ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR. SMALL CLAIMS TRIBUNAL (AMENDMENT) BILL
L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet
Ikompli mill-25 ta' Marzu,1998
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA (Ministru tal-Ġustizzja): Madam Speaker, meta għamilt l-introduzzjoni tiegħi għal dan l-abbozz ta' liġi żammejt kemm jista' jkun possibbli mas-suġġett. Tkellimt fuq il-merti tat-tribunal għal talbiet żgħar, semmejt is-suċċess li għamel it-tribunal f'dak li għandu x'jaqsam ma ġustizzja li ngħatat - u tidher li għadha qiegħda tingħata - fi żmien raġonevolment qasir, u llimitajt ruħi għas-sustanza ta' dan l-abbozz li l-Kamra għandha quddiemha. Sfortunatament - jew fortunatament - l-Onor. Membri li tkellmu mbagħad daħlu f'oqsma oħrajn ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u forsi żvijjaw naqra wkoll mis-sustanza ta' l-abbozz. Saret diskussjoni dwar il-ħidma tal-qrati in ġenerali, mhux biss dwar il-Qrati Inferjuri - anke jien dħalt f'diskussjoni dwar l-operat tal-Qrati Inferjuri għax naturalment huwa allaċċjat ma' l-operat tat-tribunal għal talbiet żgħar - imma anke dawn l-operat tal-Qrati Superjuri.
Il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni, filwaqt li qalu li hemm bżonn li dan il-Parlament ma jippolitiċizzax il-kwestjoni ta' l-ineffiċjenza tal-qrati peress li din problema li gvernijiet suċċessivi wirtu u bqajna mwaħħlin biha, għamlu riferenza għal ċerti problemi li nqalgħu matul il-ġimgħa l-oħra u kien hemm min saħansitra qal li wara 30 sena li kien ilu jeżerċita l-professjoni legali ħass ruħu xxokkjat meta sema' b'dawn l-affarijiet. Allura jien hawnhekk nistaqsi: L-Oppożizzjoni riedet jew ma ridetx tippolitiċizza l-kwestjoni? Għaliex l-affarijiet li l-kollegi tan-naħa l-oħra semmew li ġraw fil-qorti l-ġimgħa l-oħra jien kont nismagħhom u mmisshom b'idejja sa ftit xhur ilu meta kont inservi ta' avukat quddiem il-bank tal-ġudikatura. Kelliem ta' l-Oppożizzjoni qal li l-ġimgħa l-oħra kien hemm il-kawżi tal-collisions u ħadd ma kien jaf fejn kienet qed tinżamm is-seduta u allura kien hemm ħafna differimenti għaliex ix-xiehda ma tfaċċawx fil-ħin. Issemma każ ieħor fejn kien hemm lista twila ta' xi 400 kawża li għandhom x'jaqsmu ma' kawżi tat-traffiku - jidhirli kienu quddiem il-Maġistrat Apap Bologna - li żewġ terzi minnhom kienu preskritti u allura speċi riedu jgħidulna: Lanqas ħaqq it-telf ta' żmien għal dawk involuti! Jekk qed nitkellmu dwar skandlu minħabba dawn iż-żewġ affarijiet li ġraw il-ġimgħa l-oħra jien ngħid li jekk kelli nixxokkja ruħi fuq dawn, mela fuq l-affarijet li kienu jiġru qabel kelli nixxokkja ruħi u ninħaraq! Għaliex dawn huma affarijiet li jien naf li minn dejjem kienu jiġru u żgur li baqgħu jiġru tul dawn l-aħħar tmien snin kemm ilni li lħaqt avukat jien.
Dawn it-tmien snin meta kien responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja Gvern Nazzjonalista, kienu kkaratterizzati minn ċirkostanzi fejn kellna listi twal mhux biss ta' kawżi sommarji tal-kriminal, fejn ikollok lista ta' xi 150 jew 200 kawża, imma anke f'sede ċivili, li ċertament m'hijiex ta' natura sommarja. Kellna listi twal, anke quddiem l-imħallfin fil-Qrati Superjuri, ta' 'l fuq minn 150. GĦalhekk jien niskanta kif il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni jiġu jgħidu li kienu xxukkjati b'dak li ġara l-ġimgħa l-oħra, għaliex allura ngħidilhom li fil-veru sens tal-kelma ma kenux jattendu l-qorti sa ftit ilu. Dawn iż-żewġ affarijet li semmejtu l-ġimgħa l-oħra huma a pittance ħdejn l-affarijiet li kont nara jiġru quddiem għajnejja u kont nisma' bihom meta kont avukat inservi l-qorti taħt Gvern Nazzjonalista. Jien niddejjaq insemmi dawn l-affarijiet għax bħala avukat għandu jkollna l-pride li kemm jista' jkun ma nagħtux pubbliċita` lil dawn l-affarijiet għax m'humiex conducive sabiex iġibu rispett lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Pero' għall-ġustizzja fiha nfisha nħoss li għandi ngħidhom biex nirrispondi għal dak li ntqal mill-kelliema ta' l-Oppożizzjoni l-ġimgħa l-oħra, għaliex anke l-media ippikkjat ċertu diskors b'mod u manjiera li qisu kien qed jingħad li dawn l-affarijiet f'daqqa waħda tfaċċaw u waqgħu mill-ispazju wara s-26 ta' Ottubru. Il-media rrapportathom bħallikieku dawn l-affarijiet ġraw tul din l-amministrazzjoni.
Jien nixtieq infakkar lil sħabi tan-naħa l-oħra tal-Kamra kemm kien sar b'mod verament diżorganizzat it-trasferiment tar-reġistru superjuri u r-reġistru inferjuri mill-pjan terran fl-edifiċju prinċipali tal-qorti għall-annexe. U issa se jkollna nerġgħu nagħmlu trasferiment bil-maqlub. It-trasferiment ma kienx sar f'Awissu, meta l-qorti tieqaf, meta kulħadd ikun bil-leave u allura l-attivita` tkun waħda dgħajfa ħafna imma kien sar over a couple of days. Kienu daħħlu lill-impjegati tal-qorti over the weekend, tawhom l-overtime u fl-għaġġla sabiex ir-reġistru superjuri u r-reġistru inferjuri minn isfel jitilgħu fuq nista' niggarantilkom, anke għax kelli każijiet jien, li ntilfu bosta proċessi u ittri uffiċjali li kienu importanti sabiex wieħed juri evidenza ta' interruzzjoni tal-preskrizzjoni. Dawn kienu affarijiet serjissimi li niftakarhom jien bħala avukat, u kellna preokkupazzjoni anke bħala membri tal-kumitat tal-Kamra ta' l-Avukati. Dawn huma affarijiet li ġraw u jekk il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni xxukkjaw ruħhom b'żewġ avvenimenti li ġraw il-ġimgħa l-oħra, allura fil-veru sens tal-kelma kellhom għalfejn jinħarqu bl-affarijiet li kienu jiġru fi żmienhom. Dan kien każ wieħed.
Każ akbar u aktar serju kien meta fl-1993 xi ħadd jew xi wħud daħlu u żgassaw is-safe tal-qorti u nsterqu esibiti u dokumenti importanti, esibiti li kienu tressqu fi proċedimenti kriminali. Fil-fatt saret inkjesta u issa ngħalqet. Dawn huma kollha affarijiet li ġraw qabel Ottubru ta' l-1996. Ma kenux kwestjonijiet ta' one-off imma kienu run-of-the-mill. (Interruzzjonijiet) Qegħdin ngħidu fuq il-listi twal li għandhom l-imħallfin u l-maġistrati. Big deal, big deal! Fi żmienkom hekk kienu l-affarijiet, listi twal, mhux biss fil-kriminal imma anke fiċ-ċivil. Jien niftakar li numru kbir ta' kawżi kienu jiġu differiti minħabba nuqqas ta' staff. Il-maġistrat kien jiġi jagħmel verbal, li mbagħad jikkomunikah lill-ministru tal-ġustizzja, fejn kien jgħid li minħabba li ma deherx il-purtier jew id-deputat reġistratur, kien kostrett jiddifferixxi l-kawża. Kien jiddifferixxi l-kawża bix-xhieda kollha mħarrka, bil-partijiet kollha u bl-avukati kollha qegħdin hemmhekk u kien jibgħat lil kulħadd id-dar. Dawn l-affarijiet ma ġrawx din is-sena. Qabel l-1996 ġraw affarijiet agħar milli ġraw issa.
Dan jien irrid nirreġistrah mhux għax nieħu pjaċir ngħidhom dawn l-affarijiet għax nerġa' nenfasizza li jien għandi l-pride tiegħi bħala avukat u anke bħala ministru tal-ġustizzja - u issa nitkellem ukoll fuq id-diskorsi li jsiru fiċ-ċerimonji - u dawn lili jdejquni u jħammruli wiċċi, imma m'għandniex noqogħdu nsemmu l-affarijiet bħallikieku bdew jiġru mis-26 ta' Ottubru 'l hawn. Fil-fatt l-Oppożizzjoni taf li ilhom jiġru dawn l-affarijiet u jien naħseb li kien out of place kompletament li qgħadna nsemmuhom fid-diskussjoni ta' nhar l-Erbgħa li għaddew, speċjalment meta kulħadd jaf li dawn kienu jiġru qabel. Li kieku dawn l-affarijiet bdew jiġru issa, f'daqqa waħda, kont nifhem li nqajmu dan il-punt hawnhekk, imma jekk fil-fatt kien hemm ċirkostanzi li kienu agħar minn dawk tal-lum, mela għalfejn għandna noqogħdu naqilgħu dan kollu u noqogħdu nippożaw u ngħidu li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja m'għandniex nippolitiċizzawha u dan kollu? Fil-fatt meta nsemmu dawn l-affarijiet inkunu qegħdin nippolitiċizzawha. Issa, Sur President, nieħu spunt ieħor.
Fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja - u hawnhekk naqbel naqra mal-kelliema ta' l-Oppożizzjoni għax kien hemm min tkellem minn qalbu wkoll - faċli li kull meta jkun hemm xi ċerimonja wieħed iwaħħal fil-problema ta' l-ispazju. Għax dan l-aħħar qed tissemma ħafna l-problema ta' l-ispazju, qisha din il-problema ta' l-ispazju ġiet f'daqqa waħda. Ilha ħafna l-problema ta' l-ispazju. (Interruzzjonijiet) Iva veru, aħna rridu naraw bħala gvern ukoll kif se nsolvu l-problema ta' l-ispazju, pero' ċertu diskors u ċertu rapportaġġ isir bħallikieku dawn l-affarijiet immaturaw issa f'daqqa waħda. Huwa fatt li jekk inti ma tippjanax fit-tul - u jien nemmen li ma kienx hemm ippjanar fit-tul, għalkemm seta' kien hemm intenzjonijiet tajbin ta' kif isiru l-affarijiet - fl-aħħar mill-aħħar imbagħad inti se tiekol mill-frott tax-xitla li tkun ħawwilt. Jekk inti tħawwel xitla ħażina, il-frott tagħha ħażin se jkun u jekk il-frott li issa qegħdin nieklu minnu ... (Interruzzjonijiet) Le, skużi, jekk inti ħawwilt xitla ħażina issa tiġix tgħidli li l-frott huwa ħażin! U hawnhekk qiegħed proprju in order meta nitkellem dwar it-tribunal għal talbiet żgħar, fejn huwa tajjeb li għaddewlu l-kawżi sal-valur ta' Lm100 li ġew imneħħija mill-kompetenza tal-Qrati tal-Maġistrati - u allura serraħna lill-Qrati tal-Maġistrati minn dawk il-kawżi li l-valur tagħhom ma jeċċedix is-somma ta' Lm100 - pero' huwa fatt ukoll li ftit xhur wara, fl-1 ta' Lulju ta' l-1996, il-kompetenza tal-Qrati tal-Maġistrati żdiedet minn Lm101 għal Lm1,000. Allura lill-Qrati tal-Maġistrati neħħejtilhom il-kawżi sa Lm100 imma fil-fatt għabbejthom disa' darbiet aktar minn dak li kellhom qabel ma twaqqaf it-tribunal għal talbiet żgħar.
L-Onor. Austin Gatt qal li l-kuruturi tal-qorti jkunu qishom fuq il-monti bin-nies li jkun hemm. (Interruzzjonijiet) Mhux bilfors! Ma naħsibx li r-raġuni għalfejn ikun hemm affollament hija din biss, għax naturalment hemm affarijiet oħrajn li tkellimt fuqhom u forsi huwa l-każ li nerġa' nirripeti x'hemm bżonn li jsir fuqhom. Ladarba niżżilt il-kompetenza, dawk il-persuni li kienu jirrikorru quddiem il-Qrati Superjuri għal dawk il-kawżi li l-valur tagħhom jeċċedi l-Lm100 iżda ma jaqbiżx l-Lm1,000, issa qed imorru quddiem il-Qrati Inferjuri. Bħallikieku l-Qrati Inferjuri mhux diġa` mgħobbija bil-kawżi kriminali, bil-kumpilazzjonijiet, bil-kawżi tad-distrett! U allura mhux bilfors se jkollok l-affollament u l-kuruturi jkunu qishom s-swieq! GĦandu raġun jgħid hekk l-Onor. Gatt. Imma għalfejn ikun hemm l-affollament? Naturalment dan huwa l-frott ta' dak li żrajt.
Huwa fatt li l-kompetenza tal-Qrati tal-Maġistrati żdiedet u jien nemmen li kellha tiżdied imma kellha tiżdied b'mod gradwali. Irridu nimxu 'l hemmhekk ukoll imma b'mod gradwali, mhux neħħejt il-kawżi sa valur ta' Lm100 mill-kompetenza tal-Qrati tal-Maġistrati u mbagħad żidthomlhom tmien darbiet aktar, għaliex allura m'għamilt xejn għall-Qrati tal-Maġistrati għax għabbejthom aktar. L-Onor. Gatt qal li solvejna l-problema għaliex qbadna dawk il-kawżi li l-valur tagħhom jeċċedi l-Lm100 iżda ma jaqbiżx l-Lm1,000 u minn fuq niżżilniehom isfel, allura ħlisniehom minn fuq. Imma x'ġara eżattament? Dik il-miżura kienet konduċiva għall-amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja in ġenerali? Lill-Qrati Superjuri forsi serraħtilhom il-piż imma lill-Qrati Inferjuri għabbejthom fl-istess ħin. Allura li ġara sempliċement kien li spustajt il-problema minn fuq għal isfel u hemmhekk baqgħet xorta waħda.
Jien xtaqt nirreġistra dan il-punt għaliex nemmen li huwa importanti - u jidher li anke l-Onor. Gatt qabel ma' dak li għidt jien - li almenu fil-materja kriminali hemm ċerti kontravvenzjonijiet li naħseb li jeħtieġ li jiġu depenalizzati. Naħseb li bagħbasna biżżejjed bil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u wasal iż-żmien biex naraw liġijiet oħrajn li jeżistu u nisfruttawhom. Per eżempju, hemm il-liġi li waqqfet il-kunsilli lokali li għalkemm forsi ma naqblux għalissa imma 'l quddiem forsi jkun hemm okkażjoni fil-Parlament fejn niddibattu dwar it-tribunali lokali jew tribunali reġjonali. Pero' jeħtieġ li niddepenalizzaw biex ċerti kawżi li llum huma sindakabbli kriminalment u penalment quddiem il-Qrati tal-Maġistrati noħorġuhom minn ġol-qorti għaliex qed itellfu ż-żmien lill-Qrati tal-Maġistrati. Jien għalija mhux dekor li dawk it-tip ta' kawżi jiġu ttrattati quddiem maġistrat. Issa ħalli nitkellmu fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja in ġenerali.
Jien għidt li ma jistax ikun li dejjem nippuntaw subgħajna lejn il-gvern. Meta qed nirriferi għall-gvern mhux qed nirriferi għall-gvern separatament minn dak li kien hemm qablu imma qed nitkellmu bħala gvern fil-kontinwita' tiegħu. Gvernijiet Laburisti qabel għamlu li setgħu għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja. Per eżempju, Gvern Laburista kien daħħal il-konċett ta' l-assistenti ġudizzjarji fil-Qrati Superjuri u kien daħħal is-sistema ta' l-affidavit sabiex ix-xiehda tkun tista' tinġabar aktar malajr. Dawn saru qabel l-1987. Gvern Nazzjonalista wkoll għamel emendi għall-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili imma m'iniex se noqgħod nidħol fid-dettall f'dan l-istadju għax inkun out of order. Jiġifieri min-naħa tal-gvernijiet kulħadd jipprova jagħmel xi ħaġa. Pero' issa nitkellem naqra fuq in-niċeċ għaliex meta qegħdin nitkellmu dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja m'aħniex qed nitkellmu fuq il-gvern biss.
Il-borma ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja m'hijiex magħmula mill-gvern biss. Dak huwa biss komponent wieħed li jilleġisla minn ħin għall-ieħor imma l-kontribut tiegħu lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja huwa viżibbli u tanġibbli. Issa nistgħu ma naqblux mal-mod kif għamlu l-affarijiet gvernijiet Laburisti jew gvernijiet Nazzjonalisti qabel imma l-fatt hu li huwa viżibbli. Minn żmien għall-ieħor il-gvern jipprova jintervjeni jew biex iwaqqaf tribunal bħal dan li qegħdin niddiskutu jew biex joħloq l-assistenti ġudizzjarji jew biex joħloq il-proċedura ta' l-affidavit. Pero' hemm niċeċ oħrajn. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja m'hijiex magħmula biss mir-regolamenti u mil-liġijiet imma wkoll min-natura umana, mill-bniedem, jiġifieri mill-ġudikatura u mill-avukati. L-aħħar darba smajt lill-Onor. Michael Refalo jgħid li l-ministru ftit jista' jagħmel għax finalment jiddependi minn min qiegħed iħaddem il-qorti, mill-avukat li jinizja l-kawża, jippreżenta l-att fir-reġistru, imbagħad jistrada l-kawża u jassisti lill-klijent, u mill-imħallef li jorganizza l-awla tiegħu, jisma' x-xiehda u finalment jagħti d-deċiżjoni tiegħu.
Meta nisma' ċerti diskorsi fil-qorti, għalkemm l-aħħar diskors li sar ma kienx punġenti, ngħid: Possibbli li fl-amminstrazzjoni tal-ġustizzja - jien qed nitkellem bħala avukat li għandi tmien snin esperjenza fil-qorti tal-ġustizzja - l-unika problema li ġiet identifikata hija l-problema ta' l-ispazju fil-qorti! Anke avukat relattivament żgħir jaf li l-problema fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja m'hijiex biss l-ispazju fil-qorti. Imma faċli nwaħħlu fl-ispazju fil-qorti għaliex il-gvern huwa responsabbli għall-ispazju tal-qorti. Imma aħna verament nemmnu li dik biss hija l-problema fl-amministrazzjoni tal-qorti? Jekk inġib il-bakketta maġika, nagħmel tnejn "hekk" b'idejja u għada stess nipprovdi s-swali ħalli jkunu jistgħu jinstemgħu l-kawżi fihom, hawn xi ħadd f'din il-Kamra jew barra minn din il-Kamra li jista' jiggarantili li l-imħallfin se jagħmlu bħal speedy gonzales u jaqtgħu l-kawżi b'ritmu aktar mgħaġġel? Jekk inġib il-bakketta maġika u għada stess nipprovdi s-swali fejn isiru l-kawżi, għandna garanzija li l-avukat se jkun preżenti meta jissejjaħ għall-kawża, jew forsi jkun qiegħed - ħalli ngħid waħda favorih - imħabbat f'xi awla oħra fejn diġa` hemm l-ispazju? Veru l-ispazju huwa problema wkoll għas-soluzzjoni tal-problemi ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja pero' jekk irridu nqiegħdu jdejna fuq qalbna - u jien illejla ġejt nitkellem minn qalbi - u ngħidu li nemmnu li l-problema fl-amministrazzjoni tal-qorti hija biss l-ispazju, mhux se naslu definittivament biex insolvu l-problemi li hemm. Jien naħseb li hemm bżonn nibdew ikollna ħafna iktar umilta` fin-niċeċ. Hemm in-niċċa tal-gvern, hemm in-niċċa tal-ġudikatura u hemm in-niċċa ta' l-avukati.
Jien qed nitkellem għan-nom tal-gvern tiegħi u anke għan-nom tal-gvernijiet preċedenti - mhux se jieħdu għalihom - u ngħidu mea culpa, mea culpa, fejn ipprovajna nintervjenu u ma rnexxilniex. Kemm-il darba pprovajna nbagħbsu fil-Kodici ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili b'intenzjonijiet tajbin ħalli naslu biex il-ġustizzja tingħata fi żmien raġonevolment qasir. Imma ejjew ilkoll kemm aħna nammettu li n-niċeċ l-oħrajn ma jistgħux jistrieħu fuq il-gvern biss. Ma nistgħux nibqgħu nwaħħlu fil-gvern jew fl-ispazju tal-qorti, jew għax m'hemmx biżżejjed riżorsi umani, jew għaliex ma bagħbasniex tajjeb fil-Kodici ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Jekk tindunaw dejjem l-istess affarijiet jissemmew. Irid ikollna aktar umilta` u nibdew naċċettaw li n-niċeċ għandhom sehem f'amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja. Jien se nagħmel analoġija. Fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali f'pajjiżna sar ħafna progress matul dawn l-aħħar għoxrin sena. Qabel il-unions tal-ħaddiema u l-assoċjazzjoni ta' min iħaddem kienu qishom kelb u qattus, mentri llum insejħulhom sħab soċjali. Jien nemmen li fil-qafas tal-ġustizzja f'pajjiżna hemm bżonn li jkollna attitudni tripartite, attitudni ta' sħab. Hemm bżonn li ma jkunx hemm tfigħ ta' tajn lejn naħa u oħra, wieħed iwaħħal fl-ieħor. Dan irid jinbidel u meta nkunu sħab fil-ġustizzja mhux biex nieħdu biss imma nkunu sħab biex nagħtu. Il-gvern irid jagħti għaliex għandu responsabbilta` soċjali, u tista' taqbel jew ma taqbilx fil-mod kif jagħti, imma mhux il-gvern biss irid jagħti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jien nemmen li hemm bżonn li nkunu aktar umli u naraw fejn qegħdin ir-responsabbiltajiet tagħna. Il-pożizzjoni tal-gvern diġa` hija diffiċli minħabba l-fatt li hemm l-indipendenza tal-ġudikatura, u allura minn dak l-aspett veru, kif qal l-Onor. Michael Refalo, ftit hemm x'jista' jagħmel il-ministru. Imma mbagħad kulħadd irid jaċċetta r-responsabbiltajiet tiegħu.
L-aħħar darba ddispjaċini għaliex issemmew ħafna imħallfin u xi maġistrati wkoll, u ssemmew b'isimhom ukoll. Fl-amminstrazzjoni tal-ġustizzja inutli tgħid li l-gvern biss għandu tort, jew il-ġudikatura biss għandha tort, jew l-avukati biss għandhom tort. Din l-attitudni trid tispiċċa u jiddispjaċini ħafna li jsiru ċerti diskorsi li ma nemminx li jgħinu għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jien nixtieq li min għandu l-widnejn u suppost qed jismagħni jismagħni issa. (Interruzzjonijiet) Per eżempju, dalwaqt ikollna l-ewwel seduta ta' l-Imħallef Ray Pace, bħalma kellna ta' l-Imħallef Patrick Vella, u minn hawnhekk jien nawguralhom ħidma li tkun siewja għall-amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja. Jien niddejjaq bil-ħasil tal-ħwejjeġ maħmuġin fil-pubbliku. Dawn huma ċerimonji li għandna nħalluhom għas-sinifikat li jirrappreżentaw. Jien naħseb li hemm channels of communication li huma ħafna iktar effettivi. Kull ministru Laburist jew Nazzjonalist ikellem lill-imħallfin u jkellem lill-Kamra ta' l-Avukati u jara x'hemm bżonn li jsir. Dawk huma ċ-channels of communication li wieħed għandu juża biex iwassal l-ilmenti ta' l-avukati, ta' l-imħallfin, ta' l-apparat ġuridiku in ġenerali. Jien nemmen li għandna nibdew nikkoltivaw din il-mentalita` jekk irridu nibdew nagħtu saħħa, nagħtu reputazzjoni tajba lill-amminstrazzjoni tal-ġustizzja. Għandna nibdew proprju minn hemm u mhux nimminawha.
Qabel nibdew inbagħbsu l-Kodici ta' Organizzazzjoni u Proċedura Civili, qabel ma nibdew naħsbu fuq il-kunsilli, qabel ma nibdew naħsbu fuq it-tribunali lokali u tribunali reġjonali, qabel nibdew naħsbu kif se niddepenalizzaw, qabel nibdew naħsbu kif se nagħmlu aktar assistenti ġudizzjarji, imħallfin u maġistrati, jien naħseb li għandu jkun hemm rivoluzzjoni fil-mentalita` ta' kif aħna nħarsu lejna nfusna. Fl-ewwel diskors li għamilt meta lħaqt ministru tal-ġustizzja għidt li jien nixtieq niġri wara l-aspett pożittiv tal-qorti għax hemm pożittiv, mela m'hemmx! Imma allura l-ministru tal-ġustizzja biss għandu jagħmilha din! Dak li naf jien li huwa pożittiv fil-qorti jien biss nafu! Ejja ngħidu x'hemm pożittiv fil-qorti f'ġieħ min u għall-benefiċċju ta' dawk kollha li jridu jirrikorru għall-qorti. Pero' fuq dan il-punt jien se nieqaf hawnhekk. Jien tkellimt minn qalbi għaliex inħoss li din hija d-direzzjoni li għandna nieħdu u importanti ħafna li n-niċeċ - għalkemm sewwa jagħmlu li jiddefendu l-interventi tagħhom - jaġixxu bħala sħab fil-ġustizzja u sħab mhux biex nieħdu biss imma biex nagħtu wkoll.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Ministru, għandek bżonn il-leave of House. Il-Kamra taqbel li l-Onor. Gulia jkompli jinstema'? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata
ONOR. GAVIN GULIA: Nirringrazzja lill-Kamra kollha talli estenditli l-ħin. L-Onor. Gatt għamel xi suġġerimenti interessanti li jien dħalt fihom. Huwa staqsa kemm fil-fatt se tħalli effett pożittiv iż-żieda minn Lm100 għal Lm250 fil-kompetenza tat-tribunal għal talbiet żgħar. Fil-fatt għandi statistika bbażata fuq figuri ċerti meħudin minn snin preċedenti. Bejn Jannar u Diċembru ta' l-1996 kien hemm 864 kawża li jaqgħu fil-kategorija ta' bejn il-Lm101 u Lm250. Minn Jannar sa Diċembru ta' l-1997 kien hemm 911-il kawża u bejn Jannar u Frar ta' l-1998 kien hemm b'kollox 105. Jekk iżżid ukoll Novembru u Diċembru 1995, meta kien hemm 123 oħra, b'kollox issib li kien hemm 2,003 kariga. Jiġifieri jien naħseb li se taffettwa ż-żieda li se jkun hemm fil-kompetenza għaliex lill-Qrati tal-Maġistrati se nserrħuhom minn 800 kawża ċivili fis-sena bejn wieħed u ieħor. Naħseb li dan huwa importanti. Wara l-biċċa xogħol li għamlu matul l-ewwel sentejn u nofs tat-tribunal jien nemmen li ż-żewġ ġudikaturi li għandna, Dr Joe Refalo u l-Pawlu Saliba L.P., kapaċi jlaħħqu maż-żieda fil-kompetenza li se ġġib din l-emenda.
L-Onor. Gatt semma wkoll il-kwestjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-mandati eżekuttivi, fejn ikun hemm ilmenti li dawn ma jiġux eżegwiti tempestivament, b'mod partikolari s-subbasta, bil-primo ricorso u dan kollu. Jien ukoll kelli l-impressjoni li l-affarijiet jistgħu jimxu b'mod aktar rapidu pero' fil-fatt ġbart statistika u jidhirli li l-affarijiet m'humiex daqshekk gravi. Jekk nieħdu, per eżempju, il-mobbli matul l-1993 l-ammont ta' subbasti li ġew appuntati sabiex isir il-bejgħ bl-irkant kien ta' 443, li minnhom kien hemm 150 li ġew liberati jew imħallsa u kien hemm 200 ħlas in parte, naturalment għaliex ikun hemm il-ftehim bejn il-partijiet li jaċċettaw li jsir il-ħlas in parte. Fl-1994 kien hemm 580, li minnhom ġew liberati 160 u ħlas in parte 330; fl-1995 kien hemm 634, li minnhom ġew liberati u mħallsa 200 u ħlas in parte 310; fl-1996 kien hemm total ta' 665, li minnhom ġew liberati u mħallsa 210 u ħlas in parte 300. Fl-1997 kien hemm 738, liberati jew imħallsa kien hemm 300, ħlas in parte kien hemm 200 u sospiżi 238. Rigward l-immobbli se nsemmi ta' l-1993 u l-1997 biex ma ntawwalx. Fl-1993 ġew appuntati 150 subbasta, li minnhom ġew liberati 31 u ħlas in parte 70 u sospiżi 49. Fl-1997 kien hemm 180, liberati jew imħallsa 40, ħlas in parte 100 u sospiżi 40.
Sur President nitlob il-permess tal-Kamra sabiex inqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra. Nitlob ukoll il-permess tal-Kamra biex nesebixxi l-istudju xjentifiku li sar fuq il-kawżi li l-valur tagħhom huwa bejn Lm101 u l-Lm250. Fil-fatt jidher li n-numru ta' kawżi li se jieħu t-tribunal għal talbiet żgħar huwa wieħed sostanzjali.
THE DEPUTY SPEAKER: Hemm permess biex l-Onor. Gulia jpoġġi dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. GAVIN GULIA: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta’ kawżi introdotti fil-Qorti tal-Maġistrati bejn Novembru 1995 u Frar 1998; u
Tagħrif dwar primi rikorsi introdotti fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri sabiex isir il-bejgħ bis-subasta bejn l-1993 u l-1997.
L-Onor. Gatt għamel riferenza wkoll għall-proġett li bih il-liġijiet ta' Malta jkunu riprodotti fuq compact disc u qal ukoll li bħalissa l-law revision commission qed taħdem fuq dan ix-xogħol. L-idea kienet li noħorġu bit-test Ingliż għal ħabta ta' Mejju jew Ġunju, għaliex kellna t-test Ingliż lest, pero' jien ħadt deċiżjoni li nagħmlu wkoll it-test Malti għaliex l-importanti huwa t-test Malti u eventwalment dan xorta irid joħroġ. Allura tajt struzzjonijiet sabiex noħorġu t-test bil-Malti u bl-Ingliż fl-istess żmien. Aħna naħsbu li dawn is-CDs għandhom joħorġu lejn l-aħħar ta' din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla u b'hekk ikollna liġijiet bil-Malti u bl-Ingliż fuq CDs għall-bidu tas-sena d-dieħla. Il-kollega tiegħi qal li jista' jkun hemm problema biex dawn is-CDs taġġornahom u ssuġġerixxa li dik il-kumpannija privata, il-Legal and Publishing Co. Ltd, f'joint-venture mal-gvern tkun tista' twettaq dan l-eżerċizzju sabiex meta toħroġ is-CD tkun tista' taġġornaha. I beg to differ. Bħalma din il-kumpannija avviċinat lill-Onor. Gatt nista' ngħid li avviċinat lili.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Nista' nassigura lill-Kamra li ma ġejt avviċinat la mill-kumpannija u lanqas minn ħadd f'isem il-kumpannija. Hija l-unika kumpannija li tagħti servizzi lill-avukati u għalhekk biss semmejtha. Jiġifieri għandek l-assigurazzjoni tiegħi li ħadd ma kellimni. Kieku kont niddikjara li kellmuni.
ONOR. GAVIN GULIA: Wara li noħorġu s-CDs f'Jannar imbagħad se jsir proċess ta' aġġornament kontinwu. Jiġifieri l-idea tagħna hija li mbagħad għal ħabta ta' Ġunju ta' l-1999 toħroġ CD oħra, u every six months il-liġijiet jiġu aġġornati. Naturalment aħna se nassiguraw li l-ispiża tkun waħda żgħira għaliex ma rridux noħorġu CDs regolari li mbagħad tiġi xi spiża sostanzjali.
L-updating tal-liġijiet jieħu żmien twil, anke snin, u issa se nimxu pass 'il quddiem għax se jkollna mezz ta' updating li jkun sitt xhur lura biss u allura naħseb li bħala avukati u mħallfin inkunu nistgħu nkampaw aħjar, biex nuża dik il-kelma. Forsi m'hijiex l-aħjar u l-isbaħ soluzzjoni - għax naturalment l-aħjar huwa li jkollok sistema ta' updating li tkun from day to day - imma naħseb li nkunu għamilna pass kbir li jkollna sistema ta' updating li tkun sitt xhur, sitt xhur.
L-Onor. Gatt semma s-sistema tal-master u qal li bħalissa din is-sistema qiegħda tintuża quddiem il-Qrati Superjuri. L-idea hija li l-kawżi ġodda mingħand ir-reġistratur tal-qorti - qabel hu kellu l-poter li jallokahom lill-imħallfin individwalment u separatament - jibqgħu sejrin għand il-master. L-idea sublimi kienet li mbagħad il-master jagħmel pruning ta' dawn il-kawżi, jara x-xiehda jekk hijiex rilevanti u jara jekk hemmx eċċezzjonijiet legali li jistgħu jiġu sorvolati malajr, jiġifieri jagħti fiżjonomija lill-kawża u jibgħatha għand imħallef ieħor fi żmien raġonevolment qasir. Allura l-imħallef l-ieħor isib il-kawża nofsha jew tliet kwarti lesta u naturalment din tkun konduċiva għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi żmien raġonevolment qasir. Pero' rajna li bejn l-ideal u l-prattika hemm baħar jaqsam. Is-sistema fil-fatt m'hijiex taħdem kif suppost u qed idumu anke xhur biex jiġu appuntati quddiem il-master; imbagħad meta eventwalment il-master jgħaddiha lil ħaddieħor mingħajr ma tkun pruned, mingħajr ma tkun ingħatat fiżjonomija, l-imħallef l-ieħor iqegħedha fuq il-lista tiegħu u ddum x-xhur ukoll. Hemm argumenti favur l-istituzzjonalizzazzjoni ta' din is-sistema pero' jien personalment nemmen li aħjar naraw jekk nistgħux intejbu l-lat prattiku qabel wieħed jikkonsidra l-istituzzjonalizzazzjoni tagħha.
Nemmen li forsi din is-sistema tal-master setgħet tiġi mplimentata aħjar li kieku qabel ipprovdejna l-infrastruttura amministrattiva għaliha. Huwa minn ewl id-dinja li biex taħdem is-sistema tal-master trid tkun housed, irid ikollha l-back-up staff tagħha u l-assisteni ġudizzjarji sabiex jgħinu lill-imħallef fil-ġbir tal-provi. Għalkemm fil-prinċipju donnu kulħadd jaqbel ma' l-idea tal-master pero' ċertament li din is-sistema mhijiex tagħti r-riżultati mixtieqa fil-prattika u naħseb li għandna bżonn nħarsu aktar fil-viċin lejn il-prattika nnifisha u naraw bħala gvern fejn wieħed jista' jgħin. Ċertament dan kien każ klassiku fejn saret xi ħaġa imma ma ġietx ikkreata l-infrastruttura amministrattiva għaliha. L-istess ġara meta twaqqaf it-tribunal għal talbiet zgħar għax serraħna lill-maġistrati minn ammont ta' kawżi imma mbagħad waħħalnielhom kawżi ta' valur sa Lm1,000. Mhux bilfors imbagħad ikun hemm l-affollament! Din hija s-sitwazzjoni. You will reap what you sow. Dan huwa punt politiku imma jkolli nirreġistrah.
Rigward il-kwestjoni tar-revenue collection, veru li qegħdin lura u hemm bżonn li l-fines tal-Qrati tal-Maġistrati jinġabru b'mod aktar espedjenti. Hemm min wara li jeħel multa jmur iħallas dak il-ħin stess u hemm min ma jmurx iħallas u rridu noqogħdu niġbruhom. Dan ir-revenue collection department li jinsab fil-Qrati Inferjuri ħadt ħsiebu mal-ewwel għax kien hemm ċerti nuqqasijiet u fil-fatt issa saru l-arranġamenti neċessarji u jidhirli li din il-ġimgħa stess ġew allokati riżorsi umani sabiex dan l-uffiċċju jkun jista' jitħaddem b'mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk ninsab informat mir-reġistratur tal-qorti li hemm sistema ta' komputerizzazzjoni sabiex wieħed ikun jista' jagħmel liaison aħjar bejn il-qorti u anke d-dipartiment tal-liċenzji. Din is-sistema tal-komputerizzazzjoni qiegħda tingħata prijorita` assoluta. Aħna nemmnu li fil-qorti hemm oqsma oħrajn li jeħtieġ li jiġu komputerizzati pero' naturalment wieħed ma jistax jaqbad u jikkomputerizza kollox fl-istess ħin u jrid ikun hemm ukoll sistema ta' prijorita`. Anke jiena nixtieq li nara l-komputerizzazzjoni tinfirex aktar fil-qorti pero' nagħmlu pass wara l-ieħor. Ir-revenue collection huwa aspett importanti anke għas-serjeta` tal-ġustizzja għaliex persuna li titressaq il-qorti għandha, jekk tinstab ħatja, ir-retribuzzjoni u għandha tħallas ta' l-għemil tagħha. Jekk ikollna sistemi dgħajfa f'dak li huwa ġbir ta' revenue allura dan naturalment ma jgħinx għas-serjeta` fil-qorti. Jien nemmen li hija flokha l-prijorita` li nipprovaw indaħħlu sistema komputerizzata fir-revenue collection department.
Sur President, l-Onor. Jose' Herrera għamel suġġeriment interessanti dwar leġislazzjoni ad hoc għal disprezz lejn l-awtorita` tal-qorti, f'każ ta' reżistenza għall-eżekuzzjoni ta' mandat. Peress li kont naħdem bħala avukat naf li ċerta eżekuzzjoni ta' mandati - meta nitkellmu dwar mandat eżekuttiv inkunu qed nirriferu għal meta persuna tieħu sentenza mill-qorti u tiġi kkundannata tħallas, per eżempju, is-somma ta' Lm500 - teħtieġ il-makkinarju biex tenforzaha. Allura għandna sistemi ta' mandati li jiġu eżegwiti mill-marixxalli tal-qorti u f'każ li d-debitur jibqa' ma jħallasx, issir is-subbasta sabiex l-oġġetti li jiġu maqbuda permezz tal-mandat ta' qbid eżekuttiv jew il-flus li jiġu maqbuda permezz tal-mandat ta' sekwestru eżekuttiv, jitħallas bihom id-debitur. Huwa veru li wara li tqatta' ma nafx kemm żmien il-qorti u fl-aħħar tieħu sentenza, ftit jista' jibqagħlek aptit tgħaddi minn xi martirju ieħor biex tieħu l-flus permezz ta' l-eżekuzzjoni tal-mandati. GĦalhekk nemmen li l-mandati jeħtieġ li jiġu eżegwiti b'aktar serjeta` u b'akbar ħeffa u fejn ikun hemm reżistenza nerġa' nenfasizza li huwa importanti, anke għas-serjeta` ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li l-esekuzzjoni tal-mandat tiġi rispettata mid-debitur. Huwa interessanti s-suġġeriment - forsi wieħed 'il quddiem jesplorah u anke jiddiskutih f'dan il-Parlament - li f'każ ta' reżistenza jiġi deċiż li jkun hemm disprezz lejn l-awtorita` tal-qorti u meta jiġri hekk naturalment tista' tiġi mposta wkoll miżura karċerarja.
L-Onor. Herrera esprima xi dubji jekk huwiex kostituzzjonalment kompatibbli li ssir id-depenalizzazzjoni għaliex il-liġi titkellem dwar qorti. Jidher li l-Oppożizzjoni taqbel mad-depenalizzazzjoni. Naturalment mhux fuq kollox imma fuq ċerta mġiba ta' penali li bħalissa hija sindakabbli quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u forsi mhuwiex aktar il-lok li jibqgħu jinstemgħu quddiemha. Li kieku qegħdin nitkellmu dwar depenalizzazzjoni ta' offiżi bħalma semma l-Onor. Herrera, jiġifieri tad-droga jew serq, fejn hemm anke sentenzi tal-qorti - qed nirriferi għall-każ Pulizija vs Emm. Vella - li jgħidu li anke jekk ipotetikament jiġi depenalizzat is-serq, pero' minħabba li s-sanzjoni hija waħda ta' multa kbira jew sanzjoni karċerarja allura ma tistax taqbad u titfagħha quddiem tribunal ieħor, nifhimha. Pero' hawnhekk m'aħniex qegħdin nitkellmu fuq din it-tip ta' mġiba imma qegħdin nitkellmu fuq imġiba kontravvenzjonali u qegħdin nitkellmu fuq dawk l-affarijiet żgħar li jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-kawżi tad-distrett li jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Ċertament li meta jiġu depenalizzati dawk it-tip ta' kontravvenzjonijiet ma nkunux qed immorru kontra l-Kostituzzjoni. Jien kelli d-dubju jekk l-Onor. Herrera kienx qed jirriferi għal dawn jew għal meta nżidu l-kompetenza tat-tribunal għal talbiet żgħar, imma jekk kien qed jistaqsi kemm fil-fatt se jibqa' kostituzzjonalment kompatibbli li dawn il-kawżi ma jinstemgħux quddiem qorti imma quddiem tribunal meta nżidu l-kompetenza tat-tribunal, niġbidlu l-attenzjoni għal dak li tgħid il-Kostituzzjoni. Jidhirli li artiklu 39 jagħmilha ċara li f'kawżi ċivili huwa biżżejjed li jkollok "an independent and impartial tribunal" u allura m'għandniex għalfejn inkunu qegħdin eżattament fl-ambitu ta' qorti, fis-sens ta' qorti ordinarja.
Ngħaddi biex nitkellem dwar suġġeriment li għamel l-Onor. Michael Refalo, li bħala ministru tal-ġustizzja kien hu li ressaq l-abbozz ta' liġi dwar it-tribunal għal talbiet zgħar. L-Onor. Membru qal li ġaladarba għandna l-kawżi tat-tribunal kemm f'Malta kif ukoll ġewwa Għawdex, jeħtieġ li jkun hemm reġistru apposta għal Għawdex. Dan huwa suġġeriment importanti u dak il-ħin stess jien għidtlu li naqbel pjenament għax ma jagħmilx sens li jkollok tribunal għal talbiet żgħar f'Għawdex u r-reġistru tiegħu jkun qiegħed Malta. Pero' billi l-aħħar darba beda jgħid li jien qiegħed nirkeb fuq l-ideat ta' l-amministrazzjoni preċedenti, ngħidlu li fil-fatt dan kellna l-ħsieb li nagħmluh u forsi fl-istadju ta' Kumitat inkunu nistgħu nressqu din l-emenda. Tant hu hekk li hemm korrispondenza datata 3 ta' Novembru, 1997 - ċertament fi żmien Gvern Laburista - li turi anke l-emendi li jridu jsiru f'dan ir-rigward. Nitlob li fl-istadju ta' Kumitat din l-emenda tiġi diskussa u tiġi nkluża fl-abbozz oriġinali.
L-Onor. Refalo semma wkoll kif baqa' żbalordit li quddiem il-Maġistrat Apap Bologna issejħu 450 kawża f'seduta waħda. Qalilna li fi 30 sena li ilu avukat qatt ma kien sema' b'xi ħaġa bħal din. (Interruzzjonijiet) Jien ma rridx nerġa' niftaħ ġrieħi imma dawn huma affarijiet li ġraw qabel u ġraw affarijiet li kienu ħafna iktar serji minn hekk.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Ministru, kont qiegħed nisimgħek titkellem dwar il-punt tal-kostituzzjonalita` li qajjem l-Onor. Herrera. Jien naħseb li għar-rigward ta' materja ċivili m'għandekx problemi għax hemmhekk il-Kostituzzjoni tgħidlek qorti "or an adjudicating authority". Mela l-kompetenza tista' żżidha sa Lm1 miljun għaliex m'hemm xejn fil-Kostituzzjoni li jimpedik milli tagħmlu, basta jkun tribunal indipendenti u imparzjali. Il-problema tqum biss - u naħseb li għal dan kien qed jirriferi l-Onor. Herrera - għall-kawżi ta' natura kriminali għaliex hemmhekk hemm is-sentenza li semmejt inti - Pulizija vs Emm. Vella - fejn kellek reat ta' bejgħ ta' laħam bi prezz ogħla u l-gvern ta' dak iż-żmien kien waqqaf tribunal biex jiddeċiedi kawża kriminali u ġie deċiż li trid tkun qorti li tisma' kawża bħal dik. Issa where do you draw the line ta' x'tista' tiddepenalizza? Inti għidt kontravvenzjonijiet li huma a criminal offence u l-Kostituzzjoni tagħtik id-dritt li tmur quddiem qorti in case of a criminal offence. But where do you draw the line?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. GAVIN GULIA: Fil-fatt għamilt din id-distinzjoni u hemm ukoll il-parir legali li din tista' ssir. Qegħdin nitkellmu fuq materja żgħira li allaħares ma naqblux fuqha. L-aħħar darba semmejt li jeħtieġ li ċerti kawżi li jidhru quddiem il-Qrati tal-Maġistrati, fejn filli għandek maġistrat li llum qed jagħmillek inkjesta serjissima - per eżempju, dwar Um El Faroud - imbagħad l-għada tarah qiegħed jaħli nofs siegħa jiddibatti kawża ta' inġurja jew kawża għax wieħed tefa' l-ilma barra t-triq! (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR TONIO BORG: Fil-każ Pulizija vs Vella, fejn inkisret price order, ġie deċiż li l-każ jiġi ttrattat minn qorti. Din ma kenitx xi ħaġa serjissima, imma allura każ ta' inġurja mhux l-istess? L-inġurja kważi iktar serja minn ksur ta' price order. Il-punt tiegħi hu li l-gvern għandu joqgħod attent where to draw the line.
ONOR. GAVIN GULIA: Bħalissa għaddej eżerċizzju biex naraw fejn nistgħu niddepenalizzaw. Pero' aħna ma rridux imbagħad nispustaw il-problema mill-Qrati tal-Maġistrati u nitfgħuha fuq il-kummissarji tal-ġustizzja għax il-problema ta' l-affollament fil-qorti tibqa' xorta waħda. L-idea hija li hemm bżonn li nħarsu barra mil-liġijiet li bagħbasna f'dawn l-aħħar snin, bħall-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, biex nipprovaw naslu għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi żmien raġonevolment qasir. Hemm liġijiet oħrajn, bħal tal-kunsilli lokali, li jsemmu t-tribunali lokali - aħna forsi ma naqblux fuq tribunali reġjonali pero' dik hija kwestjoni li m'għandhiex x'taqsam hawnhekk - li nistgħu nisfruttawhom għaliex jippreżentaw opportunita` li tista' tagħmel ġid ukoll għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
L-Onor. Refalo qal li jien semmejt ħafna affarijiet, fosthom ix-xogħol fl-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali u l-bini l-ġdid, l-idea tar-reġistru li minn fuq jerġa' jinżel isfel - Allaħares le, fuq kollox dan intom tellajtuh fuq! - u ċ-ċentru ta' l-arbitraġġ, u qal li dawn huma kollha proġetti maħsubin minn Gvern Nazzjonalista. Veru kellkom ħafna ideat pero' qegħdin turu li kellkom ħafna affarijiet x'tagħmlu u m'għamiltuhomx. Allura se jkollu jkun Gvern Laburista li jagħmilhom dawn l-affarijiet. (Interruzzjonijiet) Tant biex nirreġistra punt politiku. Pero' mbagħad waqqafna l-bord ta' l-arbitraġġ li xogħlu eventwalment se jkun li jwaqqaf iċ-ċentru ta' l-arbitraġġ u veru jeħtieġ li jkun hemm a precise marketing strategy rigward dan ix-xogħol. Ċertament f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-arbitraġġ domestiku nara vantaġġi wkoll għall-qrati Maltin għaliex jekk jirnexxilna nikkoltivaw mentalita` ġdida f'dak li għandu x'jaqsam ma' litigazzjoni, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-marittimu, ma' l-assigurazzjonijiet, mat-traffic collisions, allura ċerti kwestjonijiet li llum qegħdin jitfaċċaw mhux biss quddiem il-Qrati Inferjuri imma anke quddiem il-Qrati Superjuri, nkunu nistgħu nistradawhom quddiem l-arbitri fiċ-ċentru ta' l-arbitraġġ u nkomplu naturalment innaqqsu l-piż minn fuq il-qrati ordinarji.
L-Onor. Anġlu Farrugia semma l-provvediment transitorju ta' dan l-abbozz li jgħid li l-kawżi li fil-bidu fis-seħħ ta' dan l-Att ikunu pendenti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati għandhom ikomplu jinstemgħu u jiġu maqtugħa quddiem l-istess qorti jekk il-partijiet jaqblu. Pero' qajjem il-punt dwar l-effett li jista' jkun hemm fuq l-appell għax naturalment hemm restrizzjonijiet kif inti tista' tappella mit-tribunal għal talbiet żgħar, mentri huwa aktar miftuħ il-mezz ta' appell mill-Qorti tal-Maġistrati għal quddiem il-Qorti ta' l-Appell. Ladarba l-partijiet jiftehemu allura ma jistax ikun hemm problema f'dan ir-rigward.
L-Onor. Farrugia semma l-kwestjoni li nqalgħet il-ġimgħa l-oħra - semmieha wkoll l-Onor. Austin Gatt - dwar dawk l-450 ċitazzjoni tat-traffiku li dehru quddiem maġistrat partikolari u ntqal li żewġ terzi minnhom kienu preskritti. Jien nemmen li dawn jeħtieġ li jiġu deċiżi amministrattivament u mhux jersqu l-qorti sabiex ikun hemm il-barka tal-qorti rigward il-preskrizzjoni tagħhom. Jien għandi informazzjoni li dan l-eżerċizzju qiegħed isir u nittamaw li fi żmien qasir dawn l-affarijiet ikunu jistgħu jiġu handled wkoll mill-pulizija stess u ma jkollhomx għalfejn iressquhom il-qorti sabiex tingħata l-barka tal-qorti. Il-qorti għandha biżżejjed x'tagħmel u ma naħsibx li għandna għalfejn ngħabbuha b'dawn l-affarijiet.
Jien naħseb li semmejt il-punti kollha li tqanqlu miż-żewġ naħat tal-Kamra. Jiddispjaċini li d-diskors infetaħ iż-żejjed u saru ħafna allużjonijiet għal ċerti mħallfin. Jien nemmen li fejn għandha x'taqsam l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma nistgħux noqogħdu nippuntaw lejn il-gvern, bħallikieku dan ġej bil-bakketta maġika u se jsolvi kollox. Kif spjegajt qabel, nistgħu nagħmlu swali kemm irridu, imma għandna naraw li meta jsiru dawn is-swali l-kawżi jiġu maqtugħa malajr u naraw li jkun hemm ukoll il-koperazzjoni ta' l-avukati, fis-sens li jkunu preżenti u puntwali meta jissejħu f'kawża. Il-problema ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja mhijiex biss tal-gvern imma jeħtieġ li jkun hemm a tripartite approach li tagħmilna sħaħ fil-ġustizzja, mhux biss biex wieħed jieħu imma wkoll biex wieħed jagħti. Huwa impossibbli li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tiġi mħaddma mill-gvern biss. Nirringrazzjak, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar" ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed
Il-mozzjoni għaddiet nem. con u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
ONOR. GAVIN GULIA: Sur President, nipproponi li dan l-abbozz ta' liġi jiġi diskuss fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. AUSTIN GATT: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi li dan l-abbozz ta' liġi jiġi ttrattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
Dostları ilə paylaş: |