-residenza ta' San Vincenz li fihom kien jitpoġġa l-iskart ta' l-ikel (swill).
Dawn l-iskips kienu jitbattlu fl-iscammel ma' skart u materjal ieħor, u jintrema.
Mhux fil-kompitu ta' l-amministrazzjoni ta' din ir-residenza li jaraw kif dan l-iskart jiġi distrutt.
Id-dipartiment kellu żewġ kwotazzjonijiet għall-ġbir ta' l-iskart.
L-ewwel offerta kienet :-
Lm 249.00 - għal għoxrin (20) skip on- wheels u industrial skip, fix-xahar.
It-tieni offerta kienet : -
Lm 247.00 - għall-istess numru ta' skips li ġiet aċċettata.
WSC - XIRI TA' KAROZZI
5399. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Rigward xiri ta' karozzi fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1.11.96 sal-lum inxtrawx karozzi għall-użu mid-Diretturi jew Chairman tal-Board u jekk fl-affermattiv: 1) kemm kien in-numri ta' karozzi mixtrija; 2) il-valur ta' kull karozza; 3) jekk ix-xiri sarx b'tender/quotation?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
KUNSILLI SKOLASTIĊI
5402. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid ma' liema Kunsilli Skolastiċi ltaqa' kemm ilu fil-ħatra? Għandu talbiet pendenti minn Kunsilli Skolastiċi għal-laqgħa miegħu li għadhom ma ġewx iffissati?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Niltaqa' regolarment ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi u ħtart rappreżentant tagħha f'kull Kumitat importanti dwar tfassil ta' xi aspett ta' politika edukattiva.
Formalment iltqajt mal-Kunsilli Skolastiċi ta' Sir Adrian Dingli, Maria Reġina u Mrieħel Junior Lyceum. Iltqajt ma' ħafna membri tal-Kunsilli Skolastiċi ta' l-iskejjel li nżur kull ġimgħa. Jirriżultali li hemm talba pendenti biex jiltaqgħu miegħi l-Kunsilli Skolastiċi ta' l-iskola għal dawk neqsin mis-smiegħ, skola Ġiovanni Curmi u J.L. G. Despott, Verdala.
BĊEJJEĊ TAL-BAĦAR - REĠISTRAZZJONIJIET
5403. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5206 u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm reġistrazzjonijiet ġodda ta' bċejjeċ tal-baħar fis-snin 1993, 1994, 1995 u 1996? Tista' tingħata wkoll separatament in-numru b'"ċċ" ta' kull reġistrazzjoni? Kemm kienu f'isem Maltin u kemm f'persuni barranin?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nixtieq niġbed l-attenzjoni li r-reġistrazzjoni hija skond il-Horse Power (HP) u mhux skond ċ-ċilindraġġ.
Linformazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
BILJETTI TA' L-AJRU - DĦUL TA' TAXXA
5405. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5210 u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dħul mill-Gvern mit-taxxa li jħallas kull passiġġier mal-biljett ta' l-ajru għas-snin 1994, 1995 u 1996? Hemm xi arretrati dovuti mill-aġenziji ta' l-ivjaġġar relatat ma' din it-taxxa?
ONOR. KARMENU VELLA: Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
ĦAMRUN - WIRE TA' L-ELETTRIKU
5406. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jara li l-wire tal-high tension li jinsab fi Triq San Fedele, fil-Ħamrun ma jibqax mikxuf u li ma joħloqx ħsara u periklu, speċjalment fix-xita?
ONOR. LEO BRINCAT: Filwaqt li naċċerta lill-Onor. Membru li l-high tension wire indikat minnu ma joħloq l-ebda ħsara jew periklu, ngħarrfu li l-Korporazzjoni Enemalta għandha pjan sabiex tbiddel dawn it-tip ta' linji ma' oħrajn ta' kwalita' aħjar.
BANEK - MID-MED
5411. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jindaga jekk hux minnu li sar impjieg fil-Branch tal-Mid-Med Bank f'Ħal Balzan ta' persuna li hija taħt l-eta' minima stabbilita mill-bank?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda impjieg fil-fergħa ta' Ħal Balzan kif indikat minnu.
TRADEMARKS
5412. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar seba' snin, sena b'sena, kemm ġew irreġistrati trademarks u b'mod ġenerali, jistax jgħaddi din l-istatistika bi klassifikazzjoni li tindika b'ġeneru ta' trademark, xi kwalita' ta' prodott tirrigwardja?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
Nixtieq niċċara li n-numru ta' applikazzjonijiet għal trademarks huwa akbar minn numru ta' trademarks irreġistrati. Din id-diskrepanza hija kawża ta' diversi raġunijiet li jirriżultaw mill-proċess innifsu, ngħidu aħna:
applikazzjonijiet li jkunu irtirati;
applikazzjonijiet li jkunu abbandunati;
applikazzjonijiet li jkunu irrifjutati;
applikazzjonijiet li jkunu opposti minn terzi persuni, u
applikazzjonijiet li jispiċċaw il-Qorti.
Id-dettalji dwar l-1996 ikunu magħrufa aktar tard din is-sena.
MOSTA - MAINS TA' L-ILMA
5413. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq Raddet ir-Roti, fil-Mosta, jistax isir xogħol ta' tibdil ta' mains ta' l-ilma li qed jikkawżaw problema kif tindika l-ittra li qed nibgħat separatament?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fi Triq Raddet ir-Roti, Mosta, il-provvista ta' l-ilma hija adekwata bi pressjoni ta' 3 bars. Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tagħmel eżerċizzju li bih qed tiġbor lista ta' kull fejn hemm kanen temporanji. Dan ix-xogħol se jservi bħala bażi biex jitħejja programm ta' xogħol sabiex jinbidlu l-kanen temporanji kollha fil-pajjiż.
MOSTA - BDIL TA' CABLES
5414. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jsiru t-tibdiliet meħtieġa tal-cables fi Triq Raddet ir-Roti, fil-Mosta biex tkun rimedjata s-sitwazzjoni li qegħda tinħass f'din it-triq kif inhu ndikat fl-ittra li qiegħed nibgħat separatament?
ONOR. LEO BRINCAT: Ix-xogħol meħtieġ fuq il-wires imsemmija se jitwettaq flimkien ma' xogħlijiet oħra.
MAJJAL - QATLA
5418. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5243, fejn jingħad li fil-preżent "kull majjal li jinqatel iħallas 30c kitba u 8 mills kull kilo drittijiet tal-piżatur", plus il-VAT fuq dawn il-ħlasijiet, jista' l-Ministru jgħid: 1) jekk dan l-ammont ta' VAT huwiex qed jitħallas lura lill-produttur tal-majjal; 2) kemm se jkun l-ammont imħallas mill-produttur skond il-liġi l-ġdida li se tidħol minflok il-VAT u jekk dan l-istess ammont huwiex se jkun refunded lura lill-produttur tal-majjal?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Skond il-ligi tal-VAT il-produttur tal-majjal għandu d-dritt li jitlob lura kull VAT imħallsa.
Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nkun f'pozizzjoni li nirrispondi meta l-liġi l-ġdida tkun għaddiet mill-Parlament.
QMUGĦ TA' GĦALF - IMPORTAZZJONI
5419. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju tal-Gvern, sena b'sena, bejn l-1992 u l-1996 fuq l-importazzjoni u provvista ta' qmugħ ta' għalf għall-bhejjem (bħal baqar, majjal, fniek u tjur, eċċ.)? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm huwa l-ammont ta' sussidju allokat għall-istess skop fis-sena rikorrenti (1997)?
ONOR. LEO BRINCAT: Is-sussidju fuq l-importazzjoni u provvista ta' qmugħ ta' għalf għall-bhejjem beda jingħata fl-1994 biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz minn barra. L-ammont nett li tħalla kien kif ġej:
|
Xgħir
|
Qamħirrun
|
|
(Barley)
|
(Maize)
|
|
Lm
|
Lm
|
1994
|
-
|
162,556
|
1995
|
-
|
253,161
|
1996
|
1,087,747
|
1,077,588
|
Hu stmat li matul l-1997 is-sussidju fuq dawn il-prodotti jkun Lm754,200 għax-xgħir u Lm938,308 għall-qamħirrun.
VAPUR VISTAFIORD - PASSIĠĠIERI
5426. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru (bħala responsabbli mill-Korp tal-Pulizija u mill-Immigrazzjoni) jinforma lill-Kamra bin-numru ta' passiġġieri u membri ta' l-ekwipaġġ li waslu Malta biex isalpaw fuq vjaġġ mal-Vistafiord, liema vjaġġ ma seħħx minħabba ħruq fuq l-istess vapur tal-passiġġieri? X'kienet in-nazzjonalita' tagħhom f'kull każ?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li ma tinżammx statistika mill-Pulizija dwar dak li qed jistaqsi l-Onor. Membru.
VAPUR VISTAFIORD - PASSIĠĠIERI
5427. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Peress li f'dawn l-aħħar jiem il-passiġġieri u l-membri ta' l-ekwipaġġ tal-vapur Vistafiord ġew akkomodati f'lukandi għal aktar minn 24 siegħa u għalhekk flok transit u cruise passengers issa jingħaddu bħala turisti bona fide, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bin-numru ta' persuni nvoluti u n-nazzjonalita' tagħhom f'kull każ?
ONOR. KARMENU VELLA: In-numru ta' passiġġieri li qed jirriferi għalihon l-Onor. Interpellant kienu ta' madwar 540. Jidher ċar mill-mistoqsija li l-Oppożizzjoni għadha moħħa fin-numri.
JUM DINJI TAL-KTIEB
5432. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari numri 4923 u 5118 li t-tnejn kienu:
"Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-ħidma tal-Kumitat għall-Jum Dinji tal-Ktieb/Drittijiet ta' l-Awtur li twaqqaf fit-3 ta' April, 1997?"
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
SVPR - INFERMIERA
5433. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta' nurses fl-iSptar San Vinċenz de Paule u jekk iva, kemm hu n-nuqqas?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-ewwel parti tal-mistoqsuja hija fl-affermattiv.
Mill-complement ideali ta' nurses li waslu għalih is-senior nursing staff tar-Residenza ta' San Vincenz de Paule , u li qabel miegħu id-Dipartiment, hemm nuqqas ta' 83 nurse f'din ir-residenza.
DISTRETT NRU. 1 - APPARTAMENTI
5448. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rifjutati appartamenti fi Triq Dun Nerik Cordina Perez, Ħamrun u f'St. Venera mill-applikanti magħżula? F'liema kategorija/i kienu? Liema kategorija/i jmisshom jintgħażlu għal kull appartament konċernat u meta se jitqassmu?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: Fil-lokalita' ta' Santa Venera l-appartamenti kollha ġew allokati, filwaqt li fil-lokalita' tal-Ħamrun, żewġ appartamenti kienu ġew rifjutati. Dawn iż-żewġ appartamenti li kienu għall-koppji miżżewġa reġgħu ġew allokati lil żewġ koppji miżżewġa.
SANTA VENERA - BINI
5449. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ingħata permess għall-bini li qed idejjaq it-triq fi Triq Reġjonali, Santa Venera? Jista' jsir tibdil fil-pjanti sabiex din it-triq ma tidjieqx?
ONOR. GEORGE VELLA: Jista l-Onor. Farrugia jispeċifika għal liema sit ħareġ il-permess li qed jirriferi?
ĦAMRUN - XOGĦLIJIET
5450. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun tlesta l-proġett fi Pjazza Kappillan Muscat, Ħamrun?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol fi Pjazza Kapillan Muscat, Ħamrun għadu ma nbediex. L-uniku intervent s'issa kien il-qlugħ ta' numru ta' siġar li kien hemm fil-pjazza.
FURJANA - XOGĦLIJIET
5451. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fejn Binja Vilhena fi Triq Preziosi, Floriana?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-Dipartiment tal-Bini u Nġinerija fit-Taqsima tax-Xogħlijiet lesta l-pjanti u d-dokumenti tal-kuntratt relatati ma' ġnien pubbliku ġdid fejn Binja Vilhena, Floriana. Il-proposti jinkludu wkoll sistema ġdida ta' culverts biex ittaffi l-problema ta' l-ilma tax-xita fl-inħawi. Is-sejħa għall-offerti f'isem il-Ministeru tad-Djar waslet biex toħroġ fi żmien qasir.
MISTOQSIJA GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB
SANITA' - APPLIKAZZJONI NRU. 6443/96
W561. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W541 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek, u ċioe' tista' jekk jogħġbok tgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-Bord tas-Sanita għadu ma twaqqafx biex in konnessjoni ta' l-applikazzjoni numru 6443/96 re: ħanut fil-Ħamrun, din l-applikazzjoni tista' tiġi pproċessata u approvata wara terturi bla bżonn?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika liema bord.
Dostları ilə paylaş: |