THE CHAIRMAN: Onor. Gonzi, jekk jogħġbok ikkonkludi d-diskors tiegħek.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, minkejja li kienu ssemmew diversi inizjattivi fil-budget, xi wħud minnhom ma nafx x'sar minnhom. Fost l-inizjattivi li ssemmew f'dan il-budget nista' nsemmi l-famuża accessibility unit li ma nafux x'sar minnu lanqas u għalhekk nistenna li l-Gvern jagħtina rendikont fuq dan ir-rigward.
Sur President, nixtieq nikkonkludi d-diskors tiegħi billi ngħid li dan il-Gvern imissu jifhem li jista' joħloq il-ġid, pero' dan jista' jsir biss jekk jaħseb fiż-żgħir għax b'hekk fl-istess ħin ikun qed jaħseb fil-kbir. Il-Gvern jista' joħloq il-ġid billi ma jwebbisx rasu u jifhem li l-ġid jinħoloq biss meta jaħseb l-ewwel fil-batut. Jekk stess id-deċiżjonijiet li jieħu jkunu jidhru tajbin fuq il-karta u jidhru tajbin f'għajnejn accountant, il-Gvern għandu l-obbligu li jara kif dawn id-deċiżjonijiet se jolqtu lil dawk is-setturi li qed isofru bil-kwiet, li m'għandhomx vuċi f'dan il-Parlament u li jiddependu minna biex aħna niddefenduhom.Dan huwa budget bla qalb u aħna se nivvotaw kontra tiegħu bil-qalb. Grazzi, Sur President.
THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Issa ntemm il-ħin disponibbli għall-Oppożizzjoni u beda l-ħin disponibbli għall-Gvern. L-Onor. Joe Abela.
ONOR. JOE ABELA: Sur President, meta tkun f'dan il-Parlament u tara show, bħalma rajna l-ewwel mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni u mbagħad iktar tard mill-Onor. Gonzi, tibda tiddubita jekk intix qiegħed fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jew ġewwa t-teatru ta' l-Istitut Kattoliku għax dawn ix-xeni iktar huma tajbin għal fuq il-palk milli għal ambjent serju. Ħalli nibda nispjega x'kien l-iskop ta' dan il-budget.
Sur President, l-ewwelnett irridu ngħidu bla tlaqliq li l-problema finanzjarja li sab quddiem wiċċu l-Gvern hija waħda reali u huwa inutli li tan-naħa l-oħra jipprovaw jaħarbu din ir-realta'. L-Oppożizzjoni qed tipprova tbella' lill-poplu li fi żmien il-Gvern preċedenti s-sitwazzjoni finanzjarja kienet tajba u li pajjiżna kien miexi fuq ir-rubini pero' malli l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u tela' fil-gvern beda jmur kollox ħażin u f'daqqa waħda pajjiżna sar diżastru. Imma skużi, intom b'min tridu tidħku!? GĦax kummenti bħal dawn żgur li jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu Malti. Forsi m'huwiex minnu li aħna sibna dejn ta' aktar minn Lm900 miljun? Forsi m'huwiex minnu li intom fallejtu lill-iktar korporazzjonijiet li kienu jagħmlu qligħ f'pajjiżna? Forsi m'huwiex minnu li lil dawn il-korporazzjonijiet tant għabbejtuhom bid-djun u tant ġibtuhom f'sitwazzjoni insostenibbli li issa dawn mhux biss qed ikollhom jiddependu fuq il-gvern biex iħallsu l-imgħaxijiet imma anke biex jiffunzjonaw? Aħna anti-soċjali għax aħna qed nipprovaw insewwu xi ftit mill-ħsara li għamiltu intom? Forsi se jkun il-Partit Nazzjonalista li jagħtina xi lezzjoni fuq is-servizzi soċjali? Taħsbu li aħna ma nafux f'liema sitwazzjoni sabu lil Malta l-gvernijiet Laburisti tas-sebgħinijiet? Se tkunu intom, tal-Partit Nazzjonalista, li tiġu tgħallmuna kif għandna nieħdu ħsieb lill-fqir u lill-batut? Sur President, ejja nibdew billi nsemmu l-affarijiet li aħna wegħidna waqt il-kampanja elettorali, meta konna qed nikkompetu ma' l-Oppożizzjoni.
Aħna wegħidna li se nieħdu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż bis-serjeta' għax nemmnu li jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tkun ħażina awtomatikament se jintlaqat l-iktar min hu batut għax il-gvern ma jkunx jista' jagħti benefiċċji xierqa lil min l-iktar għandu bżonn. Jekk pajjiż ikun jinsab f'sitwazzjoni finanzjarja ħażina, kif se tkun tista' tiffinanzja l-edukazzjoni, l-isptarijiet u jagħti benefiċċji f'akkomodazzjoni soċjali? Intom żgur li ma tistgħux tgħidu li din il-problema ġibnieha aħna, għax din il-problema sibnieha hemm diġa' u qed nagħmlu minn kollox biex insolvuha. Pero' waqt li qed nagħmlu dan, intom, ta' l-Oppożizzjoni, x'qed tagħmlu? Qed ittellfuna u qed tiġu hawnhekk biex toqogħdu tgħidu lin-nies li aħna anti-soċjali, li l-miżuri li qed nieħdu qed neħduhom ... Pero' huwa inutli li qed tipprovaw tidħku bin-nies għax in-nies lilna jifhmuna. Jien niddejjaq noqgħod insemmi l-figuri, imma kif tista' tmexxi meta tkun taf li l-imgħaxijiet biss għal dan id-dejn illum itellgħu għal Lm54 miljun? Kif tista' tmexxi meta mar-radd tas-salib tkun trid tara kif se tħallas dawn l-Lm54 miljun mill-kejk nazzjonali tagħna?
Sur President, possibbli li fil-budget kollox huwa negattiv u m'hemm xejn pożittiv fih? Aħna mill-ewwel ammettejna li dan il-budget se jkun wieħed iebes u diffiċli għal kulħadd, mela le. B'dan il-budget kulħadd irid jerfa' l-piż tiegħu. Imma possibbli li dan il-budget ma fih xejn pożittiv u ta' sustanza? Allura din hija kritika kostruttiva? Intom qatt ma kellkom id-diċenza tgħidu li se tkunu kostruttivi f'dan il-Parlament jew li se tkunu fair fil-kritika tagħkom u llum mid-diskorsi li qed tagħmlu joħroġ ċar li intom dan m'intomx lesti li tagħmluh. Għax wara kollox x'aħna nisimgħu mingħandkom? Li issa kulma qed isir huwa ħażin u negattiv u Alla jbierek kulma kien isir qabel kien kollu tajjeb. Issa hawnhekk jien m'iniex qed ngħid li m'aħniex se nieħdu miżuri soċjali oħrajn minħabba din is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li sibna. Fil-fatt aħna, permezz ta' dan il-budget, żidna l-ispiża fuq is-servizzi soċjali, imma din intom ma ssemmuhiex. Huwa minnu li l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma se jolqtu lil ħafna nies. Jien nista' ngħid li ġej minn familja tal-ħaddiema għax il-papa' tiegħi jaħdem il-power station, qegħdin familja ta' sitta min-nies u nista' ngħid li l-familja tiegħi se tħoss dawn il-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma bħalma wara kollox se tħosshom kull familja Maltija normali. Imma aħna nifhmu l-bżonn li wieħed jikkontribwixxi ftit u l-Laburisti kienu ppreparati għal ħaġa bħal din għax kienu jafu li aħna dejjem iwrietna din is-sitwazzjoni mingħand Gvern Nazzjonalista. Għax ma tgħidux xi ħaġa fuq is-sitwazzjoni li writtu intom fl-1987 meta r-riżervi li kellkom kienu jammontaw għad-doppju tad-dejn nazzjonali li kellkom? U intom biex kontu akkużajtuna fl-1987? Li dak iż-żmien impjegajna n-nies b'mod irregolari. Intom x'għamiltu f'Posta Ltd.? Fqajtuha b'ħaddiema irregolari! (Interruzzjonijiet) Aħna mhux keċċejna erbgħa min-nies ...
THE DEPUTY CHAIRMAN(Onor. Anġlu Farrugia): Onor. Abela, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOE ABELA: Sur President, aħna mhux keċċejna erbgħa min-nies imma rajna li min kien responsabbli jieħu dak li ħaqqu. Intom għaliex biddiltu dipartiment tal-gvern li kien qiegħed miexi b'mod effiċjenti, dawwartuh f'kumpannija u f'daqqa waħda l-kumpannija bdiet tagħmel it-telf u bdiet tidħol għal kuntratti li jħallu t-telf? Dan x'management hu! Intom suppost għamiltu din l-azjenda iktar effiċjenti ġaladarba għamiltuha a limited liability company. U mbagħad tiġu tgħajru lilna b'irresponsabbilta'! Irresponsabbli hu min ma jużax flus il-poplu kif suppost u min ma jkunx accountable għall-poplu! U mbagħad jiġi l-Onor. Gonzi jgħidilna li l-miżuri li qed nieħdu ...
Sur President, l-Onor. Gonzi ma faħħarx dak li aħna se nipprovaw nagħmlu mal-ħaddiema tal-gvern. Kulħadd jaf x'inhi s-sitwazzjoni. Issa din is-sitwazzjoni ġabuha kemm in-Nazzjonalisti kif ukoll il-Laburisti. Din is-sitwazzjoni kienet ilha ġejja, imma għax issa se nipprovaw nagħmlu xi ħaġa biex nirrimedjawha għal dak li għandu x'jaqsam maċ-ċivil, minn fuq li intom m'għamiltu xejn fuq din il-ħaġa f'għaxar snin, se toqogħdu ssemmulna l-miżura li ħadna għar-rigward tal-ħaddiema tal-gvern li jaħdmu bil-light duty? Ta' min jgħid li mal-gvern hemm iktar minn 900 ruħ li jagħmlu light duties u ħafna minnhom jabbużaw bis-saħħa tat-tobba li ma jiddardrux joħorġu ċertifikat mediku li t-tali impjegati ibati b'xi uġigħ f'dahru. Imbagħad x'jiġri? Imbagħad lil dak l-impjegat tarah jitlaq minn fuq ix-xogħol fid-9.00 a.m., imurlek jaħdem mal-kuntratturi - li aktarx ikun ħa kuntratt mingħand il-gvern - u jaqla' paga doppja! Allura aħna għandna nippermettu dawn l-affarijiet? Inti qed tiġi tgħajjarna għax qed ngħidu li min qed jagħmel dawn l-abbużi se nġiegħluh jibda jagħmel ix-xogħol normali tiegħu, aħseb u ara kemm kont tgħajjarna iktar kieku għidna li lil dawn in-nies se nkeċċuhom! Aħna m'aħniex se nġiegħlu lil dawn il-ħaddiema kollha biex ma jibqgħux jagħmlu light duties imma lil min insibuh li qiegħed jabbuża .... Aħna nafu nagħżluhom lin-nies u nagħrfu lil min ikun ġenwin u lil min ikun qed jabbuża.
Sur President, l-Onor. Gonzi kkritika wkoll il-fatt li għal kull riċetta tal-mediċini wieħed se jibda jiġi ċċarġjat 50ċ. Jien kont naħdem l-isptar u għalhekk naf x'abbużi jsiru mill-mediċini. U aħna, Onor. Gonzi, il-50ċ għamilnieha mill-ewwel fuq kull riċetta u mhux fuq kull mediċina. Ħalli naqralek parti minn paġna 85 tad-diskors tal-budget:
"Biex jagħmel lil kulħadd konxju mill-ispiża nvoluta f'dan il-qasam, minn Jannar li ġej id-dipartiment tas-saħħa se jibda jitlob ħlas ta' 50c ma' kull riċetta medika li fuqha jinħarġu l-mediċini u mediċinali b'xejn, ikunu kemm ikunu jiswew.".
Dan id-diskors m'huwiex ċar biżżejjed? (Interruzzjonijiet) Inti għidtilna li dan il-budget jipproponi li jkun hemm tariffa ta' 50ċ fuq kull mediċina li bniedem is-soltu jieħu b'xejn. (Interruzzjonijiet) Jien naf naqra, Onor. Gonzi, u hawnhekk għandna miktub ċar li l-ħlas ta' 50ċ se jkun għal kull riċetta medika u mhux għal kull mediċina. (Interruzzjonijiet) Fuq ir-riċetta ġieli jkun hemm iktar minn mediċina waħda. Jien naf x'qed ngħidlek għax kont naħdem l-isptar. (Interruzzjonijiet) Inti hawnhekk ġejt tgħidilna li l-budget jipproponi li jkun hemm ħlas ta' 50ċ għal kull mediċina. Hija diżonesta' li inti qed tiġi tgħidilna hekk.
Sur President, illum kulħadd jaf li dawn l-affarijiet kellhom jiġu indirizzati. Fil-fatt anke l-Gvern Nazzjonalista kien qed jaħseb biex idaħħal dawn il-miżuri - hawnhekk tidħol id-diżonesta'- bħalma kien qed jaħseb fuq il-problema tad-dejn nazzjonali u ċ-children allowance. Il-Gvern Nazzjonalista ma qagħadx lura milli jaqta' ċ-children allowance lil dawk li jaqilgħu Lm10,000 fis-sena jew iktar. Ara dik ma semmihilnix l-Onor. Gonzi! (Interruzzjonijiet) Jiġifieri konna diġa' bdejna mmissu l-benefiċċji xi ftit. Sur President, ġew jgħajruna li aħna qtajna qalbna għax ippreżentajna budget ... Qata' qalbu min ma kellux wiċċ jippreżenta budget qabel ma jsejjaħ elezzjoni! (Onor. Membri: Hear, hear) Dak qata' qalbu żgur!
Sur President, madanakollu aħna sibna spazju biex noħolqu miżuri ġodda. Fil-fatt ta' min jgħid li aħna, permezz ta' dan il-budget, tajna dritt għal disabled child allowance u għal pensjoni ta' persuna b'diżabilita' lil min ibati minn cystic fibrosis u mit-TCII deficiency. Vetturi li jintużaw speċifikament minn persuni b'diżabilita' ġew esklużi mid-dazju. Il-kondizzjonijiet ta' pensjoni ta' armel ġibniehom bħal dawk ta' pensjoni ta' armla. Se niftħu day-care centre fil-Kalkara - għax għidna li se niftħu dan id-day-care centre l-Onor. Giovanna Debono qaltilna biex noqogħdu attenti għax nispiċċaw f'sitwazzjoni fejn in-nisa jibdew jieħdu ħsieb it-tfal iktar mill-irġiel; kif dejjem jirnexxilhom jaraw xi ħaġa negattiva f'kull ħaġa li nagħmlu! - li nistgħu nsejħulha miżura soċjali doppja għax dan id-day-care centre se jitwaqqaf fin-naħa tas-south, jiġifieri f'dik il-parti ta' Malta li Gvern Nazzjonalista abbanduna għal għaxar snin sħaħ. Dak iż-żmien l-Onor. Gonzi kien Speaker u ma tantx seta' jitkellem għall-Kottonera! Kuntrarjament għal dan, il-Gvern Laburista organizza konferenza dwar l-iżvilupp tan-nofsinhar ta' Malta għax jemmen li parti mill-problema ta' l-iżvilupp soċjali ta' pajjiżna huwa proprjament l-iżvilupp tan-nofsinhar ta' Malta. Mela barra li Gvern Laburista se jiftaħ day-care centre fin-nofsinhar ta' Malta, se jagħmel promenades f'Marsaxlokk, Marsascala u Birzebbuga, imma dawn assolutament ma semmewhomx il-Membri ta' l-Oppożizzjoni.
Min segwa d-dibattiti tal-Parlament dwar dan il-budget, żgur li seta' jisma' lill-Membri ta' l-Oppożizzjoni jgħidu li l-impjiegi qed jonqsu, imma ħadd minnhom ma qalilna li malli l-Gvern Nazzjonalista daħħal it-taxxa tal-VAT fl-1995, f'daqqa waħda skopra 5,000 impjieg ġdid u kellha tkun il-VAT li tikxifhom. Dawn lanqas ma qalulna li t-trend ilha nieżla 'l isfel mill-1995. Dawn l-affarijiet huma ma jsemmuhomx għax iridu jagħtu lill-poplu l-impressjoni li beda nieżel kollox 'l isfel hekk kif tlajna aħna. Il-Membri ta' l-Oppożizzjoni lanqas ma semmew il-miżura soċjali li ddaħħlet f'dan il-budget, jiġifieri dik ta' għajnuna lil min jimpjega nies li għandhom 'il fuq minn 40 sena. Ħadd mill-Membri ta' l-Oppożizzjoni ma semma dawn il-miżuri li ttieħdu f'dan il-budget. Fil-fatt jien naħseb li wieħed għandu jiskanta meta jara li aħna se nindirizzaw il-flus tal-lottu pubbliku għall-ġlieda kontra l-alkoħol u d-droga mingħajr ma naqqasna xejn mill-voti ta' l-edukazzjoni, tas-saħħa u ta' l-akkomodazzjoni soċjali, anzi żidniehom. Min irid ikun onest b'dan il-mod irid jitkellem.
Veru li dan il-budget huwa iebes imma aħna ma bżajniex ngħidulhom dan lin-nies għax ma rridux nagħmlu bħall-Gvern Nazzjonalista, meta kien jgħolli l-kontijiet ta' l-ilma xahar wara l-budget, qisu qatt ma ġara xejn, jew meta kien jgħolli l-kontijiet tat-telefon xahar wara u lin-nies kien jgħidilhom: Ma jistax ikun li tibqgħu tħallsu l-istess tariffi għax issa t-Telemalta saret iktar effiċjenti u intom qed tużaw it-telefon iktar spiss! GĦall-kuntrarju aħna konna sinċieri man-nies minn qabel l-elezzjoni u għidnielhom li ġaladarba nitilgħu fil-gvern se nieħdu ħsieb il-problema finanzjarja, fehemnihom li l-pajjiż ma jistax isostni s-servizzi soċjali mingħajr bażi finanzjarja soda u għidnilhom kemm intom kontu qed tkunu diżonesti magħhom. Aħna għamilna kollox pubbliku, anke f'dawk li huma rapporti u fejn jidħlu l-korporazzjonijiet, mhux bħalkom fejn kontu tagħmlu kollox minn taħt. Fil-fatt kien għalhekk li l-poplu tefagħkom fl-oppożizzjoni. Il-poplu jaf li aħna sinċieri. Ara aħna ma qgħadniex nibżgħu għall-voti u l-miżuri li kien hemm bżonn nieħdu ħadniehom. Aħna ma qgħadniex nagħmlu bħalkom, nitfgħu t-trab taħt it-tapit u mbagħad naraw x'se jiġri. Aħna nemmnu li rridu nieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn u mbagħad nibdew naraw il-progress bil-mod il-mod. Aħna konna qed nobsru x'se tgħidulna għal dan il-budget pero' ma nqtajniex minn man-nies bħalkom u spjegajnielhom kollox. Anke l-leader tagħna baqa' jiltaqa' man-nies, mhux bħalkom meta kontu tiltaqgħu man-nies biss waqt xi ċerimonja jew riċeviment!
Sur President, nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi ngħid li kuntrarjament għal dak li qed tipprova tbellagħlna l-Oppożizzjoni, dan il-budget għandu kuxjenza soċjali għax qed iħares fil-bogħod biex mhux biss joħloq bażi soda għaċ-ċittadini ta' llum imma anke għaċ-ċittadini t'għada. Aħna llum ġejna kkritikati minħabba l-fatt li f'dan il-budget għollejna l-prezz tal-pitrolju għax, skond il-Membri ta' l-Oppożizzjoni, illum l-anzjani għadhom jużaw il-pitrolju biex isajru. Kemm qed javvanzawhom lill-anzjani meta jiġu jgħidulna li llum l-anzjani għadhom jużaw il-pitrolju! Il-pitrolju jużawh is-sidien tal-karozzi tal-linja u mela l-anzjani! Fil-fatt aħna għalhekk għollejnieh għax konna nafu li s-sussidju li kien jingħata lis-sidien tal-karozzi tal-linja ma kienx qed jiġi indirizzat lil min kellu bżonnu.
Pero' jien ma nixtieqx nieħu iktar ħin u nixtieq nikkonkludi d-diskors tiegħi billi ngħid li dan il-budget huwa kuraġġuż, għandu kuxjenza soċjali u minnu se jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN GRECH : Sur President, wara li smajt lill-Onor. Gonzi u lill-Onor. Cassar jitkellmu ddeċidejt li l-ewwel ħaġa li se nagħmel minn għada stess huwa li ngħid lill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ biex jibdew kors fuq l-użu tal-calculators għax ħadd minnhom ma jaf juża l-calculator! Irrid ngħid ukoll li mit-tliet kelliema ta' l-Oppożizzjoni jien iddiżappuntajt ruħi l-iktar bl-Onor. Gonzi u fejn is-soltu jikkritika lili għall-fatt li naqra l-ispeeches, illum hu ma qalax għajnejh minn fuq l-iscript li kellu. Lili l-Onor. Gonzi ddiżappuntani wkoll minħabba li l-kritika baxxa u fqira li għamel fuq suġġett li suppost hu responsabbli minnu min-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Fost l-oħrajn fid-diskors tiegħu l-Onor. Membru staqsieni fejn kont meta l-Kabinett kien qed jiddiskuti l-budget, partikolarment il-qasam tal-ħarsien soċjali. Jien għandi l-unur li l-Prim Ministru lili fdali din ir-responsabbilta' kbira tal-ħarsien soċjali.
L-ewwelnett ta' min jgħid li fost l-oħrajn il-qasam tal-ħarsien soċjali jikkonsisti fl-impjiegi, xogħol, saħħa, koperativi, sigurta', sigurta' soċjali, persuni b'diżabilita', affarijiet tal-familja kif ukoll fl-abbuż tad-droga u ta' l-alkoħol. Jien niskanta kif l-Onor. Gonzi spiċċa d-diskors tiegħu billi qal li l-Gvern ressaq budget bla qalb u li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-vot tal-ministeru tiegħi. Jien lill-Onor. Gonzi ngħidlu li l-ebda Membru min-naħa ta' l-Oppożizzjoni ma jista' jagħtina lezzjonijiet dwar xi tfisser ġustizzja soċjali. Aħna niftakru - u jekk l-Onor. Gonzi ma jiftakarx infakkruh - li dak il-partit li hu qiegħed segretarju ġenerali tiegħu, 50 sena ilu vvota kontra l-liġi li tintroduċi l-income tax u l-welfare state. Intom min hemm bdejtu u llum tinsabu resqin lejn fejn bdejtu!
L-ikbar attakki li għamilli l-Onor. Gonzi kienu jirrigwardaw il-qasam tas-sigurta' soċjali. Jien m'iniex se noqgħod inwieġbu għall-esaġerazzjonijiet li qal pero' nista' ngħidlu li jekk sema' lill-Prim Ministru sew nhar it-Tnejn imessu jaf li r-rati ta' l-ilma u ta' l-elettriku mhux se jogħlew b'mod astronomiku. Aħna nafu nużawha l-calculator! Onor. Gonzi, inti ma tajtna l-ebda karti biex tikkonferma dak li qed tgħid u biex aħna nkunu nafu jekk intix qed tgħid il-verita' jew le, kontra l-Prim Ministru, li tana anke tabelli dwar kif inħadmu r-rati ta' l-ilma u ta' l-elettriku. L-Onor. Gonzi kkritika wkoll il-fatt li waqt li konna qed niddiskutu l-voti tal-ministeru tal-ħarsien soċjali jien biss kont preżenti min-naħa tal-Gvern filwaqt li min-naħa ta' l-Oppożizzjoni kien hemm sitta u għalhekk għajjat quorum. Wara tlieta jew erba' minuti, filwaqt li għan-naħa tal-Gvern kien hawn preżenti 18-il membru, in-naħa ta' l-Oppożizzjoni kellha tlieta biss preżenti u issa telgħu għal erbgħa. Daqshekk jinteressahom il-qasam tal-ħarsien soċjali lill-Membri ta' l-Oppożizzjoni!
Sur President, li nesa jgħid l-Onor. Gonzi, waqt li kien qed jitkellem fuq is-sigurta' soċjali, kien li l-vot totali għall-ministeru tiegħi, li huwa soċjali totalment, huwa ta' Lm17 miljun iktar minn tas-sena l-oħra, jiġifieri għandna żieda ta' aktar minn 11%. Ġaladarba kellu l-estimi quddiemu l-Onor. Gonzi messu qal ukoll li f'dan il-budget in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali ġiet tlaħħaq għal Lm170 miljun. Xi jfisser dan, Onor. Gonzi? Dan ifisser Lm17 miljun aktar mill-budget li ressaqna aħna s-sena l-oħra u li intom ma kellkomx il-ħila tressquh. Tlaqtu mill-Gvern u ħallejtuna nressquhulkom aħna u din is-sena żidna l-benefiċċji soċjali b'Lm17 miljun. F'sentejn se nkunu żidna l-benefiċċji soċjali b'somma astronomika ta' Lm29 miljun. Dan m'għidtux, Onor. Gonzi, allura veru għandek bżonn tmur tagħmel course fuq il-calculator!
Issa ħalli nitkellmu fuq in-nefqa rikorrenti għas-sena d-dieħla. Ġew ivvotati Lm1.3 miljun biex inkomplu nagħmlu t-tieni pass li konna wegħidna għax l-ewwel pass għamilnih f'Ottubru li għadda. Ara dak ma semmihx l-Onor. Gonzi, insihom il-ħaddiema u dan tela' mit-Tieni Distrett! Għas-sena d-dieħla vvotajna Lm1.3 miljun biex nagħmlu t-tieni pass fil-pensjoni tas-servizzi. Dan kontu wegħidtuh fil-programm elettorali tagħkom imma qatt ma għamiltuh. (Interruzzjonijiet) Mr Chairman, jien qgħadt kwiet nisma' u ma tellift lil ħadd. Issa nispera li l-Onor. Gonzi jieħu l-eżempju li tajt jien f'din il-Kamra!
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom, m'hemmx interruzzjonijiet. Il-messaġġ wasal u l-Ministru jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. EDWIN GRECH: L-ewwel pass fil-qasam tal-pensjonijiet tas-servizzi għamilnih f'Ottubru li għadda u sa l-aħħar ta' Novembru dawk il-pensjonanti kollha li kellhom il-pensjoni tas-servizz se jieħdu l-benefiċċji tagħhom permezz tal-liġi li għaddejna. Dan kien l-ewwel pass li għamilna f'dan il-qasam. Aħna kkalkolajna li mill-inqas 5,000 pensjonant, li jinkludu r-romol, se jibbenefikaw mill-miżuri li ħadna f'Ottubru li għadda u dawn se jkollhom żieda sostanzjali fir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali tagħhom.
Kien hemm żieda oħra fil-paga minima nazzjonali għax għamilna ħafna miżuri li żiedu l-benefiċċji soċjali, imma dawn ma semmihomx l-Onor. Gonzi. Se jkun hemm żieda fil-paga minima nazzjonali għall-għoli tal-ħajja. L-Onor. Gonzi, li qed ibeżża lin-nies bl-għoli tal-ħajja, fejn kien meta huma kienu fil-gvern? Għax fil-ħames snin li jien kont fl-oppożizzjoni l-għoli tal-ħajja kien jiskala minn sena għall-oħra, imma dak inhar ma setax jitkellem għax kien fil-post ta' Speaker. Se jkun hemm ukoll żieda ta' erba' minn ħamsa tal-pensjonanti miżżewġa fuq il-pensjoni minima nazzjonali. Anke dawk li jirċievu l-pensjoni ta' l-eta' u dawk li jirċievu l-għajnuna soċjali se jkollhom żieda. Mela m'għandux qalb soċjali dan il-budget! Mela dawn l-affarijiet ma qrahomx l-Onor. Gonzi! Dawn huma ftit mill-miżuri ġodda li semmejna fil-budget fil-qasam tal-ħarsien soċjali. Illum l-Onor. Gonzi mhux talli tkellem bħala avukat, talli tkellem ukoll bħala tabib pero' ċerti żidiet ma semmihomx.
Persuni b'diżabilita' u dawk li għandhom mard kroniku se jiġu ntitolati għal allowance. It-tfal b'diżabilita' wkoll se jgawdu minn dan il-benefiċċju u wara li jagħlqu s-16-il sena din l-allowance tinbidel f'pensjoni. L-Onor. Gonzi lanqas ma semma' li fil-każ ta' koppji miżżewġin, fejn parti tkun qed tmanti lill-oħra, se jingħataw benefiċċji bir-rata li titħallas lil persuni miżżewġa u li fuqha jkun jiddependi l-manteniment tal-persuna l-oħra. Ħaġa oħra li ma semmiex l-Onor. Gonzi u li l-Onor. Giovanna Debono għandha tieħu gost biha hi li qed titneħħa l-anomalija fuq bażi ta' sess billi qed nagħtu lill-irġiel romol l-istess drittijiet li jgawdu r-romol nisa.
Ħaġa oħra li ma ssemmiex l-Onor. Gonzi, pero' semmietha l-Onor. Giovanna Debono, huma ċ-child day-care centres u din tolqot lin-nisa miżżewġin li għadhom qegħdin irabbu t-tfal. Huwa veru li dan il-qasam ma jaqax taħt id-dikasteru tiegħi imma l-ministeru tiegħi se jissussidja lil dawk il-ġenituri - aħna ma nagħmlux distinzjoni bejn jekk ikunux nisa jew irġiel, dik immirajniha għall-ġenituri u se nżommu l-wegħda li għamilna wara l-ewwel sena li għamilna fil-gvern - ta' familji b'qagħda finanzjarja ħażina li ma jkunux jistgħu jħallsu l-miżata tad-dħul tat-tfal tagħhom f'dawn iċ-ċentri. Nixtieq nifraħ lill-Onor. Helena Dalli li ħadmet fuq dan il-proġett li wasalna biex inwettqu u nispera li nkomplu nwettquh fis-snin li ġejjin. Dawn huma fatturi li fuqhom jiddependi l-għoti tal-benefiċċji soċjali.
L-Onor. Gonzi qal li rċieva ittra u ma riedx ipoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra, imma aħna ma narawhiex li hija politika serja li toqgħod twerwer lin-nies b'dawn l-affarijiet. Il-benefiċċji soċjali jistgħu jingħataw permezz ta' skema kontributorja fejn ikun hemm eżistenza ta' kontinġenza li ħafna drabi jkun stat ta' mard u allura fuq din l-iskema jinħadmu wkoll il-benefiċċji li jingħataw u anke l-pensjoni ta' l-invalidita'.
L-Onor. Gonzi semma wkoll lil dawk il-ħaddiema ċċertifikati li ma jistgħux jagħmlu xogħol tqil. Hu ta l-figura ta' 400 jew 500 persuna impjegati mal-gvern li qegħdin jaħdmu b'ċertifikat li ma jistgħux jagħmlu xogħol normali. Pero' fis-settur privat m'għandna lil ħadd li huwa ċċertifikat li għal xi raġuni jew oħra ma jistax jagħti l-ġurnata tax-xogħol tiegħu! Il-privat ma jimpjegax persuni bħal dawn. (Interruzzjonijiet) Għidli fejn jimpjegawhom. Jimpjegaw biss persuni b'diżabilita'. Aħna ma rridu naħqru lil ħadd pero' rridu nitkellmu daqsxejn bis-serjeta'. Ħalli ngħidlek daqsxejn jien, Onor. Gonzi. Jien għandi ilment mingħand grupp ta' tobba u konsulenti mediċi li ndikawli l-bordijiet mediċi u qaluli li dawn ma jistgħux jagħmlu xogħlhom suret in-nies minħabba l-eluf kbar ta' persuni li jressqu ċertifikati tal-mard. Kull sena jitressqu 200,000 ċertifikat u aħna nafu b'nies li jagħmlu ċertifikat imbagħad imorru jaħdmu part-time. Dan m'huwiex sewwa. Bi tmexxija moderna aħna nifhmu li jekk inti impjegat mal-gvern trid tagħti l-ġurnata tax-xogħol tiegħek. Jekk tkun ma tiflaħx jew jekk ikollok xi diżabilita' hemm il-liġijiet u hemm il-welfare li jieħdu ħsiebek, imma ma tistax tokkupa post tax-xogħol mingħajr ma tagħti l-ġurnata tax-xogħol tiegħek biex imbagħad tmur taħdem filgħaxija. Hemm bżonn li jitnaqqas dan l-abbuż u li jinħoloq makkinajru ta' awditjar soċjali biex jitnaqqsu l-abbużi. Dan qed isir sabiex nassiguraw li l-benefiċċji li jingħataw ikunu sodisfaċenti għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Ħalli nsemmi xi ħaġa fuq id-dħul tad-dipartiment tal-ħarsien soċjali. L-Onor. Gonzi għamel kumment - u veru ma jafx jużah il-calculator! - fejn ikkritikana li r-revenue tad-dipartiment tas-sigurta' soċjali naqas b'ma nafx kemm-il miljun lira bejn is-sena d-dieħla u s-sena li qegħdin fiha. Iċ-ċifra ta' din is-sena hija ta' Lm140.8 miljun filwaqt li għas-sena d-dieħla huwa kkalkolat li d-dħul se jkun ta' Lm137 miljun. U se ngħid għaliex. Ninforma lill-Onor. Gonzi li s-sena l-oħra min-naħa tal-gvern kien hemm dħul ta' Lm9 miljun mill-arrears ta' dawk li kellhom jagħtu l-Malta Drydocks f'kontribuzzjonijiet. Għalhekk id-dħul tas-sena l-oħra juri żieda sostanzjali fuq dik li qed inressqu f'dan il-budget għas-sena d-dieħla. Barra minn hekk, bejn l-1996 u l-1998, taħt Gvern Laburista, il-pagi li fuqhom titħallas il-bolla żdiedu u se jkomplu jiżdiedu, allura jrid ikun hemm impenn serju. Naħseb li l-Oppożizzjoni għandha taqbel magħna li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali għandu jiżdied billi nassiguraw li dak li hu dovut li jitħallas skond il-liġi jitħallas fil-ħin. Diġa' tressqet emenda fil-Parlament, fis-sens li taħfer l-arretrati, basta dawn il-kontribuzzjonijiet jitħallsu sa l-aħħar tas-sena. M'inix se nitkellem iktar fuq din il-ħaġa għaliex id-diskussjoni fuq din l-emenda għadha sejra u allura jkolli ċans nitkellem fuqha iktar 'il quddiem. Kif diġa' għidt, dan it-tibdil qed isir biex insaħħu l-effiċjenza fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali.
L-Onor. Gonzi qal ħafna affarijiet oħra u ma nixtieqx ma nagħtihx risposta għalihom. Per eżempju, kkontradixxa lilu nnifsu meta qal li qed inżidu l-infiq soċjali għax dan ifisser li għandna kuxjenza soċjali. Jekk qegħdin inżidu l-infiq soċjali mela aħna għandna kuxjenza soċjali għax bil-figuri li wrejtek l-infiq fuq dan il-ministeru tela' u mhux niżel minn dak tas-sena l-oħra.
Sur President, ħa ngħaddi għal xi kummenti oħra li saru min-naħa l-oħra. Se nibda mill-kummenti ta' l-Onor. Joe Cassar - mhux b'disprezz se nħalli lill-Onor. Giovanna Debono għall-aħħar fil-kummenti tiegħi - għalkemm kien daqsxejn diffiċli biex insegwi dak li ried jgħid l-Onor. Membru għax tant qaleb min-naħa għal oħra li ma taniex argument sħiħ fil-kritika li kien qed jagħmel, imma se nagħmel ħilti kollha biex nirrispondih. Kemm jista' jkun mhux se nitkellem fuq il-Korporazzjoni għax Xogħol u Taħriġ għax dik għad irridu niddiskutu l-estimi tagħha hawnhekk. Ħa nitkellmu daqsxejn fuq l-impjiegi.
Kollox kien juri li s-settur ta' l-impjiegi fil-budget ta' l-1997 - u din għadna narawha sal-lum - kien se jkun fost il-punti ta' kritika ewlenija fuq l-aġenda ta' l-Oppożizzjoni. Bdew bih u qed jkomplu bih, qisek għandek xi diska qed iddoqqha minn taħt u minn fuq il-ħin kollu. Fil-budget tas-sena l-oħra jien għamilt kummenti li deherli li l-istatistika uffiċjali kienet pjuttost minfuħa ħafna. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għamlet eżerċizzju biex tivverifika l-korrettezza tal-figuri uffiċjali. Dan mhux aħna ordnajnieh imma kien ordnah il-Ministru Dalli. Jien niskanta kif jumejn ilu l-Onor. Josef Bonnici staqsa x'inhu dan l-eżerċizzju ta' verifika. Jien naf li dawn iż-żewġ ex-ministri ma kenux jingwalawha ħafna meta kienu fil-gvern imma li l-Onor. Bonnici ma jafx x'kien ordna sieħbu l-Onor. Dalli hija kbira. (Interruzzjonijiet) Iva, kien ordna eżerċizzju ta' verifika u jien ma se ngħallem lil ħadd fejn tidħol l-istatistika, imma kwalunkwe programm ta' statistika jkollu bżonn ta' verifika minn sena għall-oħra. Pero' f'dik l-istatistika li kienet qed iżżomm l-ETC fi żmien Gvern Nazzjonalista mhux l-iżbalji li jagħmilhom kulħadd kienu saru imma żbalji ħoxnin. Kienu saru żbalji li kienu ntenzjonati biex il-poplu ma jkunx jaf il-verita' fuq il-pożizzjoni tal-qgħad u kienu jdawru ċ-ċifri. Għandna prova ta' dan fejn nies li kienu jaħdmu fl-Isptar Zammit Clapp kienu ppustjati mas-settur privat. M’huwiex żball tal-calculator imma żball intenzjonat li tpoġġi l-ħaddiema ta' l-Isptar Zammit Clapp jew ta' xi bank fejn il-Gvern ikollu l-maġġoranza tax-shares fis-settur privat. Allura fil-proċess ta' verifika dawk qed jitpoġġew fejn suppost għandhom ikunu. Dan il-proċess bdieh l-Onor. Dalli, meta kien ministru tal-finanzi, eżerċizzju li kien beda fi żmien il-Gvern ta' l-Onor. Fenech Adami u bil-barka ta' l-Onor. Dalli li kien jaf il-figura uffiċjali dwar l-impjiegi. Dawn ma kenux il-verita', kien ħabi mill-poplu Malti u ħabi mill-Unjoni Ewropea wkoll biex nuruhom kemm aħna kapaċi nikkopjawhom. Il-verita' nżammet sigrieta mill-poplu għalkemm il-Partit Nazzjonalista baqa' jiftaħar kemm ħoloq xogħol u kemm żdiedu l-impjiegi mill-1987, mindu kienet telgħet ix-xemx għall-ewwel darba fuq Malta! Il-Partit Nazzjonalista qatt ma qal li f'Settembru ta' l-1996 kien hemm jaħdmu 4,000 persuna anqas milli kienet turi l-istatistika. Hekk qed turi l-verifika ta' korrettezza li qed issir fuq l-istatistika ta' l-ETC. Il-verifika qed tikxef id-dnubiet li ħallejtu warajkom, kollox qed joħroġ. U nerġa' nirripeti li f'Settembru ta' l-1996 kien hemm jaħdmu 4,000 persuna anqas milli kienet turi l-istatistika li kontu toħorġu dak iż-żmien. U f'din ma tistgħux tikkritikawna, m'aħna nżommu xejn taħt il-mejda, il-figuri li joħorġu fl-aħħar tax-xahar l-għada tkunu tafuhom. Aħna fi żmienkom konna ndumu tliet xhur u erba’ xhur ... (Interruzzjonijiet) L-Oppożizzjoni issa qed takkuża lill-Gvern Laburista b'diżonesta', imma kien il-Partit Nazzjonalista li uża d-diżonesta' meta kien fil-gvern u anke llum qed juża d-diżonesta għax mhux qed jikkwota figuri korretti. Din mhux biss insejħulha diżonesta’ imma ipokrezija. L-istatistika riveduta dwar l-impjiegi turi, per eżempju ... (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Dalli, jekk jogħġbok tinterrompix. jekk għandek point of order agħmilha imma tagħmilx rimarki. L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, l-Onor. Grech qed jagħmel ħafna akkużi bl-addoċċ li m'huma veru xejn. Dawn għamlu nofs eżerċizzju, m'għamlux eżerċizzju sħiħ u issa qed jikkwota dak in-nofs eżerċizzju meta l-eżerċizzju sħiħ juri li ċ-ċifri li konna ngħidu aħna ta' kemm żdied ix-xogħol fi żmienna kienu tajbin.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Iċ-ċifri antiki minn Jannar sa Settembru ta' l-1996 kienu juru li l-impjiegi kienu qed jiżdiedu kull xahar, imma meta naraw iċ-ċifri riveduti nsibu li fl-aħħar għaxar xhur ta' Gvern Nazzjonalista kien hemm tnaqqis fl-imjpiegi fix-xhur ta' Frar, Mejju, Awissu, Settembru u ta' Ottubru wkoll tas-sena l-oħra. Allura minn Jannar sa Ottubru ta' l-1996 l-impjiegi żdiedu biss b'1,500. Fl-istess ħin l-impjiegi kienu żdiedu b'ċirka 2,800 għall-ħabta ta' Lulju, minħabba ż-żieda ta' studenti ħaddiema li jkunu qed jaħdmu f'dak iż-żmien tas-sena, imbagħad wara xahar jew xahrejn dik il-figura terġa' tinżel. L-impJiegi fl-aħħar għaxar xhur ta' Gvern Nazzjonalista ma żdidux bl-istess ritmu ta' qabel. L-istess xejra tippersisti sa Novembru tas-sena l-oħra u anke sa Diċembru bl-effett ta' dak li kien qiegħed isir qabel. Hemmhekk iċ-ċifra li kienet tinkludi n-numru ta' studenti naqset b'1,300. Minn Novembru sa Diċembru ta' l-1996 kien hemm tnaqqis fl-impjiegi li kienu kkaġunati mill-politika tal-gvern ta' qabel u minħabba li l-istudenti kienu reġgħu lura għall-istudju tagħhom. L-aħħar statistika ta' l-impjiegi f'Jannar ta' din is-sena turi li l-impjiegi telgħu b'ammont ta' kważi 900. Kien hemm tnaqqis fi Frar sa Ġunju (Interruzzjonijiet) u mbagħad f'Lulju reġa' tela’ bl-ammont ta' studenti li jiġu jaħdmu matul is-sajf. Meta tqabbel dan ma’ Jannar sa Settembru tas-sena ta' qabel issib medja ta' 350 impjieg aktar kull xahar f'din is-sena milli fis-sena l-oħra. Meta tqabbel Settembru ta' din is-sena ma’ Settembru tas-sena l-oħra ssib li din is-sena kien hemm żieda ta' 300 impjieg, Prova oħra li l-Gvern waqqaf din ix-xejra ‘l isfel fl-impjiegi speċjalment fis-settur privat. (Interruzzjonijiet) Tinkwieta xejn, se npoġġihom.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Cassar, ona point of order.
ONOR. JOE CASSAR: Mr Chairman, la qiegħed jikkwota figuri li għadhom ma ġewx ippubblikati, nitolbu li jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra ħalli narawhom sewwa.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Fl-1996 in-numru ta’ l-impjiegi fis-self-employed kien niżel bi 300. Minn Jannar ta' din is-sena sa Settembru l-impjiegi fis-self-employed naqsu b'100. Jiġifieri anke fis-self employed qed tgħidu figuri li mhumiex tajbin u eżatti. Fl-aħħar sena tal-Partit Nazzjonalista fil-gvern it-tnaqqis tas-self-employed kien tliet darbiet akbar minn dak irreġistrat din is-sena.
Il-figuri riveduti dwar l-impjiegi komplew kixfu ħafna qerq u diżonesta' tal-Gvern preċedenti. F'Settembru ta' l-1996 kien hemm madwar 5,500 persuna imniżżlin li jaħdmu mas-settur privat, inqas milli fil-fatt kien hemm. Din hi d-diżonesta'! (Interruzzjonijiet) U dawn kienu ġejjin mis-snin meta intom kontu fil-gvern! Kien hemm iktar minn 1,400 persuna jaħdmu fis-settur pubbliku milli kienet qed turi l-istatistika. X'ma jħallux ħofra dawn il-figuri! Dażgur li jħallu ħofra! (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jogħġbok, Onor. Josef Bonnici. Kompli Ministru.
ONOR. EDWIN GRECH: Din m'hi xejn iktar ħlief diżonesta' politika u kienet tintuża biex lill-Unjoni Ewropea nuruha kemm għandna statistika baxxa f'dak li għandu x'jaqsam max-xogħol u kemm kienu jiżdiedu impjiegi fis-settur privat, li issa bl-eżerċizju li qed isir qegħdin naqilbuhom għas-settur pubbliku. Huwa tajjeb li l-poplu jkun jaf li fi żmien Gvern Nazzjonalista r-rata tal-qgħad kienet tidher inqas milli fil-fatt kienet. Per eżempju, f'Ottubru ta' l-1996 ir-rata tal-qgħad kienet ġiet annunzjata bħala 3.8% pero' meta għamilna reviżjoni sibna li fil-verita' kienet 4%. Minn Mejju sa Ottubru tas-sena l-oħra r-rata tal-qgħad kienet telgħet minn 3.5% għal 4%, filwaqt li r-rata tal-qgħad irreġistrata din is-sena kienet ftit iktar minn dik irreġistrata fl-aħħar sitt xhur ta' Gvern Nazzjonalista. F'Settembru ta' l-1996 din kienet telgħet għal 4.7% u din hija r-rata korretta, jiġifieri dan kien kollu gideb u falzita'. Xtaqt ngħaddi għal xi kummenti oħra li saru min-naħa l-oħra tal-Kamra.
L-Onor. Joe Cassar tkellem fuq ix-xogħol u semma dipartiment li kien jagħtik il-biki meta tarah. Kif taf il-Kamra, fl-1990 inħolqot il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ u allura d-dipartiment tax-xogħol ingħata l-ġenb kompletament, twarrab u ma ngħata l-ebda direzzjoni ġdida. Meta mort nara dan id-dipartiment deherli li kellha tittieħed deċiżjoni dwar x'se jsir f'dan ir-rigward għax l-istat li ħallejtuh fih huwa tal-biki. Dan id-dipartiment kien għad għandu funzjonjiiet tajbin u dawn prinċipalment huma tlieta: il-ħarsien tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, il-paċi industrijali u s-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol. Almenu lil dawn is-setturi qed nagħtuhom ħajja ġdida. Jien ordnajt sabiex isir rapport minn tliet esperti, liema rapport poġġejtu fuq il-Mejda tal-Kamra u kif kelli l-opportunita' bgħatt kopja lill-Onor. Membru, għax naf li dan il-qasam jinteressah, allavolja ftit li xejn għamel għal dan il-qasam hu u ħallih imut. Aħna kollox se nirranġaw. Ir-rapport qed jiġi kkonsidrat mill-ministeru u fil-ħin opportun se jiġi diskuss ukoll fil-Kabinett. Biex nagħti eżempju ta' f'liema stat sibna d-dipartiment tax-xogħol se mmur ftit lura fis-snin.
Per eżempju, fl-1992 kien sar rapport mill-MSU li wera l-istat diżastruż li tħalla fih id-dipartiment. Dan kien fl-1992 u mhux is-sena l-oħra meta dħalna responsabbli għalih aħna. Ħalli naqra x'kienet qalet l-MSU f'parti mir-rapport tagħha u se naqrah bl-Ingliż għax il-ħaddiema ta' l-MSU hekk kienu jiktbu. Dan ir-rapport kien jgħid hekk:
"The present situation at the department of labour is deficient in many respects. The lack of clear-cut vision and successively the wrong deployment of personnel makes the situation unsustainable both for those within the department and also for the government itslef, since it cannot allow so much of the valuable resources to go to waste.".
Lili kienet se toħroġli to go to port imma r-rapport jgħid to go to waste! Lill-Onor. Joe Cassar nixtieq nistaqsih x'għamel mill-1992 sa l-1996 meta sarlu rapport li kien jgħid li dan id-dipartiment jinsab fi stat miżeru, u mhux jiġi jistaqsi lili u jikkritikani dwar x'għamilna u m'għamilniex fl-ewwel sena. Jien ordnajt rapport u dan se jpoġġina fil-linja t-tajba biex nirxoxtaw dan id-dipartiment. Dak hu li għamilt u se ngħidlek x'għamel id-dipartiment minn dak inhar 'l hawn. Wieħed mit-tliet kelliema semma li għandna nagħtu l-inċentivi lid-dipartimenti tal-gvern.
Din is-sena dan id-dipartiment investiga iktar ilmenti dwar kondizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol u ttieħdu passi legali kontra min kiser il-liġi. Per eżempju, saru talbiet favur l-impjegati, fis-settur privat inġabret is-somma ta' Lm18,000, ġew irreġistrati 28 ftehim kollettiv ġdid u saru żjarat fuq il-postijiet tax-xogħol kemm f'Malta u kif ukoll f'GĦawdex. Il-Gżira tat-tliet għoljiet qatt ninsewha u f'GĦawdex għamilna żjarat fuq il-postijiet tax-xogħol kważi daqskemm għamilna hawn Malta, għax f'Malta saru 1,537 żjara u f'GĦawdex saru 1,330 żjara. Minn Jannar sa Settembru dan id-dipartiment kellu 39 referrals fuq kwestjonijiet ta' xogħol u 35 oħra għal rikonċiljazzjoni u sar il-ftehim ukoll. Kien hemm erba' każijiet mgħoddija lit-tribunal industrijali u dan irċieva 180 każ ġdid dwar tkeċċija. Kien hemm erba' kwestjonijiet ta' xogħol ta' natura kollettiva u kien hemm talba għall-interpretazzjoni tad-deċiżjoni. It-tribunal iddispona minn 82 każ ta' tkeċċija, waqt li kien hemm disa' kwestjonijiet ta' xogħol u żewġ talbiet ta' interpretazzjoni.
Sezzjoni mportanti ta' dan id-dipartiment hija dik tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol. F'din l-area għamilna ħafna progress u jiddispjaċini ngħid li kieku ridtu kellkom iż-żmien kollu biex tagħmlu dan. Tgħidx kemm domtu tfettqu u tilagħbu biex tibdew kors fl-Univesita' għall-ispetturi, imma għaddew is-snin u ma wasaltux.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Grech, indirizza lis-Sedja, jekk jogħġbok.
ONOR. EDWIN GRECH: Jiddispjaċini, għax l-Onor. Joe Cassar hu ħabib tiegħi! Kif dħalt f'dan il-post rajt il-bżonn kbir li jkun hemm numru sodisfaċenti ta' spetturi u għalhekk tkellimt man-nies konċernati, man-nies tad-dipartiment u mad-direttur tas-sezzjoni saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. Kulma sibna f'dan id-dipartiment kienu erba' spetturi għas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. Dawk ħallejtulna! Jien kelli taħdidiet ma' dawn l-uffiċċjali u ma' uffiċċjali ta' l-Universita' u staqsejthom għaliex fallew, imma intom dejjem tħarsu lejn l-istilel u ma tagħmlu xejn! Kontu ħriġtu bl-idea li tagħmlu kors ta' erba' snin għal dan il-qasam ta' saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol li jwasslek għall-grad ta' B.Sc, u x'kien ir-riżultat? Ma applika ħadd.
Meta jien dħalt f'din ir-responsabbilta', lill-uffiċċjali konċernati għidtilhom li deherli li kellna nibdew pass wara pass - aħna hekk nagħmlu ta' din in-naħa tal-Kamra - u naslu. U hekk se jagħmel il-Gvern Laburista l-ġdid. Se jasal, allavolja sibna quddiemna l-ħofor u d-diffikultajiet kbar li ħalliet l-amministrazzjoni preċedenti. Lil dawn l-uffiċċjali, kemm dawk ta' l-Universita' kif ukoll l-oħrajn, jien għidtilhom li jidhirli li għandna nibdew b'kors ta' sentejn li jwasslek għal diploma in social studies, bl-ispeċjalizzazzjoni fuq saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. U wasalna, u għandi l-unur li ngħid li l-bieraħ meta kkummissjonajna dan il-kors il-lecture room lanqas kienet tesa' lill-applikanti kollha li kellna. Lanqas kellna post fejn inżommuhom. Dak hu x-xogħol li qed nagħmlu aħna. Qed naħdmu pass, wara pass u naslu għax aħna naħdmu verament. Min qal li aħna neqsin mill-ideat? Kieku neqsin mill-ideat naslu! Ġibtu d-dinja fit-tarf! Biex issir tabib jew avukat trid tagħmel kors ta' ħames snin, imbagħad għal spettur fuq is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol għamiltu kors ta' erba' snin! Il-Gvern Nazzjonalista kien bagħat persuni biex jagħmlu kors ta' l-M.A. fl-Ingilterra fuq areas differenti u dawn għamluh f'sena! M'iniex ngħid li huwa tajjeb li tagħmel kors ta' l-M.A. f'sena imma ma neseġerawx. Dan il-kors se jagħti l-informazzjoni bażika li wieħed għandu jkollu. Biex issir tabib jew avukat mhux it-teoriji bażiċi trid tkun taf? Imbagħad tibda tipprattika, dik il-prattika tagħtik l-esperjenza u b'hekk issir tajjeb.
Fil-każ ta' spetturi fuq is-saħħa u sigurta' fuq il-post ta' xogħol irrid ngħid li dawn ma rriduhomx jaħdmu bħala spetturi tal-pulizija - veru, min jikser il-liġi għandu jpatti għal dan - u lil dawn il-kandidati li daħlu għal dan il-kors għiditilhom li l-funzjoni prinċipali li għandhom hija li meta jieħdu d-diploma jmorru fuq il-postijiet tax-xogħol fejn jaraw li hemm periklu fil-mod kif jaħdmu l-ħaddiema u jgħallmu u jedukaw kemm lil min iħaddem u kif ukoll lil dawk li jaħdmu sabiex josservaw il-proċedura li tnaqqas ir-riskju tad-diżgrazzji, li ħafna drabi jkunu diżgrazzji fatali. Għandna kummissjoni għas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol li ma ssemmietx mill-kelliema tan-naħa l-oħra. Din is-sena din għamlet ħafna xogħol mhux biss barra bħala kummissjoni, imma anke hawn ġew għaliex ħadna xi erba' seduti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali. (Interruzzjonijiet) Sar ħafna xogħol imma dan ma semmejtuhx. X'għamlet il-kummissjoni dwar il-protezzjoni wara li reġgħet ġiet rikostitwita? Għamlet kodiċi ta' etika dwar l-industrija tal-bini u għamlet abbozz ta' regolamenti dwar ħteġijiet minimi fil-postijiet tax-xogħol li wasal biex jitlesta. Saru wkoll preparazzjonijiet ta' abbozzi oħrajn u proġetti ta' taħriġ u promozzjoni dwar saħħa u sigurta'. Dan qed ngħidu biex kulħadd ikun konxju tax-xogħol li qed isir biex permezz tax-xogħol li qed tagħmel din il-kummisjoni u dan id-dipartiment nagħtuh ħajja ġdida u ma nħallux lid-dipartiment tax-xogħol jerġa' jmur lura għall-istat li sibnih fih meta ħadna l-gvern f'idejna.
L-Onor. Cassar semma l-koperattivi. Naf li dan kien qasam għal qalbu imma wasal biex kissru u se ngħid għaliex. Aħna għamilna ħafna xogħol u l-ħidma bla heda li saret fl-aħħar sena kienet biex insostnu l-koperattivi eżistenti, għax dan huwa mportanti, u biex nagħtu gwida u direzzjoni lil dawk il-koperattivi li kienu qed jiġu fformati. Qed isir xogħol, minbarra dak impost mil-liġi, biex jiġu rreġistrati u ssorveljati għaqdiet tal-koperattivi u b'hekk jissaħħaħ il-mekkaniżmu u titkattar il-ħidma għat-twaqqif ta' koperattivi ġodda. Dak huwa l-għan tagħna, li dan il-moviment jiżdied għax għandna bżonnu hawn Malta u rridu ndaħħluh mhux fis-settur privat biss imma anke fis-settur pubbliku. U aħna qegħdin nagħmluh dan ix-xogħol.
Din is-sena nfetħet koperattiva oħra fis-settur pubbliku, jiġifieri issa għandna tnejn u dalwaqt ikollna oħra. Sa ftit xhur oħra se jkollna oħra li se tkun ta' ġid kbir għas-settur pubbliku. Irrevedejna l-emendi għar-regolamenti tal-fond ċentrali għax hemmhekk ħallejtulna tbażwir kbir. Nistħi ngħid quddiem il-Kamra x'ħallejtulna hemmhekk. Għamilna emendi għar-regolamenti tal-bord ċentrali li kien ilu ma jaħdem minn April ta' l-1996. Fil-bidu ta' Ottubru, 1997 kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti ta' l-1997 li jemendaw ir-regolamenti dwar l-għaqdiet tal-koperattivi biex jagħtu ħajja mill-ġdid lil dan il-fond ċentrali li f'April tas-sena l-oħra kien tilef il-funzjoni tiegħu minħabba l-avviż legali maħruġ mill-Onor. Joe Cassar, li dak inhar kien responsabbli għal dak il-qasam, mingħajr ma għamel l-ebda konsultazzjoni. Fejn hu d-djalogu li tant jiftaħru li kienu jimxu bih mal-poplu, mal-ħaddiema u maċ-ċittadin? Il-Gvern preċedenti biddel ir-regolamenti u waqqaf il-bord u min ħadha d-deċiżjoni? In-nies li kienu fil-kumitat magħżul minnu. L-Onor. Cassar qal li kien għamel żball u kien wiegħed li se jerġa' jbiddilhom imma ma wasalx biex jagħmel dan. Aħna mill-ewwel ftit xhur ħdimna u biddilna r-regolamenti u poġġejnihom fuq il-Mejda tal-Kamra. (Interruzzjonijiet) Lanqas taf li poġġejnihom? Issa darb'oħra nibgħathomlok bil-posta! Dawn għamilnihom u neħħejna l-ħsara li kienet teżisti minħabba dawk l-emendi li għamilt mingħajr ma ddiskutejthom mal-ħaddiema. Il-bord ċentrali reġa' ħa r-ruħ u qed jaħdem. Kellu jkun Gvern Laburista ġdid li emmen li ċ-ċittadini għandhom jiġu l-ewwel biex emenda dawn ir-regolamenti u dawn il-konċetti ġodda qed jipprovdulu l-għodod għall-ħteġijiet ta' moviment b'koperattiv modern.
Inħabbar bi pjaċir kbir li mill-1 ta' Novembru ta' l-1996 sal-lum tajna ċertifikat lil tmien koperattivi ġodda. Huwa veru li fl-istess żmien kien hemm seba' koperattivi li tant kienu f'kondizzjoni batuta li meta sibnihom ma kienx hemm mod ieħor kif jitneħħew mir-reġistru. Dak hu li sibna aħna meta dħalna għall-amministrazzjoni. Gvern Laburista ġdid se jkompli jaħdem biex jikkonsolida dan il-qasam fil-koperattivi billi jidħol f'oqsma ġodda, u dan se nagħmluh. Illum fil-koperattivi hemm madwar 5,000 ħaddiem li qed jagħtu l-kontribut tagħhom f'bosta oqsma ta' l-ekonomija u d-dover tagħna hu li nħarsu l-interessi tagħhom. Hawn irrid inħabbar li l-bord il-ġdid irnexxielu jikseb bini ġdid fil-Belt Valletta li qed jiġi rranġat, immodernizzat u refurbished biex ikun jista' jservi bħala kwartieri ġodda għall-bord tal-koperattivi. Fil-preżent dan jinsab fil-bini tal-ministeru ta' l-edukazzjoni u dawn qed jagħmlulna pressure biex noħorġuhom minn hemm. Fil-post il-ġdid se jkunu aħjar u l-bord se jkun jista' jaħdem b'iktar serjeta'.
Issa niġi għall-kritika li għamlet l-Onor. Giovanna Debono. Jien jiddispjaċini li sabet diffikulta' biex tiddeskrivi dan il-budget bl-aġġettivi li semma l-Onor. Gonzi. Donnha riedet taħsibha jekk tgħidx bla kuxjenza soċjali jew bla qalb, imma fl-aħħar sabitha. Riedet tibgħat messaġġ produttiv u tkellmet fuq il-land-mines. Dak il-ħin fakkritni f'Lady Diana. X'messaġġ riedet tagħti? Il-messaġġ li riedet tagħti kien li b'dan il-budget il-Gvern Laburista qed joħloq time-bomb. Il-Gvern Laburista b'tant kuraġġ għamel budget li n-Nazzjonalisti meta kienu fil-gvern beżgħu jagħmluh. Il-gvernaturi tal-Bank Ċentrali - mhux li għamilna aħna dawn, imma li għamiltu intom - kien ilhom jgħidulkom mill-1991 li mexjin fi triq ħażina bid-deficit strutturali li kien qed jinħoloq u jiżdied minn sena għal sena. X'għamel il-Gvern Nazzjonalista? M'għamel assolutament xejn u meta sab wiċċu ma' ħajt tal-konkrit qal: Issa le ħej! Issa ċ-ċittadin Malti u Għawdxi se jdur kontra tagħna. Ma neħduhiex dik ir-responsabbilta' li nressqu budget. Mela x'nagħmlu! Ħalli jidħlu ta' warajna. Ħalli jidħol dak il-partit li wiegħed li jmexxi b'mod modern. U aħna b'mod modern infissru li naraw il-problema x'inhi, niddiskutuha minn isfel sa fuq nett u dan huwa l-ikbar proċess demokratiku li nistgħu nagħtukom eżempju bih. Id-diskussjoni fil-partit tagħna hija minn isfel sa fuq, imma mbagħad meta nagħmlu d-dijanjosi tal-problema nieħdu deċiżjoni favur iċ-ċittadin Malti u Għawdxi. U l-Onor. Debono qaltilna li l-budget għamilnilu time-bomb. Lili meta ssemmili time-bombs u letter-bombs nibda nirtogħod. Veru nibda nirtogħod u ma nafx kif l-Onor. Giovanna Debono ġabet dan il-paragun tat-time- bomb. Hi qaltilna kemm se noqtlu nies b'din it-time-bomb u aħjar ma nkomplix fuq dan is-suġġett għaliex jaqbadni l-biki.
L-Onor. Giovanna Debono staqsiet ukoll fuq id-divorzju imma dwar dan m'iniex se nagħtiha risposta. Il-Gvern waqqaf kumitat sabiex jistudja l-affarijiet tal-familja u meta r-rapport ikun lest se jiġi għad-diskussjoni u nkunu nistgħu niddiskutuh. U lill-Onor. Debono ngħidilha li m'aħna se nbeżżgħu lil ħadd bil-babaw.
Mr Chairman, ninsab konvint bid-diskussjoni li kellna llum u bid-diskussjoni li qed ikollna fuq dan il-perijodu tal-budget. Jien konvint li bil-miżuri soċjali li se jieħu dan il-Gvern f'dan il-budget se jkompli jkattar il-ġid fil-pajjiż, mhux bl-illużjonijiet u bil-paroli imma bil-fatti. U ma noqogħdux inbeżżgħu lin-nies bil-marda li semmielna l-Onor. Gonzi. Aħna meta nagħmlu dijanjosi ta' xi pazjent li jkollu marda, nagħtuh it-trattament li jkollu bżonn u jkun qed jonqos mid-dmirijiet tiegħu min ma jagħmilx hekk. Aħna nagħmlu żbalji mela le, bħal ħaddieħor, għax aħna m'aħniex allat. Aħna dak li tgħallimna nwettquh. Meta nipprovaw infejqu lil xi ħadd li jkollu marda serja, ħafna drabi waqt li jkun qed jieħu t-trattament li tagħtih iħallilu side effects li jkunu daqsxejn koroh. Iva, għall-ewwel se jkunu daqsxejn koroh, imma meta jgħaddi dak il-perijodu u l-pazjent ikun ħa t-trattament li jkollu bżonn - anke mkejjel mal-problemi l-kbar li ħalla l-Partit Nazzjonalista s-sena l-oħra - aħna nistennew riżultati tajbin minn dik id-deċiżjoni kuraġġuża. Araw daqsxejn il-gazzetti!Dawn fil-maġġoranza tagħhom ma jżommux magħna imma fl-editorjali qed jagħtuna raġun li l-Gvern Laburista ġdid għamel budget mistħoqq lil pajjiżna. Intom meta kontu fil-gvern ma kellkomx il-kuraġġ u ma kontux kapaċi tagħmlu budget biex tfejqu l-marid li dak iż-żmien kien moribond. Dan il-Gvern, għax huwa serju, jinsab konxju li d-deficit strutturali, li ilu jeżisti mill-1991 ... Jien u ġej hawnhekk smajt fuq l-aħbarijiet li issa anke l-President tal-Federazzjoni ta' l-Industrija qed jagħtina raġun, jiġifieri n-nies serji kollha qed jirrealizzaw li dan il-budget huwa verament serju. Il-poplu Malti u Għawdxi hekk jistħoqqlu, serjeta' u tmexxija moderna. Intom lanqas biss tafu fejn toqgħod it-tmexxija moderna! Intom immuffajtu fid-disa' snin li għamiltu fil-gvern! (Interruzzjonijiet)
Il-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali bdew jgħidulek mill-1991. Għal-ewwel Galdes u mbagħad Vassallo kienu jgħidulkom dan bil-pulit u għalkemm mill-gazzetti u mill-inews dan il-messaġġ ma kienx joħroġ ċar, in-nies kienu jifhmuh. Madanakollu llum il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tkellem iktar ċar u qalilna li l-miżuri li se nieħdu m'humiex biżżejjed. Fil-fatt kien hemm ukoll xi assoċjazzjonijiet oħra li qalulna dan pero' aħna lill-pazjent ma rridux noqtluh imma nfejquh. Il-pazjent tagħna huwa pajjiżna u aħna se nfejquh mill-iżbalji kbar li għamiltulu intom.
Sur President, il-Gvern preżenti għamel bħala prijorita' tiegħu l-bżonn urġenti li jwaqqaf din l-emorraġija fiskali strutturali li għandna. Il-Gvern ħa ċerti miżuri għal żewġ raġunijiet prinċipali; l-ewwelnett minħabba l-irresponsabbilta' li mexa biha l-Gvern Nazzjonalista, tant li bil-problemi li kien qed jiffaċċja ma setax ikompli jiggverna. Dan beża' mir-responsabbilta' li jikxef għajnu mal-poplu Malti u Għawdxi u jgħidlu l-problemi li kellna fil-pajjiż. Tiftakru x'kien qalilna l-Onor. Eddie Fenech Adami wara li ġie mill-mawra li kien għamel għall-ewwel darba fl-Amerka? Kien qalilna: Żrajt iż-żerriegħa biex fil-futur jikbru l-fjuri ħalli l-poplu Malti jkunu jistgħu jgawdu minn dawn il-fjuri. Għaddew tmien snin minn dik il-mawra ġo l-Amerka u dawn il-fjuri baqgħu ma telgħu qatt għax ħlief ħofor finanzjarji il-Gvern Nazzjonalista ma ħallilniex. Veru li meta mar l-Awstralja l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien ġab kelba żgħira, imma dik ... (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Grech, jekk jogħġbok kompli bid-diskors tiegħek.
ONOR. EDWIN GRECH: Sur President, jien nixtieq nikkonkludi d-diskors tiegħi billi ngħid li dan il-budget li ressaq il-Gvern Laburista ġdid għandu viżjoni. Permezz ta' dan il-budget il-finanzi pubbliċi se jkunu jistgħu jerġgħu jiġu lura fuq saqajhom u b'hekk f'pajjiżna tinbena prosperita' ġdida, liema prosperita' tinbena fuq ir-realtajiet u mhux fuq l-illużjonijiet jew fuq il-kliem fieragħ tan-naħa l-oħra. Intom għamiltu disa' snin sħaħ tilludu lill-poplu u tgħidulu kliem fieragħ u meta l-poplu kellu l-iktar bżonnkom intom abbandunajtuh. Intom bżajtu tieħdu r-responsabbilta' li kellkom tieħdu u you chickened out ġimgħat qabel ma ressaqtu l-budget li kellkom tressqu (Onor. Membri: Hear, hear) Aħna rridu nibnu l-prosperita' tagħna fuq il-verita', fuq is-sens komun u fuq it-trasparenza. Intom domtu disa' snin sħaħ taħbulu lill-poplu Malti u Għawdxi. Fil-fatt kien għalhekk li dan warrabkom mill-gvern, u dan ma warrabkomx b'xi photo finish imma b'differenza ta' 8,000 vot! Il-prosperita' li se jibni Gvern Laburista ġdid se tkun mibnija fuq l-għajta li rebbħitna l-elezzjoni li għaddiet u li se terġa' trebbaħna elezzjonijiet oħra, u aħna se nsarrfu din il-prosperita' billi nkunu ċerti li ċ-ċittadin jiġi dejjem l-ewwel. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Skada l-ħin tad-diskussjoni.
Il-mistoqsija hi l-emenda mressqa u moqrija mill-Onor. Joe Cassar. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU:Division. THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-division tittieħed minn hawn u ħames minuti oħra.
Billi ntalbet votazzjoni fin-12.35 p.m. il-Kumitat ġie sospiż u rriżuma fis-12.40 p.m. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi l-emenda mressqa u moqrija mill-Onor. Joe Cassar. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU: Division. VOTAZZJONI NRU. 97 FAVUR : 34 L-Onor
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond subartiklu (2) ta' artiklu 71 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, kif ukoll skond l-Ordni Permanenti 21 subinċiż (2), peress li l-voti ġew indaqs għandi d-dmir, fil-kwalita' tiegħi li qiegħed nippresjedi dan il-Kumitat, li nerżerċita l-vot deċiżiv u din konformi mal-konswetudini ta' din il-Kamra, liema konswetudni tinkludi wkoll l-prinċipji kif elenkati fl-Erskine May, Edizzjoni 21, paġna 351 dwar il-casting vote u għalhekk qed nivvota kontra l-emenda prosposta għall-vot li għandna quddiemna.
L-emenda m'għaddietx. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 45 - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 3,872,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 45 - Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri : No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-division se tittieħed issa stess skond il-Mozzjoni Nru. 98.
VOTAZZJONI NRU. 98 FAVUR : 34 L-Onor.
Abela Carmelo
Farrugia Michael
Abela Joseph
Farrugia Noel
Agius Chris
Grech Edwin
Attard Montalto John
Gulia Gavin
Bartolo Evarist
Herrera Jose'
Borg Karmenu
Mangion Charles
Brincat Leo
Mizzi Joe
Buhagiar Charles
Pace Bertu
Buhagiar Louis
Portelli Alfred
Camilleri Maria
Refalo Anton
Cardona Chris
Sant Alfred
Chircop Karl
Sceberras Trigona Alex
Cilia Joe
Schembri Adami Sandro
Dalli Helena
Spiteri Lino
Debono Grech Joe
Vassallo Adrian
Farrugia Anglu
Vella George
Farrugia Joe
Vella Karmenu
KONTRA : 34 L-Onor.
Abela Tony
Galea Pace Victor
Agius Francis
Gatt Austin
Bonnici Josef
Gonzi Lawrence
Bonnici Michael
Hyzler George
Borg Joe
Mifsud Bonnici Antoine
Borg Tonio
Mugliett Jesmond
Cassar Joe
Muscat Claude
Dalli John
Muscat Richard
D'Amato Helen
Psaila Savona Joe
De Marco Guido
Pullicino George
Debono Giovanna
Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis
Refalo Michael
Farrugia Jean Pierre
Tabone Anton
Fenech Adami Eddie
Vassallo Edwin
Frendo Michael
Vella John
Galea Censu
Zammit Ninu
Galea Louis
Zammit Dimech Francis
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond subartiklu (2) ta' artiklu 71 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, kif ukoll skond l-Ordni Permanenti 21 subinċiż (2), peress li l-voti ġew indaqs għandi d-dmir, fil-kwalita' tiegħi li qiegħed nippresjedi dan il-Kumitat, li nerżerċita l-vot deċiżiv u din konformi mal-konswetudini ta' din il-Kamra, liema konswetudni tinkludi wkoll l-prinċipji kif elenkati fl-Erskine May, Edizzjoni 21, paġna 351 dwar il-casting vote u għalhekk qed nivvota favur il-Vot 45 li għandna quddiemna.
Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 45 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 46 - SIGURTA' SOĊJALI Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 48,169,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 46 - Sigurta' Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 46 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 48 - XOGĦOL Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 627,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 48 - Xogħol, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried. Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 48 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 49 - AFFARIJIET TAL-FAMILJA Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 598,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 49 - Affarijiet tal-Familja, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried. Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 49 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT XI - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 762,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot XI - Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-Riżoluzzjoni taħt il-Vot XI għaddiet. Fis-12.46 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitati rrapporta li l-Voti 45, 46, 48, 49 u XI taħt il-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali kienu ġew approvati mill-Kumitat ta' Provvista. MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. Issa nistieden lill-Ministru Mizzi biex jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.