ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjonjiet għall-fidi ta’ ċnus imnedija mill-Gvern kienu jinżammu f’ordni kronoloġika u f’din l-ordni l-applikanti kienu jiġu mgħarrfa bil-prezz tal-fidi, iżda peress li qabel ma jsir il-kuntratt, iridu jsiru ċerti verifiki kif ukoll il-pjanti għar-reġistrazzjoni mar-Reġistru tal-Artijiet u f’ċerti każi saħansitra jkun meħtieġ jinġiebu aktar dettalji mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi li qabel kienu jamministraw dawn il-proprjetajiet, il-kuntratti ma setgħux jiġu ppubblikati fl-istess ordni kronoloġika iżda kienu jiġu pubblikati hekk kif kull każ partikolari jkun iffinalizzat. Din hija l-unika raġuni għala persuni li applikaw fl-istess perjodu ssejħu fi żmien differenti biex jifdu ċ-ċens. L-Onorevoli Membru jaf u japprezza li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet Ekkleżjastiċi mhux dejjem kienet miżmuma bl-aħjar mod possibbli, speċjalment fejn il-provvenjenza tmur lura mijiet ta’ snin.
Huwa utli li l-Onorevoli Membru jkun infurmat li l-bidliet imħabbra għall-iskema dan l-aħħar huma ntiżi biex l-iskop u l-ħsieb wara l-skema tal-2001 ikunu rispettati. Il-Gvern għandu obbligu morali u legali li jibża’ għall-proprjetà tiegħu, anke għal dawk li ġejjin warajna f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli. Wara kollox, l-iskema tal-2001 kienet konċessjoni li l-Gvern ta lil dawk li kellhom ċnus temporanji ġejjin mill-Knisja. Il-Gvern la kien obbligat ibigħ tali ċens u lanqas l-enfitewti ma kellhom obbligu li jifdu. Però jinkombi fuq il-Gvern li meta ra li kien hemm ammont profikwu ta’ spekulazzjoni ta’ proprjetà wara li jinfeda ċ-ċens temporanju, il-Gvern kellu jieħu miżuri biex jagħlaq il-bieb għall-abbuż.
L-iskop ewlieni mniedi mill-gvern dwar l-iskema kien biex individwi jkunu jistgħu jixtru proprjetà li tkun ir-residenza ordinarja tagħhom jew post ta’ villeġġjatura li jkun għandhom b’enfitewsi temporarju jew kiri.
Dan l-iskop ewlieni għadu jinżamm sħiħ bħalma baqgħu jinżammu sħaħ ukoll il-prezz li bih wieħed jista’ jixtri daru jew il-post tal-villeġġjatura.
L-iskema ġiet temporanjament sospiża biex it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern tkun tista’ tikkonsolida u tipproċessa l-applikazzjonijiet pendenti u ċioè 3,040 applikazzjoni. Fl-istess waqt qed jiġi assigurat li spekulazzjoni ta’ proprjetà permezz ta’ bejgħ sussegwenti ta’ tali propjeta’ tiġi mxejna.
Tali miżuri li jwaqqfu spekulazzjoni ta’ proprjetà pubblika ma jistgħux jitqiesu bħala trattament inugwali.
ADULT TRAINING CENTRES - SPEZZJONIJIET
7948. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret fl-Adult Training Centresmatul dawn l-aħħar sentejn mid-Diviżjoni tas-Saħħa? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità u x'kienu dawk l-affarijiet li l-Aġenzija Sapport trid tindirizza? Ittieħdu passi minn din l-aġenzija biex jitranġaw dawn in-nuqqasijiet?
ONOR. JOHN DALLI: Informat li d-Diviżjoni tas-Saħħa tagħmel żewġ spezzjonijiet fis-sena f’kull ċentru ta’ matul il-jum. Wara kull spezzjoni, l-ispettur tas-sanità jippreżenta rapport b’kull diskrepanza li jsib, u dawn id-diskrepanzi jridu jiġu rranġati sal-ispezzjoni li jkun imiss. L-Aġenzija Sapport tassigura li kull diskrepanza ppreżentata fir-rapport tiġi indirizzata.
In-nuqqasijiet li ħarġu mill-aħħar rapport huma hekk:-
1.
Għandhom jiġu pprovduti lockers fejn l-impjegati jkunu jistgħu jpoġġu l-affarijiet personali tagħhom.
2.
Il-bozza tal-UV tal-insectocutor għandha titbiddel kull 9000 siegħa (wara sena). Dan il-proċess għandu jiġi dokumentat.
3.
Kull dokumentazzjoni (għall-fini ta’ traceability) għandha tkun disponibbli għall-verifikazzjoni.
Bħalissa qegħdin jittieħdu passi sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rranġati.
Infurmat ukoll li fil-maġġoranza tar-rapporti li saru, l-Aġenzija ġiet mogħtija grad A (Tajjeb ħafna). Barra minn hekk, l-inqas grad ottenut kien B (Tajjeb).
ADULT TRAINING CENTRES- COACHES 7949. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom jaħdmu fit-toroq il-coaches tal-Adult Training Centres? Hemm il-ħsieb li dawn jinbidlu jekk ilhom ħafna jintużaw qabel ma ssir xi diżgrazzja?
ONOR. JOHN DALLI: It-tagħrif mitlub tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
REVIŻJONI TA' PENSJONI 7950. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li martu kienet fir-Residenza San Vincenz de Paule u issa mietet u qed jistenna li jieħu reviżjoni tal-pensjoni wara l-mewt ta' martu?
ONOR. JOHN DALLI: Nitlob l-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
DIPARTIMENT TAL-ANZJANI - NUQQAS TA' SOCIAL WORKERS 7951. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux sejrin jiġu impjegati aktar social workers fis-Social Work Unit tad-Dipartiment tal-Anzjani meta f'dawn l-aħħar xhur kien hemm numru ta' social workers minn din il-unit li m'għadhomx jagħmlu xogħol ta' assessments fil-komunità minħabba xi raġuni jew oħra?
ONOR. JOHN DALLI: It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
SERVIZZ TA’ HOME HELP 7952. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed titlob is-servizz tal-home help u minkejja li sar l-assessment baqgħet bla risposta?
ONOR. JOHN DALLI: It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
ĦLAS TAL-MATERNITY U CHILDREN'S ALLOWANCE 7953. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ma tawhiex il-ħlas tal-maternity u lanqas iċ-children's allowance?
ONOR. JOHN DALLI: Nitlob l-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
KORPORAZZJONI ENEMALTA - PRIVATIZZAZZJONI TAL-PETROLEUM DIVISION 8012. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu d-diskussjonijiet għall-privatizzazzjoni tal-Petroleum Division tal-Korporazzjoni Enemalta? Ma' liema kumpaniji qegħdin isiru t-taħdidiet?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà ġie mħabbar fl-20 ta’ Novembru 2008, il-BB Energy BV ġew magħżula bħala l-first ranking bidder.
In-negozjati ma’ din il-kumpanija bdew f’Jannar 2009, liema negozjati għadhom għaddejjin.
ENVIRONMENT IMPACT ASSESSMENT CONSULTANTS’ REGISTER 8019. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7481 u ċioè: issa li wara tant dewmien ġie deċiż li jitwaqqaf kif suppost Environment Impact Assessment Consultants’ Register, jista' l-Prim Ministru jgħid xi kriterji se jkun hemm dwar l-eliġibilità ta' dawk li jistgħu japplikaw?
Jaħseb li għandhom jiġu esklużi a priori persuni li jaħdmu f’awtoritajiet regolatorji bħalma huma l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7481.
GAMBLING OUTLETS 8021. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7502, 7287 u 7048 u ċioè: Fid-dawl ta’ dak li rriżulta mil-laqgħa riċenti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali dwar il-gambling outlets illegali li qed jinbtu madwar Malta kollha, jista' jieħu azzjoni flimkien mal-Ministru għall-Intern sabiex jigi żgurat li tittieħed azzjoni konkreta kontra dan l-operat illegali?
Meta se jiddeċiedi l-Gvern jekk ħwienet simili humiex legali jew le, jew għandhomx jibqgħu illegali jew le?
Għaliex qed iħallihom joperaw meta sal-lum għad m'hemm l-ebda leġislazzjoni jew regolamenti li jikkontrollaw l-operat tagħhom?
Iħoss li l-ispjega tal-Agent Chief Executive Officer tal-Lotteries and Gaming Authorityli l-Awtorità għandha d-dmir li toħroġ il-liċenzji meħtieġa iżda ma tistax tagħmel dan qabel ma jkun hemm legal notice biex tirregola dan in-negozju, jindika li l-Gvern jidher li jinsab miexi lejn l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-gambling outlets kollha?
X’tifhem il-Lotteries and Gaming Authority meta qed tistqarr li l-intenzjoni tagħha hi li l pożizzjoni tiġi regolarizzata kmieni kemm jista’ jkun? Li dawn se jibdew jitħallew joperaw f’pajjiżna bil-liċenzji li għad iridu joħorġu?
Billi ntqal li l-Lotteries and Gaming Authority qed tippjana anki pjanijiet fit-tul dwar passi dwar bans fuq gaming f’internet cafes b’liema kriterju qed jigi indikat li l-Gvern jista' jimxi b’kejl differenti fejn jiffavorixxi dawn il-gambling outlets u ma jiħux l-istess passi li jistgħu jiġu kkontemplati vis-à-vis l-gaming fl-internet cafes?
Jista' jara flimkien mal-Ministru tal-Intern kemm minn dawn l-outlets qegħdin irażżnu żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena milli jiffrekwentawhom? Huwa minnu li spiss qed ikun hemm tfal ġo fihom? Filwaqt li wieħed jifhem ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat li għandha tispiċċa d-distinzjoni bejn gambling outlets u amusement machines jaħseb li l-gaming outlets jirrikjedu attenzjoni aktar prijoritarja?
Il-Gvern għandu jieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-location ta’ dawn l-outlets li skont ma ġie żvelat f’ċerti każi jinsabu qrib ħafna ta' ċerti knejjes u skejjel?
Filwaqt li wieħed japprezza l-proposta tal-Kumitat li għandu jkun hemm moniteraġġ ta’ dawn l-attivitajiet, jaħseb li flimkien mal-Ministru tal-Intern hija responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali biex jieħu passi immedjati kontra din l-illegalità?
ONOR. TONIO FENECH: L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
LITTER ACT - KONTRAVVENZJONIJIET 8022. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7503, 7285 u 7045 u jgħid kemm inħarġu taħrikiet fuq kontravvenzjonijiet taħt LN344/05 (Litter Act) xahar b’xahar minn Jannar 2006 sa Frar 2009 maqsumin f’kemm minn dawn inħarġu mill-gwardjani lokali, mill-pulizija u inspectors tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm minn dawn it-taħrikiet ġew imħallsa mill-ewwel? Kemm minnhom ġew ikkontestati fit-tribunal lokali u t-taħrika ġiet ikkonfermata u tħallset? Kemm minn dawk li ġew ikkonfermati għadhom ma tħallsux?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7045.
DIPARTIMENTI TAL-GVERN - EVACUATION DRILLS 8023. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7536 u jgħid kull meta jsiru evacuation drills f'uffiċini u dipartimenti tal-Gvern, b'referenza speċjali għall-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u speċifikament għall-uffiċini tal-Environment Proctection Directorate f'Hexagon House, Marsa? Meta saru l-aħħar żewġ drills?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
FTUĦ TA' FABBRIKI - APPLIKAZZJONIET PENDENTI 8046. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-ftuħ ta’ fabbriki ġodda quddiem il-Malta Enterprise? Meta saret kull applikazzjoni? Mil-liema kumpanija? X’inhi l-attività ekonomika li se tipproduċi kull fabbrika?
ONOR. TONIO FENECH: L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
ŻBALL FIL-KARTA TAL-EŻAMI - LISTENING COMPREHENSION TAL-INGLIŻ 8047. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista’ l-Ministru tispiega kif kien hemm żball ieħor fil-karta tal-listening comprehension tal-Ingliż il-ġimgħa li għaddiet u speċjalment f’dak it-test dwar Dublin fejn fil-qari ssemma monument wieħed u fil-mistoqsija kien hemm biex jissemmew tnejn? X’se jiġri dwar din il-mistoqsija żbaljata?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ma kien hemm l-ebda żball fis-sitt karti tal-listening comprehension li ntużaw il-ġimgħa li għaddiet fl-eżami tal-Lingwa Ingliża fil-livell tas-SEC. Il-karti kollha kien fihom testi differenti dwar il-belt ta’ Dublin iżda f’karta 2B biss issemma monument. Fl-ebda mistoqsija f’din il-karta ma ssemmew żewġ monumenti.
PRONUNZJAR ĦAŻIN FIL-LISTENING COMPREHENSION TAL-INGLIŻ 8048. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista’ l-Ministru tgħid jekk dawk kollha li qraw it-testijiet tal-listening comprehension kinux kollha għalliema tal-Ingliż? Jekk le xi kwalifiki kellhom, għaliex kelli lmenti li kien hemm min ma ppronunzjax l-Ingliż tajjeb?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Mill-51 eżaminatur li qraw it-testijiet tal-listening comprehension fil-Ligwa Ingliża, kien hemm 50 li kienu għalliema jew ex-għalliema tal-Ingliż fl-iskejjel sekondarji. Waħda mill-eżaminaturi f’Għawdex kienet għalliema fi skola primarja. Din għandha kwalifiki f’livell avvanzat fl-Ingliż u ċertifikat tat-TEFL (Teaching English as a Foreign Language) u ħadet sehem fit-taħriġ fil-qari tat-testijiet flimkien mal-eżaminaturi l-oħrajn.
ĊENTRU DWAR L-ISTUDJI DWAR IL-FAMILJA 8049. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista' l-Ministru tgħid jekk mit-twaqqif tiegħu f'Settembru 2008 'l hawn iċ-Ċentru dwar l-Istudji dwar il-Familja fl-Università ta' Malta kkonkludiex xi studji dwar il-familja? U jekk fl-affermattiv, dwar xiex kienu dawn l-istudji? Tista' l-Ministru tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-Bord taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja ġewwa l-Università ġie uffiċjalment kostitwit fis-6 ta' Frar, 2009. S’issa għad m’hemm l-ebda studju li kien iffinalizzat.
UFFIĊĊJU GĦALL-UŻU KOMUNITARJU - SERVIZZ ĠDID TAL-ILMA 8051. L-ONOR. RODERICK GALDES staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jintalab ħlas għas-servizz ġdid tal-ilma fuq uffiċċju għall-użu komunitarju u mhux kummerċjali li mhuwiex iktar minn daqs ta' 22 metru kwadru? Ma jaħsibx li dan il-ħlas tas-servizz huwa wieħed eċċessiv?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
XITEL TAL-FRAWLI IMPORTATI 8052. L-ONOR. CENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' xitel tal-frawli li ġew importati f'Malta qabel l-istaġun tat-taħwil tal-frawli għal din is-sena?
Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' xitel li ġie importat matul is-snin li għaddew?
ONOR. TONIO FENECH: L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
ŻERRIEGĦA TAL-PATATA IMPORTATI 8053. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' varjetajiet ta' żerriegħa tal-patata li ġew importati f'Malta qabel l-istaġun taż-żriegħ ta' din is-sena? Kif jitqabbel dan in-numru ma' dak ta' snin oħra? Hemm xi raġuni partikolari għaliex seħħet din il-bidla?
ONOR. TONIO FENECH: L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
STOCKS TAL-ĦUT FIL-MEDITERRAN 8054. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'sehem qed tagħti Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea biex kemm jista' jkun ikun hemm kontroll fuq it-tnaqqis tal-istocks tal-ħut fil-Mediterran biex dawn ma jonqsux għal-livelli li jistgħu jkunu diżastrużi?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
SERVIZZ TAT-TRAMM 8055. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-istudji dwar it-trasport pubbliku fejn jirrigwarda s-servizz tat-tramm f'pajjizna?
Kien hemm xi żviluppi partikolari li ħarġu mill-istudji dwar dan is-suġġett? Jekk iva, jista' wieħed jingħata aktar informazzjoni dwar dan?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
ĦSARAT FIT-TOROQ 8056. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Billi l-Ministru għamel referenza għall-mudell ta' Portsmouth għal dak li jirrigwarda l-mod ta' kif isir kontroll fuq il-ħsarat fit-toroq tagħna, u kif il-kuntratturi tat-toroq jinżammu responsabbli għax-xogħol li jwettqu, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' xi master plan li tintuża f'din il-parti tal-Ingilterra?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
TOROQ FIL-KAMPANJA 8057. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif toroq fil-kampanja li jgħaqqdu rħula flimkien, jistgħu jingħataw wiċċ bit-tarmac, bħalma ngħatat riċentament it-triq li mir-Rabat twassal għas-Siggiewi, propju biex jiġi assigurat li filwaqt li jiġu evitati ħafna lmenti, il-kunsilli lokali li m'għandhomx fondi biżżejjed għal dan ix-xogħol ma jibqgħux jiġu akkużati li mhux qed iwettqu dmirhom sew?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
GĦAWDEX: KUNSILLI LOKALI - DEVOLUZZJONI TA' PROPRJETÀ 8069. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra u jgħid kemm saru devoluzzjoni ta' proprjetà lill-kunsilli lokali f'Għawdex, kull proprjetà devoluta għaliex qed tintuża u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti ta' kunsilli lokali minn Għawdex għal devoluzzjoni ta' proprjetà?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
GĦAWDEX: AWTORITÀ TAD-DJAR – APPLIKAZZJONIJIET GĦAL POSTIJIET 8070. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7686, dwar it-3 shared ownership (San Lawrenz Għawdex) li ħarġet f'Novembru 2007 mill-Awtorità tad-Djar, fejn qed jingħad li 15-il applikazzjoni ġew allokati post, 13 kienu eliġibbli u minn dawn finalment 7 għadhom interessati, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn is-7 ġew allokati flats, kemm ġew allokati penthouses u kemm maisonettes?
ONOR. JOHN DALLI: Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li s-seba’ applikazzjonijiet li s’issa għadhom interessati li jiġu allokati post f’San Lawrenz kienu ppreferew dawn il-postijiet:
Maisonettes 3, penthouse 4
AWTORITÀ DWAR IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ FUQ IL-POST TAX-XOGHOL - SPEZZJONIJIET FUQ POST TAX-XOGĦOL 8071. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xoghol tikkomunkax ma' ħaddiema meta tagħmel spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol?
ONOR. JOHN DALLI: Hija l-policy dikjarata tal-Awtorità li l-uffiċjali tagħha (waqt żjarat f’postijiet tax-xogħol) li jitolbu li jkunu akkumpanjati mir-Rappreżentati tal-Ħaddiema għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol magħżula jew appuntati skont l-Avviż Legali 36/03 – Regolamenti tal-2003 dwar id-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2003.
Dawn ir-Rappreżentanti għandhom id-dritt legali wkoll li jkunu infurmati b’kull deċizjoni tal-uffiċjali kif ukoll dwar kull ordni jew struzzjoni li jingħata min iħaddem.
Infurmat ukoll li waqt kull żjara tagħhom, l-uffiċjali jitkellmu mal-ħaddiema nfushom (mhux fil-preżenza ta’ min iħaddem) biex ikollhom ukoll il-verżjoni tal-istess ħaddiema.
RED PALM WEEVIL – GWIDA DWAR PREVENZJONI/TTRATTAMENT 8072. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi sistema li d-Dipartiment tal-Agrikoltura jew il-ministeru responsabbli minnu, qegħdin jippromwovu bħala sistema effettiva kontra l-prevenzjoni jew trattament kontra l-firxa tar-red palm weevil? ONOR. GEORGE PULLICINO: Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
RED PALM WEEVIL - MONITORAĠĠTA’ SIĠAR F’POSTIJIET PUBBLIĊI 8073. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid jekk is-siġar tal-palm f'postijiet pubbliċi hux qegħdin ikunu monitored kontra l-firxa tar-red palm weevil? Jekk qiegħed isir il-monitoring jista' jgħid min qed jagħmlu, kemm instabu siġar infettati u x'qed isir sabiex siġar infettati jkunu salvati?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li s-siġar tal-palm f'postijiet pubbliċi huma moniterjati kemm mid-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti, kif ukoll minn entitajiet oħra li għandhom ir-responsabilità ta’ dawn il-postijiet pubbliċi. L-ispetturi tal-plant health, meta matul l-moniteraġġ u l-ispezzjonijiet jinnotaw li hemm xi palm li hu infettat javża lil dik l-entità li hija responsabbli sabiex mill-ewwel, jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, kemm jekk ikun hemm bżonn jiġu kkurati u kemm jekk ikunu jridu jitneħħew. S'issa instabu 194 palma f`2008, u 280 palma f`2009 li kienu infettati u kellhom jinqerdu.
RED PALM WEEVIL - IMPORTAZZJONI TA' SIĠAR TAL-PALM 8074. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu fl-importazzjoni ta' siġar minn barra sabiex ma tkompliex tinxtered il-firxa tar-red palm weevil?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li l-miżuri li qed jittieħdu kontra l-importazzjoni tal-palm huma regolati mid-Direttiva 2007/365/EC. Importazzjoni ma tistax issir jekk mhux minn pajjiż jew żona fejn m’hemmx il-bumunqar.
MOSTA - ĦAJT TA’ LQUGĦ FUQ IL-PONT TAL-ISPERANZA 8075. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6357, jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat tal-ispezzjoni li saret mill-Awtorità ta' Malta tat-Trasport fuq il-pont tal-Isperanza fil-Mosta?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.