ONOR. DOLORES CRISTINA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali maqsuma skont it-tip ta’ għajnuna, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20672; u
Tabella li turi kif tqassmu l-fondi li ngħataw lill-Public Broadcasting Services taħt l-PSO u l-EPSO għal programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni fl-2007/08 u fl-2008/09, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20703; u
f’isem il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni nqieqħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ investigazzjonijiet mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta’ Malta dwar ilmenti minn antennae tal-mobile telephony maqsuma skont il-lokalità, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20919;
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet?
L-Onor. Roderick Galdes.
MOZZJONIJIET
MOZZJONI DWAR AVVIŻ LEGALI NRU 356 TAL-2010 – TARIFFI SKONT L-ATT DWAR I-IPPJANAR TAL-IŻVILUPP
ONOR. RODERICK GALDES: Sur President, nipproponi:
Peress li l-Avviż Legali Nru 356 tal-2010 qed idaħħal tariffi ġodda għall-applikazzjonijiet tal-iżvilupp skont l-Att dwar I-Ippjanar tal-Iżvilupp b’effett immedjat;
Peress li filwaqt li jeżisti qbil dwar il-bżonn ta’ ħarsien minn overdevelopment, dawn it-tariffi huma sempliċement taxxa ġdida u sproporzjonata mmirata biex il-Gvern jiġbor aktar flus u li għalihom se jħallsu l-familji, koppji żgħażagħ, ħaddiema u middle class;
Peress li l-argument li dawn it-tariffi se jolqtu biss lill-iżviluppaturi mhijiex kredibbli, u li l-ispejjeż fl-aħħar mill-aħħar se jgħaddu u jolqtu lill-familji;
Peress li filwaqt li qabel l-elezzjoni ġenerali l-Gvern kien jitkellem dwar il-kuxjenza soċjali u l-bżonn ta’ sussidji, u issa biddel totalment il-verżjoni tiegħu;
Peress li żgur li issa mhux il-waqt li wieħed ikompli jgħabbi aktar piżijiet fuq il-familji, l-intrapriżi u l-ekonomija;
Peress li l-Gvern daħħal dawn it-tariffi mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istakeholders prinċipali filwaqt li dawn ir-rati eċċessivi qatt ma ssemmew fil-proċess tar-riforma tal-MEPA;
Peress li dawn it-tariffi l-ġodda huma fil-maġġoranza tagħhom eċċessivi, u fil-biċċa l-kbira soċjalment inġusti li se jitfgħu piżijiet ġodda fuq il-familji Maltin u Għawdxin fosthom dawk il-persuni li se jixtru jew jirranġaw l-ewwel dar tagħhom;
Peress illi dawn it-tariffi se jaffettwaw familji bi dħul medju u baxx li jkollhom bżonn jagħmlu alterazzjonijiet fid-djar li jgħixu fihom;
Peress li jirriżulta li dawn il-ħlasijiet mhux minnu li se jagħmlu tajjeb għal protezzjoni tal-ambjent iżda qed jiġu imposti bħala taxxa oħra;
Peress li t-tmexxija tal-MEPA wasslet għal żbilanċ finanzjarju ta’ kull sena minħabba ineffiċjenzi, burokrazija żejda u nuqqas ta’ ppjanar;
Peress illi l-Gvern sabha faċli li jaħfer miljuni kbar ta’ Euro lill-iżviluppaturi li ħammġu l-ambjent u kisru kundizzjonijiet matul dawn l-aħħar snin iżda issa ma sabhiex diffiċli li jitfa’ dan il-piż ta’ taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin;
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu l-Parlament għandu jirrevoka, iħassar u jannula l-Avviż Legali numru 356 tal-2010.
Fl-istess waqt iħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonsulta lill-istakeholders kollha, jagħmel l-istudji neċessarji dwar l-impatt u jdaħħal tariffi li jkunu ekonomikament, ambjentalment u soċjalment ġusti.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOSEPH SAMMUT: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Skont il-ftehim milħuq, il-ħin ta’ din il-mozzjoni għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema tal-Oppożizzjoni, bl-introduzzjoni u l-winding up għall-Oppożizzjoni, imbagħad ngħaddu għall-voti għax fil-fatt hemm ukoll ftehim li ma jkunx hemm aġġornament fis-seduta tal-lum.
Rimarki? L-Onor. Roderick Galdes.
ONOR. RODERICK GALDES: Sur President, meta konna qegħdin niddiskutu l-proċess tar-riforma fil-MEPA anke fi stadju ta’ kumitat, kemm jiena kif ukoll is-Segretarju Parlamentari konna tkellmimna dwar ir-reviżjoni tat-tariffi u konna għedna li nisperaw li dawn it-tariffi jkunu soċjalment ġusti għall-familji Maltin u Għawdxin. Il-MEPA għandha funzjoni importanti mhux biss fl-oqsma tal-ambjent, imma wkoll hija l-awtorità li tista’ tistimula l-ekonomija tal-pajjiż u tkattar ukoll ix-xogħol, grazzi għan-nies li jkun jridu jwettqu xi tip ta’ żvilupp li bih ikunu jistgħu jtejbu l-qagħda soċjali tagħhom.
