MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
ISLA - DRENAĠĠ
13091. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ tul ix-Xatt ta'l-Isla kollu, mill-Maċina sad-Dawra tal-Ponta? Jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi solvuta peress li dalwaqt jerġa' jasal is-sajf u din l-area hi frekwentata ħafna?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Iż-żbroff tad-drenaġġ illi kien qiegħed ikun hemm fix-Xatt ta' l-Isla kien minħabba xi xogħlijiet illi d-Dipartiment tad-Drenaġġ kien qiegħed jagħmel fil-mini tad-drenaġġ ħdejn id-Dockyard.
Ix-xogħol issa huwa lest u kollox qiegħed jaħdem normali bla ebda drenaġġ ifawwar fil-post imsemmi.
NAR TAL-FESTI
13098. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12525, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija tellegħtx lil xi ħadd il-Qorti wara li nies korrew/mietu bin-nar u jekk iva, kemm nies instabu ħatja ta' reat u x'kienu l-pieni mogħtija mill-Qorti?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi mill-1994 sat-13 ta' Marzu, 1998, il-Pulizija telgħet tmien persuni l-Qorti wara li nies korrew/mietu bin-nar tal-festi. Minn dawn il-persuni, erba' instabu ħatja filwaqt li l-każijiet ta' l-erbgħa l-oħra għadhom pendenti. Il-pieni ta' dawk li nstabu ħatja kienu kif ġej :
(1) Lm 1000 multa
(2) Lm 200 multa
(3) Lm 50 multa u xahar ħabs
sospiż b'sena
(4) Lm 40 multa
GĦAWDEX - TFITTXIJA GĦAŻ-ŻEJT
13243. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 13115 dwar l-operazzjoni għat-tfittxija għaż-żejt f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid għal kemm kien jammonta l-kumpens mogħti lill-bdiewa ta' l-inħawi milquta mix-xogħlijiet imsemmija?
ONOR. ALFRED SANT: Il-kumpens mogħti lill-bdiewa milquta mix-xogħlijiet konnessi mat-tħaffir tal-bir f'Għawdex jammonta għal Lm1,020. Dan il-kumpens tħallas f'Diċembru 1997.
INTERNET SERVICE PROVIDERS
13247. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kondizzjonijiet tal-liċenzji ta' l-Internet Service Providers Maltin?
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 10818 Seduta Nru. 178, hemm kumpanniji li qed jirreklamaw li huma Internet Service Providers imma li ma ġewx imsemmija fil-lista mogħtija fit-tweġiba msemmija. Għalfejn Orbit u Fastnet ma ssemmewx fil-lista?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li ż-żewġ kumpanniji msemmija mill-Onor. Interpellant mhumiex irreġistrati mad-Dipartiment tat-Telegrafija Mingħajr Fili bħala Internet Service Provider.
Għaldaqstant, dawn ma setgħux ikunu msemmija fil-lista mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11318.
Dwar ir-reklamar imsemmi mill-Onor. Interpellant, din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lir-Regolatur tat-Telekomunikazzjonijiet.
MISTOQSIJIET PARLAMENTARI
12787. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jagħti lista li tindika n-numru tad-domandi parlamentari li kull ministru wiegħed li jwieġeb f'seduta oħra?
ONOR. JOE MIZZI: Mid-domandi indirizzati lili, sa Seduta Nru. 205, kien hemm seba' domandi fejn jien weġibt li minħabba li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, dawn kienu se jiġu risposti f'xi seduta oħra. Minn dawn, tnejn għadhom ma ġewx risponduti, mistoqsijiet 12964 tal-11 ta' Marzu 1998 u 13265 tat-23 ta' Marzu 1998, li kienu għal Seduti 200 u 203 rispettivament. Hekk kif l-informazzjoni meħtieġa tkun miġbura kollha jiġu mwieġba wkoll.
AIR MALTA - ĦADDIEMA
12788. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Peress illi meta l-Ministru rrisponda l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11631, ċioe' "dwar kemm daħlu ħaddiema jaħdmu ma' l-Air Malta u mal-kumpanniji sussidjarji tagħha mill-1 ta' Novembru, 1996 sal-lum u għal kull persuna jindika d-data ta' l-ingaġġ tiegħu, il-grad u l-belt jew raħal fejn jirrisjedi", talabni nirriferi għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 11631, jista' l-Ministru jgħid x'ried ifisser?
ONOR. KARMENU VELLA: Ir-riferenza li saret għall-mistoqsija parlamentari numru 11631 kienet żvista ovvja li kellha taqra 11102 - Seduta Nru. 178.
Nirriferi wkoll l-Onor Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 12512, Seduta Nru. 191.
MGI/MIMCOL - ĦADDIEMA
12789. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema jaħdmu mal-MIMCOL, mal-MGI u mal-kumpanniji li fihom il-MIMCOL u/jew l-MGI għandha interess mill-1 ta' Novembru 1996 sal-lum u għal kull persuna jindika x-xogħol tagħha u l-lokalita' fejn tirrisjedi?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11100.
PTA - BUS SHELTERS
12790. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku matul l-1996, il-prezz li ġiet tqum kull waħda, min ħadem kull waħda u jekk inħarġux tenders jew ingħataw b'direct order?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li matul l-1996 saru, mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, 31 bus shelter f'Malta u erba' bus shelters f'Għawdex. Il-bus shelters li saru f'Malta, inħadmu b'ordni diretta mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan dak li kien il-Ministeru għall-Ambjent u swew Lm550-il wieħed.
Jiena nformat ukoll li l-erbgħa f'Għawdex saru, tnejn minn Leli Attard Ltd u tnejn minn Attard & Grech Co Ltd, wara sejħa għal kwotazzjonijiet. Dawn kollha bil-prezz ta' Lm450-il wieħed.
STA. VENERA - TRIQ IL-PALAZZ L-AĦMAR
12791. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu wara l-ittra tas-16 ta' Frar, 1998 tal-Kunsill Lokali ta' Sta. Venera dwar l-irranġar ta' Triq il-Palazz l-Aħmar, f'Sta. Venera?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-Onor. Interpellant hu mitlub jipprovdi kopja ta' l-ittra li qiegħed jirriferi għaliha fl-interpellanza.
STA. VENERA - BINJA STA. VENERA
12792. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu wara l-ittra ta' l-20 ta' Frar, 1998 tal-Kunsill Lokali ta' Sta. Venera dwar l-irranġar ta' toroq fil-Qasam tad-Djar, Binja Sta. Venera, f'Sta. Venera?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-Onor. Interpellant hu mitlub jipprovdi kopja ta' l-ittra li qiegħed jirriferi għaliha fl-interpellanza.
ĦABS ĊIVILI - GĦALLIEM
13154. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li għalliem li kien ilu jagħti s-servizz tiegħu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal aktar minn 20 sena m'għadux jitħalla jagħmel dan?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi kien hemm persuna li għandha mpjieg full-time mal-Gvern, u li għal dawn l-aħħar snin kienet tagħmel xogħol part-time fil-ħabs bħala għalliem. F'Ottubru tas-sena li għaddiet fil-ħabs twaqqfet sistema ta' edukazzjoni u taħriġ b'koordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Fondazzjoni dwar l-Edukazzjoni fl-Universita' ta' Malta u r-Rehabilition Unit tal-Ħabs. Għal dan l-iskop kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijet fis-16 ta' Frar 1996 biex jimtlew żewġ postijiet ta' għalliema fil-ħabs. Is-sejħa kienet miftuħa għal kulħadd inkluż il-persuna referuta fil-mistoqsija. Għal xi raġuni din il-persuna ma applikatx. L-istess persuna kienet ġiet mistiedna wkoll biex tifforma parti mis-sistema li ġiet introdotta din id-darba bħala għalliem part-time, iżda din għal darb'oħra baqgħet ma tatx risposta pożittiva.
ĦABS ĊIVILI - SWAT FUQ PRIĠUNIERI
13155. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11403, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs għamilx il-konklużjoni dwar l-allegazzjonijiet ta' swat?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li r-rapport għadu mhux lest.
ĦABS ĊIVILI - PETIZZJONIJIET MINN PRIĠUNIERI
13156. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru petizzjonijiet minn priġunieri matul l-1997 u li kienu l-Ħabs fuq akkużi ta' droga?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
ĦABS ĊIVILI - KLINIKA GĦALL-PRIĠUNIERI
13157. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-priġunieri li ntbagħtu l-Isptar San Luqa u ċentri tas-saħħa oħra minn mindu nfetħet il-klinika l-ġdida fil-Ħabs ta' Kordin?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li n-numru ta' priġunieri li ntbagħtu l-Isptar San Luqa u ċentri tas-saħħa oħra minn mindu fetħet il-klinika l-ġdida fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin sas-16 ta' Marzu, 1998 kien ta' 322.
ĦABS ĊIVILI - ABBUŻI MID-DROGA
13158. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Minħabba fir-rapporti persistenti li qed ikun hemm fil-Media lokali li qed ikun hemm għadd ta' priġunieri li qed jinstabu pożittivi għad-droga, jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni konkreta qed tittieħed dwar dawn l-abbużi?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi għalkemm ma jistax jingħad li l-problema tad-drogi fil-ħabs hija ineżistenti, ċerti rapporti fuq il-media kultant ikunu infondati tant li riċentement kellha tinħareġ stqarrija mit-Taqsima tal-Intern sabiex tiċħad rapporti serji li saru fuq dan is-suġġett.
Ninsab informat li fost l-azzjonijiet li jittieħdu hemm it-testijiet regolari ta' l-urina tal-priġunieri, tfittxijiet regolari fuq il-priġunieri meta jiġu minn barra jew wara li jitlestew xi viżti, u tfittxijiet regolari fiċ-ċelel, fid-divisions u fil-btieħi. Għal dawn l-iskopijiet jintużaw ukoll il-klieb mħarrġa apposta bħala sniffers għad-droga.
ĦABS ĊIVILI - TINDIF
13159. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Peress li qed jasluli rapporti li fid-diviżjonijiet tal-Ħabs ta' Kordin hemm ħmieġ u abbandun, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-faċilitajiet sanitarji pprovduti għall-priġunieri biex iżommu l-indafa?
Qed isiru spezzjonijiet fiċ-ċelel biex jiġi żgurat li tinżamm l-indafa fiċ-ċelel ukoll?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li kull diviżjoni u kull ċella fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jinħaslu darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li x-showers u toilets jinħalsu kuljum.
Ninsab informat ukoll li l-awtoritajiet tal-Ħabs jipprovdu regolarment il-mezzi neċessarji inkluż disinfettant, bleachu trab tas-sapun, biex isir dan it-tindif.
Informat ukoll li jsiru spezzjonijiet regolarment biex, fost ħwejjeġ oħra, jiżguraw li tinżamm l-indafa anki fiċ-ċelel.
MTARFA - KIRI/BEJGĦ TA' ĦWIENET
13218. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġu t-tenders għall-kera/bejgħ tal-ħwienet u uffiċċji oħra li hemm fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa?
Kemm kien hemm applikazzjonijiet fil-ħarġa għall-kera? Kemm ġew allokati dakinhar?
Kemm kien hemm applikazzjonijiet li ħarġu għall-bejgħ? Kemm ġew allokati?
Meta hu mistenni li joħorġu l-ħwienet u l-uffiċċji li fadal?
X'diskussjonijiet saru, jew qed isiru biex l-uffiċċji intenzjonati għall-użu tal-gvern, għal għassa, klinika u uffiċċji oħra jinfetħu?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Fil-20 ta' Settembru, 1996 l-awtorita' ħarġet offerti għall-kiri ħwienet li hemm fit-Town Centre, Mtarfa. Kien hemm 67 offerent.
L-għola offerent li kkwalifika għal kull ħanut u uffiċċju ġie nnotifikat u ġie msejjaħ biex jiffirma l-kuntratt tal-kirja. Ħadd minn dawn l-offerenti ma ffirma dan il-kuntratt.
L-Awtorita' tad-Djar ħarġet għall-bejgħ b'offerta dawn il-ħwienet li għalihom hemm offerti kif ġej:
Ħanut Numru ta' Offerti Pubblikat Allokat
No. 2 1 21/11/97 18/03/98
No. 4 1 22/08/97 18/12/97
No. 5 4 21/11/97 04/02/98
Il-Kummissarju ta' l-Art ġie mitlub joħroġ għall-offerta l-ħwienet 1 u 3.
Dawn dehru fil-Gazzetta tal-Gvern fis-6 ta' Marzu, 1998.
Il-ħwienet l-oħra u l-uffiċini se jinħarġu fil-futur qarib.
Għaddejja korrispondenza bejn l-Awtorita' tad-Djar u dipartimenti oħra biex jiġu allokati lilhom l-uffiċċji bħala għassa, klinika eċċ.
PULIZIJA - VETTURI MAQBUDA
13219. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi li nqabdu mill-pulizija fil-perijodu 1/11/96 - 28/2/98?
Liema vetturi maqbuda mill-pulizija kienu hekk maqbuda u għadhom għand il-pulizija?
Kemm hemm talbiet minn min itteħditlu l-vettura biex din il-vettura tingħatalhom lura?
ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
MSU - ĦADDIEMA
13248. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni dwar kemm kien in-numru ta' ħaddiema differenti f'kategoriji skond il-gradi ta' l-MSU qabel dawn ġew integrati fil-MITTS? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema fil-MITTS illum skond il-kategoriji tax-xogħol ta' din l-organizzazzjoni? Kemm telqu jew spiċċaw ħaddiema minn mal-MITTS mit-twaqqif tagħha? Xi grad kienu mpjegati fih dawk li telqu jew spiċċaw?
ONOR. ALFRED SANT: It-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
PULIZIJA - RAPPORTI TA' REATI
13249. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il rapport ta' reati li seħħew fl-inħawi ta' l-Imtarfa kienu rapportati lill-pulizija kull xahar fil-perijodu l-1 ta' Lulju 1997 u t-28 ta' Frar 1998? Kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti b'konnessjoni ma' dawn ir-reati?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi n-numru ta' reati rrapportati lill-Pulizija xahar b'xahar, bejn Lulju 1997 u Frar 1998, fl-inħawi ta' l-Imtarfa kien kif ġej : -
Lulju
xejn
Awissu
1
Settembru
3
Ottubru
xejn
Novembru
xejn
Diċembru
1
Jannar
2
Frar
1
Informat ukoll illi ebda persuna ma tressqet il-Qorti in konnessjoni ma' dawn ir-reati rrapportati.
MTARFA - GĦASSA TAL-PULIZIJA
13250. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ta' l-Imtarfa li tinsab mibnija fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa? Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' sorveljanza ssir fl-Imtarfa biex jiġu evitati atti kriminali ta' kull tip?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi għad m'hemmx ħsieb li din l-għassa tiġi miftuħa għalissa. Informat ukoll illi qed issir ronda regolari, kemm mill-Pulizija tad-distrett kif ukoll minn dawk tal-mobile squad f'dawn l-inħawi.
MTARFA - DAWL
13251. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex ikun hemm dewmien ħalli jitwaħħlu u jixtegħlu diversi dwal neqsin f'bosta nħawi ta' l-Imtarfa? Meta hu mistenni li d-dawl nieqes fil-fatt jitwaħħal u jinxtegħel?
ONOR. LEO BRINCAT: It-talba ta' l-Onor. Membru għal aktar dawl qiegħda tkun ikkonsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
BDIEWA - KUMPENS FINANZJARJU
13288. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti xi forma ta' kumpens finanzjarju lill-bdiewa tagħna minħabba l-ħsarat ikkaġunat mill-maltempata tal-25/1/98?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 13287
AKWAKULTURA - FTEHIM
13289. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Fid-dawl tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11968, dwar ftehim bejn Malta u l-Libja fuq l-akwakultura, jista' l-Ministru jgħid min huma l-esperti Maltin li se jkunu nkarigati mill-courses msemmija fir-risposta (p.l.1799)?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-uffiċjali li se jkunu nkarigati mill-courses msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11968 huma l-uffiċjali li jaħdmu fiċ-Ċentru tal-Akwakultura, fosthom Dr. Alain Le Breton (Veterinarju/Fish Pathologist), Joseph Tanti, Alex Meilak, M.Pace Debono, Adreina Farrugia (li kollha huma Scientific Officers) u uffiċjali tekniċi oħra.
Il-Malta Aquaculture Producers Association offrew ukoll l-għajnuna tagħhom biex jittrenjaw studenti fil-farm management.
PRODOTTI AGRIKOLI - LEVY
13290. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid għall-perijodu bejn l-1 ta' Novembru, 1996 sal-lum, barra t-tnaqqis ta' levy fuq importazzjoni ta' pastard, kaboċċi u patata ta' l-ikel imħabbra dan l-aħħar, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm importazzjoni ta' prodotti agrikoli oħra b'levy mnaqqsa u, jekk fl-affermattiv, fuq liema prodotti?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Kull tnaqqis fil-levies jiġu ppubblikati regolarment fil-Gazzetta tal-Gvern skond l-Att dwar il-Promozzjoni ta' Prodotti Lokali (Kap 336)
ENEMALTA - UNITS TA' L-ELETTRIKU
13291. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11971, jista' l-Ministru jindika (estimu) kemm huwa ikkalkolat li se jiżdied id-dħul għall-Korporazzjoni Enemalta mis-settur domestiku fis-sena bis-sistema ta' tariffi ġodda mħabbra fl-aħħar budget?
ONOR. LEO BRINCAT: Huwa stmat li mis-settur domestiku jkun hemm dħul aktar ta' madwar Lm3 miljuni.
AGRIKOLTURA - ĦASIL TAL-CRATES
13292. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Fir-rigward tax-xiri tal-makna tal-ħasil tal-crates li reġgħet inħarġet dan l-aħħar, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' crates li jistgħu jiġu maħsula bil-makna proposta kull siegħa; jekk l-istess makna hijiex se tkun fully automatic; u l-ammont ta' ilma meħtieġ kull siegħa fit-tħaddim ta' l-istess makna?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Nirriferi l-Onor. Interpellant għas-sejħa pubblika għall-offerti numru CT 54/98.
WIED IL-QLEJJA - PROĠETT
13293. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Fir-rigward tal-proġett ta' Wied il-Qlejja, jista' l-Ministru jgħid min iffinanzja, u b'kemm l-imsemmi proġett?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Nirriferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8269.
SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U ARTI
13323. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf is-servizz tal-Customer Care Unit tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura, Żgħażagħ, Sport u Arti? Kemm hemm impjegati nies fih? Fuq liema kriterji dan is-servizz jingħata f'ċentri Laburisti fil-Marsa, f'Santa Luċija, fil-Gudja u f'Paola u mhux f'ċentri oħra b'mod partikolari dawk li l-aktar huma marbutin ma' l-oqsma tal-kultura, sport u arti mqarr fl-ibliet u rħula fl-istess distrett elettorali tas-Segretarju Parlamentari?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Customer Care Unit tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti twaqqaf ftit ġimgħat wara l-bidla fl-amministrazzjoni. Dan huwa kompost minn tnejn minn nies li huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku in ġenerali u kull min għandu bżonn l-għajnuna tagħhom. Dan is-servizz jingħata mis-Segretarjat fil-Furjana.
Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed fil-mistoqsija tiegħu jirriferi għall-postijiet fejn is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura w Arti jilqa' regolarment u personalment lill-kostitwenti u lil kull min jixtieq ikellmu.
13331. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-torri tal-Millenju fuq l-art tal-Maltacom f'Paceville?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bin-numru ta' consortia li applikaw sabiex jissieħbu? Jista' jgħid jekk bdewx xi diskussjonijiet ma' uħud minn dawn il-consortia?
ONOR. ALFRED SANT: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
TAL-QROQQ - SPTAR
13332. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li s-sular addizzjonali approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar joffrix l-ispazju meħtieġ għan-numru ta' sodod li l-Gvern Laburista irid li jkun pprovdut fl-isptar f'Tal-Qroqq?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ir-risposta hija fin-negattiv. It-talba lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet għal żewġ sulari addizzjonali.
TAL-QROQQ - SPTAR
13333. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess approvat f'Jannar li għadda għal sular addizzjonali fl-isptar f'Tal-Qroqq?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Tweġiba għal din il-mistoqsija tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
UE - PROGRAMMI
13334. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċittadin Malti pparteċipa f'dawn il-programmi tal-Unjoni Ewropea matul l-1996 u 1997: Leonardo da Vinċi; Socrates; u Youth for Europe III?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
TA' QALI - PARK NAZZJONALI
13335. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpannija M & E Ltd, immexxija mill-kordinatur tal-Park Nazzjonali f'Ta' Qali saruliex ħlasijiet in konnessjoni mal-kunċerti ta' Fish, Spicey Girls u Bonnie Tyler li saru s-sena l-oħra?
Jista' l-Ministru jgħid għal liema servizzi saru dawn il-ħlasijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra