Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 355,11 Kb.
səhifə4/5
tarix10.02.2018
ölçüsü355,11 Kb.
#42589
1   2   3   4   5

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, qabel xejn inħobb nara fejn qed naqblu u nibdew minn dak il-punt tat-tluq. Jekk nieħu d-diskors li għamel il-kollega u ħabib tiegħi l-Onor. Charles Buhagiar naraw li l-Oppożizzjoni stess qed taqbel mal-Gvern li kien hemm bżonn li t-tariffi tal-MEPA jiġu riveduti. Jekk nagħmel riferenza għal dak li qal l-Onor. Roderick Galdes, jidher li qed jaqbel li hemm ix-xewqa taż-żewġ naħat tal-Kamra li l-MEPA tkun self-financed. Fir-realtà l-Onor. Galdes ma kienx l-ewwel wieħed li għamel dan it-tip ta’ diskors. Lanqas ma kont jiena li għamiltu, imma kien għamlu wkoll l-Onor. George Vella li dak iż-żmien kien ministru responsabbli għall-ambjent u li taħtu kienet taqa’ r-responsabbiltà tal-MEPA, dak iż-żmien il-Planning Authority. F’diskors li kien għamel fis-16 ta’ Lulju tal-1997 kien qal hekk:
“Bħalma qed naraw hemm ħafna units u ħafna xogħol li jiena ċert li ħafna nies li jsemmu l-Planning Authority lanqas biss għandhom idea li dan qed isir hemm ġew. Din hija xi ħaġa li nistgħu niġu għaliha iktar ‘il quddiem meta forsi wieħed jista’ jistaqsi: Il-Planning Authority għandha bżonn il-fondi tal-gvern? Għaliex ma tiġġenerax biżżejjed qligħ għaliha nnifisha biex tkun tista’ tgħix mingħajr ma jkollha sovvenzjoni tal-gvern?”.
Naħseb li dan għandu jkun il-punt ta’ partenza ta’ dan id-diskors kollu. Hawnhekk qed ngħidu: Huwa ġust li l-ispiża tal-MEPA tkun self-financed mill-MEPA stess jew l-ispiża tal-MEPA għandha tkun issussidjata mit-taxxi tal-poplu li forsi lanqas jagħmlu użu mis-servizz tal-MEPA?
Il-ħabib tiegħi l-Perit Michael Falzon li rrid insellimlu bħala kollega li ħadem u jibqa’ jaħdem fl-interess nazzjonali kif ukoll kien il-ministru li ressaq f’dan il-Parlament il-leġislazzjoni li waqqfet l-Awtorità tal-Ippjanar, din il-ġimgħa qal f’intervista li għamel ma’ “The Times” li l-miżien tal-MEPA qed ixaqleb iktar lejn il-pubbliku u l-għaqdiet ambjentali u inqas lejn l-iżviluppatur. Jiena m’għandi xejn kontra l-iżviluppaturi, però bir-rispett kollu m’hemm xejn ħażin li l-miżien tal-MEPA jxaqleb lejn il-pubbliku inġenerali u l-għaqdiet ambjentali jekk irridu nħarsu lejn il-konċett ta’ żvilupp sostenibbli u mhux żvilupp akkost ta’ kollox. Kulħadd, u kull industrija, għandha xxaqleb il-miżien lejn u favur l-ambjent għax hekk jitlob il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. Hekk irridu nagħmlu bħala pajjiż jekk irridu nassiguraw li l-ħobża ta’ kuljum tkun tassew ta’ kuljum u mhux għal-lum biss!
Wieħed jista’ jgħid: Dan x’għandu x’jaqsam mas-suġġett tad-dibattitu tal-lum, li huma l-miżati tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar? Kif se nispjega, il-miżati tal-MEPA jeħtieġ li narawhom kemm mil-lenti finanzjarja u ekonomika kif ukoll mil-lenti ambjentali u soċjali. Imma ħalli nibdew mill-argument ekonomiku. Kontra dak li qal l-Onor. Charles Buhagiar, il-parti l-kbira tal-miżati hawnhekk ma nbidlux minn meta ġew introdotti 18-il sena ilu. Il-miżati ma nbidlux mis-snin 1992/1993 ‘l hawn. Nafu li l-paga medja ta’ ħaddiem Malti 18-il sena ilu kienet ta’ €140 fil-ġimgħa, u llum il-paga medja ta’ ħaddiem Malti hija ta’ €305 fil-ġimgħa. Il-pagi, inkluż il-pagi tal-ħaddiema tal-MEPA, żdiedu grazzi għal progress ekonomiku li għamel pajjiżna.
Il-prezz ta’ appartament medju 18-il sena ilu kien ta’ madwar €30,000. Illum huwa mill-inqas id-doppju ta’ hekk. Jekk wieħed iqabbel il-prezz ta’ appartament minn kif kien fis-sena 2000 għal dak li hu llum isib li l-prezz żdied b’62%. Il-prezz ta’ maisonette żdied b’73% u dak ta’ terraced house żdied b’108%. L-ispejjeż marbuta mal-proprjetà żdiedu u l-bejgħ u l-iżvilupp komplew. Għalhekk wieħed jsitaqsi: Huwa ġust li f’sitwazzjoni fejn kull min qiegħed fl-industrija tal-kostruzzjoni aġġusta l-prezzijiet tiegħu biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li kien qed jinkorri u l-MEPA tibqa’ bl-istess prezz u ma tkoprix l-ispejjes tagħha? Possibbli li l-miżati tal-MEPA se jgerrxu n-nies milli jixtru proprjetà meta l-miżata hija persentaġġ negliġibbli meta mqabbla mal-prezz tal-iżvilupp?
L-investiment li kien qed jagħmel pajjiżna biex iħares u jipproteġi l-ambjent kien minuskolu meta mqabbel mal-investimenti kbar li qegħdin nagħmlu llum biex l-ambjent jitjieb. Meta wieħed iqis dan kollu bilfors irid jistaqsi: Jagħmel sens li l-MEPA tibqa’ bl-istess miżati ta’ 18-il sena ilu? Hawn xi entità, organizzazzjoni, korporazzjoni jew xi kumpanija jew xi perit, kuntrattur jew xi plumber jew xi electrician li baqa’ bl-istess rati ta’ 18-il sena ilu? Ir-rispsota hija le! Għalhekk naħseb li l-MEPA - u hawnhekk jidher li hemm il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra – kellha mhux kull dritt, anzi ngħid li kellha obbligu u responsabbiltà li tirrevedi r-rati tagħha biex jirriflettu r-realtajiet tal-lum u jirriflettu l-ispiża operattiva tagħha llum.
It-tieni ħsieb huwa jekk l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex tiġbor flus biżżejjed biex tkopri l-operat kollu tagħha. Jidher li hemm qbil fuq dan. Almenu jien hekk fhimt mill-ispirtu tad-diskussjoni li għamlu l-Onor. Charles Buhagiar, l-Onor. Galdes u anke l-Onor. George Vella. Fhimt li hemm qbil li l-MEPA għandha tiġbor biżżejjed flus biex tkopri l-operat kollu tagħha. Hekk jagħmel sens. Wara kollox, għaliex l-operat tal-MEPA għandu jiġi ssussidjat minn Ġanni Borg li ma jagħmilx użu mill-MEPA!? Kemm gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista mill-1993 sal-aħħar tas-sena 2009 kif ukoll gvern immexxi mill-Partit Laburista bejn l-1996 u l-1998, taw bejniethom lill-MEPA s-somma totali ta’ iktar minn €71 miljun biex ikopru l-operational costs tal-MEPA.
