Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 355,11 Kb.
səhifə5/5
tarix10.02.2018
ölçüsü355,11 Kb.
#42589
1   2   3   4   5

AĠĠORNAMENT



ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal-lejla, il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru, fil-5.00 p.m. b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata

Kumitat ta' Provvista - Estimi Ġenerali 2011


It-Tielet Jum
Voti tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Mozzjonijiet
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet li jirrigwardaw l-Att, l-Arkivji u l-Professjoni Nutarili; u
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Żgumbrament minn Artijiet u l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal-lejla, il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru, 2010 fil-5.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mis-Segretarju Parlamentari.
Fi 12.02 p.m. il-Kamra aġġornat skont il-ftehim milħuq fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



SKOLA TAL-MUŻIKA - GĦALLIEMA TAL-MUŻIKA
20592. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki għandhom il-konsulenti tal-Ministru fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika meta fl-intervisti għall-għalliema tal-mużika ħadd minnhom ma ġie mistoqsi dwar kif jgħallem il-mużika?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-Ministeru għandu konsulent wieħed fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika. Il-kwalifiki tiegħu huma:
Master of Arts in Music (M.A.) in Orchestral Direction (Conducting)
Hochschule fuer Musik und Theater “Felix Mendelssohn Bartholdy” – Leipzig
(Music & Theatre Academy – Leipzig) Germany
Master of Arts in Music (M.A.) in Pianoforte (Performance & Teaching)
Hochschule fuer Musik und Theater “Felix Mendelssohn Bartholdy” – Leipzig
(Music & Theatre Academy – Leipzig) Germany
Diplome de Fin d’Etudes – Conservatorie National de Region de Lyon – France
L.R.S.M, L.T.C.L & A.T.C.L Diplomas
Għall-benifiċċju tal-Onor. Interpellant, dawn huma l-kriterji wżati u kif ġew imqassma l-marki fl-intervisti li saru għall-adult educators fit-tagħlim tal-mużika:
Track Record
Performance (5 marki)

Exposure (5 marki)

Exposure to Teaching (5 marki)

Knowledge in Subject (5 marki)

Leadership Qualities

Vision/Goal Orientation (5 marki)

Change Orientation (5 marki)

Decisiveness (5 marki)
Managerial Ability
Ability to see objectives of Teaching (5 marki)

Ability to manage a classroom (5 marki)

Ability to reward students (5 marki)
Personal Attributes

Personal/Emotional Stability (5 marki)

Motivation /Commitment to teaching (5 marki)

Adaptability (5 marki)
Knowledge of and Suitability as Adult Educator (Music)
Knowledge of Role (5 marki)

Knowledge of broader environement (5 marki)

Knowledge of teaching (5 marki)

Proficiency of teaching (General) (5 mari)

Qualifications (15-il marka)

SKOLA TAL-MUŻIKA - PJANIJIET
20593. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-iskola tal-mużika għas-snin li ġejjin u jekk hemm xi pjan miktub tpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid min fassal dan il-pjan u x’konsultazzjoni serja saret ma’ dawk involuti fl-edukazzjoni tal-mużika f’pajjiżna?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Infurmata li l-pjan li qed jitwettaq fir-rigward għall-iskola tal-mużika huwa dak kif espress mill-gvern, fil-Malta National Reform Programme Progress Report, 2009.
Fuq paġni 95 u 115, hemm fost l-oħrajn elenkata miżura partikolari li tkopri l-ħidma inġenerali tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u s-setturi li jaqgħu taħtu, kif ukoll hemm elenkata miżura oħra speċifikalment indirizzata lis-sitt skejjel li jispeċjalizzaw fl-arti kreattiva, waħda minnhom hi l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss.

Iż-żewġ miżuri li qiegħda ssir referenza għalihom huma:


(1) Deċentralizzazzjoni ta' korsijiet fil-komunità ħalli tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex b'żieda konsistenti annwali nilħqu l-mira ta' 15% ta' parteċipazzjoni ta' nies fit-tagħlim tul il-ħajja sal-2020.
(2) Integrazzjoni tal-kwalifiki mogħtija mis-sitt skejjel tal-arti kreattiva, fil-qafas tal-kwalifiki ta' Malta (MQF).
It-twettiq ta' dawn il-miżuri huwa kkordinati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Il-linja ta' politika inġenerali ta' kif għandhom jitwettqu tiġi diskussa meta jsiru l-laqgħat regolari tal-uffiċjali inkarigati kollha ta' dawn l-iskejjel flimkien mad-Direttur u s-Service Manager fi ħdan dan id-Direttorat. Filwaqt li l-amministraturi tal-iskejjel jikkordinaw huma t-twettiq ta' dik il-parti li tikkonċerna lilhom.

Fil-każ tat-tieni miżura, kien hemm is-sehem sħiħ u dirett tal-Malta Qualifications Council u l-esperti mqabbda minnha.



SKOLA TAL-MUŻIKA - LEZZJONIJIET
20594. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid f’liema ċentri qed tingħata l-edukazzjoni mużikali li qabel kienet tingħata kollha kemm hi fl-Iskola tal-Mużika u tgħid f’kull każ x’faċilitajiet ta’ instrumenti tal-mużika għandhom l-għalliema biex ikunu jistgħu jedukaw lill-istudenti?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-istudenti li qabel kienu fl-iskola tal-mużika issa qed jattendu għall-lezzjonijiet fl-iskola Primarja tal-Belt u fil-Lifelong Learning Centre l-Imsida.
Minn din is-sena nfetħu wkoll sitt ċentri tal-mużika li huma f’dawn l-iskejjel:
(a) Skola Primarja Santa Klara, Pembroke.
(b) Skola Primarja San Nikola, Attard.
(c) Skola Sekondarja tas-Subien San Benedittu, Ħal Kirkop.

(d) Skola Sekondarja tas-Subien, San Inazju, Qormi.


(e) Skola Sekondarja tal-Bniet Maria Reġina, Mosta.
(f) Skola Sekondarja tal-Bniet, San Benedittu, Santa Luċija.
L-applikanti se jieħdu l-istrumenti mużikali magħhom. F’dawk l-iskejjel li m’hemmx pjanu inkera wieħed.

SKOLA TAL-MUŻIKA - ASSISTENT KAP
20595. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-assistant kap tal-iskola tal-mużika li kienet l-unika persuna kwalifikata f’dan il-qasam ġiet trasferita minn din l-iskola?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Huwa d-dmir tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li jara li r-riżorsi umani huma distribwiti bl-aħjar mod possibbli. Peress li l-iskola tal-mużika qed tagħti servizz minn diversi siti, inħass li kien hemm skola oħra li kellha tingħata prijorità ta’ allokazzjoni ta’ assistent kap.
L-Assistent Kap fl-Iskola tal-Mużika (li, flimkien ma’ oħrajn, hija persuna kwalifikata f’dan il-qasam) kienet ingħatat il-ħatra ta’ Assistent Kap taħt is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-assistenti kapijiet tal-iskejjel sekondarji. Din il-persuna kienet intbagħtet taqdi dmirijiet ta’ assistent kap fl-iskola tal-mużika. Billi din l-iskola hija skola bħall-oħrajn u fi skejjel oħra kemm primarji kif ukoll sekondarji jsiru trasferimenti ta’ staff inkluż assistenti kapijiet, din is-sena kien hemm il-bżonn li din il-persuna tiġi trasferita fi skola sekondarja.

SKEJJEL TAL-MUŻIKA - KAPIJIET
20596. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex qed idumu ma jimtlew u dejjem jiġu posposti l-mili tal-postijiet ta’ kapijiet fl-iskola tal-mużika tal-Malta u ta’ Għawdex? Kemm se jdumu b’aġenti kapijiet dawn iż-żewġ skejjel?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Fil-mument iż-żewġ uffiċjali inkarigati mill-iskejjel tal-Mużika ta’ Malta u ta’ Għawdex inħatru b’mod indefinit mill-eks Diretturi tad-Dipartiment tal-Further Studies & Adult Education, li fil-passat dawn l-iskejjel kienu jaqgħu taħtu.

CHILDREN’S ALLOWANCE
20669. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu benefiċċju tat-tfal?

 

ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet li jirċievu l-allowance tat-tfal hu ta:




Numru ta’ familji jirċievu l-allowance tat-tfal bit-test tal-mezzi

22,648

Minn numru t’hawn fuq hemm ommijiet xebbiet li jirċievu l-allowance tat-tfal li huma

4,157

Numru ta’ familji jirċievu l-allowance tat-tfal b’rata fissa*

18,627

Minn numru t’hawn fuq hemm numru ta’ ommijiet xebbiet li jirċievu l-allowance tat-tfal b’rata fissa* li huma

113

* Dawk li jeċċedu dħul annwali ta’ €23,923.



SERVIZZI SOĊJALI - GĦAJNUNA TAL-MARD
20670. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu benefiċċju tal-mard kontra dijabete?
ONOR. DOLORES CRISTINA: In-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet li jirċievu l-għajnuna tal-mard minħabba diabete hu ta’ 2,940. Minnhom hemm 20 persuna (19-il mara u raġel wieħed) li jirċievu l-għajnuna soċjali għal ġenitur waħdu.

SERVIZZI SOĊJALI - GĦAJNUNA TAL-MARD
20671. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu l-benefiċċju kontra l-mard ikkawżat mill-pressjoni?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet f’Malta u Għawdex li jirċievu l-għajnuna tal-mard għaliex ibatu minn pressjoni għolja hu ta’ 6,665 f’Malta u 787 f’Għawdex.

SERVIZZI SOĊJALI - BENEFIĊĊJU TAR-RELIEF
20672. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu l-benefiċċju tar-relief?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

SERVIZZI SOĊJALI - BENEFIĊĊJU TAL-MATERNITÀ
20673. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu l-benefiċċju waqt it-tqala?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li rċevew il-benefiċċju tal-maternità matul dawn l-aħħar għaxar xhur jiġifieri bejn Jannar u Ottubru 2010 kien ta’ 1,994.
Minn dan it-total, 656 kienu ommijiet xebbiet.

PENSJONI TAL-WENS
20674. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' persuni li jirċievu l-pensjoni tal-wens f'Malta u Għawdex separatament?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li jirċievu Pensjoni tal-Wens f’Malta hu ta’ 126 filwaqt li f’Għawdex hemm 15.

PBS – TQASSIM TA’ FONDI TAĦT IL-PSO U EPSO
20703. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20080, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar kif tqassmu l-finanzi li l-gvern jagħti lill-Public Broadcasting Services taħt il-PSO u EPSO kif sar drabi oħra għas-snin 2008, 2009 u 2010? Tista' tagħti l-informazzjoni dwar liema programmi bbenefikaw, peress li dawn huma flus il-poplu?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti

WASTE DIRECTIVE 98
20715. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19927 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk il-Waste Directive 98 ġietx transposed fil-leġislazzjoni ta' pajjiżna?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva 2008/98/KE tagħti terminu ta’ żmien sat-12 ta’ Diċembru, 2010 sabiex tiddaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri. Il-MEPA diġà għamlet konsultazzjoni permezz tal-MEUSAC fuq din id-Direttiva u jiena nfurmat illi l-proċess ta’ traspożizzjoni jinsab għaddej skont it-timeframe tad-Direttiva.

GĦALLIS - ENVIRONMENTAL IMPACT ASSESMENT
20716. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19973, 19246 u 18860 u jgħid min qed jagħmel l-environmental impact assesment dwar l-Għallis? Meta mistenni jitlesta? Minn min ġie commissioned?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li l-update tal-environmental impact assessment qed jiġi kkordinat minn naħa ta’ ADI Associates. Dan l-istudju ġie commissioned minn WasteServ Malta Ltd. S’issa għadu mhux magħruf meta dan l-istudju se jiġi sottomess lill-MEPA.

GOZO CHANNEL - PRIVATIZZAZZJONI
20758. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Billi fuq programm li jixxandar is-Sibt filgħodu fuq ir-Radju RTK ingħatat l-impressjoni li l-kumpanija Gozo Channel se tiġi privatizzata, u billi tul il-programm diversi drabi saret sejħa ħalli jekk xi awtorità li kienet qed issegwi l-programm iċċempel ħalli tgħid x’se jiġri, u billi dwar l-istess dikjarazzjoni saru diversi telefonati, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-gvern dwar din il-kumpanija?
ONOR. TONIO FENECH: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20759.

SERVIZZ BIL-BAĦAR BEJN GĦAWDEX U MALTA - PRIVATIZZAZZJONI
20759. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tas-servizz bil-baħar bejn Għawdex u Malta u lura kif mitlub mir-regoli tal-Unjoni Ewropea?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess mitlub mill-Unjoni Ewropea mhux proċess ta’ privatizzazzjoni imma proċess fejn toħroġ għall-public service obligation fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex.

ENEMALTA/KSI – SUSSIDJU MOGĦTI MILL-GVERN
20760. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju mogħti mill-gvern lill-Korporazzjoni Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kull sena mill-2006 ‘il hawn għall-elettriku, l-ilma u l-gass?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
MTA – PROĠETTI TURISTIĊI
20761. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti għandha l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu llum għal San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Fiex jikkonsistu dawn il-proġetti? Meta bdew jitwettqu u meta hu maħsub li jitlestew? Kemm hu maħsub li se jqum kull proġett? Ladarba l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu tlesti dawn il-proġetti għandhiex il-ħsieb ta’ proġetti oħra għall-inħawi tal-Gżira, Ta' Sliema u San Ġiljan, għall-inħawi tal-Kottonera u għall-inħawi ta’ Wied il-Għajn u Birżebbuġa?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

TA’ QALI CRAFTS VILLAGE
20762. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħditiet li l-Ministeru tiegħu kien qed ikollu mas-sidien tal-postijiet tax-xogħol u tal-ħwienet fil-Villaġġ tas-Snajja’ Ta’ Qali u x’se jiġri biex dan il-post jiġi rranġat?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-konvenji tal-proġett ta’ Ta’ Qali ġew imġedda u estiżi sa l-aħħar ta’Ġunju 2011. Deċiżjoni finali fuq il-proġett se tittieħed fix-xhur li ġejjin. Dan id-dewmien ġie kawżat mir-riżultati tal-istudji li saru fuq is-sit u għalhekk qegħdin jiġu studjati soluzzjonijiet tekniċi biex tinstab soluzzjoni li tnaqqas l-ispiża tal-kostruzzjoni li f’xi każijiet jistgħu jkunu projbittivi għas-sidien.

ĠBIR TA’ SKART
20763. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru tunnellati ta’ karta u kartun, plastik, ħadid, ħġieġ, batteriji użati fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena u kif dan jipparaguna mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li bejn Jannar u Settembru ta’ din is sena inġabru 8099.24 tunnellata filwaqt li fl-istess perjodu fis-sena 2009 inġabar 4585.44 tunnellata. Jiġifieri żieda ta’ 77%.

WASTESERV – STUDJU DWAR IL-LIVELL TAD-DIOSSINA
20848. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801, nixtieq niġbed l-attenzjoni li kont qed nitlob għar-rapport li sar fl-2002, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li ġie anness mal-applikazzjoni sabiex jinġabru l-fondi sabiex jiġġustifikaw id- de-gassing ta’ diossina u l-persistant organic pollutants?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li r-rapport li ġie sottomess mal-applikazzjoni għall-fondi huwa dak li għalih saret riferenza fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801.

RAPPORTI DWAR IL-MONITERAĠĠ TA’ DIOSSINA
20849. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801 u 19802, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx l-istess kuntrattur li ċċertifika li s-sustanzi imsemmija fl-ambjent tal-madwar naqas 99%? X’tip ta’ quality assurance practice ġew adottati u li għadhom fis-seħħ s’issa?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li l-figura ta’ 99% li waslet għaliha l-WasteServ tirriżulta minn kalkolu tal-emissjonijiet li tkejlu qabel sar il-proġett u dawk li tkejlu dan l-aħħar. Ix-xogħol tal-kuntrattur kien iċċertifikat minn konsulenti indipendenti. Il-quality assurance practice li ġiet adottata f’dan il-qasam hija permezz ta’ kejl ta’ emissjonijiet b’mod regolari.

KUMPANIJA PALUMBO – OPERAT TAT-TARZNA
20850. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19805, jista' l-Prim Ministru jgħid x’se jiġri jekk kemm-il darba l-Palumbo, l-operatur tat-Tarzna, jinstab li jmur kontra l-provvedimenti tad-direttiva 96/61 fuq l-Integrated Pollution Prevention Control? X’evalwazzjoni saret qabel ma ġie iffirmat il-kuntratt finali u meta beħsiebha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ id-deċizjoni jekk il-Palumbo u l-operat tagħha, taqax taħt din id-direttiva jew le?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-operat tat-tarzna ma jaqax taħt l-iskop tad-direttiva 2008/1/EC.

ENEMALTA: SISTEMA TAD-DISTRIBUZZJONI - EFFIĊJENZA
20851. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jispjega kemm fir-realtà huma effiċjenti d-distribution lines u kemm jinħlew GWH ta’ elettriku fis-sena u x’qed jagħmel il-gvern biex inaqqas din il-ħela?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-total tat-technical losses fuq is-sistema tad-distribution hija estimata għal 4.13% li tirriżulta fi 84GWH fis-sena. Din il-ħela tiġi kkaġunata minħabba (a) sħanat ta’ komponenti bħal cables u transformers u (b) produzzjoni ta’ electromagnetic fields. Enemalta qiegħda tnaqqas din il-ħela billi tinvesti f’cables ġodda u infrastruttura u tinvesti f’low loss components.

STRATEĠIJA GĦALL-INDUSTRIJA TA' MALTA
20861. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni Nru. 5 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

STRATEĠIJA GĦALL-INDUSTRIJA TA' MALTA
20862. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni Nru. 6 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?


ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma’ taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

STRATEĠIJA GĦALL-INDUSTRIJA TA' MALTA
20863. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni Nru. 7 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma’ taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

AIR MALTA - ROTTA TA’ AMSTERDAM
20874. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta tinsabx f’taħdidiet biex toħroġ mir-rotta ta’ Amsterdam u tgħaddiha lill-EasyJet?

 

ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta hi fin-negattiv.



PROPRJETÀ TAL-EX MARSA SHIPBUILDING
20875. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux fi ħsieb il-gvern jew jekk hux għaddejjin diskussjonijiet biex parti mill-proprjetà tal-ex Marsa Shipbuilding tingħata lil kumpanija privata?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma’ taqax taħt id-dekasateru tiegħi.


DIPARTIMENT TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI: SEZZJONI TAL-KLIEB - INKJESTA
20876. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux qed issir inkjesta dwar mewt ta’ kelba imħarrġa fis-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Lulju li għadda? Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet din l-inkjesta?

 

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li meta ġie kkonfermat il-mewt ta’ kelba mħarrġa fis-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġie mressaq rapport lill-Pulizija biex tibda investigazzjoni. Infurmat ukoll li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.



DIPARTIMENT TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI – SEZZJONI TAL-KLIEB
20877. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-klieb tas-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jinżammu għand il-Pulizija?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li, fid-dawl tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar mewt ta’ kelba mħarrġa mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li seħħ f’Lulju tal-2010, ittieħdu numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, waqt li qed issir evalwazzjoni ta’ kif hu l-aħjar li titmexxa it-Taqsima tal-Klieb. Fil-frattemp, il-klieb qed jinżammu temporanjament għand il-Pulizija.

PULIZIJA – RAID FIL-KAŻIN NAZZJONALISTA TAL-MOSTA
20892. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet interni fil-Korp tal-Pulizija wara rapporti fil-media li xi ħadd mill-Pulizija informa lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li kien se jsir raid fuq il-każin Nazzjonalista tal-Mosta? Jekk iva, x’riżultat taw? Jekk le, iħossx il-Ministru li għandhom isiru dawn l-investigazzjonijiet?

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 20203.

SKEJJEL GĦAL-LIĊENZJI TAS-SEWQAN TAL-AJRUPLANI
20915. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' skejjel stabbiliti f'Malta li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja tas-sewqan ta' ajruplani, kemm dawk li huma liċenzji privati u anke dawk li huma liċenzji kummerċjali, separatament? Kemm minn dawn l-iskejjel huma ta' sidien barranin?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li f'Malta għandna tliet skejjel li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja privata tas-sewqan ta' ajruplani filwaqt li għandna skola waħda li tipprovdi teorija għal-liċenzja kummerċjali.
Waħda mill-iskejjel li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja privata tas-sewqan ta' ajuplani għandha ishma b'maġġoranza barranija.

ĊIRKEWWA - DAWL FIT-TOROQ
20916. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta jikkonsidra l-ħidma neċessarja biex l-istreet lighting li hemm fl-inħawi taċ-Ċirkewwa jinxtegħlu għaliex nurmu ta' bozoz li hemm fl-inħawi qed ikunu miftija? Meta saret l-aħħar manutenzjoni fid-dawl ta' dawn l-inħawi?
ONOR. AUSTIN GATT: Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20457, nitolbu jindikali eżatt fejn jinsabu dawn il-bozoz biex jekk dawn jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi nara li tittieħed l-azzjoni li jkun hemm bżonn.

KENEDY GROVE: TRIQ LI TWASSAL GĦALL-QAWRA – TIŻJIEN TAS-SIĠAR
20917. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Billi s-siġar li hemm matul it-triq li tieħu minn ħdejn Kennedy Grove għall-Qawra (Qawra Road) illum sar fihom daqs sodisfaċenti biex jiġu mżejna għaż-żmien tal-Milied, jista' l-Ministru jieħu l-inkarigu li għal dan il-Milied dawn l-istess siġar jiġu mżejna bid-dwal kif jiġri f'numru ta' siġar oħra madwar Malta?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant taqa’ taħt ir-responsabilità tal-kunsill lokali u għaldaqstant nissuġerilu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Il-Ministeru tiegħi mhux normali li jagħmel xogħol bħal dan.

SAN PAWL IL-BAĦAR BYPASS – SINJALI TAT-TRAFFIKU
20918. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Billi numru ta' sinjali tat-traffiku li hemm fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar spiċċaw imdawrin bil-maqlub ta' kif suppost ikunu u numru ieħor minnhom tilfu l-kulur tagħhom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn it-tabelli jiġu rranġati jew mibdula skont kif inhu meħtieġ?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li dawn it-tabelli ġew rapportati u saret talba għall-kwotazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet. Dan ix-xogħol mistenni jinbeda wara li ssir l-aġġudikazzjoni meħtieġa.

MCA - ILMENTI DWAR L-ANTENNAE TAL-MOBILE TELEPHONY
20919. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta dwar ilmenti li saru lilha dwar l-antennae tal-komunikazzjonijiet tal-mobile telephony f'Malta u f'Għawdex matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? F'liema lokalitajiet kienu l-antennae li dwarhom saru l-ilmenti?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li sal-aħħar ta' Settembru 2010, l-Awtorità tal-Komunikazzjoni investigat erbgħa u tletin (34) ilment li saru lilha dwar l-antennae tal-komunikazzjoni tal-mobile telephony. Lista ta' dawn il-lokalitajiet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

BURMARRAD – BANKINA FIT-TRIQ PRINĊIPALI
20920. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-bankina fit-triq prinċipali ta' Burmarrad, li xi żmien ilu kellha toħroġ tender biex il-bankina ssir minn Transport Malta? Kemm hu mistenni li tqum din il-bankina?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li t-tender għaddej mill-proċess tal-aġġudikazzjoni skont il-proċeduri. Ix-xogħol jinbeda wara li jitlesta l-proċess neċessarju kollu. Ix-xogħol imsemmi huwa stmat li jammonta għal €19,500.




Yüklə 355,11 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin