ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR. 263
SMALL CLAIMS TRIBUNAL (AMENDMENT) BILL 263
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI 274
VARIOUS LAWS (TELECOMMUNICATIONS) (AMENDMENT) BILL 274
AĠĠORNAMENT 284
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 288
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 318
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 205 li saret fil-25 ta' Marzu, 1998 ġew konfermati.
KUNSENS GĦAL ATTI
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Ninforma lill-Kamra li l-President ta' Malta għoġbu jagħti l-kunsens tiegħu għal:
Att Nru X ta’ l-1998 – Att sabiex jipprovdi minflok l-Ordinanza dwar il-Kursal għal-liċenzjar ta’ Każinò, għat-twaqqif ta’ Bord dwar il-Logħob u għal għanijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan u li huma anċillari għalih.
MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI
OPM - KIRI TA' KAROZZI
9628. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' aġenziji ta' kiri ta' karozzi wżati mid-dikasteru li għalih huwa responsabbli fil-perijodu bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Ottubru, 1997 u kemm intnefqu flus ma' kull kumpannija?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru mhux biss in-nefqa li saret għall-kiri ta' karozzi fid-dikasteru li jaqa' taħt ir-responsabbilta` tal-Prim Ministru bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Ottubru, 1997 iżda wkoll in-nefqa li saret matul l-istess perijodu għas-snin 1995 u 1996.
Jekk l-Onor. Membru jħares lejn il-figuri ta' dawn it-tabelli jinnota li fl-1997 l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq nofs il-flus li kienu ntefqu fl-1996 fuq kiri ta' karozzi. Dan il-Gvern għamilha ċara li l-prijorita` ewlenija tiegħu hi li flus iċ-ċittadin jintefqu fl-aħjar interess tal-pajjiż u li jagħmel l-aħjar b'anqas riżorsi. It-tagħrif mogħti jkompli jikkonferma li matul l-1997 il-Gvern baqa' għaddej bil-ħidma tiegħu ta' spiża anqas f'kiri ta' karozzi u allura b'anqas piż fuq iċ-ċittadin li jrid iħallas it-taxxi biex il-gvern jipprovdi s-servizzi meħtieġa lilu.
Il-Gvern beħsiebu jibqa' jesiġi li flus iċ-ċittadin għandhom jintefqu b'responsabbilta` u mingħajr ħela u mhux kif kien isir fl-amministrazzjoni preċedenti meta l-irresponsabbilta` u t-tberbiq ta' flus kienu r-regola tal-ġurnata.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Xtaqt inkun naf jekk dawn il-kriterji li semma l-Onor. Mizzi - li jagħmel l-aħjar b'anqas riżorsi - japplikawx ukoll għall-pixxina nazzjonali.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Gatt biex jagħmilli mistoqsija bil-miktub.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Richard Muscat, mistoqsija supplimentari.
ONOR. RICHARD MUSCAT: Madam Speaker, peress li l-Ministru fir-risposta tiegħu għamel distinzjoni bejn kif jonfoq il-flus dan il-Gvern u kif nefqet il-flus l-amministrazzjoni preċedenti - diska li ilna nisimgħuha ħafna li taħt Gvern Nazzjonalista sar ħafna tberbiq ta' flus - jista' jgħidilna kemm kien l-ammont ta' flus li ntefqu aktar?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Peress li l-mistoqsija oriġinali kienet dwar kiri ta' karozzi, ikun aħjar li l-Onor. Membru jerġa' jagħmel din il-mistoqsija bil-miktub sabiex tinġabar l-informazzjoni u jkun jista' jara b'għajnejh x'differenza kbira hemm fl-infiq tal-flus.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Muscat.
ONOR. RICHARD MUSCAT: Mingħajr ma ġie mistoqsi, il-Ministru xorta daħħal id-distinzjoni bejn l-infiq li sar mill-amministrazzjoni ta' qabel u l-infiq li sar minn dan il-Gvern. Jekk dan ifisser li hu jaf x'inhi r-risposta, nitolbu jagħtihielna issa.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: L-ammont huwa tant kbir li ma nistax nagħtihulu fid-dettall! Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru li jerġa' jagħmel il-mistoqsija bil-miktub sabiex inkun nista' niġbor l-informazzjoni meħtieġa.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, il-Ministru huwa f'pożizzjoni jgħidilna kemm iffranka flus il-Gvern fin-nefqa rikorrenti għall-1997?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: M'iniex f'pożizzjoni li nirrispondih u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija bil-miktub sabiex niġbor l-informazzjoni u nkun nista' ngħaddihielu. Pero' nista' nagħtih informazzjoni oħra.
Meta l-Gvern preċedenti aċċetta li jospita f'Malta l-konferenza tad-WTDC, kien stmat li se jintnefqu Lm1.8 miljun u mbagħad mhux talli nfaqna ħafna inqas talli r-riżultati kienu pożittivi ħafna u aħjar minn dawk mistennija.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jista' l-Ministru jgħidilna kif għandu tant tagħrif fuq ħafna affarijiet u mbagħad tagħrif ieħor ma ġabux miegħu!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Jien qatt ma għidt li jien infallibbli jew li naf kollox. Imma naħseb li din il-mistoqsija hija banali għax biex tingħata ċerta informazzjoni, speċjalment fejn jidħlu dettalji, wieħed bilfors irid jagħmel mistoqsija bil-miktub sabiex l-informazzjoni tkun tista' tinġabar mid-dipartiment konċernat.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Peress li l-Ministru ġentilment għaddielna kopja tal-breakdown - fejn jirriżulta li s-saving kollu sar minn enti waħda biss, ċioe' mill-MITTS Ltd., u l-bqija jew żammew l-istess infiq li kien hemm jew nefqu aktar - ma jidhirlux il-Ministru li dawk il-ħafna eloġji u prinċipji kollha li semma fir-risposta ma japplikawx għall-Gvern imma japplikaw għall-MITTS Ltd.?
Barra minn hekk, mit-tabella li tana l-Ministru joħroġ ukoll li din il-kumpannija kellha żewġ nefqiet straordinarji, b'mod partikolari konnessi ma' żewġ attivitajiet li kien hemm fl-1997, u peress li din id-darba dawn ma reġgħux saru l-ispejjeż naqsu ħafna aktar.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Jekk teħodhom globalment issib li dak li għidt jien huwa korrett, jiġifieri fl-1997 l-ammont kien ferm inqas. Fil-fatt fl-1995 it-total kien ta' Lm1.1067 miljun, fl-1996 kien ta' Lm1.36 miljun u fl-1997 kien ta' Lm0.78 miljun.
Jekk nieħdu l-konferenza tal-Crans Montana insibu li din ġiet tiswa ħafna u l-pajjiż ma ħa xejn minnha, filwaqt li għall-konferenza tad-WTDC l-ammont li ħareġ il-pajjiż kien żgħir u ħadna ħafna affarijet pożittivi minnha. Hemmhekk tidher is-serjeta`!
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Peress li d-differenza fin-nefqa tirriżulta minn kumpannija waħda biss, jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex riżultat ta' tnaqqis sostanzjali fl-attivitajiet tal-MITTS?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Jien qed ngħid li jidher ċar li globalment kien hemm tnaqqis. (Interruzzjonijiet) Li nista' ngħid lill-Onor. Membru huwa li t-tnaqqis sar kif suppost u mhux b'kapriċċ.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Billi l-Ministru għoġbu ġentilment juża l-kelma "banali", ma jidhirlux li kulma qal huwa banali peress li minn entita` waħda biss ġew iffrankati il-flus? (Interruzzjonijiet) Ma naħsibx li għadu joqgħod juża kliem bħal dan ladarba m'għandux dettalji biżżejjed.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Il-banalita` hi li donnu l-Onor. Membru ma jistax jirrealizza li fir-riżultat li tajtu hemm dik id-differenza hekk kbira. Jiena għamiltlu comparison bejn il-konferenza tad-WTDC u dik tal-Crans Montana. Nixtieq nistaqsi lill-Onor. Membru kenitx banalita` in-nefqa kbira għall-konferenza tal-Crans Montana li l-pajjiż ma ħa xejn minnha.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Li nara banalita` ukoll huwa l-fatt li inti f'kull seduta ġġib ħafna tagħrif li m'għandux x'jaqsam u dak li għandu x'jaqsam ma ġġibux!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: L: : Jien tajt l-informazzjoni li ġejt mitlub u m'għandi xejn aktar x'inżid.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Peress li skond il-breakdown li ta l-Ministru jirriżulta li t-tnaqqis kien biss tal-MITTS Ltd, jirriżultalux il-Ministru li dan it-tnaqqis li qed isemmi fin-numru ta' kirjiet ta' karozzi seta' kien riżultat tal-fatt li fl-1997 kien hemm numru record ta' ħaddiema - 58 minn 250 ruħ - li rriżenjaw mill-MSU, illum il-MITTS, u marru ma' l-efficiency management unit? MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Ma rridx inkun prużuntuż u ngħidlu iva jew le. Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru jagħmel mistoqsija bil-miktub.
PSC - PULIZIJA
11302. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li bħalissa għandhom każ ta' dixxiplina quddiem il-PSC? Kemm hemm minn dipartimenti oħra? Liema huma d-dipartimenti?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari, ninsab informat li l-każijiet ta' dixxiplina quddiem il-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku jinqasmu fi tliet kategoriji. Għandek każijiet dwar reati serji ta' dixxiplina, li jiġu nvestigati mill-bord tad-dixxiplina tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku; għandek każijiet kriminali fil-qorti, li fihom ikunu nvoluti uffiċjali pubbliċi; u għandek każijiet ta' tkeċċija mis-servizz minħabba assenteiżmu minn fuq il-post tax-xogħol.
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Jaħsibx il-Ministru li f'każijiet fejn għandhom x'jaqsmu membri tal-korp tal-pulizija, speċjalment każijiet ta' dixxiplina u mhux ta' reati serji u affarijiet simili, il-membru tal-bord għandu jkun għallinqas a retired police officer biex ikun jista' jifhem aktar il-każ? Sfortunatament ġieli fil-bord ma jkunx hemm din it-tip ta' persuna li tkun daqshekk viċina biex tifhem il-problemi tal-pulizija.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien ħadt nota ta' dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant pero' irrid infakkru li fil-modernizzazzjoni tal-korp tal-pulizija se jkun hemm proċedura kif wieħed għandu jmexxi każijiet bħal dawn.
MINISTERU TA' L-AFFARIJIET EKONOMIĊI - KONSULENTI
11355. L-ONOR. MARIA CAMILLERI (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsiet lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti ngaġġati bejn l-1987 u l-1996 fil-ministeru tiegħu u fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
12033. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Jesmond Mugliett) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru inkjesti interni fuq ħaddiema mpjegati ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tul dawn l-aħħar 15-il xahar?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Viċi Prim Ministru): Tul dawn l-aħħar 15-il xahar saru sitt inkjesti interni fuq ħaddiema mpjegati ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jista' l-Ministru jgħidilna jekk dawn l-inkjesti tmexxewx minn ħaddiema oħrajn li huma impjegati ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar? Jew inkella minn nies oħrajn barra mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: M'għandix l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija bil-miktub.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jista’ l-Ministru jgħidilna x'kienu l-akkużi?
MADAM SPEAKER: Il-Ministu.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, m'iniex f'pożizzjoni li nagħti din l-informazzjoni u għalhekk nitolbu jagħmel id-domanda bil-miktub sabiex tilħaq tinġabar l-informazzjoni.
MINISTERU TA' L-AFFARIJIET EKONOMIĊI - REKLUTAĠĠ
12260. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid fl-oqsma differenti tad-dikasteru li għalih hu responsabbli kemm ġew reklutati persuni mill-1 ta' Novembru, 1996 sal-lum? Jista' jindika minn liema enti ġiet reklutata kull persuna u jgħid jekk ġietx reklutata fuq bażi full-time, part-time jew b'kuntratt? Jista' jgħid ukoll meta sar ir-reklutaġġ ta' kull persuna, f'liema grad sar u fejn kienet tirrisjedi meta ġiet reklutata?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali)(f'isem il-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija): Nirriferi lill-Onor. Interpellant għad-domandi tiegħu numri 6972, W308, W58 kif ukoll għad-domandi ta' Onor. Membri oħra numri W442, 8072, 11100 u 11393 u għar-risposti li tajt għall-istess domandi.
Jekk hemm xi informazzjoni mitluba li mhijiex dupplikata fir-risposti, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jagħmel mistoqsija speċifika.
PULIZIJA - NIES LI TTELLGĦU L-QORTI
12424. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10946 dwar numru ta' nies li ttellgħu l-qorti matul l-1997, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mill-każi relattivi ġew maqtugħa u kemm minn nies imressqa nstabu ħatja?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Ninsab informat li kien hemm 12,671 każ li ġew deċiżi u 6,102 persuna li nstabu ħatja.
Ninsab informat ukoll li n-numru ta' persuni li ttellgħu l-qorti matul l-1997 kien jinkludi 88,337 każ ta' traffic offence tickets li ma kenux tħallsu u li dwarhom il-pulizija ma żżommx statistika dwar l-eżitu tal-każ.
MALTACOM
12673. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali konnessa mal-bidla fl-isem tal-Korporazzjoni Telemalta għal Maltacom plc f'dak li huwa stampar ta' letterheads, reklami fuq vetturi u affarijiet simili? Jista' l-Prim Ministru jelenka s-servizzi li għalihom saret in-nefqa? Jista' l-Prim Ministru jgħid għand min sar ix-xogħol relatat u jekk kienx hemm ħruġ ta' tender jew inġabrux kwotazzjonijiet qabel sar ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni kollha konnessa mal-ħruġ u l-adjudication ta' l-istess tenders jew kwotazzjonijiet?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Mhuwiex possibbli li tingħata ċ-ċifra eżatta minħabba li għadhom ma nġabrux il-fatturi kollha u għalhekk l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Madankollu l-ispiża hija mistennija li tlaħħaq madwar Lm 401,000 u ta' min jgħid li parti sostanzjali minnha kienet diġa` ppjanata qabel il-bidla fl-isem.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Vassallo, mistoqsija supplimentari.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Parti mill-mistoqsija kienet titlob lill-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni kollha rigward il-ħruġ u l-adjudication ta' l-istess tenders jew kwotazzjonijiet u ma naħsibx li l-Ministru rrisponda għal din il-parti tad-domanda.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien għidtlek li għadni m'iniex f'pożizzjoni li nagħtik l-informazzjoni meħtieġa pero' għidtlek ukoll li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kien diġa' ġie predicted li ssir bidla fl-isem.
DRENAĠĠ - ŻABBAR - XGĦAJRA
12963. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Francis Agius) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar żbokk tad-drenaġġ fit-8 ta' Marzu fix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar? Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex dan l-iżbokk ma jirrepetix ruħu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Fid-dipartiment ma daħal l-ebda rapport in konnessjoni ma' żbokk ta' drenaġġ fix-Xgħajra ta' Ħaż-Żabbar fid-data ndikata mill-Onor. Interpellant.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jista’ l-Ministru jgħidilna x'sar minnu l-environmental impact assessment li kellu jsir dwar il-proġett ta' tisfija tad- drenaġġ f'Taċ-Ċumnija?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Kienet ħarġet call for tenders għal consultancy li kienet koperta mill-fondi ta' l-EIB. Nista' ngħid li din it-tender issa ġiet cleared u safejn naf jien il-kuntratt se jiġi awarded.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Mizzi.