Kieku kien hemm qbil fuq dan il-prinċipju li qed niddiskutu llum u kieku ż-żewġ naħat kellhom il-kuraġġ biex jagħmlu l-MEPA self-sustaining u self-financing qabel, illum din in-nefqa stajna nonfquha fuq proġetti oħrajn għall-edukazzjoni, għas-saħħa tan-nies u affarijiet oħrajn li huma fl-interess nazzjonali. Kieku l-ispiża biex nagħmlu sptar tal-onkoloġija stajna nkopruha minn din l-ispiża. Din hija r-realtà! Dawn huma l-għażliet li wieħed għandu jagħmel. Ma tagħmilx sens li tibqa’ tissussidja lill-MEPA għax bl-istess argument, jekk nissussidjaw l-operat tal-MEPA għax nemmnu li dak li niċċarġjaw għal fee li huwa persentaġġ żgħir tan-nefqa totali ta’ binja se taffettwa l-prezz totali ta’ dik il-proprjetà, bir-rispett kollu, bl-istess argument irridu nissussidjaw ir-rati li jiċċarġjawna l-kuntratturi!
Irridu nissussidjaw ukoll ir-rati li jiċċarġjaw it-tilers, il-plumbers, il-bajjada u min qed jagħmel il-finishing tal-post, għax kollox għandu l-effett tiegħu fuq il-prezz tal-proprjetà. Jekk m’aħniex qed nissussidjaw dawn l-affarijiet, daqstant ieħor ma jagħmilx sens li jiena għandi nissussidja l-prezz tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp tal-bini. Il-loġika tgħidilna li l-MEPA għandha tkun self-financing. Jekk jien irrid nitlob xi ħaġa minn awtorità allura għandi nħallas tal-ispiża relatata ma’ dan kollu. L-ispiża tmur ħafna ‘l hinn minn permessi, għax hemm ukoll l-issue tal-infurzar - kif tkellem tant tajjeb il-kollega u ħabib tiegħi l-Onor. Joseph Falzon - u diversi obbligazzjonijiet li tagħmel il-MEPA llum u li ilha tagħmel. Kif qal l-Onor. George Vella fid-dibattitu tal-1997, in-nies ma jafux x’qed tagħmel il-MEPA u jaraw biss il-MEPA mil-lenti żgħira tagħhom tal-kuntatt tagħhom ta’ kuljum.
Sur President, ta’ min isemmi wkoll x’inhuma r-responsabbilitajiet tal-MEPA għax minn hemmhekk trid tibda. Jekk naraw l-artiklu 8 tal-Att Nru. 10 tal-2010 li se jiġi fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin u għamilna numru ta’ ġimgħat twal niddiskutu dwaru iktar kmieni din is-sena qabel is-sajf, il-MEPA qiegħda hemm biex tifformula u timplimenta kull politika li tirrigwarda l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali. Dawn huma responsabbilitajiet kbar. Trid tippromwovi pjanar xieraq u ta’ żvilupp sostenibbli ta’ art u ta’ baħar, kemm pubbliku kif ukoll privat, tikkontrolla dak l-iżvilupp skont pjanijiet u policies approvati taħt dan l-Att, tagħmel kartografiji nazzjonali, inkluż li tagħmel surveys tal-art ta’ żoni speċifiċi, taġġorna d-database ġeografiku nazzjonali, tirregola skemi ta’ linji u ta’ livelli kif ukoll tagħti l-interpretazzjoni tagħhom fis-sit.
Fost il-funzjonijiet tagħha hemm li:

“.....tistabbilixxi għanijiet u strateġiji fit-tul u tagħti pariri lill-gvern u lill-awtoritajiet, toħroġ liċenzji u permessi, tistabbilixxi l-livell ta’ tragwardi ta’ rimi mill-produzzjoni, maniġġjar, użu, pussess jew kull attività oħra li tinvolvi prodotti, sustanzi, eċċetra, tissorvelja l-kwalità tal-ambjent, tippubblika rapporti fuq l-ambjent ......”,


u diversi funzjonijiet oħrajn. Dan l-operat tal-MEPA jinvolvi numru ta’ nies. Irridu ngħidu li ta’ kull sena l-MEPA tipproċessa madwar 5,000 applikazzjoni. Din mhijiex ċajta! Jekk naraw ukoll l-applikazzjonijiet li daħlu fl-ewwel disa’ xhur tas-sena nsibu li kellna żieda ta’ 700 applikazzjoni fuq is-sena preċedenti. Dan juri li l-affarijiet mhumiex qed jistaġnaw kif qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni tal-Oppożizzjoni. Is-sena l-oħra bejn Jannar u Settembru ġew ipproċessati 4,311 applikazzjoni. Din is-sena fl-istess perijodu l-MEPA irċeviet madwar 4,600 applikazzjoni. Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena l-MEPA irċeviet 1,628 applikazzjoni paragunati ma’ 1,396 applikazzjoni li kienet irċeviet fl-istess perijodu tas-sena li għaddiet, żieda ta’ 17%.
Jekk nħarsu lejn id-development notification orders (DNOs), il-MEPA fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena rċeviet 1,065 filwaqt li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet kienet irċeviet 847, jiġifieri kellna żieda ta’ 26% ta’ DNOs Jekk naraw bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena nsibu li l-MEPA rċeviet 343 DNOs paragunati ma’ 292 DNOs li l-MEPA kienet irċeviet fl-istess perijodu tas-sena li għaddiet, jiġifieri żieda ta’ 17%. Dan juri li l-MEPA għaddejja bix-xogħol tagħha u x-xogħol mhuwiex staġnat kif xi ħadd donnu qed jagħti l-impressjoni. Irridu ngħidu wkoll li x-xogħol tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet jinvolvi ħafna xogħol.
Meta tidħol applikazzjoni trid tiġi evalwata skont il-policies rilevanti u l-pjanijiet lokali, jitqies l-impatt tagħha, isiru konsultazzjonijiet, isir rapport, isiru rakkmandazzjonijiet, isir is-smigħ, ħafna drabi jsiru site inspections, imbagħad isir id-dibattitu quddiem id-DCC u tittieħed id-deċiżjoni. Xi drabi ssir talba għal reconsideration, terġa’ tmur quddiem il-bord u l-affarijiet jerġgħu jiġu trattati. Hemm imbagħad fejn isir l-appell, jinħarġu l-permessi jekk jiġu approvati, u wara li jiġu approvati imbagħad ħafna drabi l-MEPA tagħmel il-monitoring biex tara li l-persuna tkun qed tibni skont il-kondizzjonijiet tal-permess. Xi drabi dan ma jsirx u allura toħroġlu enforcement notice, jista’ isir appell kontra l-enforcement notice, u affarijiet oħra bħal dawn.

Dan huwa kollu xogħol li qiegħda tagħmel ta’ kuljum il-MEPA. Aħna dehrilna li ma jagħmilx sens li l-ispiża jew parti mill-ispiża ta’ dan ix-xogħol għandha tiġi sussidjata mit-taxpayer Malti, u allura kellna nirrevedu r-rati. Ovvjament meta tiġi biex tirrevedi r-rata trid tieħu deċiżjoni. Tgħid: Jien x’se nagħmel, ngħolli l-proporzjon tar-rata? Jekk ir-rata, kif semma tajjeb il-kollega tiegħi l-Onor. Joe Falzon, fuq flat kienet €163, id-development permit fee ngħolliha skont l-għoli tal-ħajja jew indaħħal miżura differenti? Qabel kienet per unit, jiġifieri qabel kien irrelevanti jekk jien għandix appartament ta’ 70 metru kwadru jew għandix appartament ta’ 300 metru kwadru. Qabel ma kenitx tagħmel differenza jekk hux one bedroom jew three bedroom apartment.


Aħna dehrilna li l-ġustizzja soċjali u l-loġika jirrikjedu li le, jien m’għandix niċċarġja persuna li tapplika għal one bedroom apartment ta’ 70 metru kwadru daqs persuna li għoġbu jagħmel three bedroom jew four bedroom apartment ta’ 250 metru kwadru jew ta’ 200 metru kwadru. Wara dehrilna li l-iktar sistema ġusta tkun jekk immorru għal rata bbażata fuq l-isquare metreage. Dan jagħmel sens ukoll għax billi l-prezz tal-proprjetà kompla dejjem jitla’ minkejja dak kollu li tgħid l-Oppożizzjoni, billi l-art diġà qiegħda premium, in-nies qegħdin jibnu iżgħar. Fejn qabel fis-snin sebgħin kulħadd kien iħobb jibni djar u appartamenti kbar, illum it-trend hi li n-nies iħobbu postijiet daqsxejn iżgħar ukoll u allura jagħmel sens li jien ma nippenalizzax lil min qed jibni iżgħar. Aħna dehrilna li l-aħjar sistema hi li naqilbu għal rata bbażata fuq kemm inti se tibni metri kwadri.
Sur President dehrilna wkoll li anke hawnhekk ma jagħmilx sens li jiena nagħmel l-istess rata għal min se jibni flat bħal min se jibni penthouse, bungalow jew villa. Allura ħassejna li l-weight għandu jkun skewed favur l-appartamenti li huma verament ta’ dimensjoni soċjali biex dawn ikollhom l-inqas impatt tat-tariffi l-ġodda u jkun kontra l-iżvilupp li huwa ta’ ċertu lussu bħal bungalows, villas jew penthouses. Mhux għax qegħdin ngħidu li dawn ma rriduhomx jeżistu. Jekk xi ħadd jaffordja li jkollu villa jew bungalow, good luck to him, però dehrilna li għandna nagħmlu tajjeb għar-rata li se jħallas min se jibni appartament normali billi r-rata per square metre għal villa jew bungalow tkun daqsxejn ogħla.
Jiġifieri dan inħadem fuq bażi soċjali preċiżament biex l-inqas li jħallsu jkunu l-familji, ikunu l-koppji żgħażagħ, ikun il-ħaddiem. Jekk wieħed iħares lejn it-tariffi li ġew introdotti, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ apartments ta’ 141 metru kwadru, id-development permit fee (PDF) l-antika kienet €163 u issa, huwa veru, żdiedet b’7% minn €163 għal €172.04, imma din kienet żieda marġinali. Imma fir-realtà nafu wkoll li ħafna nies ma jibnux appartament ta’ 141 metru kwadru. Hemm appartamenti, kif semma l-Onor. Joe Falzon, ta’ 45 metru kwadru, u d-DPF għal dawn mhux tiżdied sejra imma tonqos għax ladarba r-rata mhijiex per unit imma per metre, id-DPF issa se tkun ta’ €55. Jekk nieħdu appartament ta’ 78 square metres, id-DPF li se titħallas mhux se tiżdied imma se tonqos minn €163 għal €96.
Jekk xi ħadd se jibni appartament daqsxejn ikbar ta’ 96 metru kwadru, id-DPF li se jħallas hija ta’ €119 flok €163, jiġifieri r-rata fil-fatt hija iktar ġusta, hija iktar ekwa maż-żgħir għaliex m’aħniex qegħdin niċċarġjawh ta’ unit ta’ appartament kbir. U proprju għaliex dan il-gvern għandu politika u dimensjoni soċjali, għamilna rata li hija iktar ġusta ma’ min irid jibni xi ħaġa iżgħar. Jekk nieħdu maisonette, ir-rata l-antika kienet bħal dik ta’ appartament ta’ €163. U hawnhekk rajna li d-DPF, jekk tieħu maisonette ta’ 160 metru kwadru, li huwa l-average bejn wieħed u ieħor, id-DPF il-ġdida tafu kemm se titla’? Din se titla’ għal €197 minn €163, jiġifieri żieda verament marġinali, imma issa ħalli nibdew immorru għal-lussu.
Jekk nieħdu villa, hemmhekk id-DPF l-antika kienet ta’ €2,329 u telgħet għal €3,360, żieda ta’ 44%, però din irridu narawha mil-lat ta’ min se japplika biex jiżviluppa art biex jibni villa. Illum il-ġurnata nafu li biex tixtri l-art u tibni villa jiswielek mhux l-eluf imma l-mijiet tal-eluf. Dak qabel kien iħallas €2,329, u llum se titlagħlu għal €3,360, jiġifieri żieda ta’ ftit inqas minn €1,000, xi Lm400 fil-munita l-antika. Jekk xi ħadd ma jistax jaffordja Lm400 meta japplika biex jiżviluppa villa, allura ngħidlu tixtri xejn villa, mur ibni appartament! Jiġifieri rridu nkunu realistiċi meta f’din il-Kamra nitkellmu dwar x’effett se jkollhom fuq il-ħaddiema Maltin u fuq il-middle class Maltija dawn iż-żidiet tat-tariffi. U nista’ inkompli sejjer hekk!
Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma l-famuża boathouse. Huwa veru li boathouse qabel kienet €23, xi Lm10. Bir-rispett kollu, jiena napplika b’Lm10 biex nibni boathouse u issa telgħet għal €104, jiġifieri inqas minn Lm50. Hawnhekk ukoll, lanqas jekk tieħu l-ispiża involuta biex tipproċessa l-applikazzjoni, din ir-rata ta’ €104 għadha ħmerija! Din ir-rata hija bbażata fuq area ta’ 50 metru kwadru. Kulħadd jaf li l-boathouses huma iżgħar minn 50 metru kwadru, jiġifieri wisq probabbli r-rata xorta waħda se tkun ħafna inqas. L-istess ħaġa kieku kellna naraw ir-rati ta’ greenhouse. Ir-rata qabel kienet ta’ €23 u telgħet għal €69. Jekk xi ħadd se jgħidli li l-ħlas ta’ €69 se jwaqqaf lil xi ħadd milli japplika għal green house li l-area of development tagħha ġeneralment hija medja ta’ 100 metru kwadru, bir-rispett kollu mhux qed jgħidilna sew. Garaxx qabel kien jiswa €139, u llum il-ġurnata, jekk tieħu garaxx ta’ 50 metru kwadru, dak se jiġi jiswielek €297. Però nafu li l-garaxxijiet ġeneralment huma ta’ 15-il metru kwadru, u fir-realtà r-rata li se titħallas hija ta’ madwar €112, jiġifieri inqas milli qed titħallas illum meta teħodha fuq bażi per square metre. Din hija l-ġustizzja soċjali li ridna nagħmlu bl-isquare metre rate.
Issa niġu għall-alterations u se nibda mill-minor amendments. Mela ejja ngħidu jiena napplika, joħroġ il-permess u waqt li qed nibni nibda nbiddel ċerti affarijiet u nitfa’ applikazzjoni għal minor amendments, però din għandha tiġi konsidrata wkoll. Qabel kien hemm rata żgħira ta’ €35 u issa tellajniha għal €150. Din ir-rata tirrifletti x-xogħol meħtieġ biex il-MEPA tikkonsidra applikazzjoni għal minor amendment. Issa jew irridu li x-xogħol isir sew jew ma rridux! Rigward il-compliance certificate, dan huwa dokument li juri li l-bini nbena skont il-permess. Dan ifisser li biex toħorġu trid tmur on site u tkejjel kollox. Qabel konna niċċarġjaw €58, issa din telgħet għal €60 li wkoll, bilkemm tirrifletti x-xogħol kollu li huwa meħtieġ biex dan ix-xogħol isir sew. Rigward id-DNO, dan huwa forma ta’ permess fejn għandek sistema sħiħa ta’ smigħ quddiem id-DCC, imma xorta waħda jagħtik il-fakultà li tibni. Dan qabel kien €35 jew €58, issa r-rata telgħet għal €60 jew €120 skont il-każ. Allura b’din iż-żieda se tkisser l-industrija tal-bini!?
Sur President, is-serjetà tirrikjedi li dawn it-tariffi narawhom f’dawl ta’ kif nistgħu nagħmlu l-MEPA self-sustaining. Naqbel li l-MEPA, issa li se tkun self-financing, għandha tkun dejjem trasparenti u effiċjenti, u għalhekk waħda mill-affarijiet li konna semmejna fil-proċess tar-riforma tal-MEPA hi li non-core functions li bħalissa qiegħda tagħmel il-MEPA u li mhumiex tagħha għandhom jispiċċaw mill-MEPA u jmorru għand awtoritajiet oħra. Per eżempju, fuq il-qasam tat-trasport illum għandek l-Awtorità tat-Trasport li ma kenitx teżisti meta twaqqfet il-MEPA u għalhekk ma jagħmilx sens li l-ħaddiema li kienu jaħdmu f’dan il-qasam fil-MEPA jibqgħu jaħdmu mal-MEPA imma għandhom imorru għand l-Awtorità tat-Trasport. Aħna rridu nagħmlu MEPA which is leaner u iktar effiċjenti.
Dawk in-nies li qegħdin fuq il-kotba tal-MEPA u li qed jagħmlu funzjonijiet li strettament mhumiex tal-MEPA imma ta’ xi awtorità oħra għandhom jiċċaqilqu biex in-nefqa tal-MEPA tkun inqas u t-tariffi m’hemmx bżonn ikunu jkopru dik in-nefqa. Jien kont nippretendi li l-Oppożizzjoni turi aktar koperazzjoni meta ġejna biex immexxu n-nies li forsi kienu qegħdin jagħmlu funzjoni fi ħdan il-MEPA li ma kenitx verament tal-MEPA, imma tal-Awtorità tat-Trasport. Huwa veru li dejjem hemm fine tuning x’tagħmel. Aħna għamilna bidla radikali fis-sistema tat-tariffi, għamilna bidla radikali ta’ kif tiġi kalkulata, u ma’ kull bidla trid tagħmel eżerċizzju fejn tgħid li din il-bidla kellha impatti pożittivi. Imma mbagħad aħna nistaqsu wkoll fejn forsi nistgħu ntejbuha.
Jien ma nemminx li f’kull ma nagħmlu se nilħqu l-perfezzjoni, u jien inkun l-ewwel wieħed li nammetti li jkun hemm affarijiet li nistgħu ntejbu. Għaliex il-Parlament għadu jiffuzjona sal-lum? Għaliex noqogħdu nagħmlu liġijiet, inbiddluhom, u nagħmlu liġijiet oħra biex nissostitwuhom? Għax l-ebda liġi mhi perfetta! U nafu li maż-żmien ikun hemm bżonn li naraw x’irridu nirregolaw, x'għandna bżonn inbiddlu u x'għandna bżonn nissostitwixxu. Jien bħalissa għandi n-nies fi ħdan il-MEPA li preċiżament qed jagħmlu dan. Dawn qed jaraw fejn nistgħu ntejbu u fejn hemm bżonn forsi nintroduċu kunċett ta' capping.
Sur President, qed naraw ukoll, per eżempju, fejn nistgħu neżentaw minn ċerti rati lil għaqdiet filantropiċi, għaqdiet sportivi u kunsilli lokali. Dawn huma kollha affarijiet li aħna qegħdin nikkunsidraw biex eventwalment inkunu nistgħu nagħmlu l-fine tuning ta' din il-legal notice, kif fl-aħħar mill-aħħar issir f'kull liġi. Meta aħna nemendaw liġi ma jfissirx li dik il-liġi kienet imperfetta meta għaddiet mill-parlament. Kulma jfisser hu li naċċettaw li kollox jista' jsir aħjar. Però l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu huwa li naqblu li hemm bżonn ta' bidla fit-tariffi.
L-għan tal-bidla hu li l-Awtorità tiġġenera fondi biżżejjed biex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tagħha. Dan huwa l-punt tat-tluq. Ħadd ma jieħu pjaċir iħallas, iżda żgur li kulħadd jifhem li xejn mhu b'xejn illum. U xejn m'għandu jkun b'xejn, għax huwa ħażin meta ddaħħal sistema ta' xejn għal xejn jew xi ħaġa għal xejn. Kull servizz, xi ħadd irid iħallas għalih. Illum qed niddiskutu min se jħallas għall-permessi ta' żvilupp u permessi ambjentali. Faċli nilagħbu għall-gallerija u ngħidu li tali żidiet mhumiex aċċettabbli. Hemm min qalilna li mhux sew li n-nefqa tad-direttorat tal-ambjent għandu jħallasha min qed japplika għall-permess.
Bir-rispett kollu, kulħadd jgħidlek li l-ikbar impatt fuq l-ambjent, l-ikbar impatt fuq il-biodiversità - u din is-sena n-Nazzjonijiet Uniti iddikjarawha bħala s-sena tal-biodiversità - u fuq il-habitats huwa l-iżvilupp. Dan kulħadd jgħidulek. Aqraw kull rapport! Huwa l-iżvilupp anke ta' toroq, ta' trasport u tal-attività tal-bniedem li qed ikollu l-akbar impatt fuq l-ambjent. Din hi r-realtà. Għalhekk huwa xieraq li anke l-ħidma tad-Direttorat tal-Ambjent għandha tkun koperta bil-ħlas ta' dawn l-applikazzjonijiet, kemm għall-iżvilupp kif ukoll għal permessi ambjentali.
Aħna nemmnu, u anke n-naħa l-oħra tal-Kamra jemmnu, li l-iżvilupp għandu jkun wieħed sostenibbli, u wieħed irid jirrispetta l-ambjent. Il-qasam ambjentali għalhekk mhuwiex inqas. L-għażliet li nagħmlu jiddefinixxu aħna min aħna. Dan il-gvern huwa favur l-ambjent, huwa favur il-ġustizzja soċjali, huwa favur finanzi fis-sod għall-pajjiż. Dawn it-tliet affarijiet mhumiex distinti minn xulxin, anzi huma relatati. Min jipprova jgħid li jista' jilħaq wieħed minn dawn l-għanijiet mingħajr ma jagħti kas l-oħrajn ikun qiegħed jiżbalja. F'dan il-kuntest nemmen li ż-żieda fit-tariffi hija ġusta u aċċettabbli. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak, Onor. de Marco. Nistieden issa lill-Onor. Brincat biex, jekk jogħġbu, jagħmel il-winding up ta' din id-diskussjoni.
ONOR. LEO BRINCAT: Segwejt b'interess dak li qalu l-kelliema taż-żewġ naħat, u naħseb li fid-dawl tar-rimarka li għamel il-kollega tiegħi Dr. de Marco, il-gvern issa għandu bażi soda biżżejjed biex jissospendi b'seħħ immedjat u jerġa' jirrevedi dak li suppost diġà ġab fis-seħħ bil-legal notice. Dan għax is-Segretarju Parlamentari għadu kif issuġġerixxa - jew thinking aloud - li hemm bżonn li nibdew naħsbu fuq capping, hemm bżonn li nibdew naħsbu fuq ċerti eżenzjonijiet, hemm bżonn li nibdew naħsbu fuq fine tuning u hemm bżonn li naraw kif ma npoġġux iktar piż fuq il-kunsilli lokali. Din hija l-ikbar konferma ta' dak kollu li ilha tgħid l-Oppożizzjoni f'dawn l-aħħar ġimgħat li l-gvern mexa bħal qattusa għaġġelija. Nappella lill-gvern, indipendentement minn dak li se ngħid fid-dibattitu, biex issa abbażi tas-suġġeriment ta' Dr. Demarco stess, jirtira dak li qed niddiskutu proprju llum, ipoġġih in suspended animation, u jmur back to the drawing board kif qed nissuġġerixxu aħna fil-mozzjoni tagħna.
Dak li se ngħid illum, Sur President, se ngħidu mingħajr ma jien fil-but ta' ħadd, mingħajr m'għandi xi vested interest, negozju, sehem fi spekulazzjoni jew interessi oħra fis-settur tal-proprjetà u l-artijiet. Se ngħidu wkoll b'rispett sħiħ għal dak li hemm imnaqqax fl-istatut tal-Partit Laburista favur l-ambjent u favur l-iżvilupp sostenibbli. Illum dan sar parti mit-twemmin tagħna bħala Partit Laburista, sar prinċipju u obbligu li lilna jgħabbina b'responsabbiltà kbira ħafna. U meta qed ngħid “lilna” qed nitkellem għan-naħa tagħna u mhux għan-naħa tal-Gvern għax intkom m'għandkom l-ebda obbligi statutorji bħal dawn.
Jgħabbina b'dawn ir-responsabbiltajiet kollha anke llum fl-Oppożizzjoni għax in-nies se jiġġudikawna jekk aħniex worth it li nkunu fil-gvern u jekk jistgħux jafdawna anke fuq bażi individwali abbażi ta' dak li ngħidu, abbażi ta' dak niktbu, għall-mod kif inġibu ruħna fil-Parlament, barra mill-Parlament, fil-ħajja privata tagħna u fil-qasam kummerċjali tagħna. Abbażi ta' dan se jiġġudikaw ukoll jekk bħala Partit Laburista aħniex partit li nistgħu eventwalment niġu fdati biex niggvernaw il-pajjiż fil-ġejjieni qarib. Għalhekk ir-responsabbiltà fuqna hija doppja, u l-pubbliku qed jiġġudika wkoll jekk il-famuż good governance li llum sar jitkellem fuqu kulħadd, huwiex jitwettaq fil-prattika.
Se nitkellem imnebbaħ ukoll mill-fatt li għalina, għalkemm nemmen li għad hemm lok għall-iżvilupp, dan għandu jsir b'mod li jirrispetta l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, filwaqt li jiżgura punt importanti ħafna li l-istess żvilupp għandu jkun għas-servizz tal-ambjent, u mhux l-ambjent għas-servizz tal-iżvilupp. Din hija xi ħaġa importanti ħafna. Jien la naqbel ma' dawk li jgħidu li m'għandna nibnu xejn, jieqaf kollox għax għandna xi 50,000 post battal, u ma naqbilx lanqas ma' dawk li jgħidulek li hemm bżonn nibnu f'kull rokna, kull kantuniera, kull toqba li hemm biex insostnu l-industrija tal-bini. Meta wieħed jieħu nota taż-żewġ fatturi, id-densità tal-popolazzjoni tagħna u anke ċ-ċokon tal-gżira tagħna, inkunu qed nagħmlu suwiċidju mhux ambjentali imma anke ekonomiku u anke f'dik li hija kwalità tal-ħajja jekk aħna ma mmorrux għal bilanċ xieraq, ġust u sostenibbli.
Din il-mozzjoni tagħna kienet tkun barra minn lokha biss li kieku tkellmet b'mod assolut f'termini ta' abjad u iswed. Hemmhekk iva, veru, konna nkunu over the top u ma konniex inkunu ġustifikati. Aħna m’għedniex li dawn it-tariffi ma kellhomx jiġu aġġustati. Aħna għedna li kellhom jiġu aġġustati biss b'mod aktar diċenti wara proċess wiesa' ta' konsultazzjoni mal-istakeholders kollha. Jien segwejt iż-żewġ kollegi tiegħi, ħbieb tiegħi fuq bażi personali, u ħadd minnhom fl-ebda stadju ma tana x'nifhmu li l-gvern nieda xi proċess intensiv ta' konsultazzjoni qabel ġie biex jippubblika din l-imbierka legal notice! Hemm bżonn li jkollna tariffi li jkunu ekonomikament vijabbli, tariffi li jkunu soċjalment ġusti, imma biex naslu għal dan il-happy balance iridu jkunu bbażati ukoll fuq studji li jkunu saru bil-quddiem.
Sur President, hawn jidher ċar li ma sarux studji bil-quddiem dwar il-potenzjal tal-impatt tagħhom. Hawn mhux qed nirreferi għal studji dwar kif ġew ikkalkulati t-tariffi, u tkellem tajjeb ħafna l-kollega tiegħi l-Onor. Charles Buhagiar dwar dan. Jien nista' nagħmel studju biex nagħmel il-kalkoli kif se nirrevedi r-rati, imbagħad irrid nagħmel studju ukoll dwar l-impatt. Jien naħseb li għalkemm sar studju dwar il-kalkoli finanzjarji, dwar l-impatt innifsu ftit li xejn sar. Għall-inqas ma ħariġx mhux biss mir-rati imma anke mill-mod kif tkellmu l-kollegi tiegħi. Jien ngħid b'sinċerità li minn dak kollu ma sar xejn ħlief li kellna gvern magħmul mill-istess partit li lilna kien jgħajjarna “gvern tal-calculators”, li ħares biss lejn il-bottomline ta’ kif jiġbor u jisloħ aktar flus.
X'jiswa billi l-gvern jgħidilna li dawn it-tariffi kienu ġġustifikati għax skont il-Gvern qatt ma ntminssew minn mindu twaqqfet l-Awtorità tal-Ippjanar fis-sena 1993? Sieħbi diġà spjega li fil-fatt fis-sena 2000 kienu ntmissew xi ftit ukoll. Imma ejja naċċettaw l-argument tal-gvern ħalli nkun fair magħhom. Mhux qed ngħid ma kienx fair sieħbi, imma ħalli nipprova nifhem l-argument li qed iġib il-gvern biex jiġġustifika dak li għamel. Mela intom qed tgħidu li l-Planning Authority twaqqfet fl-1993 u dawn, Alla jbierek, qatt ma ntmessu, ħlief għall-interlude - lanqas irrid ngħid honeymoon, għax ma tantx kellna honeymoon sabiħ wisq - ta' 22 xahar, dejjem kellna gvernijiet Nazzjonalisti.
U jekk kellhom isiru xi aġġustamenti jien inħoss li dawn messhom saru b'mod meqjus, b'mod mifrux u b'mod gradwali u mhux kollox ħorrox borrox b'din l-għaġġla kollha u morna daqshekk minn estrem għall-ieħor b'sempliċement daqqa ta' pinna mingħajr ma wieħed qies l-impatt soċjo-ekonomiku. Din qaluha ħafna kelliema. Laqatni ħafna l-artiklu ta' Lino Spiteri dwar dan u qaluha nies oħrajn. F'dawn is-snin, mill-1993 sal-lum prattikament, dejjem kien hemm gvernijiet Nazzjonalisti u r-responsabbiltà li dawn jiġu riveduti b’mod gradwali u mingħajr skussjaturi kienet taqa' fuq l-istess gvern li naqas li jaħdem b'mod meqjus, b'mod iktar ippjanat u b'mod iktar mifrux.
Sur President, punt importanti li rrid nagħmel hu li naf li s-Segretarju Parlamentari qed jagħmel l-almu tiegħu minkejja li għandu fuqu Prim Ministru insensittiv għall-aħħar fuq l-ambjent. Imma li kieku dan il-gvern kien serju u ġabar it-taxxi minn fejn suppost, jiġifieri mill-abbużi fil-qasam tal-kostruzzjoni, ma kienx jagħmel kif għamel. Mhux qed ngħid għall-Onor. Demarco, għax jekk m'iniex sejjer żball din saret qabel ma ħa over hu. Qed nitkellem għal żvilupp partikolari, m'hemmx għalfejn insemmih b'ismu għax kulħadd jaf għal liema qed ngħid, fejn il-gvern għamel sew li mpona multa ta' €4.5 miljuni fuq żvilupp partikolari. U għalfejn imponiha din il-multa? Għamel sew għax id-developers kbar ħafna, u mir-riklami kbar fil-gazzetti qed naraw li se jkomplu jespandu.
Issa qed naraw tycoons qed imexxu lil Malta kważi b'saħħa ikbar mill-Gvern tal-lum. Dawn irmew l-iskart tal-kostruzzjoni kapriċċożament fil-baħar. Li kieku l-gvern b'xi mod dawn l-€4.5 miljuni, għamilhom €4 miljun għad-dritt, ma kont ngħid xejn. Imma taf kemm għamilhom? Ħafrilhom - mhux niżżilha qal, imma ħafrilhom - €3.3 miljuni minn din is-somma! Dan ifisser li kapriċċożament dan il-gvern li ġie jitkarrab hawnhekk għall-flus u b'dawn il-miżati u dawn it-tariffi kollha, ta discount ta' xejn anqas minn 73% tal-penali oriġinarjament imposta lil dawn l-iżviluppaturi. Shame u tal-mistħija! Inutli nitkellmu fuq biodiversità meta nisimgħu skandli bħal dawn li ma jinħafru qatt anke fil-ġenerazzjonijiet futuri!
Jien għalija b'dik il-mossa, ħadha min ħadha d-deċiżjoni, imma r-responsabbiltà tibqa' tal-Prim Ministru Gonzi bħala prim ministru, bħala ministru tal-ambjent u anke bħala ministru tal-MEPA, il-gvern hemmhekk għamel mhux dnub wieħed imma three in one. Bagħat messaġġ ċar lill-iżviluppaturi l-oħrajn, u jien ngħid anke lill-istess żviluppaturi nfushom, li taħt dan il-gvern, flimkien kollox possibbli u kollox nistgħu nirranġaw! L-aktar jekk ikun hemm xi arranġamenti oħrajn li jistgħu jibbenefikaw lil xi individwi, lil xi organizzazzjonijiet u xi nies jew forsi xi għaqdiet. Min jaf? Din bħal tal-BWSC, forsi anke xi partiti politiċi! Kien pass verament intiż biex jinkoraġġixxi lil dak li jkun biex ikompli jikser il-liġi bil-barka tal-Gvern innifsu!
Jekk il-gvern verament ried jiġbor il-flus għax il-gvern ħoloq sitwazzjoni fejn il-MEPA ma ħaditx jew ma tħallietx tieħu passi legali u fittxet għad-danni lil dak il-kuntrattur partikolari li, minħabba t-traskuraġni li biha kiser il-liġijiet eżistenti tal-iskart, wassal biex tant tunnellati ta' fly ash itiru lejn in-naħa ta' isfel ta' pajjiżna mill-power station tal-Marsa. Sal-lum mhux talli ma ġewx imposti multi fuq dan - u għamilt diversi mistoqsijiet – talli dejjem jgħiduli li qed jikkonsidraw jekk għandhomx jittieħdu proċeduri legali. Sal-lum mhux talli ma ħadux passi kontra tiegħu, imma lanqas nafu effettivament il-gvern huwiex se jieħu passi legali jew le. L-aqwa li qalulna li qed jikkonsidraw xi azzjonijiet legali, u din ilha għaddejja xhur sħaħ. Jiena persważ li se jibqgħu biss jistudjaw, l-aqwa li mbagħad jiġi l-kollega tiegħi jiftaħar li se jressaq liġi dalwaqt dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Li kieku kellna gvern serju li ma jfittix konsiderazzjonijiet elettorali, kieku l-penali ġodda li kienu ġew riveduti 'l fuq dwar il-ksur tal-liġijiet tal-inforzar mill-MEPA ma kenux jibqgħu mingħajr is-saħħa ta' legal notice sempliċement għaliex kienet riesqa l-elezzjoni tas-sena 2008. Dawn kienu ġew approvati, imma imbagħad ma tħallewx jiġu fis-seħħ. Din kien ikkonfermahahieli ċ-chairman tal-MEPA meta jien innoċentament għedtlu: Imma intom naħseb li qabel l-elezzjoni daħħaltu flus mhux ħażin għax kontu rrevedejtu 'il fuq dawn it-tariffi għal min kien qed jabbuża. Qalli: Le, għax dawn konna għaddejnihom imma qatt ma ġibnihom fis-seħħ. Imbagħad indunajt għaliex. L-elezzjoni kienet fil-qrib, it-tariffi li kien hemm għal min kien qed jikser il-liġi baqgħu kif kienu, u addio l-inforzar li tant nisimgħu dwaru!.
Hemmhekk ukoll il-gvern għalija ċaħħad lilu nnifsu minn ammont sostanzjali ta' flus minn fuq abbużi sfaċċati fil-qasam tal-enforcement, dak il-qasam li suppost irridu li nsaħħu biex ikun jista’ jsostni u jmantni lill-MEPA finanzjarjament mingħajr ma jimponi piżijiet ġodda fuq it-taxpayers Maltin u Għawdxin kif qed jagħmel illum. Li kieku dan il-Gvern emmen fit-trasparenza kien jirreferi għal dawn il-miżuri iebsa u wisq sproporzjonati li qed niddiskutu llum waqt l-istadju tal-kumitat dwar l’hekk imsejħa riforma tal-MEPA. Xejn m'għamel! La semmihom fil-kumitat u lanqas fis-second reading tal-liġi.
Wara l-esperjenza qarsa tal-eko-kontribuzzjoni m'għandna ebda garanzija li dawn il-flus se jmorru biex iħarsu l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli ġewwa pajjiżna. Din mhux kwestjoni kif qalu xi uħud li aħna qed inċedu għal-lobby tal-iżviluppaturi. Inkunu qed inċedu aħna għal lobby tal-iżviluppaturi meta jkollna l-gvern iħabbel rasu, kif qed jagħmel, biex minkejja l-oppożizzjoni kollha, jara kif jilleġittimizza bosta proġetti bħal Ta' Ħondoq ir-Rummien u fejn nies bħall-ministru ta' Għawdex qed imexxu l-kelma baxx baxx biex jiġi approvat il-proġett tal-marina?
Sur President, kien hemm min qalilna li messna ressaqna emendi għat-tariffi tal-gvern dwar il-MEPA flok ressaqna mozzjoni kontra t-tariffi nfushom. It-tweġiba hija faċli u loġika. Kif inhi abbozzata l-mozzjoni aħna m'għedniex li aħna kontra kull tip ta' reviżjoni tat-tariffi, iżda oġġezzjonajna għall-maġġor parti tagħhom, għall-mod kif saru u għan-nuqqas ta' studju dwar l-impatt tagħhom. Issa min-naħa kellna ambjentalisti li ħarġu fuq il-karru tal-PN għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ammettew huma stess li l-gvern seta' taffa aktar il-piż fuq proprejtajiet relattivament żgħar. (Interruzzjonijiet) Fittxu f’ “The Sunday Times” u ssibu li kandidat li ħareġ magħkom hu stess qal li l-piż fuq proprjetajiet relattivament żgħar seta' ġie mnaqqas. Imbagħad kellek l-istess kandidat li biex jieħu rikba politika qal li bil-mozzjoni tagħna bħala Partit Laburista se niffavorixxu lil kbir daqs iż-żgħir u li minnha qed noħonqu kull tama ta' rivoluzzjoni ħadra fi ħdan il-Partit Laburista. Jien ngħid li dan it-tip ta' argument huwa żbaljat għal kollox għax jixhed biss preġudizzju politiku.
Il-prinċipju li r-rati l-ġodda jiġu kkalkolati skont id-daqs tal-iżvilupp u mhux skont il-unit għandu l-loġika tiegħu għax jista' jwassal biex jinċentiva użu aħjar u aktar ekonomiku tal-art fi gżejjer żgħar bħal tagħna, iżda meta wieħed iqis ir-rati ġodda anke għal dawk li huma proprjetajiet żgħar jintebaħ li anke dawn is-sidien se jintlaqtu ħażin ħafna. Jien naqbel ma' miżuri li jistgħu jiskoraġġixxu t-twaqqigħ ta' proprjetà antika speċjalment dawk li jissejħu historic cores. Naqbel ukoll li l-environmental fees ikunu l-ogħla fuq żvilupp li jista' jkollu l-aktar impatt viżwali negattiv. Naqbel fuq dak il-prinċipju, speċjalment fejn jidħlu permessi ta' estensjonijiet tal-barrieri u twaqqigħ.
Biss, kif nistgħu nibqgħu siekta quddiem miżuri ta’ gvern li naqas milli jassigurana dwar kif se tintuża l-imbierka environmental fee? Hawnhekk se jkollna xi farsa bħal tal-eco-tax? Il-Gvern, se mai, missu ħoloq avarija akbar bejn residenzi żgħar, vilel, farmhouses u bungalows jekk verament ried ikun soċjalment ġust. Fit-tariffi tal-gvern kien hemm indifferenza kbira kemm lejn l-istabbilimenti kummerċjali fejn is-self-employed se jsibu ruħhom iffaċċjati minn żidiet xi tliet darbiet aktar mill-bieraħ. Kif semma tajjeb sieħbi l-Onor. Charles Buhagiar, anke fejn jidħlu kunsilli lokali, dawn ġew ittrattati qishom ażjendi kummerċjali normali, tant li l-Onor. Demarco stess qal li din hija xi ħaġa li rridu nindirizzawha 'l quddiem.
Hemm qabża anke fin-nefqa fuq development brief li suppost ħadet post l-outline application. Din tiswa kemxa ġmielha ukoll. Fil-fehma tiegħi din ukoll tmur kontra kull sens ta’ ġustizzja li applikazzjoni anke ta’ alterazzjonijiet żgħar fil-bini kellha tiżdied b’madwar 500%. L-istess jista’ jingħad li ddaħħal diżinċentiv fuq xogħlijiet ta’ restawr meta dawn ix-xogħlijiet se jkollhom application fees ta’ xi 500% aktar. Dwar il-compliance certificates m’hemmx għalfejn ngħidu li ż-żieda ta’ 515% mhux biss titkellem weħedha iżda tolqot ukoll bil-kbir lill-first-time buyers, kif ukoll se jiġri fir-rigward tad-DNOs li suppost kellhom iservu ta’ fast track process fuq xogħlijiet relattivament żgħar li se jiżdiedu b’xi 207%. Ċerti editorjalisti u apoloġisti tal-gvern jgħidu li dawn kienu żidiet żgħar, imma jien naħseb li jekk il-Ministeru jkollu jdaħħal idejh fil-but żgur li se jħoss mod ieħor!
Qed jgħidulna wkoll li r-rati l-ġodda issa jistgħu jiġi kalkulati mill-periti tal-applikant. Din hija ħaġa tajba iżda żgur ma kienx hemm bżonn ta’ tariffi astronomiċi bħal dawn biex issir din it-tip ta’ tibdila biex inħaffu l-mezz ta’ kalkolu u l-mezz tal-ipproċessar. Xi ħadd semma li l-Gvern Laburista tas-snin 90 kien qed jikkonsidra żieda fit-tariffi qabel l-elezzjoni bikrija iżda ħadd fl-ebda stadju ma kien issuġġerixxa jew ikkontempla miżuri bħal dawn li għandna quddiemna llum. F’Lulju l-gvern qalilna li l-MEPA u Transport Malta kienu jinsabu għaddejjin f’diskussjonijiet dwar l-użu tal-fondi oriġinarjament marbuta ma’ dak li ħallsu l-applikanti għall-parkeġġ. Tajjeb li nsiru nafu x’ġara minn dan kollu u kif effettivament se jintużaw minn Transport Malta.
Sur President, nerġa’ ngħid li jien ma jien fil-but ta’ ħadd u ma nitkellem għal ħadd, imma huwa sens komun li jekk se jkun hemm żidiet fuq l-iżviluppatur finalment l-iżviluppatur mhuwiex istitut tal-karità, u dawn irid jgħaddihom bilfors fuq ix-xerrej. Din hija biss loġika u sens komun. Dan qed ngħidu biex ma jiġrix u mhux qed ngħidu biex nattakka lil tal-linja kif jiġri meta s-soltu jiżdiedu n-nollijiet tal-linja! Dejjem jgħidu li se jkollna żieda, imma din se tkun marbuta mal-effiċjenza. Smajnieh dan l-argument l-aktar mill-kollega tiegħi l-Onor. Joe Falzon. Kull meta żdiedu n-nollijiet tal-linja qatt ma kien hemm tisħiħ fl-effiċjenza u persważ li b’dak li qed isir illum, kull ma se jkollna hu bridging biex insaħħu l-bottomline imma żgur bl-ebda mod m’int se tagħmel enhancement tal-effiċjenza tal-MEPA nfisha.
Aħna rridu li fix-xhur li ġejjin ikollna assigurazzjoni li anke l-effiċjenza u l-effettivitá tal-MEPA verament jissaħħu għalkemm nerġa’ ngħid li biex isir dan ma kienx hemm bżonn daqqa ta’ dan il-kobor. Li nara pożittiv biss fil-miżuri tal-gvern huwa li ddaħħal element ta’ fairness fil-prinċipju u mhux fl-applikazzjoni, ħalli ħadd ma jikkwotani ħażin u jgħid li qbilt mal-Gvern fuq din il-biċċa xogħol. Jien nitkellem oġġettivament. Kien hemm 75% x’tikkritika fiha din, imma hemm ċerti prinċipji li personalment naqbel magħhom. Il-prinċipju ta’ fairness iddaħħal fejn it-tariffi ġew relatati mad-daqs. Hemmhekk iva, naqbel, u nkun diżonest jekk ngħid li naqbilx magħha din il-biċċa tax-xogħol. Dan naqbel miegħu kemm mill-aspett soċjali u anke mill-aspett tas-sostenibbiltà, iżda dan xorta ma jiġġustifikax il-mod goff kif saru dawn iż-żidiet.
Sur President, dan il-gvern hekk magħmul. L-aqwa mbagħad li jagħlaq għajnejh it-tnejn għat-taxxa tal-korruzzjoni, bħal dik tal-kummissjoni tal-kuntratt tal-BWSC li Alla biss jaf fejn u f’but min se jispiċċaw parti sew mill-miljuni li daħħal minn fuq dahar il-poplu, il-famuż is-Sur Joe Mizzi. Illum sar fatt stabbilit li tariffi bħal dawn li qed niddiskutu llum qed idaħħalhom meta nkunu f’nofs legislatura by stealth, imbagħad reviżjonijiet imwiegħda tal-income tax bands, bħalma ssemma fil-budget, dawk minkejja li wegħedhom fil-manifest quddiem Noel Grima f’intervista ma’ Reno Bugeja, dawn ovvjament imbagħad jinsihom!
Li m’aħniex inżommu f’moħħna wkoll huwa li dawn it-tariffi qed jiddaħħlu proprju fl-istess żmien meta fl-pajjiż qed tiddaħħal miżura, li messha ilha li ddaħlet, tal-building energy performance certificates li fihom min ibigħ se jkollu jħallas mhux biss waħda mill-ogħla ċifri fl-Unjoni Ewropea għas-certification iżda apparti minn hekk, b’żieda ma’ dan, se jkollu jħallas ukoll il-fees iddettati mill-eżiġenzi tas-suq talli jkun qed iqabbad assessuri li jkunu qed jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol professjonalment. Mhux qed ngħid li jien kontra ta’ din, imma issa ġej kollox f’daqqa. Din hija xi ħaġa li l-banek infushom qed jagħmlu pressjoni qawwija fuqha wara li tant waqajna lura f’dan ir-rigward, minkejja l-leġislazzjoni Ewropea, minħabba xi skuża jew oħra, software u affarijiet bħal dawn.
Sur President, li l-MEPA tellgħet id-deficits li tellgħet matul is-snin huwa att waħdieni ta’ mea culpa ta’ din l-amministrazzjoni li qatt ma ħadet passi gradwali biex tirrimedja s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mal-mogħdija taż-żmien. L-appell tiegħi mill-ġdid lill-gvern hu li jisma’ minn dak li qal l-Onor. de Marco fl-għeluq tiegħu – dan mhux x’qal Leo Brincat jew Charles Buhagiar jew xi kelliema min-naħa tagħna, imma x’qal is-Segretarju Parlamentari għall-Ambjent - li għamilha ċara li hemm bżonn fine tuning, capping u reviżjoni tal-affarijiet. Insa x’qed tgħid l-Oppożizzjoni. Ejja nimxu fuq il-parir tal-istess Segretarju Parlamentari.

Sur Gvern, żomm il-brejkijiet, issospendi kollox, iffriża kollox, ibda proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha, iżda qabel xejn għamel studji serji u verament tekniċi, soċjo-ekonomiċi u indipendenti dwar l-impatt ta’ dan kollu fuq dan is-settur. Għamel dan kemm bil-miżuri tal-budget f’moħħok u anke jekk hemm bżonn indipendentement mill-miżuri tal-budget innifsu. Hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem bis-serjetà u l-professjonaliżmu li jixraqlu dan il-pajjiż li minkejja li ilu sitt snin fl-Unjoni Ewropea sfortunatament f’ħafna attitudnijiet, deċiżjonijiet u anke miżuri aktar ifakkarni f’pajjiż li kull ma jmur qed isir bħal pajjiż tat-tielet dinja.


Jien nistaqsi: Qabel ma ddaħħlu dawn it-tariffi kemm sar studju fil-fond tal-findings tal-istate of the environment report 2008 li ħarġet il-MEPA nnifisha ftit ilu? Minn hemm wieħed jista’ jkollu stampa pjuttost ċara u aħjar tal-problemi ewlenin marbutin mal-iżvilupp f’pajjiżna speċjalment l-iżvilupp urban fl-ODZs u l-ammont eċċessiv ta’ skavar u twaqqigħ ta’ bini li qed jiġġenera tant inert wastes u l-problemi kollha assoċjati ma’ din il-proċess. Fees bħal dawn, jekk u meta jiġu riveduti, jmisshom saru f’mod verament ekwu u f’mod fejn ikollhom policy backing qawwi. Tariffi ġodda, anke li kieku kienu tariffi tajbin, bla policy backing effettiv ma jiswew xejn.
Il-gvern donnu qed jimplika li dawn it-tariffi huma meħtieġa għax inkella ma jkollux flus għall-pagi tal-ħaddiema. Bl-ebda mod ma jien qed ngħid biex inkeċċu n-nies mill-MEPA. Far from it! U daqstant ieħor mhux qed nimplika li l-ħaddiema tal-MEPA huma xi qattgħa għażżenin, imma min-naħa l-oħra, għalkemm il-maggoranza tagħhom huma bieżla, jekk ir-rata tat-tariffi hija verament bejn tariffi u flus għal pagi, nistaqsi wkoll xi studji saru biex jiġi massimizzat l-output tal-ħaddiema nfushom. Nerġa’ ngħid li fil-waqt li konvint li l-ħaddiema tal-MEPA huma nies dedikati u committed fil-biċċa l-kbira tagħhom, imma rridu nkunu nafu x’qed isir min-naħa tal-gvern biex jiżgura li dawn qed jagħtu ġurnata sħiħa ta’ xogħol, li dawn qed jaħdmu skont il-prijoritajiet tal-MEPA nnifisha, u mhux f’diversi safef tal-MEPA jkollok min aktar moħħu biex jispekola u jinnegozja l-art u l-proprjetà u kważi x-xogħol tiegħu tal-MEPA jispiċċa qisu xi part-time job.
Irrid inkun naf jekk hemmx business plan privat mill-MEPA li turi l-best deployment tar-riżorsi umani tagħha kif ukoll ta’ nies ġodda li hemm bżonn jiġu ngaġġati ħalli jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu qed jaħdmu fuq tasks li jwasslu għar-riżultati tajbin u tanġibbli. Il-gvern għażla waħda biss għandu quddiemu fuq dan kollu. Imur back to the drawing board, speċjalment abbażi ta’ dak li qal is-Segretarju Parlamentari de Marco li hemm bżonn li ċerti affarijiet jiġu riveduti. Mhux jiġu riveduti aktar tard imma jitwaqqaf il-proċess kollu, jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders, u mbagħad, jekk hemm bżonn, isiru l-aġġustamenti. Lill-Gvern jiena ngħidlu: Ieqaf, Sur Gvern, u erġa’ aħseb mill-ġdid u studja l-impatt veru soċjo-ekonomiku u finanzjarju qabel timbarka fuq eżerċizzju li jħares biss lejn dħul ta’ aktar flus akkost ta’ kollox. Issa dan meta, kif ġibidli l-attenzjoni xi ħadd, f’dik li hija hospitality il-Gvern is-sena li għaddiet nefaq mhux 4%, imma iżjed minn 40% aktar mill-budget allokat li kellu quddiemu.
Sur President, l-appell li għamilt m’għamiltux għall-gallarija imma għamiltu sinċerament biex il-gvern jieħu inkonsiderazzjoni r-rimarki konklużivi tas-Segretarju Parlamentari de Marco, jmur back to the drawing board, jissospendi kollox u jniedi proċess intensiv, serju u indipendenti ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Se nqiegħed il-mistoqsija. Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Onor. Roderick Galdes. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni m’għaddietx.
ONOR. MEMBRI: Division.
THE DEPUTY SPEAKER: Skont il-proċedura miftiehma fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra din il-votazzjoni mhux se tittieħed issa imma fil-ġurnata stabbilita.
L-Onor. Mario de Marco, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.


Yüklə 355,11 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin