ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-kuntratt li Dr Michael Vella Haber għandu bħala konsulent fl-Uffiċċju tiegħi, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4406;
Business Plan tal-Management Systems Unit għas-sena 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4676; u
Rapport Annwali tal-Management Systems Unit għas-sena 1994/95 flimkien mad-Directors' Report and Financial Statements għas-sena li għalqet fil-31 ta' Diċembru 1995, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4678.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali matul l-1996 skond l-artikolu 15(1) tar-Regolamenti ta' l-1996 dwar Akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-constant watches ġewwa l-Isptar Monte Carmeli mill-1 ta' Jannar sal-21 ta' April 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4709.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Edwin Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista li turi n-numru ta' persuni b'diżabilita' li attendew korsijiet organizzati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bejn Ottubru 1992 u Diċembru 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4665; u
Tabella li turi n-numru ta' persuni b'diżabilita' reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' sat-22 ta' April 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4667.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet. Mozzjoni Nru. 49.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, ...
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru, on a point of order.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, fuq l-order paper għandna mniżżla l-mozzjoni mressqa mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, jiġifieri din hija private members' resolution u l-Kamra tlaqqgħet biex tisma' l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Allura jien nistaqsi: Jista' jkollna spjega għaliex din il-mozzjoni qed tiġi mressqa mil-Onor. John Dalli peress li din in-naħa ma ġietx informata b'dan?
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, jien, bħala membru ta' din il-Kamra, ġejt inkarigat mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni sabiex inressaq din il-mozzjoni f'ismu.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, jiena hawnhekk nitlob ruling fis-sens li din in-naħa tal-Kamra aċċettat li tagħmel din il-laqgħa tal-lejla fuq mozzjoni li qiegħda ffirmata fuq l-order paper mill-Onor. Fenech Adami. Għalhekk aħna laqqajna l-Kamra fuq l-arranġament li dejjem kien ikollna, jiġifieri li fuqha nagħmlu seduta sħiħa, nofs bin-nofs. Peress li aħna, ta' din in-naħa tal-Kamra, ma ġejniex informati fuq dan - ma nafx jekk inti ġejtx informata, pero' jekk inti ġejt informata, aħna ma ġejniex - fuq dan allura jien qed nitlob li jingħata ruling. Mela din il-Kamra għandha titlaqqa' biex tiddiskuti mozzjoni mressqa bħala private members' resolution mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, f'ismu u mhux f'isem l-Oppożizzjoni, biex imbagħad f'daqqa waħda jisponta membru ieħor ta' l-Oppożizzjoni u jressaqha b'dan il-mod, mingħajr ma jiġi nformat ħadd b'dan! Hawnhekk inrid infakkar li din ċertament ma kenitx il-prattika fl-aħħar leġislatura u għalhekk nitlob ruling fuq din il-ħaġa.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Louis Galea.
ONOR. LOUIS GALEA: Sinjura President, jien jidhirli li meta jkollok mozzjoni ta' dan it-tip li tiġi ppreżentata mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, dan effettivament ikun qed jippreżentaha f'isem il-grupp kollu ta' l-Oppożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-konswetudni tal-Kamra hija li l-membri ta' grupp ikunu jistgħu jirrappreżentaw membru ta' dak il-grupp fil-preżentazzjoni ta' mozzjoni li tkun ġiet imressqa f'isimhom. Min jaf kemm-il darba kellna mozzjonijiet u mistoqsijiet li kienu ġew ippreżentati jew li kienu saru lil xi ministru partikolari u mbagħad dawn jiġu ppreżentati jew imwieġba f'isem dak il-ministru minn ministru jew membru ieħor tan-naħa tal-Gvern!
Apparti din il-kwestjoni ta' teknikalita' proċedurali - li jien jidhirli li m'għandha l-ebda bażi - jiena mingħalija li, f'din Malta fejn kulħadd ikun jaf lil kulħadd u fejn kulħadd ikun jaf x'qed isir, il-Kamra taf li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni huwa indispost minħabba influwenza u din hija r-raġuni li għaliha l-Kap ta' l-Oppożizzjoni inkariga lill-Onor. John Dalli, li huwa x-shadow minister tal-finanzi, sabiex jippreżenta din il-mozzjoni ta' l-Oppożizzjoni minfloku. Aħna bqajna nittamaw sal-lum stess li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni seta' jingħaqad magħna. Jien naħseb li l-point of order tal-Prim Ministru huwa frivolu għax jien m'għandi lanqas l-iċken dubju li huwa jaf li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jinsab ma jiflaħx.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Bir-rispett kollu, Sinjura President, l-ewwel punt huwa li jiena assolutament ma nafx l-istat ta' saħħa tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni u l-fatt hu li n-naħa l-oħra lanqas biss kellha l-korteżija li tinformana. It-tieni punt huwa fuq is-sustanza ta' dak li għadu kemm qal l-Onor. Galea.
Bir-rispett kollu, meta jkun hemm laqgħat regolari tal-Kamra, liema laqgħat ikunu msejħa bħala laqgħat tal-Parlament, fl-order paper ikun hemm min jissostitwixxi lil xi ħaddieħor u allura hemmhekk wieħed jikkonsidra affarijiet bħal dawn għaliex dik hija parti mill-proċedura u aktar u aktar għaliex hija kurrenti. Pero' meta din il-laqgħa tal-Parlament issejħet fuq mozzjoni li speċifikament qajjimha il-Kap ta' l-Oppożizzjoni u meta barra dan il-Parlament kemm-il darba kien ittikana li m'aħniex se nagħmlu din il-laqgħa allura kif issa jiġi u mingħajr ebda avviż ta' xejn ... Kienet tkun korteżija normali li jinformawna minn qabel - u fuq korteżija normali ma kien ikun hemm problema ta' xejn Onor. Galea għaliex jekk lilek forsi jistaqsuk lilna ma jistaqsuniex u allura aħna m'għandna l-ebda informazzjoni dwar din il-ħaġa - u kieku ġara hekk jien lanqas kont inqum nitkellem. Imma din issa qed nisimgħuha u għalhekk nitlob ruling fuqha!
Din is-seduta issejħet speċifikament fuq l-understanding li kienet private members' resolution imsejħa mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni qua private member u m'hijiex laqgħa regolari tal-Parlament fejn membru jissostitwixxi lil xi ħaddieħor. Fi kliem ieħor, fuq l-order paper din issejħet speċifikament bħala mozzjoni mressqa mill-Onor. Eddie Fenech Adami li fuqha kemm-il darba ttikana pubblikament, qisu ħaseb li m'aħniex se nonoraw l-arranġament li kellna biex jissejħu dawn il-laqgħat kif konna għamilna fil-leġislatura ta' qabel, jiġifieri li dan isir fuq l-understanding li jkollna seduta u li dik is-seduta tinqasam bejn iż-żewġ naħat u daqshekk. Imma skużi, mhux fl-aħħar minuta jiġi joħroġ din ir-raġuni fejn qed jassumi li aħna nafu u barra bid-daqq! Din x'serjeta' hi! Din hija r-raġuni għaliex qed nitlob dan ir-ruling, Sinjura President.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, ħalli nipprova nagħmel l-affarijiet aktar sempliċi. Naħseb li jekk il-Prim Ministru jara Ordni Permanenti Nru. 33 isib it-tweġiba mill-ewwel għall-punt li qed iressaq għax dan jagħmilha ċara li:
"Membru jista', jekk ikun hekk awtorizzat minn Membru ieħor li ma jkunx dak il-ħin preżenti, jipproponi jew iressaq mozzjoni jew ordni tal-ġurnata fl-assenza tal-Membru inkarigat minnu.".
L-Onor. Dalli hawnhekk huwa nkarigat mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex iressaq din il-mozzjoni. Din saret kemm-il darba f'dan il-Parlament u jidhirli li hawn m'għandux ikun hemm diffikulta'. Jien ma nafx għaliex il-Prim Ministru qed isib din id-diffikulta' għax fil-passat kien hemm ċirkostanzi fejn mozzjoni tressqet minn ministru mbagħad il-winding up sar minn ministru ieħor. Din hija proċedura normalissima u m'hemm xejn li jżomm milli jsir dan. Wara kollox l-iskop ta' din is-seduta hija li ssir diskussjoni fuq mozzjoni proposta mill-Oppożizzjoni. Il-fatt li llum qegħdin niltaqgħu biex niddiskutu item ta' aġenda magħrufa fl-Ordnijiet Permanenti tagħna bħala private members' motion, jiġifieri item li m'huwiex tal-Gvern imma li huwa tal-membri privati, anzi tal-backbenchers - mhux neċessarjament ta' l-Oppożizzjoni - ma jagħmel l-ebda differenza u jien ma nafx għaliex qed ikun hemm din l-oġġezzjoni. Pero' jekk hemm din l-oġġezzjoni jien nerġa' nirrepeti li Ordni Permanenti Nru. 33 isolvi din id-diffikulta' kollha.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, ovvjament jien kont qrajt Ordni Permanenti Nru. 33 u rajt li dan m'huwiex riferibbli għal dan il-każ preċiżament għaliex illum aħna qegħdin nitlaqqgħu fuq seduta li hija mħollija għal private members' motions u allura dan huwa preċiżament każ fejn private member se jressaq il-mozzjoni tiegħu. Ordni Permanenti Nru. 33 huwa riferibbli għax-xogħol regolari tal-Parlament meta jkun qed jitlaqqa' fuq l-aġenda tiegħu u allura jekk ikun hemm xi ħadd assenti dak li jkun ikun jista' jinkariga lil xi ħaddieħor minfloku. Pero' llum aħna qegħdin niltaqgħu appositament fuq xi ħaġa li ressaq membru ta' din il-Kamra u li kieku huwa nformana minn qabel ma kienx ikun hemm problema. Wasalna f'din is-sitwazzjoni minħabba nuqqas assolut ta' korteżija u ta' komunikazzjoni. Fuq il-bażi ta' Ordni Permanenti Nru. 33 l-argumentazzjoni tiegħi tissaħħaħ għaliex dan l-Ordni Permanenti huwa riferibbli għal-laqgħat regolari tal-Kamra, mentri meta jkun hemm xi ħaġa li hija mressqa speċifikament minn membru tal-Kamra fuq xi ħaġa li hija tiegħu personali l-inkarigu ma jingħatax post hoc u allura aħna kellna niġu nformati minn qabel. Mil-banda l-oħra kieku kien hemm ir-regoli tal-korteżija allura wieħed kien imexxi by leave of House għax fuq din il-ħaġa għandna bżonn il-leave of House.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, bir-rispett kollu jien ma nistax naqbel ma' dak li qed jgħid il-Prim Ministru. Ordni Permanenti Nru. 33 huwa wieħed mill-Ordnijiet Permanenti li qegħdin f'kapitlu li huwa intitolat "Seduti, Quorum, Aġġornament u Għeluq". Dan il-kapitlu jgħodd għas-seduti kollha ta' dan il-Parlament, indipendentement jekk l-aġenda ta' dan il-Parlament tinzertax tkun aġenda ta' government business jew inkella tinzertax tkun aġenda ta' private members' motion. Ordni Permanenti Nru. 33 jgħodd għal kull seduta bla eċċezzjoni u Allaħares ma kienx hekk għaliex allura jiġri li x-xogħol ta' dan il-Parlament ikollu jieqaf jekk xi ħadd jinzerta, per eżempju, imsiefer jew jekk xi ħadd jinzerta ma jiflaħx bħalma huwa l-każ tal-lum. Bir-rispett kollu lejn il-Prim Ministru nerġa' ngħid li m'għandniex għalfejn nitfixklu fuq dawn l-affarijiet għax Ordni Permanenti Nru. 33 qiegħed f'kapitlu li jittratta s-seduti kollha ta' dan il-Parlament, indipendentement jekk l-aġenda hijiex ta' government business day jewopposition day.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, l-argument m'huwiex jekk is-seduta hijiex private members' day jew government business day għax effettivament illum seta' kien backbencher tan-naħa tal-Gvern li qed iressaq din il-mozzjoni. Given that Ordni Permanenti Nru. 33 ma japplikax anzi dan l-Ordni Permanenti jirrinforza l-argument tagħna fis-sens li llum l-aġenda tgħid ċar u tond li hija persuna li se tressaq il-mozzjoni u liema persuna m'hijiex qed titkellem qua Oppożizzjoni imma qed titkellem qua persuna jew f'dan il-każ qua Kap ta' l-Oppożizzjoni, jiġifieri l-Onor. Eddie Fenech Adami. Kieku aħna konna informati minn qabel bil-korteżija li wieħed jistenna min-naħa l-oħra tal-Kamra u li aħna dejjem nipprattikaw magħhom din il-problema ma kenitx tqum imma ladarba m'hemmx din il-korteżija jew l-iċken ħjiel ta' diċenza li aħna għandna niġu informati b'dawn l-affarijiet, allura iva, jien qed ninsisti li jkollna ruling mingħandek, Sinjura President.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjakom. Il-Kamra hija sospiża.
Il-Kamra ġiet sospiża fis-6.45 p.m. u rriżumiet fit-8.15 p.m.