MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
OPM - DR. MICHAEL VELLA HABER
4406. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kuntratt ta' konsulenza ta' Dr. Michael Vella Haber għadu ma ġiex konkluż minkejja li għaddew aktar minn xahrejn minn mindu tħabbar li kien ġie appuntat konsulent? Jista' l-Prim Ministru jgħid għand min għadda l-file relattiv, il-perjodu li dam għandu u għand min qiegħed issa?
ONOR. ALFRED SANT: Il-kuntratt ta' konsulenza ta' Dr Michael Vella Haber fil-fatt ġie konkluż u d-data effettiva ta' dan il-kuntratt hija l-24 ta' Frar 1997. Kopja ta' dan il-kuntratt tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
PBS - IMPJEGAT
4455. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament reġgħet bdiet taħdem mal-PBS wara li xhur ilu kienet tkeċċiet mill-Bord tal-PBS? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kariga għandu, meta daħal lura, min ħa d-deċiżjoni li jerġa' jidħol u għaliex kien tkeċċa minn mal-PBS?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-
mistoqsijiet parlamentari numri 2993 u 4194.
ŻGĦAŻAGĦ - ĊENTRI
4490. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċentru taż-żgħażagħ żar is-Segretarju Parlamentari taż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti minn meta ħa l-ħatra f'Ottubru li għadda? Jista' jgħid ukoll liema kienu ċ-ċentri li żar s'issa u b'konnessjoni ma' liema okkażjoni żarhom?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
ŻGĦAŻAGĦ - DIRETTUR
4491. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa konnessa mal-qasam taż-żgħażagħ attenda d-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport barra mill-pajjiż minn meta ħa l-ħatra?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Sal-31 ta' Marzu, 1997 id-Direttur Żgħażagħ u Sport kien ħames darbiet barra mill-pajjiż biex jattendi laqgħat konnessi mal-qasam taż-żgħażagħ.
ŻGĦAŻAGĦ - LAQGĦAT
4492. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa konnessa mal-qasam taż-żgħażagħ attenda kull impjegat li jaħdem fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport barra mill-pajjiż mill-1 ta Jannar, 1996 sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid x'kien s-suġġett ta' kull laqgħa u fejn saret kull laqgħa?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati hawn taħt imsemmijin attendew dawn il-laqgħat barra l-pajjiż.
ADRIAN TONNA
Strasbourg - 31st March '96 - 3rd April '96
RAXI Campaign
Amman - 1st - 6th June '96 -
The role of Youth Exchanges between the EU and the Mediterranean.
Regione Veneto - 23rd - 30th September '96 -
Protocol - Italian Youth Exchanges
Budapest - 10th - 15th December '96
Euro-Arab Dialogue
MARIELLA ELLUL
Cyprus - 12th - 17th June -
Protocol - Cyprus Youth Co-operation and exchanges
JOSIANNE CAMILLERI U MARIA FRENDO
Marie Le Loire - France - 2nd - 6th October '96 -
Youth Exchanges i.c.w. Mediterranean Countries.
SPORT FOR ALL IN LARGE CITIES
4493. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti, jew id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, kienx rappreżentant waqt il-Kungress Sport for All in Large Cities" li sar f'Ruma fl-aħħar ta' Novembru li għadda? Fl-affermattiv, jista' jgħid min kien ir-rappreżentant Malti u liema temi ġew diskussi waqt il-kungress? Fin-negattiv, jista' jgħid għaliex il-Gvern ħass li ma jkunx rappreżentant?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti ma kienx rappreżentat fil-kungress imsemmi mill-Onor. Interpellant. It-tema tal-Kungress Sport for All in Large Cities kienet immirata għal bliet kbar li waħedhom għandhom popolazzjoni akbar minn ta' Malta. Is-suġġett ma kienx direttament ta' interess fil-kuntest ta' Malta.
SPORT FOR ALL
4494. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest jikkonsidra l-possibbilta' li 'l quddiem jivvota l-flus lill-kunsill lokali biex ikunu dawn, u mhux il-Gvern ċentrali, li jħaddem il-programm Sport for All fid-diversi bliet u rħula tal-gżejjer Maltin?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Gvern qatt ma eskluda din il-possibbilta' fost alternattivi oħrajn li jista' jkollu.
SKEJJEL - SKOLASPORT
4495. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema huma d-dixxiplini sportivi li qed jiġu mgħallma din is-sena bħala parti minn Skolasport? Jista' jgħid fejn isir it-tagħlim ta' kull dixxiplina? Jista' jgħid ukoll kemm u liema kienu d-dixxiplini mgħallma kull sena mill-1987 'il hawn?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fl-istaġun 87/88 Skolasport kienet tħaddem disa' dixxiplini biss. Matul is-snin, in-numru ta' dixxiplini u partieċipanti beda dejjem jiżdied tant li fl-istaġun kurrenti, 2400 tifel u tifla qed jitħarrġu fi 17-il dixxiplina.
Dixxiplina 1988 89 90 91 92 93 94 95 96
Football x x x x x x x x x
Athletics x x x x x x x x x
Gymnastics x x x x x x x x x
Special Gym x x x x x x x x x
Volleyball x x x x x x x x x
Netball x x x x x x x x x
Basketball x x x x x x x x x
Weightlifting x x x x x x x x
Badminton x x x x x x
Judo x x x x x x x
Spirit Combat x x x x x
Tennis x x x x x x
Table Tennis x x x
Baseball x x x
BMX x x x x x
Waterpolo x x x
Swimming x x x
Adult Fitness x x
Taekwondo x
Powerlifting x x x
Bowling x x x
Rugby x x
Handball x x
Boardsailing x x
It-tagħlim ta' kull dixxiplina jsiru:
Football Marsa
Athletics Marsa
Gymnastics Blata 'l-Bajda u Hamrun
Special Marsa
Volleyball Kordin
Netball Marsa
Basketball Marsa
Spirit Combat Marsa u Zejtun
Tennis Kordin
Table Tennis Il-Belt, Valletta
Baseball Marsa
BMX St Andrews
Waterpolo Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq
Swimming Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq
Adult Fitness Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq u Marsa
Taekwondo Fgura
Powerlifting Marsa
Bowling Eden, St Adnrews
BUĠIBBA - BUS TERMINUS
4502. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex l-istudju li fl-1 ta' Frar, qal f'(PQ 2315) kien qed jagħmel id-dipartiment biex jara kif u safejn hu possibbli li jiġi applikat is-suġġeriment ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali dwar l-allokazzjoni tal-fond speċjali?
ONOR. CHARLES MANGION: Nitlob l-Onor.Interpellant biex jispeċifika sew liema kienet il-mistoqsija parlamentari fejn fit-tweġiba jiena semmejt l-istudju li qed jirriferi għalih. Mistoqsija parlamentari numru 2315 m'għandha l-ebda konnessjoni mal-ministeru tiegħi.
ENEMALTA - STORES
4503. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha in stock il-Korporazzjoni Enemalta fil-24 ta' Marzu 1997 lampi tat-toroq u arbli tad-dawl u kemm kien il-konsum tagħhom matul l-1995 u l-1996?
ONOR. LEO BRINCAT: Sad-data indikata, it-tagħrif mitlub mill-Onor. Membru hu kif muri hawn taħt:
Materjal
|
Stock
|
Konsum
|
Konsum
|
|
|
1995
|
1996
|
Lampi
|
22,239
|
21,873
|
17,818
|
Lanterni
|
1,171
|
5,641
|
1,350
|
Arbli
|
9
|
1,588
|
1,174
|
Ta' min jgħid li l-amministrazzjoni preżenti ma tantx sabet sitwazzjoni feliċi fl-istores tal-Korporazzjoni Enemalta kif inbidel il-Gvern. Dan jixhdu l-fatt li kienu għadhom kif saru jew kienu qed isiru, ordnijiet b'urġenza, għal materjal b'urġenza ukoll b'direct orders.
Nixtieq ngħarraf lil-Onor. Membru li l-Korporazzjoni Enemalta qed tieħu l-passi meħtieġa biex iġġib l-istores tagħha għan-normal. Fil-preżent, biex nagħti eżempju, l-Korporazzjoni Enemalta waslulha, 1,500 arblu u hemm 900 ordnati.
SKEJJEL - TA' PARIS
4600. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jirrivedi d-deċiżjoni li ttieħdet dwar l-iSkola Sekondarja Patri Ġuże' Delia f'Ta' Paris, Birkirkara li mis-sena skolastika li jmiss din se tibda tintuża mis-subien biss u minflok jirreverti għad-deċiżjoni oriġinali li jibqgħu miftuħa l-klassijiet li jattendu fihom l-istudenti li hemm illum, sakemm dawn jispiċċaw l-iskola sekondarja u ċioe' li dawn jiġu phased-out waqt li sakemm dan il-proċess jispiċċa ma jiddaħħlu l-ebda studenti ġodda, u dan skond ix-xewqa ta' l-istudenti li bħalissa jattendu din l-iskola?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4475 li fiha tagħrif relevanti.
Qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni tal-bidla fl-użu ta' l-iskola tqiesu diversi fatturi li jikkonċernaw mhux biss l-istudenti ta' l-iskola Sekondarja Patri Ġuże' Delia, iżda wkoll ta' l-istudenti l-oħra.
Ma naħsibx li hu rakkommandabbli li skola titħalla nofsha jew tliet kwarti minnha vojta meta kull spazju fl-iskejjel hu prezzjuż ħafna.
OĠĠETTI TA' ARTI - RE-SALE RIGHTS
4601. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħmel leġislazzjoni li tipprovdi għal re-sale rights favur l-awturi ta' oġġetti ta' arti bħalma hemm diġa' f'diversi pajjiżi Ewropej?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali qed jistudja l-implikazzjoni w l-impatt li jkollna f'pajjiżna leġislazzjoni li tipprovdi għal re-sale rights favur awturi t'oġġetti ta' l-arti.
Kif jaf l-Onor. Interpellant, dan hu kunċett legali ġdid u l-applikazzjoni tiegħu fil-ftit pajjiżi li addottawh għadha f'fażi esperimentali.
GLOBAL MARKETPLACE FOR SMES
4602. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex qed tipparteċipa fil-proġett Global Marketplace for SMEs imniedi waqt il-Konferenza Ministerjali tal-G7 fi Frar, 1995 fi Brussels, li għalih qed jipparteċipaw, fost oħrajn, il-pajjiżi tal-G7, il-Kummissjoni Ewropea, il-Korea t'Isfel, Spanja, in-Norveġja, l-Olanda, l-Isvizzera, il-Lithuania, għadd ta' pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u ta' l-OECD? Jekk Malta mhijiex qed tipparteċipa, jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li Malta tibda tipparteċipa u jekk hemmx il-ħsieb li dan jibda jsir?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: L-MDC qatt ma ħadet sehem fil-proġett Global Marketplace for SME`s u lanqas għandha nformazzjoni dwar involviment ta` organizazzjonijiet oħra lokali.
Il-proġett jiġbor fih numru ta` inizjattivi u preżentament qed jiġi studjat jekk l-MDC tistax tipparteċipa f`xi parti mill-proġett msemmi.
IKEL DIETETIKU
4603. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir leġislazzjoni dwar ikel dietetiku (dietary foods) bħalma jeżisti fl-Unjoni Ewropea - direttiva numru 89/398 - u li tkun tinkludi wkoll il-modifiċi għal din id-direttiva li ntlaħaq qbil dwarhom riċentement, liema modifiċi għandhom iwasslu għal simplifikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw il-labelling, presentation and advertising ta' dan it-tip ta' ikel?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Il-liġi ta` l-Ittikkettjar u l-Preżentazzjoni ta` Ħwejjeġ ta` l-Ikel tkopri l-parti l-kbira tad-direttiva numru 89/389.
Il-modifiċi għal din id-direttiva jikkonċernaw l-iżjed fit-tnaqqis minn disa` għal ħames kategoriji ta` dan it-tip ta` ikel. Dan il-ftehim tal-Kunsill tas-Suq Intern intlaħaq biss fl-14 ta` Marzu, 1997. L-Awtorita` ta` Malta għall-Għemil ta` Standards taf b`dawn il-modifiċi u sejra tikkonsidrahom biex il-leġislazzjoni Maltija tikkonforma ma' dawn id-direttivi.
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR COPYRIGHT AND RELATED RIGHTS
4604. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jippubblika l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Copyright and Related Rights li x-xogħol fuqha kien kważi tlesta waqt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li ssir leġislazzjoni ġdida dwar id-disenji u l-mudelli ta' manifattura konformi mal-proposta ta' direttiva li għadu kemm intlaħaq qbil dwarha mill-Unjoni Ewropea?
ONOR. LEO BRINCAT: L-Abbozz ta' Liġi dwar il-Copyright u Related Rights qed jiġi rrivedut fid-dawl ta' Malta fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
Xogħol ieħor dwar miżuri leġislattivi fil-qasam tad-disenji u l-mudelli ta' manifattura jsir wara li jiġu kkonsidrati l-aħjar interessi tal-pajjiż.
ENEMALTA - ILMENTI MIN-NIES
4660. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħin li se jitratta ma' diffikultajiet u complaints mill-pubbliku rigward l-Korporazzjoni Enemalta?
ONOR. LEO BRINCAT: Minn meta ħadt ir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Enemalta, mill-ewwel bdejt nitratta d-diffikultajiet u l-ilmenti tal-pubbliku. Dan hu xogħol li jieħu ħafna ħin u jrid dedikazzjoni kbira. Bħalissa qed nieħdu pariri tekniċi dwar kif insaħħu l-Customer Care Unit tal-korporazzjoni.
ENEMALTA - FLUS IVVOTATI
4661. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti dettalji b'kemm se jkunu vvotati flus biex ikopru danni li l-Korporazzjoni Enemalta tista' tikkaġuna lill-konsumatur?
ONOR. LEO BRINCAT: Nixtieq ngħarrfek li għadu kmieni wisq biex nagħti dettalji dwar il-voti tal-Korporazzjoni Enemalta.
DIPARTIMENT TAĊ-CHILDREN'S OUT-PATIENTS - RECEPTIONIST
4662. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Fid-dawl ta' l-aħjar użu mill-infermiera u biex isseħħ il-policy li jintużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi tan-nurses, jista' l-Ministru jara li jkun hemm clerk (reception and appointments) fiċ-Children's Out-Patients?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-post ta' receptionist fid-Dipartiment taċ-Children's Out-Patients imtela' fit-28 ta' Frar, 1997.
SKEJJEL - STUDENTI
4663. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm studenti bniet u studenti subien jistudjaw il-home economics u graphic design għas-snin 1991-1992, 1992-1993, 1993-1994, 1995-1996 u 1996-1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
SENIOR APPOINTMENTS ADVISORY COMMITTEE - MEMBRI
4664. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tas-Senior Appointments Advisory Committee u meta ġie kostitwit dan il-kumitat?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Membri tas-Senior Appointments Advisory Committee tas-Servizz Pubbliku huma:
Is-Sur Joseph R Grima - Chairman
Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Is-Sur Anthony Mangion - Membru
Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Trasport u Portijiet
Is-Sur Joseph Portelli - Membru
Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi u Kummerċ
Is-Sur Joseph F X Scicluna - Membru
Direttur Ġenerali tal-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Il-Kumitat ġie kostitwit fl-1 ta April 1997
ETC - TAĦRIĠ
4665. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni b'diżabilita' tħarrġu mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) sena b'sena bejn l-1990 u l-1996, maqsuma f'nisa u f'irġiel u jagħti informazzjoni dwar x'tip ta' taħriġ ingħataw?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4665 tpoġġa fuq ill-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
IMPJIEGI - PERSUNI B'DIŻABILITA'
4666. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti ċifri dwar kemm ġew impjegati persuni b'diżabilita' mal-privat u mas-servizz pubbliku sena b'sena mill-1990 sa l-1996, maqsuma f'nisa u f'irġiel?
ONOR. EDWIN GRECH: L-Għadd ta' persuni b'diżabilita' (rġiel u nisa) li ġew impjegati mal-privat u mas-Servizz pubbliku hu kif ġej:
Privat
--------------------------------------------------
Irgiel Nisa Total
--------------------------------------------------
*1990 - - 43
*1991 - - 82
*1992 - - 44
*1993 - - 46
*1994 - - 68
1995 41 135 176
1996 105 29 134
-----------------------------------------
Servizz Pubbliku
------------------------------------------
Irgiel Nisa Total
-------------------------------------------
*1990 - - 24
*1991 - - 85
*1992 - - 59
*1993 - - 30
*1994 - - 21
1995 8 26 34
1996 22 16 38
--------------------------------------------
Nota* Ir-records f'dan il-perjodu kienu miżmuma mid-Dipartiment tax-Xogħol. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ bdiet iżżomm dan it-tagħrif mis-sena 1995.
PERSUNI B'DIŻABILITA'
4667. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti l-għadd ta' persuni b'diżabilita' (li ma jinkludux anzjani ta' 'l fuq minn 60 sena), maqsuma skond kategoriji differenti ta' diżabilita', skond is-sess u skond l-age groups?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4667 tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
SKEJJEL - SKOLA SPEĊJALI TA' SAN MIGUEL
4668. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex veru li hemm xi tfal b'diżabilita' fiżika li m'humiex qegħdin jattendu l-iskola Speċjali ta' San Miguel f'St. Andrews, minħabba li m'hemmx faċilitajiet ta' trasport? Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, l-Ministru huwa mitlub jgħid kemm huwa n-numru ta' tfal li m'humiex jattendu u x'qiegħed isir biex din il-problema tiġi riżolta.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Każ minnhom jikkonċerna student li minħabba raġunijiet ta' saħħa ma baqax imur l-iskola fuq talba tal-ġenituri tiegħu stess. Issa hemm talba biex dan jerġa' jibda jattendi l-iskola. Il-każ l-ieħor jikkonċerna talba aktar riċenti għad-dħul fl-iskola.
Jibqa' jsir kull sforz biex l-istudenti li jeħtieġu aċċess għat-trasport speċjalizzat għall-iskola speċjali ta' San Miguel ikollhom din il-faċilita'.
MSU - PROGRAMM MANAGERS
4673. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn il-Programm Managers ta' l-MSU intalbu jmorru l-Kalkara fi Frar 1997 u issa f'April qed jintalbu jmorru lura Gattard House fi Blata l-Bajda? Kemm qam dan iċ-ċaqlieq minn post għall-ieħor?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li l-Programme Managers ta' l-MSU intalbu jmorru l-Kalkara f'Jannar u mhux fi Frar 1997. Dan sar bħala arranġament temporanju biex isir xogħol ta' ristrutturazzjoni biex jiġi utilizzat aħjar l-ispazju f'Gattard House, il-Blata l-Bajda. Kien jenħtieġ ukoll li tiġi stabbilita Organisation Structure ġdida għall-MSU u wara jiġu allokati definittivament l-uffiċċini fid-diversi diviżjonijiet. Wara dan l-eżerċizzju, l-Programme Managers qed jintalbu jiġu lura Gattard House għax ġie stabbilit uffiċċju adegwat għalihom. Iċ-ċaqliq tal-Programme Managers għal Kalkara ġie jiswa madwar Lm100. Din il-miżura temporanja kienet meħtieġa biex l-MSU topera bl-ikbar mod effiċjenti, u bl-inqas spejjeż possibbli waqt iż-żmien tar-ristrutturazzjoni.
MSU - SPONSOR TA' MBAS
4674. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet qed tisponsorja MBA's l-MSU fl-1996 u kemm qed tisponsorja fl-1997?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li l-MSU Ltd fl-1996 kienet qed tisponsorja sitt MBAs. Il-pożizzjoni sissa għadha l-istess.
G7 GOVERNMENT ON LINE INITIATIVE
4675. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk Malta għandha osservatur fil-G7 Government on-Line initiative? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet il-kontribuzzjoni ta' pajjiżna minn Ottubru 1996?
ONOR. ALFRED SANT: Il-G-7 Governemnt on-Line initiative tiġbor fiha għadd ta' pajjiżi bl-iskop li jibdlu l-esperjenzi dwar l-użu tat-teknoloġija għall-informazzjoni tal-pubbliku u wkoll sabiex jidentifikaw proġetti b'kollaborazzjoni bejn dawn il-pajjiżi.
Malta għandha observer status f'din il-għaqda. Minn żmien għal żmien tinżamm informata b'dak li jkun qed jiġi diskuss. Sa minn Novembru ta' l-1995, meta saret laqgħa f'Malta u din ingħatat observer status, ma kienx hemm lok li nintensifikaw il-parteċipazzjoni tagħna peress li din l-organizazzjoni għadha biss fil-livell ta' diskussjoni.
Għalhekk l-pożizzjoni llum għadha l-istess bħalma kienet qabel Ottubru ta' l-1996.
MSU - BUSINESS PLAN
4676. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn il-Business Plan tal-MSU għal 1997 għadu ma ġiex ippubblikat minkejja li dan kien targeted li joħroġ fi Frar 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Kopja tal-Business Plan tal-Management Systems Unit Ltd għas-sena 1997 tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta
MSU - BUSINESS PLAN
4677. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega x'ġara mill-Inizjattivi Nazzjonali bħal New Age Training u Value Added Networks li ssemmew fil-Business Plan ta' l-MSU għall-1996? X'sar xogħol fuq dawn l-inizjattivi minn Ottubru 1996 sal-lum?
ONOR. ALFRED SANT:
New Age Training
New Age Training m'hijiex kumpannija tal-Gvern iżda hija inizjattiva li tinvolvi l-MSU bħala wieħed mix-share holders. Fl-1996 ġiet imwaqqfa din il-kumpannija bħala joint venture bejn 14-il-kumpanija ta' l-Informatika. New Age għandha l-Bord tad-Diretturi u l-management tagħha li qed jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom. Dawn il-pjanijiet jikkonsistu filli jsawru l-dan iċ-ċentru f'wieħed li joffri l-ogħla livell ta' korsijiet fil-kamp tat-teknoloija minħabba li f'Malta neqsin ħafna minn dawn it-tip ta' korsijiet.
Tajjeb wieħed jgħid li New Age Training, bħala kumpannija, kienet biss ta' l-isem għax il-kontribut kollu ta' l-MSU f'dak iż-żmien kien ta' Lm1,500, li jirrappreżenta 20% ta' l-ishma. Taħt Gvern Laburista, permezz ta' l-MSU, din il-kumpannija qed tingħata spinta 'l quddiem, u l-kapital tax-share holders kollha se jiżdied. Għaldaqstant, din l-inizjattiva se tkompli b'mod biex New Age topera bl-iżjed mod effettiv, biex sa fl-aħħar tibda tipparteċipa wkoll fit-taħriġ. B'dan il-mod tista tilħaq l-għan ewlieni tagħha.
Value Added Networks
Bħalma jaf l-Onor. Membru, il-Value Added Networks kienet biss inizjattiva li ssemmiet mill-amministrazzjoni preċedenti u ma sar kważi xejn xogħol fuqha sakemm ħa l-kariga Gvern Laburista. Sa dak iż-żmien din kienet biss ħolma, u xejn konkret. Issa l-MSU ħadet l-inizjattiva biex tiddiskuti l-possibbilta' li jkun hemm alleanza mal-Korporazzjoni Telemalta biex flimkien jaħdmu id f'id ħalli din l-inizjattiva ssir realta' u tiġi implimentata.
Dan is-suġġett ġie diskuss ukoll mill-Kumitat li rreveda n-National Strategy for Information Technology u ġie nkluż fir-rapport li ħareġ dan il-kumitat.
MSU - ANNUAL REPORT 1995
4678. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn l-MSU Annual Report ta' l-1995 għadu ma ġiex ippubblikat?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-MSU Annual Report kien lest f'Ġunju 1996, iżda ma setax ikun ippubblikat qabel ma tkun lesta l-verifika tal-kontijiet tal-kumpannija. Dan il-proċess ntemm f'Jannar 1997 bl-iffirmar tar-rapport finanzjarju mid-Diretturi tal-kumpannija. Ir-rapport issa huwa komplut.
Kopja tar-rapport tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
POSTIJIET TA' WIRT NAZZJONALI
4689. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir listing ta' siti, bini, strutturi jew postijiet ta' wirt nazzjonali u/jew li huma xhieda tal-karattru ta' pajjiżna? Billi saret qisha drawha illi kmamar, barumbari jew xi struttura antika tiġi mħotta, jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li dan għandu jsir b'mod urġenti?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-proċess ta' listing ilu li beda diversi snin, iżda peress li hemm ħafna strutturi antiki mferxin mal-gżira kollha, dan il-proċess se jieħu ħafna żmien sabiex jitlesta.
PULIZIJA - BATCHING PLANTS
4690. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-batching plants ġewwa Għawdex issa humiex qegħdin regolari f'dawk li huma permessi? Jekk le, kemm minn dawk funzjonabbli m'humiex regolari u meta se jiġu f'dan l-istat?
ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
GĦAWDEX - UFFIĊĊJU TAD-DWANA
4691. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jkompli jinfetaħ l-uffiċċju tad-Dwana ġewwa Għawdex?
ONOR. LEO BRINCAT: Nassumi li l-mistoqsija tirriferi għall-uffiċċju li d-Dwana tiftaħ biex tagħti servizz fil-Yacht Marina ta Għawdex.
Il-ħsieb huwa li l-istess servizz jingħata wkoll din is-sena.
IMPJIEGI - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL
4692. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kif kien ir-reġistrar tal-qgħad f'Għawdex minn Jannar ta' l-1996, xahar b'xahar, sa Marzu ta' l-1997?
ONOR. EDWIN GRECH: Iċ-ċifri tal-qgħad f'Għawdex kienu:-
Jannar 1996 450
Frar 1996 442
Marzu 1996 399
April 1996 407
Mejju 1996 410
Gunju 1996 419
Lulju 1996 417
Awissu 1996 399
Settembru 1996 384
Ottubru 1996 403
Novembru 1996 580
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Novembru 1996.
GĦAWDEX - TRASFERIMENTI
4693. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il transfer sar s'issa f'Għawdex minn kull dipartiment u korpi parastatali?
ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba tingħata f'xi seduta ohra.
GĦAWDEX - VILLA RUNDLE
4694. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-passaġġi ġewwa Villa Rundle, fir-Rabat, Għawdex, jiġu ċċangjati mill-ġdid peress li jinsabu fi stat ferm ħażin u ta' periklu għal pubbliku ġenerali, b'mod partikolari għat-tfal?
ONOR. ALFRED SANT: Ix-xogħlijiet imsemmija jagħmlu parti minn proġett ta' riabilitazzjoni tal-ġnien kollu li diġa' inbeda.
PULIZIJA - KADETTI
4695. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm kadetti fl-Akkademja tal-Pulizija fil-preżent? Kemm se jdum il-kors li għaddej bħalissa? Kemm hemm vacancies għal spetturi u jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jinfetaħ kors ieħor wara dan il-kors?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 428.
MOSTA - SERVIZZ TAD-DRENAĠĠ
4696. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-komunikazzjoni tad-drenaġġ ta' New Street off Valley Road, Mosta? Meta huwa pproġettat li d-djar residenzjali f'din it-triq ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Jista' l-Onor. Interpellant jindika liema triq ġdida fi Triq il-Wied qiegħed jirriferi għaliha peress li ma hemmx talbiet pendenti għall-estensjoni tad-drenaġġ f'dan il-lokal?
MOSTA - TARMAC
4697. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru huwiex qiegħed jistħarreġ li jagħti t-tarmac lil triq ġdida fi Triq Gianni Vella, fil-Mosta? Jista' l-Ministru jgħid jekk din it-triq hijiex f'lista ta' prijoritajiet għad-dipartiment?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ġie mwaqqaf "steering committee" bejn il-Ministeru tax-Xogħlijiet u Kostruzzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali biex flimkien mal-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tat-Toroq tiġi "updated" l-informazzjoni dwar toroq li jeħtieġu l-asfalt jew tiswijiet kemm jekk dawn jaqgħu taħt il-Kunsill Lokali kif ukoll jekk huma responsabilita' tal-gvern ċentrali.
Deċiżjonijiet dwar xogħlijiet indikati mill-Onor. Interpellant jittieħdu wara dan ix-xogħol ta' konsultazzjoni.
MOSTA - TRIQ IL-FARINAL
4698. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu passi meħtieġa biex fi Triq il-Farinal, fil-Mosta, li għandha f'parti minnha għalqa li kien twaqqgħalha l-ħajt meta twessgħet it-triq, jerġa' jinbena l-ħajt li qatt ma nbena mill-kuntrattur li ħadem f'xogħol ta' twessigħ ta' triq, ladarba l-għalqa hija fil-livell u jiġi taħt it-triq bi kważi 1.50 għoli?
ONOR. GEORGE VELLA: L-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar.
SAĦĦA - MENTAL HEALTH REVIEW
4707. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-Membri tal-Mental Health Review? Meta ġew appuntati? Min meta ġew appuntati, kemm attendew laqgħat u kemm fallew individwalment u għal-liema raġuni?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-Mental Health Review Board għadu ma ltaqax għax iċ-Chairman qatt ma sejħu.
SPTARIJIET - RIŻENJI
4708. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, kemm kien hemm riżenji mis-servizz mis-26.10.96 sal-lum ta' staff nurses u enrolled nurses sptar b'sptar sew "fulltimers" u sew "part-timers"?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta' riżenji mis-servizz mis-26 t'Ottubru 1996 sal-lum ta' Staff Nurses u Enrolled Nursess huwa kif ġej:
SPTAR SAN LUQA SPTAR MONTE CARMELI
STAFF NURSES
Full time 3 1
Part-time - -
ENROLLED NURSES
Full time 2 -
Part-time - 1
SPTAR MONTE CARMELI - "CONSTANT WATCHES"
4709. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm "constant watches" ġurnata b'ġurnata ġewwa l-isptar Monte Carmeli mill-1.1.97 sa l-21.4.97 ġurnata b'ġurnata u kemm minnhom ġew riveduti kull jum?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: It-tweġiba għall-din il-mistoqsija ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
SPTAR MONTE CARMELI - INFORMAZZJONI
4710. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min suppost jiġi ammess ġewwa l-MW10 ta' l-iSptar Monte Carmeli? Skond il-kompliment uffiċjali, kif għandu jiġi mmanjat kull shift minn EN, SRN u fattigi? Kemm hu l-kompliment attwali u liema "roster" jitħaddem? Kemm preżentament hemm nies nieqsa u ta' liema grad f'kull shift? Kif qiegħed jingħata l-"vacation leave"?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fil-Male Ward 10 jkunu rrikoverati pazjenti rġiel li jkunu mibugħta fl-Isptar Monte Carmeli waqt li jkunu taħt is-sorveljanza tal-pulizija, jew mill-ħabs jew mill-Qorti għal perizja jew minħabba problema ta' abbuż ta' droga. Jintbagħtu wkoll f'din is-sala dawk il-pazjenti l-oħrajn kollha li fil-fehma tat-tabib responsabbli jew tad-delegat tiegħu jkunu qed ibagħtu minn kundizzjoni psikjattrika li tkun teħtieġ kura f'unita massima.
GRAD SHIFT KOMPLIMENT UFFICJALI KOMPLIMENT ATTWALI
SRN A 1 NIL
EN A 2 2
SRN B 1 NIL
EN B 2 2
SRN C 1 NIL
EN C 2 2
SRN D 1 NIL
EN D 2 2
SRN E 1 NIL
EN E 2 3
Filwaqt li hemm 5 SRN's niesqa, minn naħa l-oħra hemm EN żejjed. Il-kompliment Uffiċjali għar-rigward tal-fattigi huwa ta' 4 mqassma fuq erba' shiftijiet. Il-kompliment Attwali huwa 2.
Ir-roster għar-rigward tan-nurses hija Day, Day, Night, Rest u Off, jiġifieri matul il-ġurnata jkun hemm għassa żewġ shifts filwaqt li matul il-lejl ikun hemm 3 fattigi għassa skond ir-roster tagħhom.
Il-vacation Leave jingħata skond l-esiġenza tas-servizz u skond it-talbiet tal-impjegati. Qed jintlaqgħu massimu ta' żewġ talbiet kuljum kif kien jingħata fil-passat.
Minħabba dan in-nuqqas fil-kompliment attwali, partikularment f'din is-sala, jintbagħtu relievers ġeneralment infermiera bis-sahra biex jimlew dawn il-vakanzi.
Sfortunatament, minħabba inuqqas għall-diversi snin ta' l-infermiera fil-grad partikularment ta' S.N il-kompliment f'din is-sala qatt ma ntlaħħaq.
Apparti mill-impjegati kollha msemmija hawn fuq, fil-kompliment tas-sala hemm Nursing Officer u Deputy Nursing Officer.
SPTAR MONTE CARMELI - YPU IMPJEGATI
4711. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li l-impjegati kollha li jaħdmu ġewwa l-YPU ta' l-iSptar Monte Carmeli qatt ma kien hemm akkużi ta' abbuż ma' pazjenti kontra tagħhom?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nikkonferma illi sa llum 23 ta' April 97, qatt ma rċevejt ebda ilment dwar imġieba abbużiva mill-impjegati kollha li llum jaħdmu fil-YPU.
SPTAR MONTE CARMELI - AKKUŻI KONTRA ŻEWĠ IMPJEGATI
4712. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi għaddejjin kontra ż-żewġ impjegati mill-iSptar Monte Carmeli li jinsabu akkużati b'serq ta' laħam? Veru li issa t-tnejn għaddew "medical board" u m'għadhomx impjegati tad-dipartiment? Meta saret l-akkuża kontra tagħhom? Meta ħarġu bis-"sick leave"? X'kienet ir-raġuni tas-"sick leave"? Meta ġew eżaminati mill-board mediku? Meta ġew "boarded out"?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab infurmat li nħatret inkjesta maġisterjali ul-Pulizija għada għaddejja f'investigazzjoni dwar dan il-każ. Ma naħsibx li hija etika illi nipprovdi dettalji personali dwar x'impjegati speċjalment meta l-każ għadu qed jiġi nvestigat.
QORMI - TRIQ NIKOL BALDACCHINO
4717. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Nikol Baldacchino, f'Ħal Qormi u wkoll meta sa ssir il-bankina fl-istess triq issa li joqogħdu ħafna nies fiha?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni mogħtija b'risposta għall-mistoqsija parlamentarui numru 4697 li tgħodd ukoll għal dan il-każ.
PULIZIJA - ĦWIENET BIL-LIĊENZJA
4718. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawn il-ħwienet imsemmija humiex koperti bil-liċenzji maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija:- (1) KAD's Bar ta' Wilġa Street, Paceville; (2) ED's Dinner ta' "Gabbana" Dragonara Rd, Paceville, St. Julians; (3) Mish-Mesh Restaurant li jinsab opposite Dick's Bar; (4) Alexandra Hotel, illum hemm pizzeria u li tinsab f'Church Street, Paceville li sar change of use from store to pizzeria; u (5) Berrilo's Pizza & Pasta ta' Valley Rd, B'Kara? Jekk le, għaliex dawn qegħdin jitħallew joperaw mill-awtoritajiet?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab infurmat li f''Wilga Street', Paċeville ma hemm l-ebda ħanut bl-isem ta' 'Kad's Bar'.
ED's Diner, Mishmasch Restaurant u Alexandra Apart Hotel huma kollha liċenzjati.
Għalkemm fil-każ ta' Berillo's Pizza & Pasta il-liċenzja għadha ma ħarġitx, l-applikazzjoni diġa' ġiet ipproċessata.
MAJJAL - ŻIEDA FIL-KWOTA
4719. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jikkonferma li se jkun hemm żieda fil-kwoti tal-majjal, għaliex reġgħu qed jissemmew spiss il-possibbilta' ta' żieda f'dawn il-kwoti? Kemm mistennija tiżdied il-kwota? Kif se titqassam din iż-żieda fil-kwota?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Le ma nikkonfermax li kien hemm żieda fil-kwoti, iżda kien hemm żieda fil-qatla.
TA' QALI - MASTER PLAN
4720. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni jiġi finalizzat il-master plan dwar Ta' Qali?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-Pjan ta' Azzjoni għal Ta' Qali ser jitressaq għall-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-bidu ta' Mejju, biex imbagħad joħroġ għal konsultazzjoni pubblika.
SANTA VENERA/TAL-QROQQ - AĊĊESS FUQ MINI
4721. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienet ir-raġuni li għaliha infetaħ aċċess ġdid għal fuq il-Main Road (ħdejn il-bridge iż-żgħir ta' Regional Rd) bejn il-mini l-ġodda ta' Santa Venera u l-mina ta' ħdejn l-Universita'?
Jaf il-Ministru li dan l-aċċess ġdid mhu xejn ħlief traffic hazard ġdid u bla skop?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-aċċess imsemmi mill-Onor. Interpellant infetaħ temporanjament sakemm isir xogħol ieħor fuq ġewwa, u ttieħdu prekawzjonijiet possibbli permess ta' sinjali tat-traffiku u twaħħil ieħor tal-"crash barriers" ħalli jiġi evitat il-periklu.
AWTORITA' TA' L-IPPJANAR - PERMESSI GĦAL XOGĦLIJIET
4722. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet li għalihom intalbu permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Liema dipartimenti applikaw għal dawn il-permessi? Meta saret kull applikazzjoni u meta ġew approvati?
ONOR. GEORGE VELLA: L-Onor Interpellant huwa ġentilment mitlub jindika għal liema xogħolijiet qiegħed jirreferi.
ETC - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL
4723. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm nies li kienu qed jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru li sabu xogħol matul ix-xahar ta' Frar, 1997?
ONOR. EDWIN GRECH: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
ANZJANI - KURA TA' L-ANZJANI
4724. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qed issir mill-Gvern mal-kunsilli lokali fil-qasam tal-kura ta' l-anzjani?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-Gvern qiegħed jaħdem mal-Kunsilli Lokali fil-qasam ta' l-anzjani kif se jingħad:
Il-gvern għammar il-postijiet ta' Day Centres f' Ħal Qormi u Ħad Dingli bl-għamara u l-faċilitajiet, inkluż l-istaff, biex id-Day Centres bdew jaħdmu.
Fil-Każ tad-Day Centre li se jitwaqqaf f'Tas Sliema, id-Dipartiment għall-Kura tal-Anzjani se jagħmel it-tibdiliet meħtieġa, u l-faċilitajiet inkluż l-istaff biex jinfetaħ dan id-Day Centre. Bħalissa għaddejjin taħditiet mal-Kunsilli Lokali ta' l-Imsida biex jitwaqqaf Day Centre ġod-Dar għall-Anzjani ta' l-Imsida.
Fuq l-istess prinċipji qed isiru taħditiet ma' Kunsilli Lokali oħra biex dawn jiftħu Day Centres.
Qed issir koperazzjoni bejn il-Gvern u madwar 20 Kunsill Lokali fil-Proġett Info-Anzjan. L-informazzjoni miġbura qed tiġi mdaħħla fil-computers bil-għajnuna teknika ta' l-INIA (International Institute on Ageing) biex issir analiżi sabiex il-Gvern ikun jista jfassal policy li tkun l-aktar adattata għal ħtiġijiet attwali ta' l-anzjani. Fuq din it-tema kien sar seminar li fih ħadu sehem il-Kunsilli Lokali kollha u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani.
Hemm ukoll ħidma kontinwa bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali fil-proġett Kartanzjan. Filwaqt li l-Kummissjoni Elettorali tipprepara l-karti ta' l-identita speċjali għal dawk il-persuni li jkunu se jagħlqu s-sittin sena, il-Kunsilli Lokali qiegħdin jieħdu ħsieb li jqassmu dawn il-karti ta' l-identita speċjali lill-anzjani propju f'egħluq is-sittin sena ta' dawn l-anzjani.
ETC - PLACEMENTS
4725. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru "placements" mill-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ (a) f'Malta u (b) f'Għawdex matul ix-xahar ta' Marzu 1997?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' nies li ġew "placed" mill-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ matul ix-xahar ta' Marzu 1997
(a) f'Malta kien ta' 157 u
(b) f'Għawdex kien ta' 7.
ETC - STUDJU STRATEĠIKU
4726. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest l-istudju strateġiku dwar il-Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ u dwar id-Dipartiment tax-Xogħol li kien tkellem dwaru fis-seduta tas-16 ta' Diċembru, 1996?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
VOLONTARJAT SOĊJALI
4727. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista l-Ministru jgħid x'ħidma qed iwettaq il-Gvern biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-Istat u l-volontarjat soċjali?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Dostları ilə paylaş: |