Dak iż-żmien il-gvern tana x’nifhmu li dawn it-tariffi kienu se jsiru bi studju estensiv wara li jiġi mistħarreġ l-impatt fuq il-familji, u kellhom jiġu imposti permezz ta’ konsultazzjoni kontinwa mal-istakeholders involuti. Jidher biċ-ċar li dan l-avviż legali ħareġ baxx baxx nhar is-16 ta’ Lulju qabel l-istaġun tas-sajf proprjament meta l-Parlament jagħlaq għall-vaganzi tas-sajf u diskussjoni ma setgħetx issir. Meta wieħed jara t-tariffi għal min jitlob servizz lill-MEPA, m’hemmx dubju li dawn jista’ jsejħilhom tariffi eċċessivi u esaġerati għaliex m’hemmx kelma oħra kif tista’ tiddeskrivihom. Dawn huma żidiet qawwija li fil-fehma tiegħi se jimpattaw fuq l-industrija tal-bini u fuq il-familji b’mod ġenerali.
Sur President, l-iskuża li ġab il-Gvern għaliex żied dawn it-tariffi hija li l-MEPA trid tkun self-financed, li jeħtieġ li tipprovdi servizz aħjar u aktar effiċjenti, u li l-applikazzjonijiet se jinħadmu malajr. Iżda mill-banda l-oħra l-poplu se jħallas għal tariffi li fil-fehma tiegħi huma eżaġerati, u wieħed ma jistax jiddeskrivi l-impatt qawwi anke fuq familji li sempliċement iridu jagħmlu alterazzjonijiet żgħar fid-djar tagħhom. Ma naħsibx li l-iskop tal-MEPA hu li tkun awtorità revenue maker iktar milli tipprovdi servizz. Dan mhux jien qed ngħidu, għax riċentement qaluh anke esponenti li huma midħla sew tal-qasam tal-ippjanar u midħla sew tal-applikanti nnifishom. Dawn iddeskrivew ukoll lill-MEPA bħala li qed issawwat lill-familji Maltin u Għawdxin permezz ta’ dawn it-tariffi. L-issues dwar it-tariffi tal-permessi mhumiex ambjentali. Ma jridux ikunu t-tariffi li jipproteġu l-ambjent, iżda m’hemmx dubju li t-tariffi se jħallu impatt b’mod ġenerali fuq il-familji Maltin u Għawdxin f’dak li għandu x’jaqsam mal-income.
Jekk nagħtu ħarsa dwar kif se jinbidlu dawn it-tariffi nsibu li, per eżempju, rigward appartamenti li jvarjaw minn żewġ appartamenti, fejn qabel kont tħallas rata ta’ €2,000, illum il-ġurnata qed jintalbu ħlasijiet ta’ madwar €8,000. Jekk sempliċement għandna change of use għal xi ħaġa kummerċjali, minn €350 illum qed jintalbu jħallsu €1,400 jew €1,500. Kostruzzjoni ta’ blokk appartamenti, riċentement din kienet tiswa €8,000, illum il-ġurnata saret tiswa €21,000. Dawn ir-rati jiena ħadthom minn applikazzjonijiet li daħlu riċentement fil-MEPA biex niddeskrivi l-impatt qawwi li se jkollhom iħallsu l-familji.
Dawn għolew b’mod eżaġerat ukoll, per eżempju, għal xi ħadd li huwa fil-mestjier tat-turiżmu, għandu hotel u jixtieq ikabbar numru ta’ appartamenti. Riċentement kien hemm applikazzjoni partikolari ta’ kmamar ta’ appartamenti għall-kumpless turistiku tiegħu u minn €37,000 kif kienet qabel illum ġiet tiswa €135,000. Qed naraw ukoll impatt qawwi fil-qasam kummerċjali fejn jidħol in-negozju. Hemmhekk l-impatt se jinħass b’mod drastiku. Jekk l-iżvilupp se jsir fiż-żoni li huma fl-iskemi tal-iżvilupp u huma earmarked għall-iżvilupp partikolari, ma naħsibx li dawn it-tariffi se jagħmlu xi differenza fuq il-ħteġijiet ambjentali ta’ pajjiżna, anzi pjuttost li l-impatt huwa xi ħaġa relatata ma’ finanzi aktar milli marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent.
Sur President, iċ-ċittadin komuni qabel kien iħallas madwar €11 biex ikun jista’ jakkwista compliance certificate li bih ikun jista’ japplika għas-servizz tad-dawl u l-ilma. Dan illum tela’ għal madwar €60. Il-compliance certificates ma naħsibx li l-iżviluppaturi biss iħallsuhom. Jekk inti għandek koppja żagħżugħa li dieħla ġo dar jew inkella f’appartament ġdid u tixtieq is-servizz tad-dawl u l-ilma, m’hemmx dubju li se toħroġ aktar flus biex iddaħħal dak is-servizz. Irridu ngħidu wkoll li riċentement il-gvern kien għadu kemm ħabbar żidiet fuq it-tariffi anke biex iddaħħal is-servizz tal-Enemalta jew inkella tal-Water Services Corporation2. Issa għandna wkoll żieda fil-prezz tal-compliance certificate li se tkompli timpatta fuq il-familji komuni.
Irrid ngħid ukoll li ma rajna l-ebda studju jew inkella miżura li bihom dawn it-tariffi jkunu implimentati speċjalment abbażi ta' areas partikolari. Jekk inti trid tinkoraġġixxi lil min jinvesti fir-restawr, aħna ma tajniex inċentiv għal min jirrestawra. Pjuttost għamilna tariffa across the board u dawn it-tariffi qed japplikaw skont l-area. Fejn qabel, per eżempju, il-MEPA ma kenitx tikkalkula l-btieħi u anke l-arja ta' ventilazzjoni jew inkella s-circulation spaces għaliex huma parti essenzjali biex l-iżvilupp ikun jista' jkun akkomodat, illum dawn ġew inklużi bħala parti mit-tariffi bil-konsegwenza li t-tariffi sparaw b'mod esaġerat 'il fuq u li bihom il-familji Maltin se jintlaqtu ħażin ħafna.
Sur President, il-Prim Ministru fid-diskors tal-budget qalilna li aħna bħala partit insejna l-qasam tax-xogħol. Meta nitkellmu fuq it-tariffi tal-MEPA u fuq kif qegħdin dawn ixekklu lin-nies milli japplikaw jew inkella jitħajru jiżviluppaw biex itejbu l-qagħda tagħhom, dan mhux ukoll bħala parti mill-qasam tax-xogħol? Il-kostruzzjoni mhux xogħol tiġġenera? Aħna bħala partit inkwetati għax permezz ta’ dawn it-tariffi l-MEPA llum saret qisha qed tgħid lin-nies biex ma japplikawx. Fejn qabel kienet tara n-nies bħala applikanti, bħala konsumaturi li qed tipprovdilhom servizz, illum il-mentalità qed tinbidel f'daqqa waħda u qed ngħidulhom: Isma', tersqux 'l hawnhekk, m'għandkomx għalfejn tersqu 'l hawn bi proposta ta' żvilupp, għax jew se tlaqqtu refusal jew inkella se tirċievu kont esaġerat!
Meta nara dawn it-tariffi, l-ewwel nies li jiġu f'moħħi huma dawk tal-ħwienet, in-nies li għandhom residenzi ordinarji li ftit jew wisq ikollhom bżonn jagħmlu xi alterazzjonijiet biex itejbu l-qagħda fejn jgħixu, is-self-employed, l-SMEs, tar-ristoranti, min għandu xi take-away jew xi ħadd li għandu uffiċċju li jrid jirranġah jew jagħmel xi alterazzjonijiet partikolari. Dawn ukoll qed jagħmlu ħsara lill-ambjent? Jekk xi ħadd irid jrid jaltera post fid-dar tiegħu, dan se jagħmel xi ħsara lill-ambjent? Għandu għalfejn iħallas tariffi eċċessivi bħal dawn? Għandna sitwazzjoni redikola, per eżempju, fejn bidwi qed jintalab iħallas €175 għal xatba imma imbagħad biex jibni kamra f'għalqa jeħel €30 ewro. Dan jagħmel sens, Sur President!? Fil-fehma tiegħi dawn huma affarijiet eżaġerati u ma jirrispettawx il-ħteġijiet tan-nies.
Jidher ċar li dawn it-tariffi saru b'għaġġla, saru mingħajr studju u mingħajr ma s-Segretarju Parlamentari ndenja jiddiskutihom anke fil-kumitat parlamentari li suppost kellu jitwaqqaf ħalli nibdew niddiskutu r-riforma tal-MEPA. Ir-riżultat huwa dan. Hemmhekk in-nies qed jinqarsu, in-nies ġenerali qegħdin jgħidu li jixtiequ li japplikaw imma ma jistax ikun li nħallsu dawn it-tariffi daqshekk eċċessivi. Ma nistgħux naħsbu li l-familji jistgħu jħallsu l-flus biex aħna nkunu nistgħu nissussidjaw il-ħela min-naħa tal-MEPA! Din tippretendi li n-nies jagħmlu tajjeb għal kull infiq li tista' tagħmel!
Jien nista' ngħid li hemm qbil li jkun hemm ħlas. Dażgur li jkun hemm qbil. Jien naħseb li n-nies jixtiequ li l-applikazzjoni li huma qed jissottomettu tiġi kwantifikata kemm tiswa lill-MEPA biex din tkun tista' mbagħad tistabbilixxi livell xieraq ta’ ħlas f'dak li għandu x'jaqsam mat-tariffi. M'hemmx dubju. Naħseb li ż-żewġ naħat naqblu li n-nies għandhom iħallsu tas-servizz li qed jirċievu mill-MEPA, imma mbagħad in-nies ma nistgħux ngħidulhom iħallsu għal servizz li mhux qed jingħatalhom jew inkella għal spejjeż oħra li trid tagħmel il-MEPA u se titfagħhom ukoll fuqhom. Dan mhux jien biss qed ngħidu imma qed jgħiduh esponenti tal-PN li qed jikkritikaw ukoll anke dawn it-tariffi.
Ejja nikkwantifikaw kemm tiswielna applikazzjoni, għax meta qed tissottometti applikazzjoni ħafna drabi jkun jirrikjedi somma flus biex il-MEPA tkun tista' tipproċessaha amministrattivament. Din ma rridux nagħmluha b'tali mod li applikazzjoni tiġi tiswa' ammont eżorbitanti għax tiġi inflated għal xejn, bil-konsegwenza li mbagħad it-tariffi se jisplodu 'l fuq. Jien ma nistax nifhem għalfejn, per eżempju, il-poplu Malti issa se jintalab biex iħallas għal Hexagon House wara li nfaqna €4.5 miljuni! Ma nistax nifhem, per eżempju, għalfejn se jintalab biex jitħallas id-deficit li għamlet l-Awtorità minħabba l-ineffiċjenzi u kalkoli ħżiena li għamlet mill-2008 'il hawn. Dawn issa se nitfgħuhom fuq in-nies u ngħidulhom li huma parti mis-servizz li qed jingħataw.
Din hija r-realtà għalfejn illum għandna dawn it-tariffi. Xi ħadd li għamel kalkoli fl-2007 ma kkalkulax li dak iż-żmien kulħadd beda jinvesti ta' malajr għax kien dieħel l-ewro u kulħadd beda jipprova jdaħħal applikazzjonijiet ħalli jkollu iktar permessi ta' żvilupp u jkun jista' jibni. Kulħadd jaf li dik kienet bużżieqa li kienet se tinfaqa', imma x'għamlu? Għamlu kalkoli u lill-Gvern qalulu li minn sena oħra l-MEPA se tkun self-financing bit-tariffi l-antiki. Allura l-Prim ministru ġie hawn is-sena ta' wara u fil-budget qalilna li se jneħħi s-sussidju lill-MEPA u li din se tiġi self-financed. Però rriżulta li kien hemm defiċit ta' madwar €5 miljuni f'dik is-sena partikolari għax dak li kien proġettat mill-MEPA nnifisha ma daħalx fil-finanzi tal-Awtorità. U r-realtà llum il-ġurnata hija din.
Sur President, illum ikollna ngħidu li għandna gvern li telaq bil-politika tal-calculator, politika li kienu jgħajru lilna biha fl-1996 u l-1998 għax ippruvajna nqajmu mill-ġdid l-entitajiet pubbliċi li sibnihom fi stat finanzjarju prekarju. Għax għamilna ċerti kalkoli biex naraw x'għandna bżonn ħalli ma nitilfux dawk l-organizzazzjonijiet li huma kruċjali għal pajjiżna, kienu jgħajruna li qed nagħmlu l-politika tal-calculator fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Jien illum nerġa' nsostni l-istess argument fil-kwestjoni tat-tariffi tal-MEPA. Hawnhekk il-Gvern b'mod ċar qiegħed jitfa' l-politika tal-calculator fost il-familji Maltin u Għawdxin.
Jekk il-poplu se jintalab li jħallas iktar biex sempliċement jingħata servizz ta' proċessar ta' applikazzjoni jrid ikun jaf fejn qed imorru dawk il-flus. Għandu jkun hemm trasparenza biex naraw fiex qiegħda tonfoq il-flus il-MEPA, imbagħad minn hemm irridu nitilqu biex nikkalkolaw b’liema mod jiġu aġġustati t-tariffi fuq l-applikazzjonijiet. Imma mhux sempliċement naqbdu u ngħidu li l-MEPA qed tagħmel €5 miljuni deficit, ma narawx x'inhu li qed iwassal għal dak id-deficit li qed tagħmel kull sena l-MEPA, u ngħidu li dan se jibdew iħallsu għalih in-nies għax ma jistax ikun li l-gvern jibqa' jagħti s-sussidji!
Sur President, irridu nqisu wkoll li l-MEPA hija parti mill-ġid komuni ta' pajjiżna. Il-ġid komuni huwa dak li joħloq l-Istat biex ikun jista' jipproteġi l-ambjent, ikun jista' jagħti s-servizzi soċjali lin-nies, ikun jista' jipprovdi servizzi adegwati għall-ekonomija tal-pajjiż. U l-MEPA għandha servizz kruċjali x'tagħti, u kif inhu l-operat tagħha amministrattivament illum, kważi kważi huwa impossibbli li tkun self-financed. Ix-xewqa taż-żewġ gvernijiet dejjem kienet li din l-Awtorità tkun self-financed, u l-PN kien ikkritika lill-Onor. George Vella fl-1997 meta kien qal hekk.
M'hemmx dubju li anke aħna konna nemmnu hekk dak iż-żmien, imma ma ninsewx li fl-Awtorità dak iż-żmien kien hemm 200 impjegati, is-salarji kienu dak l-ammont, kien hemm Awtorità li kienet fuq l-ippjanar biss u ma kenitx tinvolvi awtorità oħra separata. IIlum l-ħteġijiet tal-organizzazzjoni żdiedu b'mod konsiderevoli. Dak iż-żmien kien hemm ammonti żgħar li ngħataw min-naħa tal-gvern lill-MEPA biex setgħet taġġusta, imma li kieku l-Awtorità kienet self-financed dak iż-żmien kien ikun ħafna iktar sostenibbli milli huwa llum. Illum għandek sitwazzjoni differenti u għandek spejjeż akbar.
Il-MEPA daħlet għal ċertu investiment li fil-fehma tiegħi ma tistax titfgħu fuq in-nies għax dan ifisser li qatt ma tista' tkun self-financed. Ċertament ma tistax titmexxa awtorità fuq bażi kummerċjali, għax inkella se jkollok slowdown fl-ekonomija u se jkun hemm problemi ukoll ta' nies li ma jaffordjawx joħorġu dawk it-tariffi partikolari, bil-konsegwenza li imbagħad se nispiċċaw ikollna dan l-impatt enormi. Dan li qed ngħid jien huwa minnu u bil-provi, anke jekk naraw x'ġara jiem qabel ma daħlu dawn it-tariffi. Meta kien hemm l-għajdud li fis-16 ta' Lulju se jiħdlu t-tariffi l-ġodda, kellek 700 applikazzjoni li daħlu f'daqqa f'dik il-ġimgħa partikolari biex in-nies jevitaw milli jintlaqtu bis-sistema l-ġdida tat-tariffi li ġew imposti mill-gvern. In-nies irrikorrew mill-ewwel għall-MEPA biex jippruvaw jiffrankaw din il-balla li l-gvern tefa’ fuqhom.
Irrid ngħid ukoll li l-gvern għamel kalkolu, bħal donnu ċert, li bit-tariffi kif aġġustati b'mod eseġerat li ntefgħu fuq in-nies se jagħmel tajjeb għall-bżonnijiet ta' din l-organizzazzjoni. Illum nafu x'inhu l-income mill-applikazzjonijiet il-ġodda. Kien hemm slowdown jew le? Kien hemm tnaqqis fin-numru ta' applikazzjonijiet li fil-fehma tiegħi fl-aħħar tas-sena issa se jwassal biex xorta waħda l-MEPA ma tkunx tista' tagħlaq il-kotba finanzjarji? Għax mhux sempliċement tgħolli! Hija loġika li jekk tgħolli l-ispiża d-domanda se tonqos. Meta qed tgħolli l-ispejjeż mhux kulħadd se jibqa' jħallas għal dak is-servizz, anzi joqgħod lura milli jieħu ċerti miżuri. U għaliex dawn is-700 applikazzjoni f'daqqa, ma kenitx sitwazzjoni reali. Sfortunatament kienet sitwazzjoni li konna qegħdin naraw li se tiġri jekk jidħlu dawn it-tariffi l-ġodda.
Sur President, x'inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-MEPA llum? Nafu jekk hemmx xi dejn partikolari? Nafu jekk hemmx deficits jew xi kuntratturi li għadhom qed jistennew il-ħlasijiet mis-servizz li tipprovdi l-MEPA nnifisha? Naħseb tajjeb li l-ministru dawn jgħidhomlna llum ħalli naraw l-impatt ta’ dawn it-tariffi li għolew b’mod daqshekk qawwi biex sempliċement jagħmlu tajjeb għall-ispiża straordinarja li qed ikollna nidħlu għaliha. Illum il-MEPA kellha bżonn anke numru ta' uffiċjali biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħteġijiet f'dak li għandu x'jaqsam man-normi ambjentali.
L-introjtu tal-Awtorità huwa biss mill-applikazzjonijiet tal-iżvilupp u dan l-introjtu jrid jagħmel tajjeb għall-operat kollu nnifsu. Issa li kieku ngħid li dawn l-ispejjeż se jmorru direttament fil-qasam ambjentali ta' pajjiżna, jiġifieri fejn għandna bżonn fil-widien tagħna jew inkella fil-qasam tal-iskart jew fil-qasam tat-tniġġis tal-ajra, hemmhekk wieħed jifhimha, għax ngħidu mela qed nagħtu kontribuzzjoni għall-ambjent. Imma din l-ispiża hija sempliċement biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż amministrattivi. Ma jagħmilx sens li inti tiġġenera dak l-income minn hemm biss. Il-MEPA jrid ikollha xi introjtu minn x'imkien ieħor li bih tkun tista' tagħmel tajjeb għall-ħteġijiet tal-lum.
Mill-banda l-oħra jekk irridu nitkellmu fuq spejjeż li ddaħħal il-MEPA li jmorru vera għall-ambjent, dawn huma l-urbanimprovement fund, li jmorru fil-lokalitajiet,ul-EIPPs li minnhom imbagħad jintużaw għal proġetti ambjentali. Dawk verament qegħdin imorru lejn il-qasam ambjentali. U rridu ngħidu wkoll li hemm, apparti li n-nies illum se jħallsu spejjeż akbar, qegħdin ukoll nitolbuhom kontribuzzjonijiet oħra ta' garanziji bankarji u kontribuzzjonijiet minħabba l-parking, u allura l-ispejjeż se jogħlew b'mod esaġerat. Jien riċentement kelli persuna li għandha paga daqsxejn iktar minn paga minima u jaħdem f'job adegwat għall-familja,
Dan jixtieq li jag]mel alterazzjonijiet fid-dar għax jgħix ma' ommu f'post u jridu jisseparaw id-dar biex jagħmluha żewġ units, u dan intalab iħallas Lm3,000. Dan qalli minn fejn irrid inġibu dawn it-Lm3,000 biex nagħmel dawn l-alterazzjonijiet? Anke sempliċement parking space iġorr ħlas ta' Lm500. Mela aħna m'aħniex qed nikkalkulaw li l-familji qed iħallsu numru ta' spejjeż oħrajn li se jkomplu jimpattaw ma' dawn it-tariffi? Ejja naraw daqsxejn x'qed iħossu nies hemm barra, mhux sempliċement nagħlqu għajnejna, nagħmlu kappa ma' għajnejna u ma widnejna, ma nagħtux kas u nibqgħu għaddejjin!
Sur President, aħna m'aħniex qegħdin ngħidu lill-Gvern biex ma jagħmilx aġġustament. Ma rridx niftiehem ħażin. Aħna għedna li hemm ċerti tariffi antiki li forsi ma jirriflettux iċ-ċirkostanzi tal-lum, però qatt ma kien il-ħsieb tagħna li naraw dawn it-tariffi jsiru mingħajr studju tal-impatt u mingħajr feasibility study ta' xejn. Dik hi r-realtà li għandna llum. U jien ikolli nirreferi għall-propaganda qarrieqa tal-PN fejn qalulna li aħna rridu nissussidjaw lill-iżviluppaturi. Dan mhuwiex minnu. Aħna rridu li jkun hemm tariffi li soċjalment ikunu ġusti, ambjentalment ikunu bżonnjużi, imma fl-istess ħin ukoll ma rridux insammru lin-nies,qisna qed ngħidulhom tersqux lejn il-MEPA ħalli tieħdu s-servizzi tagħha għax illum il-ġurnata ma tistgħux tħallsu t-tariffi tagħha!
Per eżempju, jien insemmi spiża oħra partikolari li dieħla għaliha l-MEPA u se jħallas għaliha ċ-ċittadin. Hemm canteen li ilu jopera għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, għadu tajjeb sal-lum, u l-MEPA dehrilha li dan il-post għandha tneħħieh minn hemm u titfgħu x'imkien ieħor fl-uffiċini tagħha stess. Hawnhekk se nidħlu għal spiża ta’ ma nafx kemm u se nitfgħuhom fuq in-nies għax issa l-introjtu ewlieni m'għadux il-gvern, imma se jispiċċaw in-nies. Allura għax il-MEPA jidhrilha li trid tbiddel il-canteen għandna nitfgħu l-ispiża fuq it-tariffi? Jekk il-MEPA jidhrilha li fuq is-servizzi ta' mobiles taħli ċertu ammont se nitfgħuhom fuq in-nies ukoll dawn u ma nagħtux kas il-bżonnijiet essenzjali tal-familji? Il-gvern stess is-sena li għaddiet ħafer €4 miljuni jew ma nafx kemm-il miljun lil żviluppatur partikolari li rema' l-iskart ġol-baħar. Kieku il-gvern dawk il-miljuni ta' ewro ġabarhom kif kien fid-dmir tiegħu, kieku dawn it-tariffi kienu jkunu ferm anqas mil-lum. Allura l-gvern qed jissussidja lil żviluppatur partikolari ħalli imbagħad il-poplu jagħmel tajjeb għal dawn l-applikazzjonijiet?
U xi ngħidu għal CPPS funds, il-fondi tal-parkeġġ? Hemm fond li jlaħħaq madwar €14-il miljun, u jien sal-lum għadni nsostni l-kritika tiegħi. Meta ġie l-awditur tal-MEPA, quddiem il-bord tal-MEPA, qalilna li għandna €7 miljuni deficit, u li dawn iridu jinġabru minn x'imkien. Jien staqsejt dwar minn fejn ġejjin dawn il-flus u min se jħallas dawn il-flus, u t-tweġiba kienet li l-ħsieb tal-MEPA kien li tgħaddi €7 miljuni mill-fond tas-CPPS, li nġabru mingħand in-nies, mingħand il-Malta Transport. Mela il-Malta Transport tgħid li dawn se jmorru għall-parking areas li se jagħmlu n-naħa ta' Tas-Sliema u n-naħa tal-Marsa minħabba s-sistema ġdida tat-trasport, imma mbagħad tagħti €7 miljuni lura lill-MEPA f'ċekk biex tkun tista' tibbilanċja l-kotba. Is-CPPS funds kienu jinkludu wkoll il-pedestrian lanes, is-cycle lanes u l-bus stages li kellhom isiru b'mod regolari. Huwa veru jew le li €7 miljuni tal-Malta Transport reġgħu marru għand il-MEPA biex din tagħlaq il-kotba finanzjarji? Jien dik irrid inkun naf. Il-Ministru għandu jgħidilna jekk hux minnu li dawk is-€7 miljun humiex se jintużaw biex ikun hemm l-għeluq tal-kotba finanzjarji!
Sur President, sfortunatament bħalissa mhuwiex żmien li nkomplu ngħabbu l-ekonomija tal-pajjiż b'dan il-mod. Qabel, bennej kont tiġri warajh u biex tqabbdu xi ħaġa trid tibbukkjah minn sitt xhur qabel biex ikun jista' jaqdik fil-ħin minħabba l-ammont ta' xogħol li kien ikollu. Illum nafu li hemm slowdown fil-qasam tal-proprjetà, u r-realtà hi li għandek ħafna nies, speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni li llum qegħdin jitkarrbu għax-xogħol, jiġru wara l-periti u wara l-kuntratturi l-kbar biex jagħtuhom ċertu xogħol fil-qasam tal-bini. L-isfortuna hi li m'aħniex inqisu wkoll li finalment dawn it-tariffi se jħallsuhom iċ-ċittadini komuni, jiġifieri dak li jrid jixtri l-proprjetà, bil-konsegwenza li dawn se jidħlu f'aktar spejjeż, apparti l-loans u t-tariffi l-oħra li jridu jħallsu.
Ir-realtà hija li inti se tolqot anke l-ħaddiem manwali, il-bennej, il-kaħħal, il-bajjad u l-mastrudaxxa permezz ta' dawn it-tariffi. Dawn se jintlaqtu b'mod dirett. B'mod partikolari lili jiġuni f'moħħi anke l-first time buyers li l-prezz tal-proprjetà llum qed tkun ħaġa inkwetanti għalihom. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-proprjetà baqgħet togħla f'dawn l-aħħar snin, però huwa reali wkoll li l-ġebla ftit li xejn għamlet aġġustament fil-prezz tagħha. Il-prezz tal-proprjetà baqa' tiela' għax huwa inflated permezz tal-VAT, inflated permezz tal-capitalgains tax, inflated permezz tat-taxxi tal-boll, inflated ukoll permezz ta' spejjeż oħra li żied il-gvern fuq il-proprjetà u fuq il-bini. Imbagħad ukoll nafu li issa se jkollna inflazzjoni akbar, inflazzjoni ta' permessi tal-bini li se jintalbu lil land consumer biex iħallashom ħalli jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet tal-MEPA.
Ħalli ngħid kif qed jiżdiedu t-tariffi u l-ispejjeż għaċ-ċittadin komuni. Riċentement smajna li l-MEPA qed titlob anke alignment files jew alignment survey ma' kull applikazzjoni, irrispettivament jekk dik l-applikazzjoni għandhiex bżonn alignment file. Jekk, per eżempju, inti qed tagħmel change of use minn class 4 għal class 6, jiġifieri li jkollok ħanut li qabel kien jintuża bħala grocer jew inkella take-away, anke dawn qed jitolbu survey tal-alignment. Issa dan is-survey tal-alignment trid iġġibu jew mingħand il-MEPA jew tqabbad lil xi individwu privat jagħmillek survey. Il-periti stess qegħdin jgħidu li ma jagħmilx sens li fuq numru ta' applikazzjonijiet issa qed nitolbu lin-nies iħallsu għal alignment survey meta dan jirrikjedi aktar spejjeż, barramit-tariffi li se jħallsu. Din hija s-sitwazzjoni tal-lum. Il-MEPA qed tgħidlek tersaqx 'l hemmhekk biex tapplika, m'għandekx għalfejn tiġi għax nafu li se ssib imblokki u anke żidiet u tariffi qawwija li fil-fehma tiegħi se jbatihom il-poplu Malti u Għawdxi.
Jekk iħarsu lejn it-tariffi, li saru esaġerati, insibu li biss biss kellna żieda ta' 600% fil-qasam tal-compliance certificate, jiġifieri dawk iċ-ċertifikati li jkun hemm bżonn biex wieħed ikun jista' jdaħħal is-servizz tad-dawl u l-ilma. Kellna wkoll żieda ta' 1,000% għall-garaxxijiet, jiġifieri jekk xi ħadd ikun irid jagħmel garaxx. Issa hawn mhux l-iżviluppaturi biss ikollhom bżonn jagħmlu garaxx. Naħseb li anke individwu meqjus bħala żgħir li jkun jixtieq jagħmel xi alterazzjonijiet biex jagħmel garaxx ukoll qed nitolbuh ammont qawwi u eżaġerat. Id-Development Notification Orders (DNOs) mhux kollha l-iżviluppaturi jħallsuhom, imma għandek familji li jkollhom bżonn jagħmlu xi kamra fuq il-bejt, jew inkella sempliċement tip ta' xogħol żgħir li jkun jeħtieġ fid-dar. Hemmhekk qed ikollna żidiet ta' aktar minn 400%. Għal estenzjonijiet ta' kmamar għandna żieda ta' 500%. Sempliċement biex tieħu parir tal-MEPA fuq applikazzjonijiet partikolari, jiġifieri sempliċiment screening, se teħel €50. Dan talli tmur tistaqsi u tieħu parir mingħand l-Awtorità! Fejn hija l-kuxjenza soċjali ta' dan il-gvern meta nafu li sfortunatament dawn it-tariffi trid u ma tridx se jimpattaw anke fuq iż-żgħir?
Sur President, fid-dawl ta' dan kollu nsostni li l-gvern huwa maqtugħ minn dak li qed iħoss il-poplu. Il-Gvern juża skużi tal-ambjent biex jieħu miżuri fiskali bħal dawn, bħalma għamel fil-qasam tal-budget fejn qalilna li se ngħollu s-sisa fuq is-siment minħabba l-qasam ambjentali. Tad-daħq tismagħha! Għax ejja ngħiduha kif inhi, din it-tariffa żgur mhijiex se timpatta bil-kbir fuq il-qasam tal-kostruzzjoni, għax biha l-income iġġenerat mill-qasam tal-kostruzzjoni matul is-sena se jvarja b'xi 0.6%, jiġifieri mhux se tkun daqshekk miżura qawwija, imma jidher ċar li hija miżura fiskali. L-istess nistgħu ngħidu għall-miżuri li ġew imposti fuq l-applikazzjonijiet tal-MEPA. Dawn mhux veru saru biex ikollna tariffi soċjalment ġusti jew għall-bżonnijiet ambjentali.
Dawn saru sempliċement biex il-gvern ikollu revenue ħalli din l-Awtorità tkun tista' tibbilanċja l-kotba finanzjarji. Aħna qegħdin nitkellmu fuq awtorità li trid tkun effiċjenti. Imma li sempliċement iżżid it-tariffi b'mod esaġerat mhi l-ebda turija ċara li din l-Awtorità se tbiddel il-viżjoni tagħna fis-servizz li toffri lin-nies. Jidher b'mod ċar li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se ninnotaw li r-riforma għan-nies kienet tfisser spejjeż akbar u burokrazija żejda aktar milli riforma li kellha tindirizza l-effiċjenza u l-bżonn li naraw x'qed iħossu n-nies biex ikun hemm servizz adegwat mhux biss f'effiċjenza imma anke f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Sur President, biex nagħlaq jien qed nitlob lill-gvern jirtira dan l-avviż legali u jerġa' jiddiskuti mill-ġdid. Aħna m'aħniex qed ngħidu li l-gvern jirtira u jibqa' bit-tariffi l-antiki. Aħna qegħdin ngħidulu irtira dan l-avviż legali, ejja niddiskutu mill-ġdid, ejja nikkwantifikaw kemm tiswa' applikazzjoni għall-iżvilupp u lill-poplu nġegħluh iħallas dik il-parti li hemm bżonn li tiġi mħallsa. Imma mhux naqbdu u nipprovaw nibbilanċjaw il-kotba tal-MEPA billi nitfgħu l-piż kollu fuq il-poplu. Lill-gvern qegħdin ngħidulu, ejja nirrevedu u niddiskutu, u aħna lesti li nagħtu l-kontribut tagħna kif tajna wkoll fil-Parlament fejn għamilna tnax-il seduta niddiskutu ħalli naraw kif se ntejbu l-MEPA. Flimkien nistgħu naslu għal soluzzjoni aħħarija anke b'konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin, mal-periti, mal-Kamra tal-planners umal-kumitat tal-utenti, li huwa kumitat li għandu rabta qawwija mal-mod kif jaħdem anke mal-MEPA. Għaldaqstant, Sur President, jien nipproponi li din il-mozzjoni tkun approvata.