Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 469,96 Kb.
səhifə2/7
tarix16.12.2017
ölçüsü469,96 Kb.
#35012
1   2   3   4   5   6   7

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:

Tagħrif dwar l-għadd ta’ impjegati li kien hemm fl-MSU, dawk li hemm mal-MITTS u dawk li telqu mill-MITTS minn Lulju 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13248;



f'isem il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar sponsorships mogħtija mill-Korporazzjoni Enemalta matul l-1995, 1996 u 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13561;
f'isem il-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' pjanta li turi l-area f'Ħal Safi qrib l-ajruport li l-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Malta beħsiebha tiżviluppa, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13499; u
f'isem il-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-permess approvat mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar f'Jannar 1998 għal sular addizzjonali fl-isptar f'Tal-Qroqq, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13333.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar il-labour force f'GĦawdex għax-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13501.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali. Il-Ministru Bartolo.

STQARRIJA MINISTERJALI

MANUTENZJONI FI SKEJJEL TAL-GVERN



ONOR. EVARIST BARTOLO: Wara li s-sena l-oħra kienu saru xogħlijiet estensivi ta' manutenzjoni f'ħafna skejjel governattivi bil-parteċipazzjoni diretta tal-kunsilli lokali, il-ministeru tiegħi deherlu li fid-dawl tal-politika tal-Gvern Laburista favur aktar trasparenza kellu jsir xi forma ta' eżerċizzju li l-iskop prinċipali tiegħu kellu jkun li l-Gvern ikun assigurat li l-flejjes involuti għal dan il-proġett ikunu qegħdin jilħqu l-għan mixtieq. B'riżultat ta' diskussjoni li f'Novembru tas-sena l-oħra kelli man-Nutar Charles Mangion, dak iż-żmien ministru responsabbli mill-kunsilli lokali, kien ġie deċiż li jinħatar value for money board.
Uffiċjali mill-ministeru tiegħi u dak tal-kunsilli lokali ġew maħtura fil-bord imsemmi bl-iskop ewlieni li jiġi eżaminat l-operat tal-ftehim bejn l-iskejjel u l-kunsilli lokali, li jirregola dawn ix-xogħlijiet u li jassigura li l-flejjes minfuqa f'xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskejjel kienu qegħdin jintnefqu skond ir-regolamenti tal-finanzi. Aktar u aktar il-bord kellu jindaga jekk il-Gvern kienx qiegħed jieħu value for money minn din is-sistema. Saru xogħlijiet f'ħamsin skola primarja u f'ħamsa oħra sekondarja.
Irrid ngħid li f'ħafna skejjel ix-xogħol mitlub sar għas-sodisfazzjon kemm tal-ministeru, kif ukoll tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Pero' rriżulta li f'ċerti skejjel, filwaqt li x-xogħlijiet mitluba ma sarux kif meħtieġ, l-aspett finanzjarju ta' dan l-operat f'dawn l-iskejjel ħalla ħafna dubji serji ta' abbuż. Ix-xogħol li sar f'ċerti skejjel primarji jħalli ħafna wieħed x'jixtieq. Dan barra mill-fatt li f'dawn l-iskejjel jeżisti aspett ta' overcharging. Fil-każ ta' xi skejjel oħra filwaqt li ġie rrapportat li x-xogħol mitlub sar tajjeb, jirriżulta każ ieħor ta' overcharging eċċessiv.
Filwaqt li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-bord, ma nistax ma nesprimix id-diżappunt tiegħi għall-fatt li ċerti xogħlijiet ma sarux kif mitluba u l-aktar għall-fatt li, mill-aspett finanzjarju, kien hemm lok għal dubji serji ta' abbuż. Ir-rapport huwa dwar is-sitt skejjel fejn kellna ndikazzjoni li x-xogħol ma sarx kif mixtieq. Bl-ebda mod ma juri li dawn is-sitta huma xi kampjun rappreżentattiv ta' l-istampa ġenerali. Fid-dawl ta' dak li l-bord irrapporta tinħass il-ħtieġa illi biex jiġi żgurat li mhux il-kunsilli lokali kollha jitqiegħdu f'keffa waħda - għax ħafna minnhom qdew dmirhom sew - għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jinqatgħu l-abbużi kull fejn ikun hemm dubju li dawn jeżistu.
Fuq il-Mejda tal-Kamra qed inpoġġi wkoll ittra ta' l-uffiċjal inkarigat minn dan ix-xogħol u lista ġenerali tax-xogħol li sar fl-iskejjel. Fil-fatt din il-lista tpoġġi aktar fi kwadru ġenerali l-kummenti li saru fuq sitta mill-iskejjel.
Il-kollaborazzjoni tagħna mal-kunsilli lokali se tkompli u se nitgħallmu minn din l-esperjenza biex ix-xogħol isir aħjar.
Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ ittra datata 24 ta’ Marzu 1998, mill-uffiċjal inkarigat mix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fi skejjel governattivi, flimkien ma’ lista ta’ l-istess xogħlijiet; u

Kopja tar-rapport tal-Value for Money Board, datat 20 ta’ Marzu 1998, dwar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fi skejjel governattivi.


MADAM SPEAKER: Mistoqsijiet? L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: L-ewwel kumment li nixtieq nagħmel hu li dak li qed jgħid il-Ministru ċertament jvarja ħafna mill-impressjoni li ta l-bieraħ il-Prim Ministru meta f'diskursata f'xi każin b'mod ġenerali u mingħajr ma speċifika n-numru - kontra dak li għamel sewwa u tajjeb ħafna llum il-Ministru - qal li jinsab diżappuntat ħafna bix-xogħol li taw il-kunsilli lokali. Il-Prim Ministru qal dan bl-aktar mod ġeneriku u ċappas lil kulħadd u tefa' lil kulħadd fl-istess keffa, mentri minn dak li qed jgħid il-Ministru llum - jekk qed nifhmu sewwa - hija xi ħaġa totalment differenti. Il-fatt li minn 50 skola sibna difetti f'sitta biss iġegħelni nikkonsidra dan l-esperiment bħala wieħed pożittiv li għandu jkompli jissaħħaħ. Nixtieq inkun naf jekk il-Ministru jaħsibhiex bħali u nitolbu jagħtini l-opinjoni tiegħu.
Il-Ministru qal li kien hemm bord kompost minn nies tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni, kif ukoll minn nies tad-dipartiment tal-kunsilli lokali. Xtaqt nistaqsih jekk fl-evaluation exercise involviex ukoll rappreżentant ta' l-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali. Jekk ma nvolvihx, jidhirlu l-Ministru li, anke biex ikun hemm a learning process f'dawn l-affarijiet, ikun għaqli li għas-sena d-dieħla wieħed jinvolvi wkoll rappreżentant ta' l-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali f'dan it-tip ta' evaluation board - ċertament din in-naħa taqbel li għandu jkun hekk - peress li dawn ikollhom kuntatt dirett mal-kunsilli lokali?
Il-Ministru semma l-problema ta' l-overcharging, kif ukoll l-argument tal-value for money. Safejn naf jien f'din il-fażi ir-rwol tal-kunsilli lokali kien sempliċement li jsibu contract manager biex jieħu ħsieb is-supervision tax-xogħol, li kien ġie deċiż minn qabel mid-dipartiment waħdu u mhux b'konsultazzjoni mal-kunsilli lokali. Il-budget għat-tibdil kien ukoll ġie deċiż mid-dipartiment mingħajr konsultazzjoni mal-kunsilli lokali. (Interruzzjonijiet) Kont qed ngħid li safejn naf jien is-sistema kienet li l-budget jiġi ddeterminat mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni mingħajr konsultazzjoni mal-kunsill lokali; it-tip ta' xogħol li jrid isir kien ukoll ġie ddeterminat mingħajr l-intervent tal-kunsilli lokali; l-għażla tal-kuntrattur saret ukoll mingħajr l-intervent tal-kunsilli lokali; u x-xogħol il-kunsilli lokali kien li jappuntaw contract manager biex jagħmel supervision ta' dawn ix-xogħlijiet. Nixtieq il-konferma tal-Ministru li dan kien minnu, u jekk dan huwa minnu, hemmx ukoll valutazzjoni biex wieħed ikun jaf minn liema naħa ġejjin in-nuqqasijiet f'dawn il-postijiet? Wieħed irid jassessja l-fatt - jien qed nitkellem mil-lat tal-kunsilli lokali - jekk in-nuqqas kienx dovut għall-għażla tal-contract manager jew tal-kuntrattur - peress li l-Ministru tkellem fuq overcharging - li naħseb li m'għandhom x'jaqsmu xejn miegħu l-kunsilli lokali.
Lill-Ministru xtaqtu jikkonfermali wkoll jekk din is-sistema hijiex se titkompla s-sena d-dieħla u jekk l-intenzjoni hijiex li l-kunsill lokali jiġu nvoluti fil-proċess ħafna iktar qabel mis-sena l-oħra sabiex dawn verament ikunu jistgħu jagħtu kontribut ibbażat fuq l-esperjenza tagħhom diretta. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fuq l-iskejjel saru kollha b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ix-xogħol li sar fuq dawn il-55 skola sar b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali.
ONOR. GEORGE PULLICINO: GĦal dak ix-xogħol li sar mill-public works department, kien hemm adjudicating team li għamel value for money exercise biex wieħed ikun jaf jekk sarx l-auditing fuq l-iskejjel kollha u mhux biss fuq dawk li għamlu xogħlijiet ta' manutenzjoni, b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali?
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? L-Onor. Edwin Vassallo.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, biex inkompli ma' dak li qal l-Onor. Gatt, nixtieq inkun naf x'se jsir min-naħa tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni biex tingħata stampa aktar pożittiva ta' dan l-eżerċizzju, kemm-il darba d-dipartiment ta' l-edukazzjoni jixtieq li jkompli għaddej bih, għax inkella l-kunsilli lokali se jispiċċaw mhedda. Bħalissa ma nafx x'kelma oħra nista' nuża f'din iċ-ċirkostanza.
Filwaqt li l-contract manager kien qed jaħdem f'isem jew mal-kunsilli lokali, x'sehem kellu d-dipartiment ta' l-edukazzjoni waqt li kienu qed jinħadmu dawn il-proġetti? Naf li fil-briefing kien indikat x'suppost kienu qegħdin jagħmlu imma naħseb li jkun utli, anke għall-ispjegazzjoni ta' kulħadd, jekk dan jiġi spjegat. Id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien qed jagħmel supervision fuq il-ħidma tal-contract manager?
Jista' l-Ministru jagħtina stampa ċara jekk in-nuqqasijiet li saru minn dawk it-tliet kunsilli lokali li ma ssodisfawx il-kriterji kenux kategorizzati taħt xi settur ta' nfiq partikolari? Jista' jkun li dawn il-kunsilli lokali setgħu ma ssodisfawx il-ħteġijiet ta' dan il-bord għax ma kienx hemm konsultazzjoni minn qabel?
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? L-Onor. Victor Galea Pace.
ONOR. VICTOR GALEA PACE: Jista' l-Ministru joħroġ rapport separatament u jgħid jekk minn dawn it-tliet kunsilli lokali hemmx xi wieħed li jolqot lil Għawdex? Jista' jgħidilna wkoll min kien li ħareġ it-tenders, jekk kenux involuti l-kunsilli lokali u għal liema tip ta' xogħol inħarġu?
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, skond il-lista ta' l-iskejjel u l-kunsilli lokali li hemm involuti huwa evidenti li x-xogħol f'ċerti skejjel sar mingħajr kordinazzjoni għax kien laħaq inbeda qabel ma beda dan l-eżerċizzju, bħal fil-każ tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr. F'dawk il-lokalitajiet fejn kien hemm xi xogħol għaddej - jew għadu għaddej - u ma kienx hemm dan it-tip ta' arranġament biex jidħol responsabbli l-kunsill lokali, nixtieq inkun naf jekk fil-fatt kienx hemm xorta waħda xi tip ta' involviment tal-kunsilli lokali f'dawn il-lokalitajiet.
Aktar kmieni ntqal li f'postijiet fejn se jkun hemm investiment kapitali se jkun hemm ukoll il-kordinazzjoni bejn il-ministeru ta' l-edukazzjoni u l-kunsilli lokali. Nixtieq inkun naf jekk fil-fatt għadx hemm dan il-ħsieb u jekk din it-tip ta' diskussjoni nbdietx ma' xi ħadd?
MADAM SPEAKER: Aktar mistoqsijiet? (Onor. Membri: No) Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jekk tħares lejn ir-rapport innifsu u ma tarax il-kwadru ġenerali toħroġ b'impressjoni negattiva. Pero' dan qisu għandek bixkilla b'55 tuffieħa u tibda tħares biss lejn sitta minnhom li jkunu mtektkin, jew għandhom xi ħaġa li mhijiex tajba, u allura tibda timmaġina li t-tuffieħ huwa kollu mħassar u taħseb biex tarmi l-bixkilla. Jekk wieħed jara l-kwadru ġenerali jsib li dan m'huwiex il-każ. Jiena dan inqisu bħala esperiment pożittiv li rnexxa u naħseb li għandna nibnu fuqu u nsaħħuh. Din għandna neħduha bħala esperjenza li rridu nitgħallmu minnha, kemm min-naħa tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni, kif ukoll min-naħa tal-kunsilli lokali, u fuqha rridu nibnu mhux biss ix-xogħol ta' manutenzjoni u ta' tiswija imma anke x-xogħol kapitali. F'negozjati li kellna mal-ministeru tal-finanzi dawn ix-xogħlijiet jistgħu jlaħħqu s-somma ta' Lm150,000 u naħseb li għandna nkomplu mexjin f'din id-direzzjoni.
Irrid nirringrazzja lil dawk is-sindki u lill-kapijiet ta' skola li ħadmu tajjeb. Irrid nirringrazzja wkoll lil dawk li mill-5% tad-dħul tax-xogħol li għamlu reġgħu nvestewhom lura fl-iskola. Dan għamluh permezz ta' għotjiet ta' kotba jew inkella permezz ta' apparat ieħor li xtraw għall-iskola, inkluż tagħmir għall-playgrounds u affarijiet oħra edukattivi. Pero' min-naħa l-oħra din l-esperjenza ġenerali pożittiva m'għandhiex tagħlqilna għajnejna għan-nuqqasijiet li kien hemm. (Interruzzjonijiet) Minkejja li x-xogħol tal-kunsilli lokali kien jammonta għal sorveljanza mill-works managers, f'ċerti każijiet dawn marru oltre l-lista li jkun indika l-kap ta' l-iskola u bdew iżidu xi xogħlijiet oħra li mhux bilfors kienu l-prijorita` meħtieġa.
Irrid infakkar li kien hemm żewġ raġunijiet għall-idea oriġinali li ninvolvu lill-kunsilli lokali f'dan ix-xogħol. L-ewwelnett għax nifhmu li l-kunsilli lokali għandhom interess li jkunu kburin bl-iskola tal-lokalita` fejn qegħdin huma u allura se jaħdmu biex itejbu l-faċilitajiet meħtieġa; u min-naħa l-oħra għax nafu li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, kif inhija strutturata llum, m'hijiex attrezzata biex isir ix-xogħol f'ħafna skejjel fl-istess ħin.
Ma ninsewx li s-somma li vvota dan il-Gvern għal dan ix-xogħol hija t-tripplu ta' dik li kien ippjanat li jivvota l-Gvern preċedenti, kieku ma sejjaħx elezzjoni ġenerali kmieni. Jekk wieħed jara kif kien se jkun il-budget ta' l-1997 isib li għal kull Lm1 li kien hemm ivvotata dan il-Gvern ivvota Lm3. L-iskop kien li kemm jista' jkun nagħmlu ħafna xogħol fl-istess ħin għax kieku għamilna x-xogħol b'mod ċentralizzat kieku żgur li kien ikollna bottleneck. Ma rridux immorru lura għall-mudell ċentralizzat li kollox jiġi kkontrollat miċ-ċentru kif kien qabel l-1996, u għalhekk waħda mir-rakkmandazzjonijiet li l-bord qed jgħidilna biex nikkonsidraw - mhux qed jgħidilna biex nagħmlu hekk bilfors - hi li mmorru lura għal xi sistema fejn dawn l-affarijiet jiġu organizzati miċ-ċentru. Jien ngħidha bl-iktar mod ċar li qed nevitaw dik ir-rakkmandazzjoni u se nkomplu naħdmu mal-kunsilli lokali imma rridu naħdmu b'mod li minn dawn in-nuqqasijiet nitgħallmu biex ix-xogħol isir aħjar.
Irrid nagħmel ftit awto-kritika fuq l-istruttura tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għaliex naħseb li l-affarijiet tjiebu ħafna meta kien hemm iktar monitoring min-naħa tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. B'hekk ingħata anke appoġġ lill-heads li kienu mdaħħlin f'dan ix-xogħol u allura saret iktar kordinazzjoni bejn il-works manager tal-kunsill u l-uffiċjal inkarigat min-naħa tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Waħda mill-affarijiet li tgħallimna hija li ma jagħmilx sens li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tkun organizzata kif kienet qabel l-aħħar ta' l-1996, fejn kien hemm sezzjoni tal-maintenance organizzata miċ-ċentru biex tagħmel suppost dawn ix-xogħlijiet fl-iskejjel, għaliex nerġa' ngħid li kien hemm store ċentrali fejn kienu jinħażnu l-affarijiet għall-iskejjel u minn kull Lm5 materjal mixtri Lm1 biss kienet tispiċċa fl-iskejjel u l-Lm4 l-oħra kienu jispiċċaw f'appartamenti għal xogħol privat li kienu jagħmlu l-istess ħaddiema waqt il-ħin li suppost kienu jagħmlu x-xogħol għall-gvern. Jiġifieri żgur li m'għandi l-ebda nostalġija għal dak il-mudell. Allura ċ-ċentru jrid jagħmel monitoring tax-xogħol li jkun qed isir fil-lokalitajiet differenti u naħseb li rridu nsaħħu dik il-parti tax-xogħol.
Fuq id-dettalji dwar fiex kienu jikkonsistu l-overcharging nitlobkom li tirriferu ftit lejn ir-rapport dettaljat li hawn fuq id-diversi lokalitajiet. Irrid nagħmilha ċara u huwa importanti li nerġa' nenfasizza li l-eżerċizzju s'issa laqat 20 kunsill lokali differenti. Jekk wieħed janalizza dan ir-rapport isib li tliet works managers m'għamlux ix-xogħol kif xtaqna aħna. Allura ma naħsibx li fuq dik il-bażi wieħed għandu b'xi mod jew ieħor jiddikjara l-esperiment fallut.
L-Onor. Ċensu Galea semma wkoll ix-xogħlijiet li bdew fl-iskejjel tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr, fejn ma kienx hemm il-kunsill lokali nvolut mill-ewwel. Is-sistema biex joħorġu t-tenders tal-gvern u biex isir l-ippjanar bdiet tiċċaqlaq qabel dik tal-kunsilli lokali - għalkemm irrid ngħid li mbagħad f'tal-kunsilli lokali għaġġilna iktar għax beda ċertu xogħol qabel ma beda f'dawn il-lokalitajiet - imma minn dak iż-żmien 'l hawn saru kuntatti mal-kunsilli lokali nvoluti u x-xogħol miexi mhux ħażin, speċjalment fil-każ ta' l-Imġarr u tal-Mellieħa. Naħseb li ta' San Pawl il-Baħar jixtiequ li jkun hemm iktar konsultazzjoni milli fil-fatt kien hemm.
Fil-każ ta' Għawdex għadna lura ħafna biex ninvolvu lill-kunsilli lokali f'dan ix-xogħol. Jiġifieri r-risposta għall-mistoqsija jekk fost il-midinbin kienx hemm l-Għawdxin hija: "Le", għax lanqas biss kienu nvoluti. Saru laqgħat mal-kunsilli lokali u hemm ċertu xogħol li jrid isir f'ċerti skejjel fejn se ninvolvuhom. Imma naħseb li jkun tajjeb li l-eżerċizzju li qiegħed isir hawn imbagħad jibda ... (Interruzzjonijiet) Le, il-periklu mhux dak. Il-periklu huwa li xi ħaġa tajba tista' tmurlek żmerċ jekk ma jkollokx mekkaniżmu biex tara li x-xogħol isir, u xi ħaġa li tkun tajba m'għandniex inħalluha tmur żmerċ. Jidhirli li xi ftit jew wisq dort il-punti kollha.
Nixtieq nenfasizza li dan hu esperiment li rnexxa u kemm id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u kemm il-kunsilli lokali għandhom jitgħallmu minn din l-esperjenza. Naħseb li ma tkunx idea ħażina li jsir dak li ssuġġerixxa l-Onor. George Pullicino dwar eżerċizzju simili ta' evalwazzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi li jsiru fl-iskejjel għaliex hekk inkunu nistgħu nqabblu x'riżultati taw xogħlijiet differenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.


Yüklə 469,96 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin