MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
EDUKAZZJONI - IMPJEGATI
11567. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1988 sat-30 ta' Settembru 1996 kemm ġew impjegati nies ġodda f'kull korporazzjoni pubblika, korp parastatali, azjenda, awtorita' governattiva u entitajiet oħra tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu; fil-breakdown li jagħti għal kull waħda minn dawn separatament jgħid f'liema gradi ġew impjegati u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu; jekk dawn il-ħaddiema mpjegati humiex impjegati b'mod permanenti jew għal żmien definit; u minn liema lokalijiet huma l-persuni mpjegati, dejjem separatament għal kull entita'?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Membru li d-Dipartimenti tas-Servizzi Korporattivi, tal-Kultura u taż-Żgħażagħ u Sport fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari, tal-Mużewijiet, tal-Eżamijiet, tal-Libreriji w Arkivji kif ukoll id-dipartimenti fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija msemmija fil-mistoqsija parlamentari.
Listi ta' persuni li ġew impjegati matul il-perijodu indikat fil-mistoqsija ma' entitajiet fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti (Dok. 'A'), mal-Fondazzjoni għall-iStudji Internazzjonali (Dok. 'B') u ma' l-Universita' ta' Malta (Dok. 'C') tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari aktar kmieni f’din is-seduta.
SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
11904. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Kultura u Sports u d-dipartimenti, kumpanniji u enti oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu, jista' l-Ministru jagħti lista tal-kuntratti mogħtija mill-1 ta' Novembru 1996 sal-lum u għal kull kuntratt jindika jekk ingħatax b'direct order jew b'tender; meta nħarġet id-direct order jew tender; min issottometta bid u kemm kienet kull bid; min ħa l-kuntratt u b'kemm flus; min ifformula l-ispecifications u l-kondizzjonijiet tal-quote jew tender; min approva l-ispecifications u l-kondizzjonijiet tal-quote jew tender; f'każ ta' quotations, min iddeċieda liema ditti/persuni jiġu avviċinati; u f'min ikkonsista l-adjudication board? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull quotation jew tender li nħarġet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif li ngħatajt bi tweġiba għal din l-interpellanza hu kif jidher fil-listi li qed tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f’din is-seduta.
Il-kelma kuntratti qed tittieħed għal għoti ta' servizz jew xiri t'oġġetti b'valur ta' Lm500 'l fuq.
Mis-Sezzjoni Żgħażagħ tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma kien hemm l-ebda kuntratti fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant.
EDUKAZZJONI - KAROZZI TAL-KIRI/MOBILE PHONES
11952. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta' karozzi tal-kiri; mobile phones użati fid-dikasteru li għalih kien responsabbli dan il-ministeru u x'kienet l-ispiża għal kull domanda mill-1 ta' Jannar 1996 sas-26 t'Ottubru, 1996?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-informazzjoni li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija hija kif se nsemmi:
MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI
a. Karozzi tal-kiri: 14
Nefqa : Lm18,146
b. Mobile Phones : 3
Spiża Totali : Lm 1,829.40
SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORT, KULTURA W ARTI
Jien informat li fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport kien hemm żewġ karozzi tal-kiri fiż-żmien stipulat mill-Onor. Interpellant u dawn swew Lm2,751 waqt li fid-Dipartiment tal-Kultura kien hemm erba' karozzi u dawn swew Lm5,502.
Rigward mobile phones kien hemm tnejn mikrija għall-perijodu tal-Malta Jazz Festival u swew Lm70 lid-Dipartiment tal-Kultura.
SEGRETARJAT PARLAMENTARI (RIŻORSI UMANI)
a. Karozzi tal-kiri: 5 (wahda minnhom mikrija ghal perjodu
ta' tlett xhur)
Nefqa : Lm5,468.81
b. Mobile Phones : 1
Spiza : Lm 445.81
DIVIŻJONI TAL-EDUKAZZJONI
a. Karozzi tal-Kiri: 37
Nefqa Lm48,251
b. Mobile Phones 2
L-ispiża Totali kienet ta' Lm1,990.80 maqsuma kif ġej:
i. Lm 1,800.03
ii. Lm 190.77 (sa Marzu '96)
DIPARTIMENT TAL-MUŻEWIJIET
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' dan id-dipartiment bejn l-1 ta' Jannar u s-26 t'Ottubru, 1996 id-dipartiment kellu tliet karozzi tal-kiri. L-ispiża għall-kiri tagħhom għal dan il-perijodu ammontat għal Lm3241.33.
L-ebda mobile phone ma kien mikri minn dan id-dipartiment.
DIPARTIMENT TAL-LIBRERIJI U L-ARKIVJI
(a) karozza tal-kiri waħda li swiet Lm152.95
(b) mobile phones - xejn
DIPARTIMENT TAL-EŻAMIJIET
Dan id-dipartiment m’għamilx użu ta' karozzi tal-kiri jew mobile phones bejn l-1 ta' Jannar, 1996 u s-26 ta' Ottubru, 1996.
FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI
Mill-1 ta' Jannar, 1996 sas-26 t'Ottubru, 1996, għamlet dawn l-ispejjeż:
Kiri ta' karozzi: Dan sar f'żewġ okkażjonijiet meta l-karozza tal-fondazzjoni kienet bil-ħsara, (Lm60 + Lm66). Spiża totali Lm126.
Telecell: Il-fondazzjoni kellha mobile phone wieħed biss, tad-Direttur Ġenerali. Spiża totali Lm848.20.
KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA
Ninsab informat li l-kunsill ma jistax iforni l-informazzjoni mitluba minħabba li sa l-1997 il-ħlasijiet kollha kienu jgħaddu minn taħt l-Universita'.
UNIVERSITA' TA' MALTA
Fil-perijodu msemmi, l-Universita' ma kellhiex karozzi tal-kiri (on lease).
Fl-istess perjodu l-Universita' kellha żewġ mobile phones. L-ispiża totali f'dan il-perijodu kienet Lm564.05 li minnhom Lm194.49 kienu għax-xiri u stallar tat-tieni mobile phone.
UNIVERSITA' - STAFF MHUX AKKADEMIKU
12102. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm staff mhux akkademiku fl-Univerista' ta' Malta li għalqu ż-żmien biex jirtiraw fis-sena 1997?
Liema post kienu jokkupaw?
Kemm minnhom għamlu talba biex jieħdu extension u kemm-il talba ġiet milqugħa?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fl-Universita' kien hemm żewġ persuni mhux akkademiċi li għalqu ż-żmien biex jirtiraw fis-sena 1997.
Wieħed kien jokkupa l-post ta' Laboratory Manager u l-ieħor ta' librar.
Estensjoni ngħatat fiż-żewġ każi.
Fis-sena 1998 hemm ħames persuni li għalqu jew se jagħlqu ż-żmien biex jirtiraw. Dawn jokkupaw il-postijiet ta' Information Systems Support Officer, Assistant Registrar, Laboratory Officer III, Assistant Executive Director, Laboratory Officer II.
Estensjoni ngħatat f'erba' każi.
EDUKAZZJONI - KUNTRATTI
12247. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-perijodu 1 ta' Novembru, 1996 sal-31 ta' Ottubru, 1997 u għad-dikasteru li għalih il-Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika x'kien il-kuntratt; min għamel l-ispecifications; min kienu l-persuni li għamlu l-award; lil min intalbu quotations; kemm kienet kull quote; min rebaħ il-kuntratt; ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu; u kemm kien il-valur totali tagħhom?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab informat li fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali, matul il-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant, ingħataw direct orders kif jidher fid-dokumenti li qed tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f’din is-seduta kif se nsemmi:
Dok. A - Diviżjoni tal-Edukazzjoni;
Dok. B - Dipartiment tal-Mużewijiet;
Dok. C - Dipartiment tal-Bibljoteki w
Arkivji;
Dok. D - Universita' ta' Malta.
Rigward dipartimenti/entitajiet oħrajn jien informat kif ġej:
* mid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi ma kien hemm l-ebda każ fejn, minflok ma ħarġet sejħa għall-offerti kif stipulat fir-Regolamenti tal-1996 dwar Akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku, ingħatat direct order;
* għal dak li għandu x'jaqsam mad-Dipartimenti taż-Żgħażagħ u Sport u dak tal-Kultura, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1035. In kwantu għall-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba jirriżulta li ma jinżammx record mid-dipartimenti kkonċernati;
* id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma ta l-ebda kuntratt b'direct order fiż-żmien stipulat;
* il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma tax kuntratti li jaqbżu s-somma ta' Lm500 ħlief dawk diġa' elenkati fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11428;
* mill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, fiż-żmien indikat, ma sar l-ebda kuntratt b'direct order li skond ir-regolamenti tal-Finanzi għandhom bżonn il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi.
EDUKAZZJONI - KAROZZI/MOBILE PHONES
12332. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta' karozzi u mobile phones użati fid-dikasteru li għalih hu responsabbli u x'kienet l-ispiża għal kull waħda bejn is-16 ta' Mejju, 1987 u Settembru 1996, sena b'sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif li ngħatajt bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Membru hu kif jidher fid-dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f’din is-seduta u li huma kif se nsemmi:
Dok. 'A' - Ministeru tal-Edukazzjoni, Segretarjat Parlamentari għar-Riżorsi Umani u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni inkluż id-Dipartiment tal-Eżamijiet;
Dok.'B' - Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti;
Dok 'C' - Dipartiment tal-Mużewijiet;
Dok.'D' - Dipartiment tal-Bibljoteki w Arkivji;
Dok.'E' - Fondazzjoni għall-iStudji Internazzjonali;
Dok.'F' - Universita' ta' Malta.
SKEJJEL - WHEELCHAIR CASES
12409. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm wheelchair cases fl-iskejjel primarji, skejjel sekondarji, skejjel tas-snajja', Junior Lyceums u skejjel sekondarji oħra, settur b'settur? Kemm hemm każijiet ta' tfal li minħabba xi diżabilita' fiżika jsibuha diffiċli li jitilgħu taraġ ukoll f'kull settur separat? Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel qegħdin u jekk hemmx faċilita' ta' aċċess għal dawn it-tfal f'kull parti ta' l-iskola? Jekk m'hemmx faċilita' f'xi każijiet partikolari, jista' l-Ministru jgħid, f'kull każ, x'qed jiġri fl-iskejjel biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għall-iskola kollha?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f’din is-seduta.
MULTIMEDIA EDUCATION CENTRE - STUDIO
12489. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa sal-lum l-istudio, inkluż apparat, tal-Multimedia Education Centre? Jista' jagħti breakdown ta' l-ispejjeż li saru? X'sejħa għal tenders saru u meta? Min applika u min ġie mogħti t-tender f'kull każ? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx apparat li huwa mikri? Jekk iva, mingħand min huwa mikri u kemm jitħallas għal kull biċċa apparat mikrija? Kemm-il programm ittella' mill-1/1/97 'il hawn? Kemm sewa kull programm? Kemm tħallsu kontributuri għal kull programm u kemm għad hemm kontributuri li għad iridu jitħallsu? Kemm hi s-somma li għadha dovuta lil dawn il-kontributuri? Jista' l-Ministru jgħid liema production houses assistew fil-programmi li tella' dan iċ-ċentru? Kemm tħallsu dawn il-production houses għal kull programm?
ONOR. EVARIST BARTOLO:
APPARAT MIXTRI
Sal-lum inxtara apparat li jiswa total ta' Lm29,388.25 għall-Multimedia Education & Broadcasting Centre. Hawn qed tingħata breakdown ta’ l-ispejjeż li saru:
Apparat li kien jikkonsisti f'dawn:
Digital multi effects/switcher li sewa Lm5860.00; Betcam SP player li sewa Lm2595.00; Audio Mixing Conosle li swiet Lm1180.00; 14" colour monitor li sewa Lm138.00; connection cable li sewa Lm85.00; u mobile microwave link li swiet Lm10495.00. Dawn kienu b'tender li ntrebħet mill-Forestals Applainces Ltd fit-13 ta' Jannar, 1994. It-total tal-prezzijiet imsemmija kien ta' Lm20353.00. Offerti għal dan it-tender saru minn Forestals Appliances Ltd, Engineering & Technology Ltd, Schwarz, Itec Ltd u Createl Ltd.
Apparat li jikkonsisti f'electrical powerrack (8/5/97). Tefgħu l-offerta tagħhom JA Vella & Co, Honeycomb, Nexos u l-irħas offerta kienet ta' Nexos. L-apparat sewa Lm2495.50.
Apparat ieħor kien jikkonsisti f'visual presenter, cables u aċċessorji tekniċi meħtieġa għall-istudios. Quotations (30/4/97) inġabru mingħand Forestals, Mapp, Castille Office, Jos. Vincenti & Co. L-irħas offerta kienet ta' Castille Office. L-apparat sewa Lm1224.75.
Il-flooring material inxtara u ġie mwaħħal mis-sole supplier M Schembri & Ass. u qam Lm980.00 (29/9/97).
Għad-dawl tal-istudios, tefgħu kwotazzjonijiet Nexos, Honeycomb, ITC, u JA Vella & Co. L-irħas kienet ta' Honeycomb. L-ispiża kienet ta' Lm1758.
Apparat ta' linking mal-PBS inxtara permezz ta' quotations miġbura mill-PBS. L-apparat qam Lm2577 (Ottubru 1997).
APPARAT MIKRI
Kien hemm generator mikri sa ma ġie t-3 phase tal-elettriku. Il-kiri ta' dan il-generator sar permess ta' quotation. Il-quotations intefgħu mill-Honeycomb Ltd, Nexos u Attrans. L-irħas quotation kienet tal-Honeycomb ta' Lm50 kuljum għall-perijodu mis-6 ta' Ottubru sal-20 ta' Diċembru 1997 barra l-Ħdud u l-festi u f'jiem li xxandru programmi fl-istudio.
NUMRU TA' PROGRAMMI LI TTELLGĦU MILL-MEBC MILL-1 TA' JANNAR 1997 'IL HAWN:
* 38 sensiela ta' 13-il programm,
* 5 programmi waħedhom,
* 20 barranin mill-BBC, Ambaxxata
Franċiża u postijiet oħra,
* koproduzzjoni ma' 5 pajjiżi sensiela ta' 8.
ĦLAS LILL-KONTRIBUTURI:
Il-kontributuri tħallsu b'rati stabiliti fl-1987, cioe’: preżentaturi minn Lm4 sa Lm10 fuq programmi li normalment jieħdu nofs siegħa. Hi drawwa tal-MEBC li jħallsu wara li tixxandar l-iskeda u għalhekk bħalissa fadal Lm4242 x'jitħallsu lill-kontributuri kollha, liema ħlasijiet qed jiġu proċessati mill-Accounts Section.
PRODUCTION HOUSES LI ASSISTEW:
Il-production houses li assistew fil-programmi tal-MEBC huma PBS, Audiovision, RGB, Createl, Picture Box, Visual Impact, Orange Peel u Image Workshop.
Skond l-aħħar tender tal-1997 għall-enabling contrac", il-ħlas għal kull programm imtella' barra mill-istudio huwa ta' Lm400, roħs ta' Lm120 fuq l-istess xogħol għat-tender li kienet ħarġet fil-1996.
PIXXINA NAZZJONALI - IMPJEGATI
12493. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għad-dokument impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Kultura u Sport li jikkonsisti f'lista ta' part-time engaged of National Swimming Pool mis-26 ta' Ottubru, 1996 jista' l-Ministru jindika d-data li fiha kull wieħed minnhom ġie ngaġġat, ix-xogħol ta' kull wieħed minnhom u f'parentela, jekk hemm, ta' kull wieħed minnhom mas-Segretarju Parlamentari jew ma' xi persuna li taħdem jew kienet taħdem fis-segretarjat tiegħu?
ONOR. EVARIST BARTOLO: M'hemm ħadd mil-lista tal-part-timers li għalihom qed jirriferi l-Onor. Interpellant li jiġu b'xi mod mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti.
In kwantu għall-istess lista msemmija, nirriferi l-Onor. Interpellant għal Dokument II anness mar-rapport li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-13 ta' Marzu, 1998 biż-żieda tal-erba' persuni li t-tagħrif mitlub dwarhom tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f’din is-seduta.
SOĊJETA' MISSJUNARJA TA' SAN PAWL - GĦAJNUNA
12824. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatatx għajnuna lis-Soċejta' Missjunarja ta' San Pawl, f'Santa Venera, biex tirranġa l-wiċċ tal-ground ta' l-Istitut ta' San Ġużepp fejn isir taħriġ regolari minn diversi għaqdiet u individwi?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Qed tiġi kkonsidrata talba biex jiġi rranġat il-wiċċ tal-ground imsemmi mill-Onor. Interpellant.
PA - APPLIKAZZJONIJIET APPROVATI
12934. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li fil-każi fejn applikazzjoni tiġi approvata in parti mill-Planning Authority, l-awtorita' qed tinsisti li ma tagħtix refunds ta' flus li jkunu tħallsu dwar il-parti tal-proġett li ma tkunx ġiet approvata?
ONOR. GEORGE VELLA: Ir-regolamenti dwar il-ħlasijiet ma' l-applikazzjoni ta' l-1996 ma jikkontendux refunds meta l-applikazzjoni tkun approvata. Dan għaliex il-ħlas huwa meqjus għall-ipproċessar u konsiderazzjoni ta' l-applikazzjoni sħiħa li tkun ġie magħmula.
PA - PROPRJETAJIET TURISTIĊI
12937. L-ONOR. LINO SPITERI staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Nirriferi għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11858, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm, min meta ngħatat forma ta' tweġiba fid-09.02.98? Ġew formulati regoli ta' enforcement? Jista' jkun hemm reazzjoni għas-suġġeriment tiegħi li hu distint mit-tweġiba li l-każijiet li semmejt jien jiġu kkonsidrati f'dak l-isfond, billi jien għamilt suġġerimenti speċifiċi fl-interess prattiku ta' l-industrija tat-turiżmu u ta' l-ekonomija?
ONOR. GEORGE VELLA: Ma kien hemm l-ebda żviluppi ġodda minn l-aħħar tweġiba tad-9 ta' Frar, 1998 iżda s-suġġeriment magħmul mill-Onor. Interpellant se jiġi kkonsidrat.
SOĊJETA' TA' L-ARTI, MANIFATTURA U KUMMERĊ
12943. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-għajnuna li l-gvern jagħti lis-Soċjeta' ta' l-Arti, Manufattura u Kummerċ? X'għajnuna ngħatat matul l-1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija paralamentari numru 14192 mogħtija f'Seduta Nru. 212.
SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - ACCOUNTS
12975. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-accounts tas-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Sports u Kultura ttieħdu minn idejn l-istess Segretarjat u qed jinżammu minn ħaddieħor u jekk iva, jistax jgħid mingħand min qed jinżammu u jagħti r-raġuni għaliex ittieħdu?
ONOR. EVARIST BARTOLO: M'huwiex minnu li l-accounts ittieħdu minn idejn is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti. Xi tibdil li sar fl-amministrazzjoni tal-accounts tas-Segretarjat sar fuq xewqa tas-Segretarju Parlamentari nnifsu.
DIPARTIMENT TAL-MUŻEWIJIET - ĦIDMA
13001. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid fil-qosor x'kien ir-riżultat tal-ħidma li wettaq id-Dipartiment tal-Mużewijiet f'Taċ-Ċawla, Għawdex u jekk tħejjiex rapport?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Mużewijiet wettaq diversi skavi fl-inħawi ta' taċ-Ċawla, Victoria.
L-investigazzjonijiet li saru bejn l-1993 u l-1995 aċċertaw li kien hemm żona ta' nteress arkeoloġiku fid-distrett ta' taċ-Ċawla. F'din iż-żona nstabu kemm fdalijiet ta' strutturi preistoriċi kif ukoll ta' żminijiet storiċi aktar riċenti.
Ir-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet huma deskritti f'żewġ rapporti tekniċi li jistgħu jiġu kkonsultati fil-Librerija tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Valletta.
Mill-1996 sal-1997 saru investigazzjonijiet oħra f'żoni ġodda ta' taċ-Ċawla, iżda b'riżultati negattivi.
GĦAQDIET SPORTIVI - GĦAJNUNA FINANZJARJA
13018. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu talbiet għal għajnuna finanzjarja minn għaqdiet sportivi u kulturali fis-sena 1996/1997 u s-sena 1998?
Liema kienu l-għaqdiet li għamlu dawn it-talbiet u liema għaqdiet effettivament ingħatawlhom għotjiet? Minn liema voti ingħataw dawn l-għotjiet u x'kriterji kienu wżati sabiex saret l-għażla?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Rigward għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali (sa Marzu 1998) nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13563. L-għajnuna ngħatat mill-voti 150101 - 2940/2960/2980.
Rigward id-dipartimenti fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti in kwantu għall-għaqdiet sportivi, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 7828 u 13563.
In kwantu għall-għaqdiet kulturali nirriferi l-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6795 u mistoqsija parlamentari numru 13563. B'żieda ma' dan, normalment ir-rikjesta f'dan il-qasam tiġi kkonsidrata wkoll fuq il-bażi tal-valur kulturali tagħha u ta' kemm hija konformi mal-politika kulturali tal-Gvern, għajnuna oħra tingħata lid-drammi fil-lingwa Maltija li jittellgħu fit-Teatru Manoel u lill-każini tal-Baned li jingħataw għajnuna meta jdoqqu barra minn Malta jew biex itellgħu kunċerti ta' livell għoli.
In kwantu għas-sena kurrenti għadhom ma saru l-ebda pagamenti. L-għajnuna lill-għaqdiet sportivi u kulturali tingħata mill-voti 4178 u 4176 rispettivament tal-Estimi Ġenerali għas-sena 1997/98.
MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - PETROL/DIESEL
13031. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx threshold ta' kemm jittieħed petrol jew diesel fil-ġimgħa għall-karozzi mikrijin għand id-dipartimenti tal-gvern fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, x'inhu dan it-threshold?
Liema gradi (scales) huma ntitolati li jistgħu jżommu għandhom għall-esiġenzi tas-servizz?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-fuel li jittieħed għall-karozzi tal-kiri jingħata fuq il-kilometri li jkunu saru fuq xogħol uffiċjali wara li jiġi kkonsidrat il-konsum ta' kull karozza partikolari.
Dawk l-uffiċjali bejn l-ewwel u r-raba' skala huma ntitolati li jżommu l-karozzi. Dawk l-uffiċjali li x-xogħol tagħhom jikkonsisti fuq field work, jew dawk l-uffiċjali/xufiera li, minħabba l-esiġenzi tas-servizz, ikun jenħtieġ li jżommu l-karozzi, dawn jingħataw permess sabiex jagħmlu dan.
DIPARTIMENT TAL-MUŻEWIJIET - SKAVAR
13100. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta s'issa lid-Dipartiment tal-Mużewijiet mill-iskavar li qed isir fl-Imqades ta' Ħal Tarxien u fl-inħawi Ta' Sammat?
Dostları ilə paylaş: |