MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 44
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 59
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 53 li saret l-Erbgħa, 23 ta' April, 1997 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI
QRATI - DRITT PENALI
3125. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ikollna diminished responsibility bħala general defence to a criminal chargeoltre provvedimenti eżistenti fid-dritt penali tagħna?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll) (f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Il-ħtieġa li jiġu ntrodotti emendi biex jindirizzaw il-fenomenu ta' diminished responsibility diġa' ġiet studjata fil-passat fejn kien ġie kkonstatat li l-liġi penali tagħna, kemm f'dik li hija latitudni fis-sentenzi stabiliti għar-reati kif ukoll fil-possibbilta' ta' sentenzi anqas mill-minimum fejn ikun hemm ċirkostanzi speċjali, tipprovdi adegwatament għaċ-ċirkostanzi li għalihom il-general defence ta' diminished responsibility ġie introdott f'pajjiżi oħra.
PRIĠUNIERI - NON-CUSTODIAL METHODS OF TREATING CRIMINAL OFFENDERS
3217. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 610 - oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali - jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-possibilitajiet li jiġu introdotti non-custodial methods of treating criminal offenders, kif ukoll x'inhuma l-possibbiltajiet li jkollna community service li jingħata minn priġunieri taħt community service orders?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Inħoss li għadu kemmxejn kmieni biex nimplimentaw sistemi ta' non-custodial methods of treating criminal offenders għalkemm ikun tajjeb li tinfetaħ diskussjoni pubblika fuq dan ir-rigward, preferibbilment minn għaqdiet volontarji.
Rigward il-possibbiltajiet li jkollna community service skond Regolament 29 tar-Regolamenti tal-Ħabs huwa obbligu fuq l-awtoritajiet tal-ħabs li jipprovdu xogħol utli għal priġunieri ssentenzjati. Min-naħa l-oħra, Regolament 61 (1) (d) jipprovdi biex id-direttur jagħti leave mill-ħabs lill-priġunieri biex jagħmlu xogħol komunitarju. Din hija ħaġa li diġa' qed issir fuq bażi esperimentali u fil-fatt bħalissa fuq talba tad-Dipartiment tas-Saħħa qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex grupp ta' priġunieri jintbagħat jagħmel xogħol komunitarju ta' tindif.
SERVIZZ TAT-TELECARE
3312. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-persuna, li isimha qed jintbagħat under separate cover, sabiex tingħata s-servizz tat-telecare?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): L-applikazzjoni tas-sinjura li qed jirriferi għaliha l-Onor. Membru waslet fiċ-ċentru tat-telecare fit-30 ta' Jannar, 1997 u fl-istess ġurnata ntbagħtet acknowledgement għaliha. Fil-5 ta' Frar, 1997 - jew aħjar tliet ġranet tax-xogħol wara - intbagħtet casual welfare officer id-dar ta' din is-sinjura biex isir il-kuntratt tat-telecare li fis-6 ta' Frar, 1997 ntbagħat lill-Korporazzjoni Telemalta biex issir l-istallazzjoni tas-sett.
Meta persuna tapplika għas-servizz tat-telecare jkun meħtieġ li din ikollha l-linja tat-telefon għax meta l-klijenti ma jkollhomx linja tat-telefon l-proċeduri jieħdu iktar fit-tul. Biex inħaffu l-affarijiet iċ-ċentru tat-telecare jieħu ħsieb li flimkien ma' l-applikazzjoni tat-telecare japplika f'isem il-klijent għal-linja tat-telefon bit-timbru tat-telecare biex dawn jingħataw prijorita'. F'dan il-każ, din is-sinjura kienet diġa' bagħtet l-applikazzjoni min-naħa tagħha u fil-fatt iċ-ċentru tat-telecare ikkonferma mat-Telemalta li bagħtu għal din il-klijenta biex tħallas id-depożitu għall-applikazzjoni tal-linja tat-telefon.
KUNSILLI LOKALI - FONDI
3313. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għat-tnaqqis fil-fondi tal-kunsilli lokali? Jista' jkun li aktar 'il quddiem dawn il-fondi se jiżdiedu? Huwa minnu li se jinbidel ir-rwol tal-kunsilli lokali? Huwa minnu li mhux se jkun permess li kandidati joħorġu f'isem partiti politiċi?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' press statement li fiha r-raġunijiet għat-tnaqqis fil-fondi tal-kunsilli lokali.
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li l-ħsebijiet ta' dan il-Gvern dwar ir-rwol u l-finanzjament tal-kunsilli lokali, kif ukoll dwar il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, diġa' qegħdin dettaljati fil-programm elettorali ta' dan il-Gvern.
VALLETTA - BUST TA' LA VALETTE
3314. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li se jsir bust jew monument f'gieh il-fundatur tal-Belt Valletta, jiġifieri l-Granmastru Jean Parisot de la Valette, u li għal dan il-għan twaqqaf sotto-kumitat fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Fil-każ li hu hekk, ġie determinat is-sit fejn se jitwaqqaf dan il-bust jew monument? Fuq liema kriterji ġie magħżul is-sit? Min ġie kkummissjonat biex jaħdem dan il-bust u meta hemm il-ħsieb li dan jitlesta?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s'issa għadha ma saret l-ebda talba lill-kumitat għall-erezzjoni ta' monumenti u plakki fi ħdan il-ministeru tiegħi biex jitwaqqaf bust jew monument f'ġieħ il-Granmastru La Valette, il-fundatur tal-Belt Valletta.
Jiena nittama li xi darba titqajjem kuxjenza biex jingħata ġieħ lill-eroj Malti Ġużeppi Callus li kien ġie mgħallaq minn La Valette għax ikkritika lill-Ordni tal-Kavallieri.
VALLETTA - FORTI SANT'IERMU
3315. L-ONOR. CHRIS AGIUS (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x-xogħlijiet se jsiru ġewwa l-Forti Sant'Iermu wara ż-żjara li l-Ministru għamel hemmhekk flimkien maċ-chairman tal-Valletta Rehabilitation Project u l-Perit Vincent Centorino? Id-delittanti tal-karrijiet tal-karnival se jibqgħu jaħdmu fil-garaxxijiet li hemm f'dan il-forti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Bħalissa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qiegħda tipprepara development brief għall-Forti Sant'Iermu u d-deċiżjonijiet dwar x'se jsir minn dan il-forti se jittieħdu wara li jitlesta dan l-istudju.
DR EDGAR MIZZI - REMUNERAZZJONI
4371. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas jew se jitħallas Dr. Edgar Mizzi għar-rapporti li hu ġie mitlub jissottometti?
ONOR. ALFRED SANT: Xejn.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk mill-aħħar stqarrija li saret, Dr. Edgar Mizzi għaddielux xi rapporti oħra?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Iva, effettivament għaddieli tliet rapporti oħra li se jiġu ppubblikati aktar tard din il-ġimgħa.
P.A. - RAPPORT TA' SUR KARM FARRUGIA
4372. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ma jridx jippubblika r-rapport ikkommissjonat lis-Sur Karm Farrugia dwar il-ħidma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Ir-rapport tas-Sur Karm Farruġia dwar il-ħidma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġie mogħti lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ġie diskuss mill-Bord ta' l-istess Awtorita' flimkien ma' rapporti oħra dwar il-ħidma ta' l-istess Awtorita'.
Eventwalment dan ir-rapport m'hemm xejn għaliex m'għandux ikun ippubblikat
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Kif qiegħed id-drafting, jiġifieri li "eventwalment dan ir-rapport m'hemm xejn għaliex m'għandux ikun ippubblikat", qisu qed jindika li bħalissa hemm xi raġunijiet għaliex dan m'għandux jiġi ppubblikat. Jekk inhu hekk, x'inhuma dawn ir-raġunijiet?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Ir-raġunijiet li qed jirriferi għalihom l-Onor. Membru probabbilment qegħdin biss f'rasu! Dan ir-rapport qiegħed f'idejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tistudjah. Hemm ukoll rapport li qiegħed jagħmel il-kontro-kritika tiegħu ħalli jkun jista' jinstab il-bilanċ bejniethom u allura dawn m'humiex affarijiet li jiġu ppublikati meta għadhom qegħdin jiġu trattati. Wara kollox, l-Oppożizzjoni għandha membru tagħha fuq il-bord ta' l-Awtorita' li jista' jwaslilha kopja tar-rapport li, kif diġa' għidt, għalissa qiegħed isir studju fuqu.
Proprju f'dawn il-ġranet kelli reazzjoni dettaljata fuq dan ir-rapport wara li kien rikużat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fejn il-Perit Godwin Cassar, id-Direttur tal-Planning Authority, għamel assessment u counter proposals għal dak li hemm fir-rapport b'mod intelliġenti u b'mod kostruttiv ħafna. Kif diġa' għidt pero', dan ir-rapport għadu qiegħed jintuża ħalli jsiru l-inputs li hemm bżonn.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Filwaqt li nifhem ir-raġunijiet kif spjegahom issa l-Viċi Prim Ministru, fis-sens li qabel ma jippubblika r-rapport jrid ikollu r-reazzjoni nterna - u din hija l-ewwel darba li qegħdin nisimgħuha - jiena qiegħed nifhem sewwa li huwa ma jara xejn ħażin li f'dan l-istadju l-membru nominat mill-Oppożizzjoni fuq din l-Awtorita' jgħaddi lill-membri ta' l-Oppożizzjoni rapport li l-Gvern żgur jikkonsidrah konfidenzjali?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, l-ewwelnett nibda biex ngħid li jiena qatt m'għidt li dan huwa rapport konfidenzjali u lanqas għidt li l-membru li għandha l-Oppożizzjoni fuq il-bord għandu jgħaddilhom ir-rapport. Huwa l-bord li jrid jiddeċiedih dan għaliex jiena r-rapport rajtu u għaddejtu għad-diskussjoni u għall-input tal-bord - kif ħassejtni fid-dover li nagħmel. Jekk il-bord jiddeċiedi li dan għandna nippublikawh u li anke nagħtu kopja lill-Partit Nazzjonalista jew whoever, jien m'għandi l-ebda oġġezzjoni. Dan m'huwiex xi rapport li fih innifsu jista' jinqara waħdu għaliex dan huwa sempliċement input għall-attenzjoni tal- ministeru, jiġifieri għal min se jipprova jagħmel analisi tas-sitwazzjoni biex ikun jista' jieħu d-deċiżjonijiet. Għalhekk jien qed ngħid li eventwalment ma nara xejn ħażin li dan ir-rapport jiġi ppubblikat. Mill-banda l-oħra pero' ma jagħmilx sens li tippubblika meta għadek qiegħed tistudja dawk ir-rakkmandazzjonijiet u meta għadhom deħlin ir-reazzjonijiet għalihom.
Per eżempju, hemm ċerti affarijiet li kieku kellhom joħorġu mir-rapport dawn malajr isiru fatta u malajr wieħed jibda jgħid li se jsir hekk jew li mhux se jsir hekk. Mela fi stadju bħal dan xi ħadd jagħmel l-affarijiet pubbliċi! Jiena ma nafx għalfejn hawn din il-ħafna arja ta' suspetti. Nerġa' ngħid dan ir-rapport m'hu konfidenzjali xejn imma l-prattika titlob li jekk inti qiegħed tiddiġerixxi l-materjal li għandek allura m'għandekx tagħmlu għax inkella l-pubbliku malajr jibda jaqbad xi biċċa minnu u jgħid: Isma', iljunfant huwa xi ħaġa twila jew xi ħaġa ħoxna jew xi ħaġa ratba.
Jiena nista' ngħid ċar u tond li jekk l-Onor. Gatt irid kopja, nistiednu jiġi personalment għada u nagħtih kopja tiegħu biex jarah imma mhux biex jiġi ppubblikat fil-gazzetti għax inkella tibda ssir ħafna spekulazzjoni fuqu, li la tagħmel sens u lanqas ġid. Kemm iċ-chairman ta' l-Awtorita', kemm id-dfirettur ta' l-Awtorita' u kemm il-bord għandhom kopja ta' dan ir-rapport u, kif għidt, jien diġa' għandi rapport ieħor li jagħti l-argumenti favur u kontra s-suġerimenti li hemm. Pero' dan huwa kollu parti mil-proċess ta' decision making. MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, għalkemm il-Viċi Prim Ministru ta spjegazzjoni ta' x'ġara u x'wassal għal din il-pożizzjoni fuq dan ir-rapport, jien ninnota li rapporti oħrajn, li ġew kkommissjonati mill-Gvern preżenti fuq istituzzjonijiet oħra, ġew ippubblikati u forsi huwa għalhekk li qed jinħolqu dawn is-suspetti mil-periti - u mhux biss ta' din in-naħa tal-Parlament. Fl-opinjoni tiegħi, ġaladarba rapporti aktar sensittivi ġew ippubblikati jien ma narax x'inhi r-raġuni għaliex dan ir-rapport partikolari ma jiġix ippubblikat ukoll. Għaldaqstant nistaqsi lill-Viċi Prim Ministru għaliex dan ma ppubblikahx?
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, is-suspetti jinqalgħu meta jkollok xi Onor. Membru ta' l-Oppożizzjoni li jgħid li l-periti tal-Planning Authority qed jaħdmu fil-privat biex imbagħad nitolbu jagħtini l-ismijiet tagħhom u jibqa' sal-lum ma jagħtihomlix. Huwa b'dan il-mod li toħloq is-suspetti fuq il-periti tal-Planning Authority u mhux billi tgħid li hemm rapport li eventwalment se jkun ippubblikat għax bħalissa għadu qed jiġi studjat. Jekk imbagħad trid toqgħod toħloq is-suspetti oħloqhom kemm trid, pero' s-suspetti inħolqu meta inti għidt li hemm nies fil-Planning Authority li jagħmlu xogħol privat u ma kontx raġel biżżejjed biex tiġi hawnhekk u tagħtina l-ismijiet tagħhom. Hemm inqalgħu s-suspetti, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jien kont għidt proprju l-maqlub ta' dak li għadu kif qal il-Viċi Prim Ministru u l-maqlub ukoll ta' dak li l-istess Onor. Membru kien qal fil-winding up tad-debate dwar il-Planning Authority. Dak inhar jien kont għidt li wasal iż-żmien li jekk hemm periti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li qegħdin jaħdmu privat allura dawn għandhom ikollhom il-permess uffiċjali ta' l-awtorita' biex b'hekk inkunu nafu dawn min huma u sewwa sew x'qegħdin jagħmlu. Dan huwa għal kollox differenti minn dak li qed jgħid l-Onor. Vella llum u minn dak li kien qal id-darba l-oħra.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jiena nitlob lis-Sedja sabiex jekk ikun hemm bżonn naraw it-text u anke nisimgħu it-tapes ta' dak li ntqal l-aħħar darba f'dan ir-rigward.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, peress li kienet ingħatat ħafna pubbliċita' fuq id-drafting ta' dan ir-rapport - niente di meno l-awtur tiegħu kien ukoll invitat biex jipparteċipa, u fil-fatt pparteċipa, anke fuq programm televiżiv flimkien maċ-chairman tal-Planning Authority u oħrajn - u anke peress li issa dan ir-rapport tant ilu lest u tant saru spekulazzjonijiet fuqu, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li l-fatt li l-Gvern għadu ma ppubblikax - għax eventwalment jippublikah - qed iqajjem iktar suspetti u anke inċertezzi milli kieku qabad u ppubblikah? Fi kliem ieħor, dak li qed tistaqsi din in-naħa tal-Kamra huwa dan: Meta f'każijiet oħra dan il-Gvern qabad u ppubblika immedjatament hekk kif kellu r-rapporti f'idejh - anke jekk fuqhom kienu qed isiru studji ulterjuri - allura għaliex dan il-każ qed jiġi ttrattat b'mod eċċezzjonali? Dan qed ngħidu filwaqt li nifhem ir-raġunijiet għaliex dan ir-rapport għadu mhux ippubblikat.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, għidt kemm-il darba li dan huwa rapport li l-intenzjoni tiegħu kienet differenti minn dik ta' rapporti oħra. Id-differenza hija li l-pjaga li kien hemm fil-Planning Authority - li issa n-naħa l-oħra tant għandha ħerqa biex tirranġa wara li kienu huma li ħallew din il-pjaga taggrava għal dawk is-snin kollha - riedet kura fit-tul. Dan ir-rapport kien intenzjonat li jkun parti mix-xogħol kollu li hemm bżonn isir għax ma jistax ikun li tagħmel rapport li jkopri kollox. Kif diġa' għidt, meta jasal iż-żmien li l-istudji kollha jkunu tlestew imbagħad dawn jiġu ppubblikati kollha f'daqqa, ħalli b'hekk ikun hemm xi ħaġa kompleta u mhux bil-biċċiet.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, nixtieq nistaqsi lill-Viċi Prim Ministru jekk jikkonsidrax li għallinqas jagħti kopja ta' dan ir-rapport lil dawk il-partijiet li kienu ġew ikkonsultati fil-proċess tat-tħejjija tiegħu, waħda minnhom il-Kamra tal-Periti?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jien m'għandi l-ebda oġġezzjoni li nagħti kopja ta' dan ir-rapport lill-Kamra tal-Periti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.