Dibattiti tal-kamra tad-deputati


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA U BIEX JIMPLIMENTA D-DIRETTIVA 2008/118/KE



Yüklə 453,03 Kb.
səhifə5/7
tarix30.01.2018
ölçüsü453,03 Kb.
#41474
1   2   3   4   5   6   7

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA U BIEX JIMPLIMENTA D-DIRETTIVA 2008/118/KE

EXCISE DUTY (AMENDMENT) BILL AND TO IMPLEMENT COUNCIL DIRECTIVE 2008/118/KE



ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nipproponi t-Tielet Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Kap. 382) u biex jimplimenta d-Direttiva 2008/118/KE”.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. TONIO BORG: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Kap. 382) u biex jimplimenta d-Direttiva 2008/118/KE” ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem.con. u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
MR SPEAKER: Qabel ma ngħaddu għall-aġġornament is-Sedja xtaqet tagħti rendikont qasir ħafna dwar ix-xogħol li sar f’din il-Kamra minn Jannar, 2010 sal-lum. Fil-fatt din il-Kamra, minn Jannar, 2010 sal-lum għamlet 78 seduta li fihom kien hemm 39 mozzjoni, fosthom sitt mozzjonijiet privati tal-membri parlamentari. Għaddew 10 liġijiet minn dan il-parlament li minnhom tnejn għaddew b’division u tmienja għaddew unanimament mill-istadji kollha. Kien hawn 1,691 karti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra, sitt stqarrijiet ministerjali, 15-il deċiżjoni tas-Sedja li minnhom 11-il ruling mis-Sedja preżenti, 70 aġġornament u diversi laqgħat tal-iStanding Committee Meetings u tas-Select Committee Meetings li jwasslu għal debating time komplessiv ta’ 417-il siegħa ta’ dibattitu.
Irrid ngħid ukoll li fosthom kien hemm l-iskrutinju ta’ inizjattivi minn naħa tal-Unjoni Ewropea li jsiru fil-Working Group I u working groups oħra tal-Foreign and European Affairs Committee. Hemmhekk fil-fatt ġew skrutinati 297 dokument f’aktar minn tmien sigħat ta’ dibattitu. Is-sit elettroniku tal-parlament kellu 40,838 viżitaturi bejn Jannar u Lulju, 2010 jew medja ta’ 5,836 fix-xahar. Dan qed ngħidu għall-aħjar interess tal-pubbliku kif ukoll sabiex kulħadd ikun informat dwar ix-xogħol li qed tagħmel din il-Kamra.

Sar il-ħin. ll-Viċi Prim Ministru, jekk jogħġbu, iressaq l-aġġornament.


AĠĠORNAMENT



ONOR. TONIO BORG: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa 29 ta’ Settembru, 2010 fis-6.00 p.m. b’aġenda li tiġi kkomunikata aktar tard.
Kif inhi l-konswetudni nixtieq li qabel ma naġġornaw għall-vaganzi tas-sajf nirringrazzja lis-Sinjorija Tiegħek li ħadet din il-kariga bis-serjetà u li din hija l-ewwel sessjoni li ppresjediet. Għal min jaħseb li l-kariga ta’ Speaker hija waħda faċli wieħed irid jgħid li veru ħafna drabi jista’ ikun li tidher faċli imma jista’ ikun hemm kwestjonijiet jaħarqu. Wara kollox din hija t-tielet kariga l-aktar importanti tal-Istat u ħaqqha kull rispett. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzjak għall-paċenzja li ħadt b’kulħadd fis-seduti li ħafna minnhom kienu trankwilli u mbagħad kien hemm xi waħda ‘l hawn u ‘l hinn li forsi t-temperatura għoliet ftit aktar mis-soltu fihom. Imma għall-grazzja t’Alla qatt ma rajna xeni li forsi naraw f’xi pajjiżi oħra. Anke meta tisma’ l-istatistika li għadna kif smajna issa wieħed jintebaħ li f’ħafna każi l-liġijiet jgħaddu minn dan il-parlament bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra. Ma jfissirx li jgħaddu bil-mod ta’ kif jipproponihom il-gvern għax ħafna drabi l-gvern stess ibiddel il-liġijiet jew ir-riżoluzzjonijiet li jgħaddi minn dan il-parlament u għalkemm forsi m’għandhomx pubbliċità għax ma jsirux fil-plenarja, imma ħafna drabi b’aċċettazzjoni ta’ emendi li jsiru mill-Oppożizzjoni.
Meta hawnhekk kellna diskussjoni fil-kumitat tal-Kamra kollha dwar il-liġi tal-MEPA kien hemm diversi affarijiet li qbilna dwarhom u nbidlu, imbagħad kien hemm oħrajn li ma qbilniex magħhom u kien hemm division. Imma bħalma ġara fil-liġi tal-MEPA jiġri wkoll f’ħafna liġijiet oħra li jsiru fil-Kumitat Permanenti għalll-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi imma qishom ma jieħdux l-attenzjoni li jieħdu bħal meta jiltaqa’ fis-sessjoni plenarja. F’okkażjoni bħal din nirringrazzja lill-membri parlamentari kollha. Naħseb li kulħadd ħaqqu ftit vaganzi tas-sajf ħalli jkun jista’ jgawdi aktar lill-familja.  Grazzi minn qiegħ qalbi tmur lil kulmin jagħti s-sapport tiegħu lil din l-istruttura tal-parlament. Jien dejjem ngħid li dan huwa eżempju ċar ta’ kif grupp relattivament żgħir isostni istituzzjoni daqshekk kbira. Madankollu m’għandniex nabbużaw minn dan il-fatt u għalhekk la għandna ndaħħlu n-nies għal gost li ndaħħlu n-nies imma lanqas m’għandna nħallu lil dan il-parlament nieqes mir-riżorsi umani li għandu bżonn, anke in vista tal-obbligi ġodda li għandu dan il-parlament wara t-Trattat ta’ Lisbona.
Sur President, nirringrazzja lil kulħadd, kemm lil dawk li jidhru kif ukoll lil dawk li ma jidhrux, fosthom lill-istaff tal-parlament, lill-pulizija u l-armata u lil dawk kollha li jagħmlu l-ħajja iktar faċli f’din l-istituzzjoni. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, jiena ningħaqad ma’ sieħbi l-Viċi Prim Ministru. Ovvjament nawgura lilek fil-kariga li ħadt għax inti għandek xogħol importanti ħafna fit-tisħiħ tad-demokrazija ta’ pajjiżna u għandek xogħol li għandu jirrifletti l-indipendenza assoluta fit-tmexxija ta’ dan il-parlament biex ikollna demokrazija assoluta u mhux demokrazija kondizzjonata. Jiena naħseb li dan ix-xogħol inti kapaċi tagħmlu b’għaqal, b’serjetà u b’responsabilità. U nawgura li dan jirrifletti fix-xogħol tiegħek. Naqbel ukoll li sar ħafna xogħol f’dan il-parlament u kien xogħol li juri l-commitment ta’ dan il-parlament. Ħafna mix-xogħol isir bi qbil bejn iż-żewġ naħat. Sfortunatament kellna xi inċidenti f’dan il-parlament li ċertament m’għandhomx iseħħu f’post bħal dan u lanqas tistennihom minn ċerti nies li forsi wieħed jistenna aktar minhom.  
Jiena naqbel mal-Viċi Prim Ministru li dan huwa perjodu fejn wieħed għandu jistrieħ u jirrifletti - għax meta tistrieħ tkun qed tirrifletti - biex jaħdem aħjar meta jerġa’ lura għax-xogħol. U s-sajf jiġi proprju għalhekk, sabiex wieħed jieħu l-ħin biex jirrifletti ħalli meta nerġgħu niġu lura f’dan il-parlament, f’Settembru li ġej, inkunu aktar friski u sereni u x-xogħol tagħna nkunu nistgħu nagħmluh aħjar.
Sur President, fl-aħħarnett ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru sabiex nirringrazzja lilek, lill-President tal-Kumitat tal-Kamra l-Onor. Frederick Azzopardi, lill-membri tal-istaff, lill-pulizija u l-armata u lil kull min huwa konness b’xi mod jew ieħor max-xogħol tagħna. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Min-naħa tiegħi ningħaqad ukoll mal-Viċi Prim Ministru u l-Onor. Anġlu Farrugia u nirringrazzja lit-team magħqud tal-parlament li minkejja li huwa żgħir jagħmel ħafna xogħol tajjeb. Nieħu l-okkażjoni wkoll biex nirringrazzja lill-membri kollha għall-kooperazzjoni tagħhom u għall-ħidma sħiħa li qed jagħmlu fil-parlament. Naħseb li dan ir-rendikont, li beħsiebni nagħmlu fit-tmiem ta’ kull sessjoni, minnu nnifsu juri l-impenn, ix-xogħol u l-ħidma li qed jagħmel dan il-parlament. Ta’ dan ngħid grazzi lil kulħadd.
Rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, il-bieraħ kellna sentenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mogħtija mill-Maġistrat Audrey Demicoli fil-kawża kontra Pierre Bartolo li huwa fil-kummerċ u għandu n-nies impjegati miegħu. Pierre Bartolo għandu l-kuntratt mal-Isptar Mater Dei fil-catering establishment. Dan kien wieħed minn dawk il-persuni li wara l-elezzjoni ġenerali jiena rrapportajtu lill-Kummissarju tal-Pulizija għax influwenza lin-nies biex jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.  Influwenzawhom għax kellhom il-kontroll tagħhom peress li jaħdmu magħhom u qalulhom li biex jassiguraw ix-xogħol tagħhom u jibqgħu jaħdmu ma’ Pierre Bartolo dawn kellhom jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista. Issa din hija forma ta’ corrupt practice.
Sur President, lill-Kummissarju tal-Pulizija mhux fuq Pierre Bartolo biss ktibtlu imma ktibtlu wkoll fuq numru kbir ta’ persuni oħra, li b’xi mod jew ieħor, kienu qegħdin jagħmlu l-influwenza tagħhom b’mod korrott sabiex jassiguraw li dawk in-nies li kellhom kontroll fuqhom jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista, anke jekk dawn xtaqu jivvotaw lill-Partit Laburista.  Dan mingħajr ma nneħħi xejn minn dak li ġie pprovat dwar il-poter tal-gvern, dak li ngħidulu l-power of encumbency, li baqa’ sal-aħħar ġurnata tal-elezzjoni li għaddiet juża l-poter tiegħu sabiex jassigura li jieħu l-voti tal-ħaddiema tat-tarzna, ta’ nies oħra li ngħataw xi permessi fl-aħħar ġurnata, fit-tqassim tad-djar u ħemel ta’ każijiet oħra.
Illum se nillimita ruħi għal każ ta’ Bartolo. U x’qalet il-qorti fuq dan il-każ? Il-qorti qalet li kellha żewġ xhieda li jiena nformajt lill-Kummissarju bihom, ċertu Zammit u ċerta Bezzina. Zammit xehed fil-qorti u qal li hu jikkonferma li waqt l-elezzjoni ġenerali huwa ġie avviċinat biex jivvota lill-Partit Nazzjonalista, u biex jiġi assigurat li jivvota l-Partit Nazzjonalista mar miegħu ċertu Edwin Cioffi li kien jaħdem bħala kok, u li probabbilment għadu jaħdem mal-akkużat Pierre Bartolo fl-istabbiliment tiegħu. Lil Zammit qallu biex jidħol jivvota u tah il-mobile phone tal-mara tiegħu sabiex jieħu ritratt tal-vot ħalli jaċċerta ruħu li vera vvota għall-Partit Nazzjonalista. U dan Zammit ċeda. Cioffi jixhed ukoll u qal li veru li hu wassal lil Zammit biex jivvota fl-elezzjoni ġenerali imma kompla jgħid li din kienet xi ħaġa normali li jwasslu għax ġieli spiċċa mix-xogħol u kien iwasslu hu.  
Ix-xhud l-oħra, Christie Bezzina, li taħdem mal-akkużat fl-istabbiliment tal-Papillon fil-catering establishment tal-Mater Dei, qalet li fil-ġurnata tal-elezzjoni tilfet il-vot u mbagħad l-imputat, Pierre Bartolo, ried ikun jaf kif tilfet il-vot u rrabja magħha u qalilha li kienet traskurata għax id-dokument tal-vot ma teħdux miegħek Paceville. Imbagħad kompla jgħidilha biex tara x’se tagħmel għax jekk jitilgħu l-Laburisti, nhar it-Tnejn tista’ ma tidħolx għax-xogħol. Qalet li l-akkużat ċempel lil ommha u staqsieha wkoll fuq id-dokument tal-vot u x’ħin ċemplitlu lura omm Bezzina qaltlu li kienet sabet il-vot. Għalhekk l-akkużat Pierre Bartolo ħass il-ħtieġa li għandu jwassalha biex tivvota wkoll. Ħalli nieqaf ftit hawn.
Mela għandna lil Bartolo li bagħat lil Cioffi sabiex iwassal lil Zammit ħalli jaċċerta ruħu li dan jivvota lill-Partit Nazzjonalista billi jieħu ritratt bil-mobile tal-vot li fuqu vvota. U għandna lil Bezzina li taħdem ma’ Pierre Bartolo - jew li kienet taħdem miegħu dakinhar - li qalilha biex tara x’se tagħmel għax jekk jitla’ l-Partit Laburista tista’ ma tmurx għax-xogħol nhar it-Tnejn. Imbagħad kif sabet il-vot ħass il-ħtieġa, bħala l-employer tagħha, li jwassalha tivvota ħalli jaċċerta ruħu li tivvota lill-Partit Nazzjonalista. Issa x’qalet il-qorti?
Bezzina fix-xhieda tagħha qalet li l-imputat kien qalilha sabiex tivvota lill-Partit Nazzjonalista. L-ewwel nett meta wieħed jara xi tfisser currupt practices isib li hemm ħafna deċiżjonijiet interessanti mill-Qrati tal-Commonwealth, li l-qorti tidher li ma daħlitx fihom għax m’għamlet l-ebda riferenza għalihom, speċjalment dawk il-pajjiżi li għandhom il-liġi elettorali tixbaħ ħafna lil tagħna u li allura l-prassi hi li tara x’jiddeċiedu pajjiżi oħra bħall-Awstralja, bħall-Mauritius, bħall-Indja u pajjiżi oħra. Imma l-qorti qalet li fil-fehma tagħha ma jirriżultax li l-imputat eżerċita xi forma ta’ influwenza illegali jew li għamel xi corrupt practices skont kif ikkontemplat fl-artikolu 55 tal-Kap. 354 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Dan l-artikolu tal-liġi jitkellem fuq l-elezzjoni ġenerali. U jien nistaqsi jekk il-maġistrat ħaditx żball għax l-artikolu 55 ma jitkellimx fuq corrupt practices imma jitkellem fuq meta kandidat tal-elezzjoni ġenerali jista’ jirtira l-kandidatura tiegħu. U allura hawnhekk għandna riferenza għal-liġi ħażina fid-deċiżjoni tas-sentenza. Imbagħad il-qorti tkompli tgħid li l-fatt li xi ħadd iħeġġeġ persuna biex tmur tivvota u li jipprovdi mezz ta’ trasport lil xi ħadd sabiex jivvota m’għandux jitqies bħala corrupt practices jew li hija xi influwenza illegali. Imma hawnhekk mhux hekk ġara. Il-qorti taf u rriżulta li l-akkużat mhux biss wassal lill-persuna biex tivvota imma li kellu kontroll fuq dik il-persuna għax huwa l-employer tagħha. L-impjegata kienet imbeżżgħa għax ġiet imwissija li jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-gvern, nhar it-Tnejn ta’ wara setgħet ma tmurx għax-xogħol. Dan huwa theddid ċar! Mela x’sentenza hi din li ngħatat mill-qorti?!
Sur President, kważi tani d-daħk meta mbagħad rajt il-gazzetta “In-Nazzjon” fejn intqal li “Anġlu Farrugia ġie mgiddeb fil-qorti”. Jien ma ġejtx imgiddeb imma mort nixhed u għedt minn huma l-persuni li ġew għandi. Dawn il-persuni ġew għandi u qaluli minn xiex għaddew fl-elezzjoni ġenerali u kif ġew imġiegħla jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista taħt theddid li jitilfu l-impjieg tagħhom. U allura jien tajt ix-xhieda tiegħi liberalment u bl-ebda mod ma ġejt ikkontestat jew kontro-eżaminat mill-avukati difensuri ta’ Pierre Bartolo. L-ismijiet li semmejt ikkonfermaw dak li jien irrapportajt lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-akkużat Pierre Bartolo kien l-istess bniedem fost diversi persuni oħra li jien irrapportajt, għax fil-catering establishment li jmexxi fl-Isptar Mater Dei, ħass il-ħtieġa li jgħid lill-ħaddiema tiegħu li jekk jitla’ il-Partit Laburista fit-8 ta’ Marzu 2008, nhar it-Tnejn setgħu ma jmorrux għax-xogħol.  Issa jekk dan ma jammontax għall-corrupt influence ma nafx x’jista’ ikun mela!  X’iridu jkunu l-provi biex il-poplu Malti u Għawdxi jgħid li din is-sentenza tagħmel sens?!
Għaldaqstant inħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex iħares lejn din is-sentenza u jara jekk huwiex il-każ li tiġi appellata ħalli dan il-pajjiż ma jkollux demokrazija farsa imma jkollu demokrazija sħiħa, fejn in-nies jitħallew fil-libertà kollha sabiex jivvotaw lil min iridu huma u mhux jiġu influwenzati minn xi ħadd li huwa fuqhom sabiex jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista. Apparti minn hekk jien għamilt aktar minn rapport wieħed lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-fatt li dan tal-aħħar ressaq lil Pierre Bartolo u hemm is-sentenza tat-13 ta’ Lulju, dik hija deċiżjoni tal-Kummissarju. Jien lill-Kummissarju tajtu l-informazzjoni kollha dwar ħafna każijiet fejn kien hemm xiri ta’ voti u flus kbar għaddejjin. Tajtu wkoll tagħrif dwar kumpaniji u ismijiet ta’ nies li fuqhom ma smajt xejn aktar mill-Kummissarju ħlief li tressqet din il-persuna. Fuq dan il-każ telgħu jixhdu n-nies u qalu kif huma waslu biex jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista. Mela f’demokrazija hekk isiru l-affarijiet?! Hekk għandhom isiru l-affarijiet f’pajjiżna?! Mela għax inti taħdem ma’ xi ħadd, allura għandek tiġi influwenzat b’tali mod li min iħaddmek irid ikun ċert li vvotajt lill-partit li jrid hu għax inkella tista’ ma tmurx għax-xogħol?!
Kulħadd jaf x’ġara waqt l-elezzjoni tal-2008! Kulħadd jaf li saru dawn il-corrupt practices. Allura din is-sentenza, anke fl-isfond akkademiku legali xi ħadd għandu jistaqsi u jgħid: Jekk se nirridikolaw dan il-kunċett li lanqas nafu xi tfisser corrupt practice, jiġifieri li wieħed jasal jattwa prattika mhux xierqa skont il-liġi biex wieħed jinfluwenza lil dak li jkun jivvota ‘l hemm jew jivvota ‘l hawn, u nikkwotaw artikolu tal-liġi li lanqas huwa dak li jitkellem fuq il-corrupt practices taħt il-liġi li ġiet indikata, jiena ngħid li dan il-pajjiż jixraqlu ħafna aħjar. U għalhekk inħeġġeġ lill-awtoritajiet to put their house in order għax aħna bħala Oppożizzjoni dmierna għamilnieh għax jien mort għand l-awtoritajiet u tajthom l-informazzjoni kollha. Issa f’idejhom.
Sur President, ċertament li l-elezzjoni li ġejja mhux se jkun hemm ripetizzjoni ta’ dawn l-affarijiet irrispettivament mid-deċiżjonijiet ħżiena li jistgħu jingħataw mill-qrati tagħna. Nerġa’ ngħid li mhux se jkun hemm ripetizzjoni ta’ dawn l-affarijiet billi nħallu lil min jipprova jinqeda kontra l-liġi sabiex jagħmel vantaġġ politiku u sabiex jisraq l-elezzjoni ġenerali. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, xtaqt ngħid xi ħaġa fuq dak li tkellem l-Onor. Anġlu Farrugia. Waħda mill-affarijiet li wieħed għandu jżid ma’ dawk l-affarijiet huwa l-mod ta’ kif imxew dipartimenti bħal, per eżempju, il-MEPA u dipartimenti bi pressjoni politika fuqhom bħad-dipartiment tal-VAT, tal-income tax u oħrajn li solvew il-problemi u l-queries ta’ ċerti ċittadini fl-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni. Tajjeb li dawn l-affarijiet ma ninsewhomx.  Issa ħalli niġi għas-suġġett li ridt nitkellem fuqu llum.
Hawn post f’Malta li nieħu pjaċir ħafna mmur u meta mmur hemmhekk inħossni verament trankwill u għall-mument nintilef fl-arkitettura sabiħa ta’ dan il-post partikolari Malti. Qiegħed nirreferi għall-Imdina. Meta mmur l-Imdina waħda mill-affarijiet li nħobb nagħmel huwa li mmur lejn is-swar tal-Imdina u minn hemmhekk nara parti sostanzjali minn pajjiżna. Imma minn hemmhekk ukoll tista’ tinduna b’ċerti affarijiet li jkunu għaddejjin ġewwa pajjiżna li forsi jekk tkun viċin ma tantx tagħti kashom imma mill-bogħod ikunu aktar evidenti. Hawnhekk qiegħed nirriferi għall-miżbla viċin il-Magħtab li suppost hija ikkoordinata. Meta wieħed imur, kif qed ngħid jien, jagħti titwila minn postijiet li jkunu daqsxejn ‘il bogħod – jiena semmejt l-Imdina - ikun jista’ jara sħaba sħiħa ta’ trab ittir minn fuq il-miżbla u tiġbed lejn diversi bliet u rħula fil-viċin.
Meta mort l-Imdina stajt ninnota din is-sħaba riesqa lejn in-naħa tal-Għargħur, in-Naxxar, il-Madliena u Baħar iċ-Ċagħaq peress li kien ġej ir-riħ min-naħa ta’ fuq. Meta jkun ir-riħ b’mod differenti wieħed ikun jista’ jara din is-sħaba b’mod kontinwa, speċjalment jekk tkun daqsxejn ta’ żiffa, riesqa fuq lokalitajiet oħrajn. Mhux l-ewwel darba li wieħed imur lejn il-postijiet turistiċi tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, Buġibba u s-Salina u jibda jinnota kemm l-ambjent ġewwa pajjiżna ma tantx huwa wieħed ta’ min jiftaħar bih. Issa rrid nfakkar li kien intqal kemm-il darba li l-miżbla tan-naħa tal-Magħtab mhux se tkompli tintuża u li din kienet se tkun ikkoordinata u timxi b’mod effiċjenti. Biss matul dawn l-aħħar ġimgħat wieħed seta’ jinnota li mal-iċken żiffa riħ tibda tara karti, plastik u diversi affarijiet oħrajn itiru fl-arja. Dan biex ma nsemmix li kull meta tgħaddi minn dawk in-naħat, b’mod speċjali filgħaxija, ixxomm l-irwejjaħ tremendi li jkunu ħerġin minn din il-miżbla li suppost kellha tingħalaq.
Ħafna residenti fl-akkwati tal-Magħtab qegħdin jinnotaw ukoll li qed jinqala’ trab u materjal ieħor li tikkonsisti fih il-miżbla bil-konsegwenza li t-trab qed ikompli jtir fl-arja. Mela mhux ta’ b’xejn li diversi studji li saru ġewwa pajjiżna juru b’mod ċar li l-akkwati fil-viċinanza tal-miżbliet tal-Magħtab u tal-madwar ibatu minn rata għolja ta’ asthma u problemi relatati mal-pulmun. Issa nafu wkoll li apparti t-trab joħorġu ammont ta’ gassijiet u minkejja l-pajpijiet li saru sabiex dawk il-gassijiet jintużaw jidher li l-kompost li hemm u li qed jintrema fil-viċinanzi tal-Magħtab qegħdin jitfgħu b’mod kotinwu numru ta’ gassijiet fl-arja, li wħud minnhom huma tossiċi u karsinoġeniċi. Nafu wkoll li fl-arja hemm ammont ta’ dijossina li mbagħad ssib ruħha fl-għelieqi tal-viċin, u dan żgur li ma jagħmilx ġid la lill-għelieqi u lanqas il-prodotti li jitkabbru fihom.

 

Tajjeb li wieħed isemmi wkoll il-problema tal-power station li l-gvern qed jippjana li jibni n-naħa t’isfel ta’ Malta. Meta tibda tara dawn l-affarijiet kollha f’daqqa tibda tinduna li mhux biss investiment fil-kura tal-kanċer u investiment fil-kura għall-problemi respiratorji għandna bżonn imma rridu nibdew naħdmu aktar fuq il-prevenzjoni u naraw li l-prattiċi li jkollna ġewwa pajjiżna jkunu tali li jnaqqsu l-problemi respiratorji u l-problemi li jistgħu jikkawżaw il-kanċer fil-popolazzjoni Maltija. Irridu naraw li kemm jista’ ikun ikollna ambjent verament tajjeb fejn wieħed jgħix.   Kull darba li nersaq lejn postijiet għoljin f’pajjiżna nibqa’ ixxukkjat meta nara it-tniġġis li jkun għaddej fl-arja.


Issa nixtieq insemmi suġġett ieħor malajr malajr u nagħlaq bih. Hawnhekk qiegħed nirriferi għal meta l-gvern iddeċieda li jipprivatizza ħafna affarijiet. Naħseb li ċerti postijiet setgħu kienu ta’ ġid filwaqt li oħrajn urew b’mod ċar li l-privatizzazzjoni tefgħet lura lil dawk id-dipartimenti jew lil dawk li qabel kienu jaqgħu taħt idejn il-gvern. Nerġa’ ngħid li dawn minflok marru ‘l quddiem marru lura bħall-granċ. Imma issa xtaqt insemmi xi ħaġa li kellmuni fuqha diversi persuni, inkluż Għawdxin, dwar il-yacht marina ġewwa l-Imġarr Għawdex li ġiet riċentement privatizzata. Jidher li minn qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt mal-kumpanija li ħadet dak il-proġett, il-gvern kien diġà aċċetta x’se jkunu l-ħlasijiet mitlubin. Jiena tkellimt ma’ diversi persuni li qaluli li meta jsiefru barra minn Malta bl-inġenji tagħhom iħallsu b’rati differenti min-nies tal-lokal. U allura ma nistax nifhem kif qisu se tibda tidħol din it-trend li l-benefiċċji li wieħed ikollu bandiera Maltija fuq l-inġenji tiegħu mhux qed tiġi kkalkolata u għalkemm bħalissa din mhux qed iseħħ fil-marinas l-oħra, bdiet ġewwa Għawdex għall-ewwel darba.
Mela dawk il-persuni li għandhom l-inġenji tagħhom sorġuti fil-marina tal-Imġarr Għawdex mhux qed jiġi kkonsidrat il-fatt li dawn kienu hemmhekk minn qabel ma ġiet ipprivatizzata, bħalma ġara f’postijiet oħrajn, u mhux qed jiġi kkalkulat li min isorġi hemmhekk għandu bandiera Maltija u allura għandu jkollu ċerti preferenzi fit-tariffi. Jidher li għall-ewwel darba t-tariffi mitluba se jkunu għal kulħadd l-istess, u fl-opinjoni tiegħi dan mhuwiex tajjeb. Naħseb li għandu jkun hemm azzjoni min-naħa tal-gvern ħalli jekk jista’ jirriversja ċerti tariffi li qegħdin isiru u li qegħdin jitressqu ‘l quddiem, aktar u aktar meta nqisu li l-marina ġewwa Għawdex hija l-unika waħda li hemm u l-Għawdxin m’għandhomx fejn ipoġġu l-inġenji tagħhom jekk mhux fil-marina tal-Imġarr Għawdex. Jiena naħseb li l-gvern għandu jindaħal f’din is-sitwazzjoni.
Hawnhekk wieħed irid jara li dan ma jkunx l-ewwel pass sabiex marinas oħrajn li jkunu privatizzati, jew inkella areas oħra li jkunu privatizzati, jispiċċaw mingħajr preferential tariffs għal dawk iċ-ċittadini li joqogħdu f’dan il-pajjiż. Jiena nittama li din it-talba ta’ diversi individwi ma taqax fuq widnejn torox. Ħafna drabi l-isfortuna tkun li t-trend tibda fuq oġġett żgħir u mbagħad, bil-mod il-mod, din it-trend tibda tinfirex fuq diversi oqsma oħra. Irrid insemmi li din it-trend tal-marinas li jagħtu preferential treatment jew preferential tariffs liċ-ċittadini tal-lokalitajiet tagħhom mhijiex xi ħaġa ta’ barra minn hawn imma teżisti f’diversi pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea. Għalhekk ma narax għalfejn m’għandux ikollna xi ħaġa simili f’pajjiżna. 
Sur President, fl-aħħarnett nawgura lilek u l-familja tiegħek, kif ukoll lill-istaff kollu ta’ din il-Kamra sajf kwiet u rilassat. Min-naħa tagħna huwa minnu li nkunu sejrin għall-vaganzi tas-sajf imma huwa minnu wkoll li xorta waħda nkunu qegħdin nagħmlu aktar xogħol milli nkunu qegħdin nagħmlu fix-xitwa.  Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Nirringrazzjak tal-awgurju tiegħek u min-naħa tiegħi nawgura lilek u lill-membri kollha. Naturalment ilkoll kemm aħna nafu li x-xogħol ta’ preparazzjoni jkompli wkoll matul is-sajf.
Il-Kamra issa hija aġġornata għal nhar l-Erbgħa, 29 ta’ Settembru, 2010 fis-6.00 p.m bl-aġenda kif ikkomunikata mill-Ministru.
Fn’12.42 pm il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.



Yüklə 453,03 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin