Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 355,11 Kb.
səhifə3/5
tarix10.02.2018
ölçüsü355,11 Kb.
#42589
1   2   3   4   5

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Qabel ma ngħaddi biex insejjaħ lill-Onor. Joe Falzon, inħoss li huwa d-dover tiegħi li nilqa' lill-Onor. Chris Said hawnhekk bħala Segretarju Parlamentari mill-ġdid u nwiegħdu li nibqa' nagħmillu ħafna domandi fuq il-kunsilli lokali!
L-Onor. Joe Falzon.
ONOR. JOE FALZON: Sur President, jien ningħaqad miegħek ukoll u mal-Kamra sabiex nifraħ lill-Onor. Chris Said. Jien inzertajtu dieħel fil-parlament u għaldaqstant kont awgurajtlu diġà.
Sur President, dan huwa dibattitu interessanti ħafna u tajjeb li wieħed jispjega wkoll il-mod ta' kif inhuma imposti t-tariffi. Irridu nirrikonoxxu li t-tariffi, meta teħodhom mil-lat globali, jiġifieri meta tieħu r-rati kollha, tgħid li dawn veru għolew minn kif kienu qabel, però mbagħad hemm diversi konklużjonijiet li l-Oppożizzjoni sfortunatament tasal għalihom b’mod mgħaġġel fil-mozzjoni li ppreżentat. Għalhekk wieħed ma jistax jaqbel mal-mozzjoni kif ġiet ippreżentata għax din mhux biss tattakka ż-żieda tat-tariffi imma tattakka aspetti oħra ukoll. Per eżempju, tattakka l-inġustizzja soċjali u ssostni li hemm l-ineffiċenzji fil-MEPA. Dan kollu nistgħu niddiskutuh, però ma nistax nifhem kif din il-mozzjoni ma saritx biss dwar l-avviż legali li jittratta dawn it-tariffi.
Sur President, il-avviż legali li għandna quddiemna jaqsam it-tariffi fi tliet kategoriji. Għandek it-tariffa li tirrigwarda d-development permit, it-tariffa dwar l-istreet contribution u dik tal-main sewer contribution. Irridu nirrikonoxxu lkoll li l-iżvilupp iġib miegħu impatt kbir kemm fuq it-toroq kif ukoll fuq l-infrastruttura u ma nistgħux konvenjentement naqtgħu dawn mill-equation tat-tariffi l-ġodda. Irridu nirrealizzaw li kull żieda ta' żvilupp tkun tfisser domanda ikbar fuq id-drenaġġ u fuq it-toroq tagħna u allura rridu li parti minn dawk it-tariffi tmur għal dawn is-servizzi ta' infrastruttura. Allura kif jista' jkun tiġi tgħid li din hija taxxa inġusta u li din intefgħet fuq il-konsumatur biex tagħmel tajjeb għall-ineffiċjenzi li hemm fil-MEPA? Fl-istess waqt ma nirrikonoxxux li d-development permit fee hija parti żgħira ħafna ta' dawk it-tariffi. Ma nistgħux nattribwixxu kollox lill-MEPA u sempliċement ngħidu li t-tariffi huma daqshekk għoljin minħabba l-ineffiċjenzi tagħha.
Fil-mozzjoni tal-Onor. Galdes, li barra milli kollega parlamentari huwa kollega fuq ix-xogħol u fil-bord tal-MEPA wkoll, jingħad li dawn it-tariffi l-ġodda huma fil-maġġoranza tagħhom eċċessivi, fil-biċċa l-kbira soċjalment inġusti u se jitfgħu piżijiet ġodda fuq il-familji Maltin u Għawdxin, fosthom dawk il-persuni li se jixtru jew se jirranġaw l-ewwel dar tagħhom. Jien ma nistax nifhem kif saret din l-analiżi. Dan qed ngħidu għax id-development permit fee ta' units residenzjali ġodda u appartamenti naqsu u mhux żdiedu. L-ewwel ħaġa li għamilna kienet li naraw li kemm jista' jkun inkunu ċerti li ma ngħabbux lill-familji b'dik li hija amministrazzjoni tal-MEPA fejn għandha x’taqsam id-development permit fee.
Per eżempju, id-development permit fee għal one-bedroom apartment ta' 45 metru kwadru bit-tariffi l-ġodda hija €55.80 fejn bir-rati l-qodma kienet €163. Dan hu tnaqqis sostanzjali. Għal two-bedroom apartment ta' 78 metru kwadru, bit-tariffi l-ġodda l-ħlas huwa €96 u qabel kien €163. Three-bedroom apartment ta’ 96 metru kwadru, bit-tariffi l-ġodda il-ħlas huwa €119 u qabel kien €163. Allura meta nippreżentaw mozzjoni għaliex ma nħarsux lejn dawn l-affarijiet ukoll? Għaliex ma nkunux ġusti mal-ħaddiema tal-MEPA? Xi kultant nippretendu wisq anke mill-ħaddiema tal-MEPA! L-ewwel nett nafu x-xogħol kbir li qegħdin jagħmlu, u t-tieni nafu wkoll li bit-tariffi kif kienu u bid-domanda kbira ta' xogħol huwa impossibbli li l-MEPA tista' tiġi self-financed.
Mr Speaker, il-ħlas marbut ma’ ħafna applikazzjonijiet kien €23.29. Kif jista’ wieħed jippretendi li jsir il-vetting ta' dik l-applikazzjoni, tippubblika dik l-applikazzjoni, tipproċessaha mil-lat tekniku u mil-lat amministrattiv u tasal għal deċiżjoni b’dan l-ammont ta’ €23.29!? Dan barra l-ħin li għandek biex din titla' quddiem il-bord darba, darbtejn jew kemm hemm bżonn. Allura mbagħad kif ngħidu li hemm ineffiċjenzi kbar lill-MEPA? Għalfejn qed nattribwixxu din l-ineffiċjenza kollha lill-ħaddiema tal-MEPA? Jiena minn hawnhekk insellem lill-ħaddiema tal-MEPA u ngħid li sinċerament jiddispjaċini li għandna mozzjoni li tiżgwidak u tbiegħdek ħafna mill-verità. Fil-mozzjoni kollha l-attenzjoni hija mitfugħa fuq l-ineffiċjenzi li hemm fil-MEPA u fuq li t-tariffi huma soċjalment inġusti, mentri l-affarijiet huma bil-maqlub, u dan bil-provi li wieħed jista' jiċċekkjahom faċiliment.
Jien niskanta wkoll, per eżempju, kif ma jistgħux jaqblu mal-prinċipju involut f'dawk li huma development permit fee, street contribution u main sewer contribution. Ma nafx għalfejn l-Oppożizzjoni ma taqbilx li dawn għandhom isiru abbażi ta' fee per square metre. Hawnhekk aħna qegħdin nindirizzaw anomalija kbira. Kif kienet qabel, jekk jien għandi appartament ta' 45 sq. meters li huwa l-iżgħar appartament li jista' jkolli bħala one-bedroom apartment, dak kien iħallas l-istess development permit fee, l-istess main sewer contribution, l-istess ukoll street contribution daqs l-ikbar appartament immaġinabbli, anke jekk kien fih 1,000 metru kwadru!
Allura din tagħmel sens? L-Oppożizzjoni tgħidilna li taqbel mal-polluter pays principle. Kif allura ma taqbilx ma' dan il-prinċipju fundamentali li min jagħmel impatt ikbar fuq l-ambjent għandu jħallas aktar? Kif allura ma nistgħux naqblu li jkollna tariffa li tinqaleb minn fuq il-kunċett ta’ unit based għal xi ħaġa li hija bbażata on a fee per square metre? Dażgur li għolew it-tariffi. Jien ma nistax ngħid li t-tariffi huma orħos minn kemm kienu qabel, imma qgħadna attenti li d-distribuzzjoni ssir b’mod soċjalment ġust, issir fuq il-bażi li jekk inti tkun qed tagħmel impatt aktar fuq l-ambjent tħallas aktar.
Hawnhekk nitħaddtu ħafna - u tajjeb li nagħmlu hekk - fuq sostenibbiltà fl-iżvilupp. Jien naqbel li nżommu l-prinċipju tas-sostenibbiltà dejjem u kullimkien għax huwa importanti, però rridu nifhmu wkoll li biex aħna nimmaniġġjaw l-iżvilupp f'pajjiżna jrid ikollna wkoll sistema effiċjenti ta' kif tamministra l-istess żvilupp. Irid ikollna sistema effiċjenti wkoll ta' kif tagħmel studji tekniċi professjonali marbutin mal-ambjent u mal-iżvilupp li llum jidħlu f’ħafna u ħafna dettal. Allura jekk id-domanda f'dak li huwa input tekniku u professjonali żdiedet ħafna, kif nistgħu nippretendu li nibqgħu bil-fees antiki li kellna, li rrid ngħid li anke dak iż-żmien ma kenux ġusti, però kienu sussidjati? Tant hu hekk li f’kull budget, sena wara sena, konna niġu hawnhekk u nissussidjaw parti sostanzjali mill-operat tal-MEPA b’€6 miljuni jew €7 miljuni fis-sena.
Jiena hawn indur fuq il-poplu Malti u nistaqsih: Dawk is-€6 miljuni jew €7 miljuni fis-sena mhux aħjar ninvestuhom fl-edukazzjoni, fl-affarijiet soċjali, fis-saħħa u fl-ambjent milli npoġġuhom hemmhekk minħabba li t-tariffi mhumiex verament jirriflettu l-iżvilupp li qed isir? Jiena perit fil-professjoni u ħafna mill-kollegi tiegħi fl-Oppożizzjoni wkoll huma periti u lkoll irridu nifhmu li ċerti tariffi kienu verament irħas. Kif diġà għedt, uħud kienu ta’ €23.29! Sakemm inti ddaħħal applikazzjoni biex tiġi eżaminata jekk hijiex tajba jew le, ibqa' ċert li dawk it-€23.29 ikunu diġà ntefqu mill-ħaddiema tal-MEPA! U hawnhekk kulħadd jaf jagħmel il-kalkoli u kulħadd jaf x'inhu ġust u x'inhuwa inġust. Qed ngħid dan biex inpoġġu kollox f'perspettiva, għax mhuwiex fair li tgħid li kien hemm żieda sostanzjali meta fl-istess ħin ma tgħidx dik iż-żieda għal xiex marret. Ma rridux ninsew li kien hemm sussidju qawwi mill-budget nazzjonali biex ikopri l-amministrazzjoni tal-MEPA.
Forsi jista’ jingħad li wieħed kellu jtaffi ftit iżjed minn fuq l-agrikoltura u jżid fejn għandna iktar impatti. Dawk l-argumenti dejjem jistgħu jsiru. Forsi tajjeb li wieħed ikun miftuħ għal dawk is-suġġerimenti, imma rridu nifhmu wkoll li minn dawk it-tariffi li jkunu qegħdin jitħallsu jrid isir l-enforcement. L-enforcement li huwa meħtieġ li jsir min għandu jħallas għalih? Hemm numru kbir ta' uffiċjali fl-enforcement section tal-MEPA li jissorveljaw dawk l-inħawi fejn ikun qed isir l-iżvilupp, jieħdu azzjoni fuq abbużi ta’ rimi ta’ skart b’mod illegali, u ġeneralment ikunu viġilanti biex jissalvagwardjaw l-ambjent f'pajjiżna. Dak għaliex m'għandux iħallas għalih min tassew qiegħed jagħmel l-iżvilupp?
Mr Speaker, wara kollox l-enforcement huwa relatat direttament mal-ħtieġa li tikkontrolla fejn l-iżvilupp qed imur lil hinn minn dak li hu permess. F'din il-Kamra m’ilux kellna d-dibattitu dwar ir-riforma tal-MEPA li tant kellna bżonn. Hemmhekk aġġustajna anke l-multi li huma marbuta mal-enforcement f'pajjiżna. Illum m'għandekx għodda biżżejjed biex timmulta jew biex tippenalizza lil dak li qiegħed jagħmel il-ħsara ambjentali jew lil dak li jagħmel bini illegali. Hija redikola li l-akbar multa li tista' timponi l-MEPA hija Lm1,000! Imma hemm xi ħadd li din il-multa jaraha ta' deterrent biżżejjed biex l-iżvilupp illegali ma jsirx?
Biex nibqa' fuq il-linja tal-enforcement u tal-industriji li għandna f'pajjiżna ukoll, bħalissa għaddejja kontroversja kbira dwar dannu ambjentali li seta' sar minn industrija tal-films li taħdem f'pajjiżna fuq iż-żona tad-Dwejra. Ilbieraħ, u ma jimporta xejn billi niżvela dan, konna qed niddiskutu din l-issue fil-bord tal-MEPA, u bdew iqumu suġġerimenti tajbin mill-membri tal-bord u anke mill-Onor. Galdes u minni stess. Konna qed nippruvaw naraw x'inhuma r-riskji marbuta ma' din l-industrija. Ċertament irridu li din l-industrija tibqa' topera f'pajjiżna u tibqa’ tiġbed iktar xogħol f'pajjiżna għax nafu li għandha value added kbir marbut magħha.
Nafu wkoll li attivita' bħal dik tiġġenera xogħol speċjalment fil-gżira ta' Għawdex, fejn ma' kull min titkellem jgħidlek li ra ċaqliqa sostanzjali bħala riżultat ta' ġbid ta’ xeni għal dan il-film fil-gżira Għawdxija. Uffiċjali tal-MEPA stess għamlu suġġerimenti tajbin bħal, per eżempju, li nibdew nikkonsidraw li minn dħul ġenerat minn din l-industrija nwaqqfu fond għar-restawr tal-fortifikazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf fi promozzjoni għall-industrija tal-films stess u wkoll għall-għarfien tal-patrimonju storiku u kulturali ta’ pajjiżna fil-qasam tat-turiżmu. Huwa tajjeb li jkun hemm dawn l-inċentivi għax minbarra li l-industrija tal-films f'pajjiżna tissaħħaħ u tiġġenera aktar attività ekonomika, tkun qiegħda wkoll tagħti kontribut qawwi għall-apprezzament tal-ambjent naturali f'pajjiżna.
Irrid ngħid ukoll li huwa importanti li jkollna moniteraġġ tajjeb tal-ambjent u tar-restawr f'pajjiżna. Dawn, fl-aħħar mill-aħħar, mhux bilfors li jridu jsiru mir-riżorsi li għandha l-MEPA. Dan qed ngħidu għax irridu nirrikonoxxu li l-input mill-ħaddiema tal-MEPA qed ikun ħafna u ħafna ikbar u marbut miegħu ovvjament għandek l-ispejjeż. Dan hu li rridu nifhmu, għax forsi ma napprezzawx biżżejjed l-input tekniku li jsir mill-MEPA f'dawk li huma pjanijiet lokali u studji ambjentali sabiex isiru l-policies f'pajjiżna. Għaldaqstant nappella biex nipprovaw ninkwadraw kollox fil-kuntest tiegħu.
Jekk għandek bżonn ta' updating tal-policies, ta' iżjed input fil-pjanijiet lokali u ta' iżjed studji ambjentali sabiex tkun tista' tevalwa tajjeb l-applikazzjonijiet sabiex tieħu deċiżjonijiet fuqhom, huwa ovvju li dan irid ikun finanzjat mid-development permit fee. Jien naħseb li min qed jismagħna jibda jistaqsi kif aħna ma nistgħux naqblu fuq ħaġa bażika bħal din! Għax allura jien indur fuq il-poplu Malti u ngħidlu li l-għażla l-oħra hi li nibqgħu kif konna u minflok dak l-input tekniku jħallsu min qiegħed jiżviluppa jibda jħallsu t-taxpayer li m'għandux x'jaqsam mal-iżvilupp, u jibda jħallsu anke dak li forsi qatt ma bena.
Mr Speaker, mil-lat finanzjarju, il-bottomline huwa wieħed, li dan il-kont xi ħadd irid iħallsu. L-ispiża relatata mal-istudju u l-input tekniku li jsiru mill-ħaddiema tal-MEPA b'xi mod jew ieħor trid titħallas. Issa d-domanda hija jekk il-kont iħallsuhx dawk in-nies li qegħdin jagħtu l-input fuq l-ambjent, dawk li qegħdin jaffettwaw l-ambjent, dawk li qegħdin jimpinġu b'xi mod jew ieħor fuq l-ambjent tagħna jew l-art tagħna, jew inkella jekk iħallsux iċ-ċittadini komuni, it-taxpayers komuni li m'għandhomx x'jaqsmu mal-iżvilupp. Din hija d-domanda li għandna quddiemna, u din hija r-raġuni li wasslet sabiex isiru dawn it-tariffi partikolari.
Jien ma rridx intawwal, però tajjeb ukoll li nisimgħu x'inhi l-veduta tal-Oppożizzjoni rigward l-input tekniku li hemm bżonn min-naħa tal-MEPA, x'inhija l-proposta tal-Oppożizzjoni dwar l-input amministrattiv li hemm bżonn min-naħa tal-MEPA u x'inhi l-politika tal-Oppożizzjoni rigward dawn il-units residenzjali għal first-time buyers li t-tariffi għalihom qegħdin jorħsu. Allura dawn nerġgħu ngħolluhom? Jekk qed ngħidu li mill-aspett kummerċjali dawn ir-rati huma għoljin, biex inbaxxuhom irridu jew nagħtu sussidju u noħorġuh mill-budget nazzjonali jew inkella ngħollu l-fee marbuta mal-first time buyers u mal-units residenzjali. Dawn huma d-domandi li finalment għandha quddiemna f'din il-Kamra.
Irrid ngħid li dawn it-tariffi jindirizzaw ċerti anomaliji li kien hemm qabel. Aħna kellna każ fejn alterazzjonijiet f’bini residenzjali jiswew biss €35, irrispettivament jekk huwiex unit żgħir ta' 45 metru kwadru jew jekk hijiex villa residenzjali. Din it-tariffa l-ġdida skont dan l-avviż legali qiegħda tindirizza dawk l-anomaliji. Issa ta’ min jgħid li dawn it-tipi ta’ applikazzjonijiet jirrikjedu proċess kultant iżjed komplikat minn full development application. Ovvjament naf x'qed ngħid għax nagħmilhom jien ukoll fil-kuntest tal-professjoni tiegħi. Kelliema mill-Oppożizzjoni jagħmluhom ukoll. Imma nistgħu xi darba nirrikonoxxu u naqblu li b'€35 ma’ jitħallasx il-proċess tal-MEPA!?
Sur President, nagħlaq billi ngħid li matul is-snin il-gvern kopra ħafna mill-ispiża relatata mal-amminstrazzjoni tal-ambjent f'pajjiżna permezz ta’ sussidji, u naħseb li wasal iż-żmien sabiex issir iżjed ġustizzja fil-mod ta’ kif verament għandhom jiġu aġġustati dawn it-tariffi l-ġodda u minn min għandhom jitħallsu. Irridu nagħmlu ġustizzja wkoll mal-ħaddiema tal-MEPA u mal-proċess kollu li jsir fi ħdan il-MEPA. Irridu nirrikonoxxu wkoll li ħafna minn dawk il-fees li jitħallsu mal-applikazzjoni, kważi kważi tliet kwarti minnhom huma relatati ma' toroq u ma' servizzi tad-drenaġġ. Din il-Kamra ma tistax tgħid li dawn huma kollha flus li jmorru għand il-MEPA sabiex tagħmel tajjeb għal qtugħ tas-sussidji li kienet tingħata qabel. Lanqas nistgħu ngħidu li din iż-żieda fit-tariffi hija attribwita għall-ineffiċjenza u għall-burokrazija fil-MEPA, għax inkella nkunu verament inġusti u nkunu qed ngħaddu messaġġ ħażin lil min qed jismagħna. Grazzi, Mr Speaker.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Charles Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sur President, smajt b’interess id-diskors li għamel l-Onor. Falzon, però naħseb li jkolli ma naqbilx miegħu dwar ħafna u ħafna punti li għamel, u mhux biss f’dawk tekniċi. Per eżempju, għadu kemm qal li l-alterazzjonijiet fid-djar jieħdu daqs a full development application. Ma jeħdux! DNO tieħu ħafna inqas. Imbagħad beda l-argument tiegħu billi qal li l-Oppożizzjoni qed tikkritika l-fatt li dawn il-fees se jogħlew għax se ngħollu l-kontribuzzjoni li wieħed iħallas biex jagħmel id-drenaġġ u jibni t-toroq. Ħadd mhu qed jitkellem fuq hekk. Din ma nafx minn fejn ġabha. Jiena dejjem għedt f’dan il-Parlament li l-gvern għandu jiġbor dak li hu bid-dritt tiegħu għall-bini tat-toroq u biex jissupplixxi s-servizz tad-drenaġġ, jiġifieri jekk kien hemm bżonn li l-fees jiġu emendati biex inħallsu għat-toroq u għad-drenaġġ. Fuq din ħadd mhu qed jargumenta. Aħna qed nargumentaw fuq il-fees li tieħu l-MEPA biex wieħed jagħmel applikazzjoni u qegħdin nikkritikaw il-mod kif saru dawn il-fees.
Aħna mhux qed nikkritikaw biss ir-rata li ġiet stabbilita imma anke l-mod kif jiġu kkalkolati l-kontijiet. Ingħatajt inkargu minn klijent tiegħi sabiex nagħmel analizi komparattiva tal-fees li qed jiċċarġjaw il-MEPA llum u dawk li kienu jiċċarġjaw qabel. L-ewwel nett, mhux veru li l-aħħar darba l-MEPA rrevediet il-fees kien fl-1993. L-aħħar reviżjoni tal-fees saret fis-sena 2000. Jiena għandi l-legal notice hawnhekk u nista’ nikkwota minnha. Din hija Legal Notice 275 tas-sena 2000, u kien dakinhar li ġew riveduti l-fees u mhux fl-1993. Issa hawn irridu ngħidu wkoll li mis-sena 2000 sas-sena 2010 l-ispending power tan-nies naqas, mhux żdied. Għalhekk, li noqogħdu ngħidu li għaddew għaxar snin u allura rridu ngħolluhom għax ma jirriflettux l-ispejjeż ta’ llum ma naħsibx li huwa argument tajjeb. Jiena naqbel mal- argument tal-Onor. Falzon li ċerti fees kienu baxxi u riedu jiġu riveduti. Veru, kien hemm fees li kienu baxxi ħafna. Il-compliance certificate, per eżempju, kien Lm10, jiġifieri kien baxx. Nifhem li kellhom jiġu riveduti anke ċerti fees oħrajn, però dan ma jfissirx li kellu jiġi rivedut kollox bil-mod kif ġie rivedut.
L-analizi fuq dawn il-fees għamiltha l-iktar għal mod kif se jaffettwaw il-binjiet kummerċjali u għal mod kif se jaffettwaw lill-kunsilli lokali. Fejn jidħol il-bini kummerċjali se nagħti eżempju reali ta’ x’ġara issa meta ġew riveduti l-fees. Kelli applikazzjoni ta’ klijent tiegħi biex jagħmel boatyard. Biex tagħmel boatyard ikollok biċċa art, tagħmilha hard standing, tagħtiha l-konkos u forsi tibni garage fiha fejn tagħmel il-maintenance tal-boats, imma b’mod ġenerali it is an open storage area. Din kellha area ta’ 7,000 metru kwadru, PA No. 385 tas-sena 2009. Jekk iridu jistgħu jiċċekkjawha l-MEPA. Bagħtulu kont qabel ma ġew introdotti l-fees il-ġodda li jrid iħallas €16,400 tal-applikazzjoni. Dan il-fee raha għolja, dam jittituba u ma ħallasx.
Issa jrid jerġa’ jmexxi l-applikazzjoni ‘l quddiem, reġa’ applika, u tafu kemm ġiet l-fee minn €16,400, Onor. Falzon u Onor. de Marco? Fuq boatyard qegħdin nitkellmu, post li naħseb li għandna bżonn bħala pajjiż jekk nemmnu fil-yachting industry. Tafu kemm ġiet il-fee minn €16,400? €211,000! Din x’ġustizzja hi!? Din hi l-ġustizzja ma’ min irid joħloq ix-xogħol f’dan il-pajiż? Lis-sinjuri hemm wara tajthom il-PA number. Jistgħu jiċċekkjawha, jekk iridu. Naturalment dan lanqas se jibda u qalli biex ninsa l-proġett. Issa boatyard mhijiex xi attività kummerċjali li trendilek ħafna. Hija profittabbli, imma profittabbli bil-limitu tagħha. Għal boatyard għandek bżonn l-ispazju, ma tistax tagħmilha f’kamra żgħira. Għandek bżonn il-kobor.
Niġi issa għall-argument li għamel l-Onor. Falzon meta qal li issa qlibna kollox fuq l-isquare metreage. Tajjeb, imma l-MEPA issa kif qed tikkalkulahom il-fees bl-isquare metreage? Fejn qabel konna nikkalkulaw il-fee fuq kemm ikollok roofed area, issa qed nikkalkulaw ir-roofed area u l-open area. Mela jekk qabel kien ikollok boatyard b’garaxx li jkun fih 300 metru kwadru, kienu jikkalkulawhielek fuq 300 metru kwadru u l-bqija kienu jikkalkulawha b’rata differenti. Issa qed nikkalkulawha l-open area u dak li huwa msaqqaf bl-istess rata. Il-parti l-kbira ta’ boatyard is an open storage area, u kull m’għandek huwa hard standing. Meta tikkalkulaha bl-€10 kull metru kwadru għall-kummerċ u żżid magħha l-infrastructure charge titlagħlek fuq 7,000 metru u l-fee tiġik €211,000. Jiena nappella lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari biex iħarsu lejn din il-kalkolazzjoni sew għax se twaqqaf l-industrija. Jiena mhux qed nattakka r-rata kull metru kwadru imma qed nattakka kif qed tiġi applikata meta l-open areas u roofed areas qed tagħmilhom bl-istess rata. Jiena qed nappella dwar dan bħala perit prattikanti.
Tafu kemm se tqum biex tapplika għal corporate village? Intom qed tgħidu li corporate village fih 130,000 metru kwadru ta’ uffiċini, barra l-open areas. Biex tapplika għal corporate village, jekk tgħodd id-drenaġġ, it-triq u l-fee tal-MEPA b’€20 kull metru kwadru trid tħallas bejn wieħed u ieħor €2.6 miljuni bla ma tqis l-open area. Ma nafx kemm huma kbar l-open areas tal-corporate village. Li naf huwa dak li ntqal fil-mezzi tax-xandir li għandek 130,000 metru kwadru ta’ uffiċini, jiġifieri roofed area biss, li se tqum €2.6 miljuni bix tapplika għaliha. Qabel, Sur President, kif taf inti, dawn kienu jkunu capped. Meta taqbeż ċertu ammont, mingħalija kien Lm350,000, kien ikun capped l-ammont li tiċċarġja bħala tariffa tal-MEPA. Illum mhuwiex capped iktar. Taħseb li dan huwa inċentiv għal min irid jinvesti f’dan il-pajjiż li titolbu dan l-ammont ta’ flus? Naf li hija applikazzjoni kumplikata, imma se nonfqu daqshekk flus biex nipproċessaw din l-applikazzjoni? Dawn huma l-affarijiet li rridu nħarsu lejhom.
Sur President, sieħbi l-Onor. Roderick Galdes tkellem tajjeb ħafna dwar kif se jiġi effettwat iż-żgħir. Apparti t-tariffi, dawn iridu jimpjegaw ruħhom ma’ xi ħadd fil-kummerċ, ma’ min irid iġib l-industrija u ma’ min irid jagħmel attività kummerċjali f’dan il-pajjiż. Jekk in-negozjanti se nittrattawhom b’dan il-mod, jekk se nitolbuhom dawn il-flejjes, min se jiġi jinvesti hawn Malta? Dan se jkun musmar ieħor kbir, apparti l-burokrazija tal-MEPA. Qabel kellna l-musmar kbir tal-burokrazija tal-MEPA li sal-lum għadu hemm! Naf li r-riforma li tmur online bdiet issa, imma esperjenzi kelli, u naħseb li kellhom ukoll sħabi l-Onor. Ċensu Galea u l-Onor. Falzon, li juru li l-burokrazija għadha hemm. Din il-ġimgħa stess, per eżempju, klijenti jirċievu ittri mingħand il-MEPA - jgħidulhom call letters - biex jagħmlu xi emenda fl-applikazzjonijiet tagħhom, jgħidulhom li kopja ta’ din l-ittra bagħtuha lill-perit tagħhom, imma l-perit ma jkun irċieva xejn. Kelli żewġ każi din il-ġimgħa ta’ nies li jirċievu call letters u l-perit ma jirċevihomx. Hemmhekk għandek il-problema tal-burokrazija tal-MEPA li ma taħdimx tajjeb. U issa għall-investituri se nżidu wkoll il-fees tal-MEPA!
U issa ngħaddi għall-kwestjoni ta’ kif dawn ir-rati l-ġodda jaffettwaw lill-kunsilli lokali li jaħdmu bil-flus li jagħtihom il-Gvern. Dawn ukoll għandhom bżonn jagħmlu applikazzjonijiet lill-MEPA, iktar u iktar illum meta l-kunsilli lokali, b’mod tajjeb, qegħdin jipprovaw jaraw kif jagħmlu biex jieħdu fondi mill-Unjoni Ewropea taħt diversi programmi. Ħafna minn dawn il-proġetti li jagħmlu l-kunsilli lokali permezz ta’ dawn il-fondi mill-Unjoni Ewropea mhumiex żgħar għax mhux se jmorru japplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropea għal proġett li jiswa €10,000! Normalment japplikaw għal proġetti ambizzjużi ħafna. Ħafna drabi jkunu proġetti ta’ natura ambjentali li jkunu ta’ ċertu daqs. Kif għamilna issa t-tariffi tal-MEPA, il-kunsilli lokali se jiġu penalizzati ħafna, għax meta jkollok proġett ta’ ċertu daqs u r-rata qiegħda per square metre, allura meta l-kunsilli lokali japplikaw se jkunu fost l-iktar nies li se jkunu penalizzati.
Fost l-iktar applikazzjonijiet li huma komuni li jagħmlu l-kunsilli lokali u hawn se nitkellem biss fuq il-building levy - qed inħalli barra l-infrastructure charge - huma l-advertisements. Biex tagħmel advertisment 6 bi 3 metri, applikazzjoni li qabel kienet tiġi tiswa €838, illum saret €2,450. Jekk il-proġett huwa ta’ landscaping u affarijiet bħal dawn jidħol l-engineering. Dawn illum il-ġurnata bejn wieħed u ieħor telgħu erba’ darbiet iktar milli kienu qabel. Għal temporary structures, per eżempju, jew use of land, l-ispiża telgħet minn €174 għal €2,270. Emendi għall-application, compliance u DNOs jagħmlu ħafna. Dawn huma tip ta’ applikazzjonijiet li jagħmlu l-kunsilli, u l-iktar li għolew huma l-engineering applications, u huma proprju dawk l-iktar li jagħmlu. Dan x’ifisser? Ifisser li se jkun hemm jew domanda ikbar fuq il-Gvern min-naħa tal-kunsilli biex jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż żejda li daħlu għalihom minħabba l-impożizzjoni tat-tariffi ġodda jew se jkollhom jaraw minn fejn iġibu dawn il-fondi sabiex jagħmlu tajjeb għal dawn iż-żidiet.
Ħaġa li ma ssemmietx hawnhekk u rrid inqajjimha hija l-kwestjoni tal-operat tal-MEPA. L-operat tal-MEPA huwa li l-perit japplika online, jiġifieri l-pjanti tibgħathom lill-MEPA permezz tal-computer u mhux tagħtihom il-prints. Il-MEPA se tagħmel il-prints hi meta jkollha l-bżonn. Hawnhekk ukoll, il-MEPA għandha rati li trid tiċċarġja għall-prints li tagħmel, imma dan se jkun cost ieħor fuq in-nies li se jkunu qed japplikaw. Apparti li l-fees, il-building levies u l-infrastructure charges ġew riveduti, issa għandek l-ispejjeż tal-prints li trid tiċċarġja l-MEPA fuq kull applikazzjoni, u għandek l-ispejjeż tal-pre-screening li jammontaw għal €50. Huwa veru li €50 mhumiex ħafna, imma meta tgħodd kollox flimkien dawn se jitilgħu. Irridu noqogħdu attenti kif nagħmlu l-affarijiet. Issa ejja nieħdu każ ieħor, li hu każ residenzjali.
Sur President, qed ikollna ħafna applikazzjonijiet ta’ nies li għandhom, per eżempju, washrooms fuq il-bejt li se jwaqqagħuhom u jibnu penthouse. Apparti l-kwestjoni li dawn biex jibnu l-penthouse għandhom fee kbira, issa daħħalna fee ġdida tad-demolition. Fil-każ ta’ penthouse, jekk inwaqqgħu żewġ washrooms u l-area tagħhom tkun iktar minn 20 metru kwadru u l-washrooms ikunu iktar minn 20 metru kwadru, dawn għandhom fee oħra ta’ madwar €2,100 tad-demolition. Fejn se naslu f’dan il-pajjiż meta qed ngħidu li fejn għandek demolition ta’ iktar minn 30 metru kwadru se niċċarġjaw €2,100?
Jiena mhux qed ngħid li m’għandniex niċċarġjaw, imma ejja nagħmlu l-affarijiet b’mod raġjonevoli. Jiena naħseb li dawn il-fees saru bil-għaġġla. Ma tawx biżżejjed kas tal-effett li se jkollhom mhux biss fuq min irid jixtri imma anke fuq in-nies li qegħdin fil-kummerċ, fuq min irid jagħmel investiment fl-industrija, kif ukoll fuq il-kunsilli lokali. Is-suġġeriment tiegħi huwa li l-applikazzjoni ta’ dawn it-tariffi tiġi sospiża. Aħna għandna kumitat fi ħdan il-Parlament li jara l-operat tal-MEPA, u dawn jiġu diskussi hemmhekk. Naħseb li filwaqt li kulħadd jaqbel li hemm bżonn li ċerti fees jiġu riveduti ‘l fuq, il-mod kif sar l-eżerċizzju se jispiċċa jwassal għal brejk kbir fuq l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Grazzi. Sur President.
Yüklə 355,11 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin