MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 217
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 144 li saret fit-18 ta' Novembru, 1997 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI
UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - SAFAR
9585. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Prim Ministru): Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG:Madam Speaker, ladarba qed nitkellmu fuq safar, jista' l-Ministru mingħajr Portafoll jgħidilna x'inhu l-iskop li, jekk mhux fiż-żjarat kollha, f'ħafna żjarat li qed jagħmel il-Prim Ministru barra minn Malta qed jiġi akkumpanjat minn deputat tal-gvern? GĦal dan jista' jirrispondi wkoll il-Viċi Prim Ministru. X'inhu l-iskop li deputat tal-gvern jakkumpanja lill-Prim Ministru f'dawn id-delegazzjonijiet barra minn Malta u xi tkun il-funzjoni tiegħu matul dawn iż-żjarat?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel mistoqsija parlamentari bil-miktub.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Borg.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, ladarba qegħdin fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari ma naħsibx li huwa f'loku li wieħed jgħidli biex nagħmel mistoqsija bil-miktub. Din hija kwestjoni ta' policy. Mhux l-ewwel darba li deputat tal-gvern akkumpanja lill-Prim Ministru barra minn Malta u għalhekk ninsisti li ningħata risposta. Jien naħseb li anke l-Viċi Prim Ministru, li huwa preżenti, jista' jagħtini risposta fuq dan ir-rigward.
Kulma qed nitlob jien huwa li jgħiduli r-raġuni għaliex deputati tal-gvern - dawn m'humiex impjegati pubbliċi, għax kieku dik hija kwestjoni oħra, imma aħna nafu li deputati tal-gvern ma jistgħux ikunu mpjegati pubbliċi - qed jakkumpanjaw kull darba lill-Prim Ministru f'delegazzjonijiet barranin meta jmorru barra minn Malta u xi tkun il-funzjoni tagħhom matul dawn iż-żjarat?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, nistgħu ngħidu li parti mill-iskop huwa wieħed edukattiv. Veru li hawnhekk aħna qed nagħmlu xogħol leġislattiv biex immexxu l-pajjiż pero' dan ma jfissirx li tinżel xi purtiera bejn il-front-benchers u l-back-benchers, jiġifieri bejn dawk li qegħdin li fuq quddiem u dawk li qegħdin fuq wara. Min illum qiegħed fuq wara, għada jaf ikun fuq quddiem u l-iskop ta' dan kollu huwa li lill-membri parlamentari, speċjalment lil dawk ġodda, nesponuhom għall-atmosfera u għall-ambjent ta' dawn il-konferenzi l-kbar. Il-kollega tiegħi huwa korrett għax kienet id-deċiżjoni tal-Prim Ministru - ovvjament aħna lkoll naqblu ma' din id-deċiżjoni - li meta nkunu mistednin għal konferenzi li għandhom ċertu impatt u ċerta atmosfera, bħal ngħidu aħna dawk tal-United Nations jew tal-Commonwealth Heads of Government ta' Edinburgh, nieħdu membru parlamentari magħna ħalli jiġi espost għal din il-konferenza. B'hekk meta jkun hemm bżonn li sostitut membru jakkumpanja xi delegazzjoni parlamentari fl-aħħar mument, bħalma ġara l-bieraħ stess, ikun aħjar jekk dan il-membru diġa' jkollu exposure għal dawn it-tip ta' konferenzi.
Jien nista' nassigura lill-Onor. Interpellant li dawn id-deputati tal-gvern imorru mad-delegazzjonijiet biex jinnotaw, biex jitgħallmu u anke biex jiġu involuti f'xi taħdidiet - bħal meta aħna attendejna għas-summit tal-Council of Europe fejn kellna laqgħat ma' diversi nies importanti, bħal Jacques Poos u Romano Prodi - u b'hekk jitgħallmu l-arti ta' din it-tip ta' politika. Jien żgur li ma nqisx li dawn huma flus mormija.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Borg.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, għaliex il-Viċi Prim Ministru jidhirlu li l-edukazzjoni tad-deputati tal-gvern għandha ssir a spejjeż ta' fondi pubbliċi? F'dan il-Parlament m'hawnx distinzjoni bejn membri parlamentari, ħlief bejn il-gvern u l-bqija tal-Parlament. Allura ma jarahx diskriminatorju l-fatt li d-deputati tal-Gvern qed jitgħallmu l-arti tad-diplomazija u tal-konferenzi barra minn Malta permezz ta' fondi pubbliċi? Ma jaħsibx li qed iġebbed xi ftit l-argument meta qed jgħid li biex xi ħadd ikun ippreparat għal xi konferenza internazzjonali - jew xi laqgħa internazzjonali bħal dik tal-Joint Parliamentary Committee, għax jien naħseb li għal dan il-kumitat kien qed jirriferi meta semma li saret sostituzzjoni ta' xi membru parlamentari - irid jakkumpanja lill-Prim Ministru a spejjeż ta' fondi pubbliċi? Il-Viċi Prim Ministru ma jidhirlux li hemm okkażjonijiet oħrajn fejn dan il-Parlament, jiġifieri kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni, jipparteċipaw f'laqgħat internazzjonali bħal, per eżempju, f'dawk tal-Commonwealth, f'tal-Kunsill ta' l-Ewropa u f'konferenzi tal-Ġnus Magħquda?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, bħalma jaf il-kollega tiegħi, il-konswetudini dejjem kienet li jkun hemm ħafna okkażjonijiet fejn iż-żewġ naħat tal-Kamra jkunu rappreżentati u allura m'hi qed issir l-ebda diskriminazzjoni bejn il-membri tan-naħa tal-Gvern u dawk tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni.
Jien id-diskriminazzjoni u l-ħela ta' flus il-poplu narahom meta per eżempju, wieħed jieħu miegħu lis-segretarju privat tiegħu, l-assistent personali jew id-direttur tiegħu u anke xi hairdresser. Dak huwa żgur ħela ta' flus il-poplu! Safejn naf jien s'issa f'din il-leġislatura l-Prim Ministru jew il-MP's li marru barra minn Malta għal xi konferenza qatt ma tellgħu lil xi assistent personali jew segretarju magħhom.
Aħna qed inżommu d-delegazzjonijiet to the bearest minimum u qed nagħmlu kontroll ukoll biex naraw li verament ikun hemm il-bżonn li delegazzjoni tmur barra minn Malta. Madam Speaker, nista' nassigura lill-Kamra li l-fondi pubbliċi qed jiġu mħarsa bl-ikbar skrupolożita' u onesta' u kull sitt ħabbiet li qed nonfqu, qed nonfquh fl-aħjar interess tal-pubbliku.
AFFARIJIET BARRANIN - SAFAR
9586. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. GEORGE VELLA: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
FINANZI U KUMMERĊ - SAFAR
9587. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): It-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
ĠUSTIZZJA U KUNSILLI LOKALI - SAFAR
9588. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997 siefru delegazzjonijiet mill-ministeru tiegħu u mid-dipartimenti u kummissjonijiet li jaqgħu taħtu kif indikati fl-iskeda li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Din l-iskeda tinkludi d-dettalji kollha li talab l-Onor. Interpellant.
TURIŻMU - SAFAR
9589. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru tat-Turiżmu): L-informazzjoni mitluba hija kif ġej :
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, forsi l-Ministru daħal f'ċertu dettall esaġerat fir-risposta tiegħu. (Interruzzjonijiet) Jista' l-Ministru jispjegali xi jfissru l-ittri EIBTM u CEO li ssemmew f'din ir-risposta parlamentari?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Meta kont l-iskola jien kont tgħallimt li CEO tfisser chief executive officer. GĦar-rigward ta' l-abbreviation l-oħra nista' ngħidlek li din għandha x'taqsam mat-turiżmu. (Interruzzjonijiet)
L-abbreviation EIBTM tikkonċerna xi konferenza li għandha x'taqsam mat-turiżmu. Pero' biex tingħata d-dettalji eżattament ta' xi tfisser din l-abbreviation nitolbok tagħmel mistoqsija parlamentari bil-miktub ħalli tkun tista' tingħata din l-informazzjoni. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, il-Ministru żgur li ma jistax jgħidli li din l-abbreviation m'hijiex parti mir-risposta għax qiegħda inkluża fiha u għalhekk jien nixtieq li ningħata din l-informazzjoni. Jekk ma jafhiex, ma jimportax imma jgħidilna li ma jafhiex. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, jien qrajt ir-risposta skond l-iStanding Orders u allura żgur li m'iniex out of order. Qiegħed out of order min qed jagħmel id-domanda.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Madam Speaker, wieħed jieħu gost jinnota l-ħerqa kbira li għandhom sħabna tan-naħa l-oħra biex ikunu jafu d-dettalji fuq is-safar u d-delegazzjonijiet għax dan ifisser li fl-aħħar ikkonvertew huma wkoll. Madanakollu jien nixtieq nistaqsi lill-Ministru kemm kien jingħata sodisfazzjon f'din il-Kamra fi żmien il-leġislatura l-oħra dwar is-safar, liema safar, kif spjega l-Viċi Prim Ministru, apparti li kien isir bla kontroll, kien jattira ċerti nies li ċertament ma kellhom qatt jitilgħu mad-diversi delegazzjonijiet.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, ikun tajjeb jekk wieħed jikkompara l-informazzjoni li kienet tingħata fi żmien il-leġislatura l-oħra ma' dik li qed tingħata matul din il-leġislatura. Għax filwaqt li llum qed tingħata l-informazzjoni rikjesta min-naħa tal-Gvern, tista' tgħid li fil-maġġoranza assoluta tal-każi matul il-leġislatura preċedenti din l-informazzjoni ma kenitx tingħata. GĦalhekk jidher ċar li aħna qed inżommu dak li wegħdna fil-programm elettorali tagħna, jiġifieri li nkunu trasparenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijet għadda. Ngħaddu għat-Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Mizzi.