Dibattiti tal-kamra tad-deputati


QRATI - KAŻI TA' PUSSESS/ TRAFFIKAR TA' DROGI



Yüklə 1,01 Mb.
səhifə16/16
tarix03.04.2018
ölçüsü1,01 Mb.
#46780
1   ...   8   9   10   11   12   13   14   15   16

QRATI - KAŻI TA' PUSSESS/ TRAFFIKAR TA' DROGI

20851. L-ONOR. JOE CILIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Mill-1 ta' Jannar sal-lum kemm-il persuna tressqet il-Qorti mill-pulizija talli:-
(a) instabet fil-pussess ta' droga;

(b) instabet tittraffika d-droga?


F'kull każ, jista' l-Ministru x'kien l-ammont totali ta' droga li nstabet?

Liema kienu l-lokalitajiet fejn inqabdu dawn il-persuni?


ONOR. LOUIS GALEA: Filwaqt li nagħmel referenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18132, din li ġejja hija l-istatistika mill-bidu ta' Mejju sad-19 ta' Lulju ta' din is-sena:
F'dan il-perijodu 17-il persuna tressqu l-Qorti fuq traffikar ta' droga filwaqt li 34 persuna tressqu fuq pussess ta' droga.
Id-droga li nqabdet f'dan il-perijodu ta' xahrejn u 19-il ġurnata kienet maqbuda kif ser ngħid:
Rahal Gdid 6 pjanti u 40 Zerriegha tal-Kannabis
Valletta 12gr Raza tal-Kannabis u

Tracci ta' Eroina


Pinto Wharf 490gr Raza tal-Kannabis
Posta tal-Belt 2gr Raza tal-Kannabis
Paceville Tracci tal-Kokaina
San Giljan 0.05gr Eroina u

25gr Kokaina


San Gwann 15gr Raza tal-Kannabis
B'Bugia 12gr Eroina u

12-il Zerriegha tal-Kannabis


Floriana 1.08gr Eroina
Zejtun Tracci tal-pjanta tal-Kannabis

Bormla 31gr haxixa tal-Kannabis u

0.66gr Eroina
Gzira Tracci tal-Ħaxixa tal-Kannabis
Santa Venera 0.5gr Eroina
Rabat pillola tal-'Halcion',

2 pilloli ta' 30mg il- wahda 'Dalmane'

u 6 Zerriegha tal-Kannabis
Qormi 0.25gr Eroina
M'Xlokk Tracci tal-haxixa tal-Kannabis
Żebbuġ Tracci ta' Eroina
Zabbar Tracci ta' Eroina

Qawra Tracci tal-Ħaxixa tal-Kannabis


Pieta' 0.08gr Eroina
Xewkija Ghawdex 285 pjanta tal-Kannabis
Xaghra Ghawdex 271 pjanta tal-Kannabis
Mill-persuni maqbuda mill-bidu ta' Mejju sad-19 ta' Lulju ta' din is-sena kien hemm dawn il-persuni barranin:
Germanja - 1

Amerika - 1

Libja - 3

Awstralja - 1

Ingilterra - 1

Svizzera - 1



Italja - 1
Mill-persuni maqbuda kien hemm 4 persuni taħt il-21 sena, filwaqt li ma kien hemm ħadd taħt is-16-il sena.


TA' L-IBRAĠĠ - TISWIJA TA' TOROQ

20852. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett, fiex waslu l-investigazzjonijiet tiegħek dwar l-allegazzjonijiet li f'Ta' l-Ibraġġ ħdejn il-Halland Hotel u f'Victoria Gardens, reġgħet infetħet it-triq biex jgħaddu l-katusi ta'l-ilma wara li anqas minn xahrejn ilu kienet diġa' nfetħet l-istess triq għal skop simili?
Ma jistax isir ippjanar aħjar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex ħidmiet simili jiġu kkordinati b'aktar ħsieb?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


UNIVERSITA' - LECTURER TALJAN SALVO ANDO'

20853. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: L-Universita' ta' Malta se tirrikonsidra l-pożizzjoni tal-visiting lecturer Taljan Salvo Ando' - li suppost li kellu jżur Malta xi ġimgħat ilu għal taħdita pubblika - wara li rriżulta li dan l-ex-Ministru tad-Difiża Taljan li kien diġa' qed jiġi ndagat mill-awtoritajiet Taljani meta saritlu l-offerta mill-Gvern Malti, issa ġie arrestat fuq suspetti ta' korruzzjoni? X'kien ġie avviċinat Ando' meta dan kien qiegħed diġa' jiġi ndagat?

ONOR. MICHAEL FALZON: Tlabt lill-Universita' tgħidli x'inhi l-qagħda dwar il-każ.


TIGNE' - SITI ALTERNATTIVI

20854. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jikkonferma l-Ministru li dak li ġejt rrapportat li għidt fuq Radio 101 tal-PN li l-offerta li hu għamel lir-residenti ta' Tigne' kemm dwar siti alternattivi kif wkoll dwar għotja ta' kumpens hija finali?
Sarulu xi rappreżentazzjonijiet mill-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema dwar dan il-każ?
Meta mistennija issir il-Public Hearing quddiem l-Awtorita' ta'l-Ippjanar dwar dan il-proġett?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nista' nikkonferma li l-offerta finanzjarja li jiena għamilt lir-residenti ta' Tigne' hi finali.
Il-Kunsill Lokali ta' tas-Sliema talab li jiġi konsultat u dan qiegħed isir.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha qiegħda tiddiskuti l-iżvilupp propost f'Tigne' u Manoel Island mal-Consortium. Wieħed jifhem li dan hu żvilupp estensiv li qiegħed jiġi mistħarreġ bir-reqqa kollha u l-Awtorita' għadha mhux f'pożizzjoni li tgħid meta sejra tifli l-applikazzjoni b'mod uffiċjali fil-pubbliku minħabba li għadhom qiegħdin isiru amendi fil-pjanti sottomessi.


SANT'ANDRU - TISWIJA TA' TRIQ SANT'ANDRU

20855. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazz-joni u Teknologija: Minħabba fil-perikli li dejjem jikbru għall-pedestrians, kemm Maltin kif ukoll barranin li spiss jgħaddu minn St. Andrews Rd, St. Andrews, jista' l-Ministru jirrikmanda lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku li jikkonsidraw l-introduzzjoni ta'zebra crossing bit-traffic lights jew fejn Jessie Bar jew inkella aktar 'l isfel, dan għaliex apparti minn hekk residenti ta' St. Andrews HE spiss qed isibuha diffiċli ħafna biex jaqsmu min-naħa tagħhom għan-naħa tas-Swieqi?
Fiex waslu l-pjani tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku dwar l-istudji li kellhom jagħmlu dwar il-possibilita' li jkun hemm sigurta' aħjar għal dawn il-pedestrians qrib il-bus stop li hemm inti u tiela' lejn St. Andrews - l-istess post fejn żagħżugħ ftit xhur ilu kien tilef saqajh wara li bus daħlet fuqu minħabba li l-istage qiegħed litteralment mat-triq?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Se nissottometti għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant rigward zebra crossing bit-traffic lights.

Rigward it-tieni parti tad-domanda, jiena nfurmat li għad m'hemmx deċiżjoni dwar iċ-ċaqlieq ta' l-istage kif diġa ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 14814.




MINISTERU TAL-FINANZI - LAQGĦA TAL-MINISTRU F'LONDRA MA' KENNETH CLARKE

20856. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-natura tal-laqgħa tiegħek f'Londra mal-Chancellor of the Exchequer Ingliż Kenneth Clarke?
ONOR. JOHN DALLI: Fil-laqgħa msemmija mill-Onor Interpellant ġew maqsuma idejat dwar il-politika ekonomika u finanzjarja taż-żewġ pajjiżi u tal-unjoni ewropeja.


SKOLA ĠIAN FRANĠISK ABELA

20857. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-istudenti fil-Worker Pupil Scheme li jattendu l-iskola Ġian Franġisk Abela kellhom sa għaxart ijiem imnaqqsa mill-istipendju ta'l-aħħar cheque li rċevew?
Jista' jgħid xi kriterji ġew użati biex sar dan it-tnaqqis?
Dawn il-kriterji ġew użati l-istess ma' kulħadd?
ONOR. MICHAEL FALZON: It-tnaqqis fl-istipendju sar skond in-nuqqas ta' progress akkademiku li wrew l-istudenti. It-tnaqqis kien kontemplat fir-regolamenti tad-dħul għas-Sixth Form kif pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tas-27 ta' Awissu 1993. Fost ħwejjeġ oħra, ir-regolamenti kienu jistipulaw li jsir tnaqqis fl-istipendju f'każ ta' assenza mhux ġustifikata, f'każ ta' imġiba ħażina u f'każ ta' nuqqas ta' progress akkademiku.


SKOLA PRIMARJA TAL-MOSTA - MANUTENZJONI

20858. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Billi ilni numru ta' snin niġbed l-attenzjoni tad-Dipartiment u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar l-istat ferm ħażin tal-bankijiet li hemm f'numru ta' klassijiet fl-iskola Primarja tal-Mosta, jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum ma ttieħdux ebda passi biex dawn jinbidlu?
Meta se jinbidlu?
ONOR. MICHAEL FALZON: Filwaqt li nikkonferma li hemm il-ħsieb li l-bankijiet qodma li għad hemm f'ħames klassijiet fl-iskola primarja tal-Mosta jinbidlu, naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li din hi kwestjoni ta' kif jintużaw ir-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment konċernat skond il-prioritajiet tal-bżonnijiet li hemm fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex.


SKOLA PRIMARJA TAL-MOSTA

20859. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Billi għal snin sħaħ fl-iskola Primarja tal-Mosta kienet teżisti problema serja ta' nuqqas ta' spazju, b'mod speċjali fis-sezzjoni tal-Kindergarten, jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa biex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni?
Hu minnu li l-Gvern qed fi trattattivi biex jakkwista fond fil-viċinanzi ta' l-iskola Primarja?
ONOR. MICHAEL FALZON: Minkejja l-bini ta' ċentru tal-Kindergarten ġdid fil-Mosta, il-problema ta' spazju għadha teżisti.

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qiegħda f'diskussjoni mad-Direttorat ta' l-Ippjanar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-għażla ta' sit għall-bini ta' Kindergarten ġdid.




SKOLA PRIMARJA TAL-MOSTA

20860. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Jista' l-Ministru jgħid sa liema data ġew aċċettati tfal li kienu lleġibbli bl-eta' sabiex jattendu fl-iskola Primarja tal-Mosta fil-parti tal-Kindergartn?
Jekk mhux dawk kollha lleġibbli ġew aċċettati, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li ma ġewx aċċettati?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni?
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien infurmat li fl-iskola primarja tal-Mosta ġew aċċettati tfal li kienu għalqu tliet snin sal-15 ta' Frar 1994.
Kien hemm 62 tfal oħra li ma setgħux jiġu aċċettati minħabba nuqqas ta' spazju.


ĦABS ĊIVILI - CORRECTIONAL SERVICE SYSTEM PLAN

20861. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett biex parti mill-ħabs ta' Kordin jinbidel f'ċentru biex il-priġunieri li jkunu vittma tad-droga jkunu separati minn ħabsin oħra u jingħataw kura speċjalizzata? Billi l-Ministru wieġeb fis-Seduta Nru. 9 ta' din il-Leġislatura li lest jagħti tagħrif ieħor fuq dan is-suġġett, x'għandu x'jinforma l-Kamra issa li għaddew aktar minn sentejn minn meta qanqal dan fil-Parlament? Jista' l-Ministru jassigura li nsabu nies imħarrġa f'dan il-qasam biex jieħdu ħsieb dawn in-nies? Jekk fl-affermattiv, minn min hu kompost dan in-nukleju ta' nies? Meta beda jopera dan il-proġett? Kemm qed jakkomoda nies?
ONOR. LOUIS GALEA: Fil-pjan imsejjaħ 'Correctional Service System Plan' li fuqu miexi l-Gvern dwar ir-Riforma tal-Ħabs hemm indikat dan l-iżvilupp:-
"Therapeutic Community (Productivity Centre): Given the realities of prison life, there are a number of inherent limitations in the range of programming that can be made available to inmates. Consequently, there is a need for a separate facility to which selected inmates could be sent for specialized and intensive programming. This centre would serve a broad range of inmates who have demonstrated commitment to becoming productive, contributing citizens. We are calling it a Productivity Centre to emphasize that its purpose is to assist offenders who are committed to change to help restore victims and become reconciled to their communities.
The programming would feature the following elements - individualized programming for each inmate through performance contracts; progressive programming in which inmates move into increasingly more responsible roles; peer group support by other inmates and volunteers; staffing by carefully-selected paid and unpaid lay individuals who receive specialized training; assignment of inmates coordinated between the correctional services leadership and the Productivity Centre leadership; and values and guiding principles of operation."
Kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20220, l-Aġenzija SEDQA għall-Ħarsien mill-Abbuż tad-Droga u Alkoħol, issa li ġiet imwaqqfa qed taħdem id f'id ma' l-Awtoritajiet tal-Ħabs biex jinbeda programm ta' servizz għal dawk dipendenti mid-droga. Fil-11 ta' Lulju, 1994, permezz ta' l-Aġenzija SEDQA għall-Ħarsien mill-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol, ġiet impjegata persuna kwalifikata li qed tagħti sagħtejn xogħol kuljum fil-Ħabs.
Fil-frattemp ġew impjegati grupp ta' 'Counsellors' kwalifikati li ser jibdew jagħtu l-kontribut tagħhom 'full-time' minn dan ix-xahar biex flimkien mat-trattament għad-droga jagħtu s-servizz addattat fejn jirrigwarda 'counselling' fil-problemi personali u soċjali tal-ħabsin u l-familjari tagħhom.


ĦAMRUN - FOOTBALL GROUND

20862. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-ground tal-Ħamrun ma tlestiex f'Novembru, 1993 kif wiegħed il-Ministru Frendo fil-Parlament?
Meta se jitlesta dan il-proġett? F'liema data approssimattiva se jkun lest?
Jaf il-Ministru l-ġdid li l-poplu ddejjaq b'dan id-dewmien kollu?
Il-kumpannija Kalaxlokk tħallset il-bilanċ li kellha titħallas in konnessjoni mal-proġett?
X'fadal jitlesta mill-proġett u min hu kummissjonat li jagħmlu?
ONOR. MICHAEL ANGELO REFALO: Ix-xogħol li għalih kien risponsabbli l-Gvern issa huwa kważi lest u l-ftit li baqa m`għandux jieħu ħafna żmien.
Il-Kumpanija Kalaxlokk issa qed titħallas regolarment skond ix-xogħol li tkun għamlet.


BORMLA - FAĊILITAJIET FIL-POSTA

20863. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: Jista' l-Ministru jsib xi rimedju billi jagħmel xi entratura oħra għal Posta ta' Bormla biex dawk in-nies li ma jistgħux jużaw it-taraġ jkollhom faċilita' biex jinqdew mill-Posta ta' Bormla?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Ressaqt l-ilment ta' l-Onorevoli Intepellat għall-attenzjoni tad-Dipartiment biex jaraw x'jista' jsir.


SERVIZZI ĊIVILI - IMPIEG TA' PERSUNI BARRANIN MATUL L-1994

20864. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: B'referenza għar-risposta għad-domanda tiegħi numru 20673, x'kariga għandhom dawk li qed jaħdmu ma' l-Awtorita' Marittima ta' Malta? X'xogħol obbligati jagħmlu u kemm qed jitħallsu? Kif ukoll meta saret call for application biex dawn ġew ingaġġati ma' l-Awtorita' Marittima?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher hawn taħt:
Safety Inspectorates Co-Ordinator

---------------------------------


Doveri prinċipali fil-qosor:

----------------------------

Jassisti t-Technical Manager fit-tmexxija tas-Safety Inspectorates fid-Direttorat tal-Merchant Shipping. Fost l-oħrajn, jassisti l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-legislazzjoni tal-Merchant Shipping, "International Maritime Safety" u " Pollution Prevention Conventions".
Call for Applications:

----------------------

Il-pożizzjoni ġiet irriklamata fuq il-gazzetti lokali f'Ġunju 1993.

Safety and Security Manager

---------------------------
Doveri prinċipali fil-qosor:

----------------------------

Jieħu ħsieb li jipproteġi flimkien ma' grupp ta' Security Officers, li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu, l-propjeta, assi w impjegati ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta kontra riskji ta' nar jew serq u li jieħu ħsieb li l-proċeduri fuq "Safety and Security" qed jiġu osservati.
Call for applications

---------------------

Il-pożizzjoni ġiet irriklamata fuq il-gazzetti lokali fi Frar 1994.
Port Officer

------------


Doveri priċipali fil-qosor:

---------------------------

Xogħolu huwa li jassisti l-Harbour Master fix-xogħol tiegħu billi jipprovdi servizz lill-vapuri u lil dawk kollha assoċjati fis-servizz ta' operazzjonijiet marittimi biex jassigura is-"Safety" u l-bżonnijiet li jkun hemm bżonn.

Call for Applications:

----------------------

Il-pożizzjoni ġiet irriklamata fuq il-gazzetti lokali f'Ottubru/Novembru 1993.


Kif diġa nfurmajt lill-Onor. Interpellant tnejn minn dawn it-tlett impjegati huma miżżewġin ċittadini Maltin u għandhom il-"freedom of movement" u l-fakolta li jaħdmu f'Malta in vista taż-żwieġ tagħhom ma' ċittadini Maltin.


IMPORTAZZJONI TA' FNIEK - ĦRUĠ TA' LIĊENZJI

20865. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: B'referenza għar-risposta għad-domanda tiegħi numru 20677, jista' l-Ministru jgħidli bejn 1992 u l-aħħar ta' l-1993 ġewx approvati liċenzji għall-importazzjoni tal-fniek maqtula? Jekk saru jista' l-Ministru jagħtini informazzjoni mitluba fid-domanda tiegħi numru 20346?
Jista' l-Ministru jgħidli wkoll jekk jafx li ġew importati fniek maqtula dan l-aħħar 12-il xahar?
ONOR. JOHN DALLI: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed tiġi mitluba tingħata f'seduat oħra.


VALLETTA - TISWIJA TA' TOROQ

20866. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jara li jsir aktar asfaltar u aktar dawl fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta?
Jaf li wħud minn dawn ilhom is-snin ma jiġu asfaltati?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Id-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet regolarment jagħmel manutenzjoni, fejn hemm bżonn, tat-toroq kollha tal-Belt.
Wieħed jifhem iżda li minħabba problema ta' parking ta' karozzi, il-ħaddiema tad-Dipartiment kultant jiltaqgħu ma diffikultajiet biex jagħmlu manutenzjoni fejn jeħtieġ.
Tlabt lid-Dipartiment konċernat isegwi dan l-ilment aktar mill-qrib ħalli tinstab soluzzjoni għal din il-problema.
Dwar id-dawl għaddejt it-talba lill-Korporazzjoni Enemalta.

KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TA' L-ILMA

20867. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jirrikonoxxi l-Ministru li l-Korporazzjoni ta' l-Ilma miexja fuq linji kummerċjali li mhux dejjem jaqdu tajjeb lill-konsumatur?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma hi obbligata bil-liġi li timxi b'mod kummerċjali. Fl-istess ħin issegwi "policies" biex tagħti l-aħjar servizz lill-konsumatur. B'mod partikolari wieħed ma jistax ma jsemmix is-sussidju qawwi ta' natura soċjali, marbut ma' kemm igħixu nies f'kull dar, li huma provduti fit-tariffi ġodda ta' l-ilma.


IMPJANT TAR-REVERSE OSMOSIS

20868. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid meta sar l-ewwel impjant tar-reverse osmosis?
X'futur għandna f'dik li hi teknoloġija tar-reverse osmosis?
X'esperjenza għandna llum biex jiġu ttrenjati parteċipanti minn pajjiżi ġirien f'din it-teknoloġija?
X'sehem għandu hawn l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Ilma?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


OFFERTI GĦAX-XOGĦOL KONNESSI MAS-SERVIZZI TAD-DRENAĠĠ

20887. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 20159?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Nru. 20159 Seduta 290.


MOSTA - PERMESSI TAL-BINI F'TAŻ-ŻOKRIJA

20888. L-ONOR. FREDDIE MICALLEF staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 20073?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien infurmat li l-kuntratt għall-bini ta' l-imsemmi blokk flats ingħata fil-11 ta' Ġunju 1990 u l-ordni li jinbeda ix-xogħol ingħatat fl-20 ta' Frar 1991.
Il-valur oriġinali ta' dan il-kuntratt kien ta' Lm284,030.80 li minħabba kumplikazzjonijiet fil-pedamenti u xogħlijiet oħra extra ġie amendat għal Lm416,641.
Dan ix-xogħol li kien jikkonsisti f'xogħol ta' kostruzzjoni, tlestijja ta' servizzi, u dekorazzjoni u xogħol ieħor ta' ġewwa kellu jitlesta fi żmien sena u disa' xhur.

Ix-xogħol kollu tlesta fil-5 ta' Ottubru 1993, Primarjament dan id-dewmien kien kawża ta' xogħol ta' dranaġġ li kellu jsir fl-inħawi.


L-ispiża totali laħqet is-somma ta' Lm394,944.83 u ġiet imħallsa kollha.


GĦASEL - IMPORTAZZJONI

20907. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin kemm kienet it-talba f'tunnellaġġ għall-importazzjoni ta' l-għasel mill-importaturi u kumpanniji Maltin?

Kemm kienet il-kwota tad-dipartiment approvata għal kull sena?


Kemm fil-fatt ġie mportat sena b'sena mill-kwota stabbilita għall-għasel?
ONOR. ĊENSU GALEA: L-informazzjoni qed tingabar u se tinghata f'xi seduta ohra.


FABBRIKI - IPPROĊESSAR TA' ĦUT

20908. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena liema kienu dawk il-fabbriki f'Malta li fetħu u għandhom konnessjoni ma' l-industrija ta' l-ipproċessar tal-ħut?
Kemm inħadmu ħaddiema ċittadini Maltin u kemm huma kkalkolati li jixtru ħut mis-suq lokali?
X'investiment għandha l-MDC f'dawn l-industriji f'pajjiżna u x'għajnuna finanzjarjament u teknika estendiet sena b'sena lil dawn il-fabbriki?
Kemm minn dawn il-fabbriki ta' l-ipproċessar tal-ħut fallew?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Matul dawn l-aħħar għaxar snin fetħet fabbrika waħda biss li għandha x'taqsam mal-ipprocessar tal-ħut. Dan kien fl-1992.
Peress li din li fabbrika għadha topera, l-MDC hija marbuta bil-kunfidenzjalita' skond l-Att dwar l-Izvilupp Industrijali li tagħti aktar informazzjoni dwar dan il-progett.

MALTA DEVELOPMENT CORPORATION - ISHMA

20909. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena matul dawn l-aħħar seba' snin liema kienu dawk il-kumpanniji/fabbriki eċċ li kellha ishma fihom l-MDC u mbiegħu lill-privat?
X'kienu r-raġunijiet għal dan il-bejgħ ta'l-assi ta' l-MDC u x'sar mill-provvisti ta' dawn l-ishma tal-poplu?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Il-Kumpaniji li fihom l-MDC kellhom ishma u li gew mibjugħa lill-privat f'dawn l-aħħar seba' snin huma:-
Data tal-BejgH Isem il-Kumpanija
04/03/87 Consolidated Biscuits Ltd

04/03/87 Chocolate Products Ltd

14/07/87 Quality Shoes Ltd

14/07/87 Footwear Ltd

27/12/88 Mediterranean Flower Prods Ltd

09/06/89 Austria Tabak (M) Ltd

31/08/89 C. Cini & Sons Ltd

20/02/92 Marina Aruba (M) Ltd


Il-persentagg ta' ishma li kellha l-MDC kien wieħed zgħir u l-bejgħ f'kull kaz sar għal kumpens xieraq skond il-policy tal-gvern. Il-provvisti ta' dawn l-ishma intuzaw f'assistenza oħra lill-industrija.

MALTA DEVELOPMENT CORPORATION - GĦAJNUNA LILL-FABBRIKI

20910. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena matul dawn l-aħħar seba' snin kemm mill-fabbriki li ntroduċiet f'Malta l-MDC - u jew għinithom teknikament u jew finanzjarjament - fallew?
Kemm fil-fatt intilfu mpiegi f'kull każ?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Matul dawn l-aħħar seba' snin għalqu jew fallew 19 il-fabbrika introdotti mill-MDC.
Lista ta' dawn flimkien man-numru ta' npiegi li ntilfu tinsab annessa.
Kumpaniji Data ta' l-eghluq Impjegati
HIMS Plastic Ltd 15/10/90 20
A.M.S. Ltd 30/09/90 3
Mattie Ltd 01/04/91 6
Different Ltd 30/04/91 58
Texarco Ltd 01/12/90 15
Peepers Co Ltd 30/12/89 8
Sunquest Boats Ltd 01/01/91 5
Int. Knitwear Ltd 03/04/92 177
Terry Erskine Steel

Yachts Ltd 15/07/93 12


Townshend Audio Ltd 31/03/92 2
Cosmoprof Ltd 30/10/92 2
Comerio Giorgio Ltd 01/12/91 0
Starship Yachts Ltd 05/03/92 18
Coaltex Ltd 30/06/92 14
Bomber Ltd 31/01/91 20
Enterprise Mfg Ltd 12/10/91 12
Universal Paper

Prod. Ltd 01/03/94 2


Deakin Eng.

Services Ltd 31/03/92 1


Selectronic Ltd 31/06/94 0


FABBRIKI - FTEHIM MA' L-MDC

20911. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Fil-preżent liema huma dawk il-fabbriki li għandhom ftehim ma' l-MDC li jridu jżiedu l-ħaddiema skond il-ftehim milħuq bejn il-kumpanniji rispettivi u l-MDC?
Sa l-aħħar tas-sena, kemm suppost li dawn il-kumpanniji jimpjegaw ħaddiema u ta' liema sena jew natura ta' xogħol?
Kemm huwa n-numru ta' mpejgati barranin li għandhom preżentement dawn il-fabbriki u kemm huwa numru ta' ħaddiema Maltin?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: L-Onor. membru naħseb li jappreza li l-gbir ta' l-informazzjoni li qed jitlob jimplika ħafna xogħol li mhux possibli jsir f'sigħat. Għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta oħra.


MAJJALI - INDUSTRIJA

20912. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Għaliex filwaqt li l-ex-Ministru kien qal lill-produtturi tal-majjali xahar ilu li l-industrija tal-majjal qed tissaħħaħ aktar, fil-preżent tnaqqset b'20% il-kwota tal-qatla tal-majjal?
X'qed jagħmel il-Ministeru biex tingħeleb din is-sitwazzjoni u meta qed jantiċipa li terġa' tiġi għan-normal?
ONOR. ĊENSU GALEA: It-twegiba tinghata f'xi seduta ohra.
Yüklə 1,01 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   8   9   10   11   12   13   14   15   16




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin