Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 1,01 Mb.
səhifə8/16
tarix03.04.2018
ölçüsü1,01 Mb.
#46780
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   ...   16

THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Fil-fatt aħna nnotajna li f'din il-ħaġa kien hemm anakroniżmu għaliex ħadniea preċiżament minn kif qigħda fil-levy. Fil-fatt il-provvediment fejn jidħol "Take Away" se nneħħuh u se nagħmlu emenda fuqha biex inneħħu proprju din id-differenza.

THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat huwa sospiż.
Skond Ordni Permanenti Nru. 111 fis-7.10 p.m. il-Kumitat ġie sospiż u l-Kamra rriżumiet fis-7.11 p.m.
MR SPEAKER: Peress li hawn quorum il-Kamra tista' tkompli bix-xogħol tagħha u terġa' tirriżolvi ruħha f'Kumitat.
L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, Viċi President tal-Kumitati, jippresjedi.
Klawsola 11 - Eżenzjonijiet. (Kont.)
Clause 11 - Exemptions. (Cont.)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Jien irrid nirreġistra li dak li qed tipprova tagħmel l-Oppożizzjoni fost kollox, hu li tara li għallinqas numru ta' Membri min-naħa tal-Gvern li suppost jifformaw quorum ikunu l-ħin kollu solidali ma' dawk il-Membri li qegħdin hawnhekk; għax hawnhekk għandna ħafna min qed imut bis-sħana - apparti bil-ħidma - waqt li ħaddieħor joqgħod fi kmamar air-conditioned.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hemm għandhom il-loudspeakers ukoll.
L-Onor. Borda, on a point of order.
ONOR. MANUEL BORDA: Rigward dak li qal l-Onor. Lino Spiteri, quorum suppost li jkun ifformat mill-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra u mhux mill-Membri tal-Gvern biss.

THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Mr Chairman, jien naf li l-Onor. Borda kellu interruzzjoni żgħira fil-karriera tiegħu bħala Membru ta' din il-Kamra u allura jieħu ċertu żmien biex jerġa' jaġġusta. Pero' naħseb li jekk jiftakar is-snin tiegħu bħala Deputy Speaker, jiftakar ukoll li skond il-konswetudni parlamentari fil-parti tad-dinja tal-Punent li mrobbijin fiha aħna, għat-tajjeb jew għall-ħażin, l-obbligu li jkun ifformat quorum qiegħed fuq il-Gvern. Il-Gvern iressaq the business of the House u huwa l-Gvern li għandu jara li jkun hawn quorum. Jiġifieri bl-akbar ħbiberija, irrid ngħid li kemm dak li qed jgħid l-Onor. Borda, kif ukoll dak li qal - din id-darba mhux b'ton aggressiv - l-Onor. Carm Lino Spiteri m'huwiex f'postu. Huwa l-Gvern li għandu l-obbligu jifforma l-quorum. L-Oppożizzjoni qed tagħmel id-dover tagħha billi bl-akbar serjeta' u attenzjoni qiegħda tikkontribwixxi biex tipprova anke tneħħi ċerti difetti f'liġi li ma taqbilx magħha fil-prinċipji. Daqstant qiegħda tkun serja din in-naħa ta' l-Oppożizzjoni! Jiġifieri aħjar ma jsirux ċerti rimarki.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jista' jkun ma nkomplux fuq dan is-suġġett għax qegħdin out of order. L-Onor. Manuel Borda.
ONOR. MANUEL BORDA: Mr Chairman, aħna nimxu fuq ir-regolamenti tal-Kamra li huma l-iStanding Orders. Il-quorum jifformawh il-Membri kollha u biex naraw jekk hemmx iktar serjeta' min-naħa tal-Gvern jew mill-Oppożizzjoni nistieden lill-Whip jew il-Leader of the Opposition jsejjaħ lill-Membri kollha ta' l-Oppożizzjoni li hawn bħalissa. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom, ma nkomplux fuq dan is-suġġett. L-Onor. Lino Spiteri jista' jkompli.
ONOR. LINO SPITERI: Mr Chairman, l-Onor. Manuel Borda għandu kull dritt jgħid l-opinjoni tiegħu, imma huwa żbaljat. L-Onor. Borda ġieli kien ikun żbaljat anke bħala Deputy Speaker u ħadna paċenzja nikkorreġuh bil-kwiet u bil-kalma kollha, imma issa qed ikun żbaljat meta jiġi jipprova jpoġġina f'din il-pożizzjoni. U din hija pożizzjoni politika li kkwota l-ġurnal li jappertjeni għan-naħa tal-Gvern. Issa qed jipprova jagħmel punt politiku li l-quorum suppost tifformah l-Oppożizzjoni, li m'huwiex korrett. Mhux billi tikkwota l-ittra ta' xi ħaġa imma trid tħares lejn l-ispirtu. Tant hu hekk, li se napplika dan il-punt għal dak li konna qed niddiskutu hawnhekk dwar kif jiġu trattati prodotti li jkunu sub-contracted barra mill-pajjiż. L-Onor. Josef Bonnici rreferieni għal items 19 u 20 tat-Third Schedule u qalli li għandu l-parir li dawn l-items ikopru l-punt li kont qed nagħmel jien. Jiġifieri aħjar inkunu speċifiċi dwar sub-contracting. Kieku rrid noqgħod infettaq u nimxi bil-kelma biss, kont ngħid li dan m'huwiex il-każ. Imma proprju għax naf li hawnhekk trid tieħu wkoll l-ispirtu tal-kelma u naf li ġaladarba n-naħa tal-Gvern, bl-awtorita' li għandha bħala l-parti li qiegħda tressaq l-Abbozz u d-dettall tiegħu għall-konsiderazzjoni ta' din il-Kamra, qiegħda tispeċifika li dak il-punt huwa kopert - u naf li dik allura se ssir parti mill-konswetudni tal-Kamra ta' kif tinterpreta dik l-item partikolari - waqaft u ma qgħadtx nippersisti fuq il-punt li bilfors irridu nagħmlu emenda. Imma bl-istess mod u bl-istess paragun, barra l-kelma u l-ittra ta' l-iStanding Orders, hemm ukoll l-ispirtu tagħhom, u dak l-ispirtu fil-konswetudni parlamentari tagħna, li qiegħda bbażata fuq il-mudell Ingliż - ħobbu jew obogħdu; jien ma nħobbux imma aħna mrobbijin fih - huwa mħallat ma' l-ittra. Issa meta hawnhekk ikollna mudelli oħra - bħal dak ta' l-Italja, fejn ikollok Prim Ministru li l-ewwel jieħu pass mod, imbagħad jirtirah, imbagħad jieħu pass ieħor u jerġa' jikkwalifikah - naraw. Pero' bħalissa fuq dak il-mudell mexjin u allura jkollna naċċettaw il-gwida tas-Sinjorija Tiegħek li nħoss li qed tiggwidana tajjeb u qed tgħidilna biex ma noqogħdux ninħlew fuq dan il-punt għax għandna affarijiet oħra importanti x'nagħmlu.
Dwar l-affarijiet oħra mportanti li għandna x'nagħmlu napprezza li l-Ministru se jressaq emenda għall-Fifth Schedule, għax dwar dik il-parti osservajt li kif se jiċċarġaw il-VAT il-postijiet classified as take away, jekk hux zero jew 15%, kienet lifted direttament mill-arranġamenti dwar il-levy eżistenti u hemmhekk ukoll inħass li m'humiex ċari biżżejjed. Allura nistennew li tersaq l-emenda ħalli naraw kif se tkun.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Manuel Borda.
ONOR. MANUEL BORDA: Mr Chairman, jien ma nistax nittollera l-fatt li qalli ...
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Borda, dan l-argument għalaqnieh. Issa qegħdin out of order.
ONOR. MANUEL BORDA: On a point of order. Meta kont Deputy Speaker imxejt skond ir-regolamenti u bħalma għidt qabel, l-iStanding Orders jirregolaw li l-Membri kollha jifformaw quorum.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Is-suġġett huwa magħluq.
L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Mr Chairman, napprezza li m'għandniex inkomplu fuq dan is-suġġett, pero' b'fairness lejn l-Onor. Borda rrid niċċara li ma kelli l-ebda intenzjoni li nitfa' xi riflessjoni fuq l-integrita' tiegħu; kultant jiena forsi nkun facetious u forsi niġi interpretat li rrid ngħid xi ħaġa oħra. Jiena ridt ngħid biss dak li għidt dwar l-interpretazzjoni ta' l-ispirtu u l-ittra tal-liġi, u m'iniex se nirrepeti. Dwar iż-żmien meta l-Onor. Borda kien Deputy Speaker għidt li ġieli kien hemm okkażjonijiet meta din in-naħa tal-Kamra ma qablitx ma' l-interpretazzjoni tiegħu tar-regolamenti. Dak li għidt u m'għidtx iktar minn hekk. U għidt dan fil-kontest li m'għandi l-ebda dubju li l-Onor. Borda, anke jekk ġieli ma qbilniex miegħu, kien qed jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skond kif fehemhom hu skond il-kuxjenza tiegħu u mhux għaliex ried jagħmel xi ħaġa li ma kellhiex issir.
Għar-rigward ta' item 2 tal-Fifth Schedule, għal darb'oħra għandi diffikulta' li tixbah lid-diffikulta' l-oħra. Din tgħid hekk:
"The supply of food purveyed at any other premises purveying prepared food against payment for consumption on the premises, whether such food is prepared therein or not excluding -
(a) the supply of food in a club in an area restricted to purveying food and beverages solely to members and their guests;
(b) the supply of food by a canteen situated in a work or study area and which exclusively serves food and beverages to workers and students therein.".
Hemm żewġ kategoriji ta' premises imħalltin flimkien, għaliex wieħed huwa club, u allura jindika ċerta attivita' u ċerta qagħda soċjali, u l-ieħor jirreferi għal post tax-xogħol u għal studenti. Imma irrispettivament għal xiex jirreferu, nixtieq kjarifikazzjoni - u d-drafter għandu jara jekk hemmx il-ħtieġa ta' kjarifikazzjoni anke fil-wording kif jidher hemmhekk - dwar xi tfisser "excluding". Infakkar li din is-sezzjoni tgħid li r-rata applikabbli hija 10%. Issa meta qed teskludi minnha, xi tkun trid tfisser? M'hemm xejn applikat. Allura r-rata tiġi zero jew inkella l-exclusion hija tar-rata ta' 10% u allura awtomatikament tiġi applikabbli r-rata ta' 15%?
ONOR. JOHN DALLI: Nibda mill-aħħar punt. Ladarba l-food huwa zero rated, il-fatt li hemm exclusion mill-ħlas ta' 10% tiġi l-konklużjoni li r-rata hija zero u allura l-ikel f'dawn it-tip ta' premises ikun zero rated.
Rigward l-argument l-ieħor dwar l-intermediary supplies u l-exports, l-Onor. Spiteri għamel żewġ punti. L-ewwel punt li għamel kien li ma rax, jew sa dak il-ħin ma identifikax fil-Liġi, xi ħaġa dwar re-exports. Fil-fatt l-Onor. Josef Bonnici attiralu l-attenzjoni li fil-fatt fuq re-exports huma speċifikati. Dwar l-intermediary supplies item 1 ta' Part One tas-Second Schedule tgħid hekk:
"The supply of goods to a taxable person established in Malta who carries on the business of arranging and financing the export of goods, for the purpose of the export of those goods by that person without the actual delivery of those goods to that person, provided the goods are actually exported without any processing or alterations and subject to such conditions, evidence or security as may be imposed or required by the Commissioner.".
Hawnhekk qed inpoġġu l-pożizzjoni ta' export house. (Interruzzjonijiet) Ħalli nkun speċifiku. Dan m'hux eżattament l-intermediate manufacturer li alludejna għalih il-bieraħ, li qed ngħidu li għandu jkun covered ukoll. Item 2 hija iktar indirizzata lejn an export house function fejn dak li jkun qiegħed jiġbor manifattura li ssir lokalment u jesportaha, anke jekk ma jkunx qed jesporta hu nnifsu. Il-bieraħ fil-fatt ikkwotajt regulations li konna ppubblikajna mal-publication tal-liġi bl-Ingliż f'Mejju li għadda, fejn kien hemm inklużi kopja tar-regulations li se joħorġu. Waħda minnhom - ta' din se nagħmillek photocopy - titkellem fuq supply by intermediaries u tgħid hekk:
"When a supply is made through an intermediary who acts in the name and for the account of any person and to the extent of the Commissioner is satisfied and the supply is made as aforesaid, that supply shall be treated as supply made by another person.".
Fil-fatt jien naħseb li fir-regulations irridu nespanduha xi ftit iktar milli qiegħda. Jiġifieri qed naqbel li għandna nagħmlu provvedimenti biex ma jkunx hemm VAT payments minn kumpanniji li qed joperaw subcontracters jew kumpanniiji oħra li eventwalment jesportaw. Jien naħseb li l-aħjar hu li nagħmlu wording differenti f'din is-section tar-regulations għax ma tkoprix eżatt din is-sitwazzjoni. Pero' rrid ngħid lill-Onor. Membru li the point is taken u se nieħdu l-miżuri fir-regolamenti biex nipprovdu għalihom.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat huwa sospiż.
Skond l-Ordni Permanenti Nru 111 fis-7.30 p.m. il-Kumitat ġie sospiż u l-Kamra rriżumiet fil-7.31 p.m.
MR SPEAKER: Peress li hawn quorum il-Kamra tista' tkompli bix-xogħol tagħha.
L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, Viċi President tal-Kumitati, jippresjedi.
Klawsola 11 - Eżenzjonijiet (Kont.)
Clause 11 - Exemptions (Cont.)
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Qabel ma ġejna interrotti, Mr Chairman, il-Ministru kien qed jgħid li - kif għamel il-bieraħ - dak li għidt jien fuq subcontracting innotah u jaqbel miegħu u allura jekk hemm il-ħtieġa li jagħmel xi ħaġa, din issir fir-regolamenti. Jien ngħid li hemm ħtieġa għax subcontracting m'humiex intermediate supplies. Jistgħu jkunu supplies through an intermediary, imma m'humiex intermediate supplies. Intermediate supplies huma prodotti li għadhom m'humiex finished, mentri meta titkellem fuq subcontracting tista' tkun qed titkellem dwar prodotti li huma finished. L-importanti huwa li d-dibatittu qed juri dan il-qbil u allura meta l-Kummissarju jiġi biex jinterpreta t-tifsira ta' dak li hawn fil-liġi, ikollu gwida fuq xiex jimxi. Forsi waqt li aħna għaddejjin, ikun tajjeb li nħarsu lejn paragrafu (2) ta' item 1 tas-Second Schedule. Jista' jkun li hemm tista' tidħol emenda żgħira jew żieda żgħira ma' dak li hemm. Dan il-paragrafu jgħid hekk:
"The supply of goods to a taxable person established in Malta who carries on the business of arranging or financing ...".
Il-Ministru spjega korrettement li dik tirrigwarda l-possibilita' li jkollok export houses li forsi s'issa m'għandniex. Pero' għaliex m'għandux ikollna? Fl-opinjoni tiegħi, għalkemm m'iniex qed nipproponi emenda f'dan is-sens, din tista' tiġi hekk: "The supply of goods for export to an exporter or ...". Forsi xi ħadd jista' jikkonsidra dak li qed ngħid u jara jekk tagħmilx sens jew le. L-intenzjoni hija li tiċċara iżjed l-affarijiet.
ONOR. JOHN DALLI: Nistgħu nikkonsidraw li flok nagħmluha b'dak il-mod, ngħidu:
"The supply of goods to a taxable person establised in Malta who carries on the business of making, arranging or financing ..."
jew
"The supply of goods to a taxable person established in Malta who carries on the business of exporting or arranging or financing the export of goods, ...".
ONOR. LINO SPITERI: Il-ħsieb hu li tħalli l-exporter u l-finance house. Jekk tidħol "carries on the business of the export of goods" ikun biżżejjed.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat huwa sospiż għal għaxar minuti, sakemm jiġi konsidrat dan il-punt.
Fis-7.40 p.m. il-Kumitat ġie sospiż u rriżuma fis7.50 p.m.

THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Edwin Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Xtaqt nistaqsi lill-Ministru dwar dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti farmaċewtiċi f'din l-Iskeda. Għaliex il-kontraċettivi m'humiex inklużi u għaliex m'għandhomx ikunu inklużi?
ONOR. JOHN DALLI: Għaliex se jkunu irħas.
ONOR. EDWIN GRECH: Nistgħu nieħdu l-kelma tal-Ministru li se jkunu irħas?
ONOR. JOHN DALLI: Iva.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Qiegħed nistaqsi wkoll dwar oġġetti li jiġu pprovduti minn istituzzjonijiet li huma profit making, per eżempju fi sptar privat jew fi klinika privata, għaliex ġieli jiġu prodotti mediċini minn dawn l-istituzzjonijiet. Hemmhekk ikun hemm profitt fuq il-mediċini.
ONOR. JOHN DALLI: Dawn il-prodotti xorta waħda jkunu zero rated.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiġifieri ma jistgħux jagħmlu charge għaliex qed jagħmlu supply ta' mediċina.
ONOR. JOHN DALLI: Le, għaliex il-mediċina, anke meta tinxtara minn spiżerija u allura jsir profitt fuqha, hija zero rated.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Imma l-mediċina mhux dejjem se tinxtara mill-pazjent direttament mill-farmaċija.
ONOR. JOHN DALLI: Imma bħala konċett, irrispettivament minn jekk tingħatax b'xejn jew inkella hux se jsir profitt fuqha, ladarba l-mediċina meta tiġi mportata taqa' taħt dawk l-HS Codes li qed nistipulaw, hija zero rated, tingħata minn min tingħata.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Li qed jiġri bħalissa huwa li qegħdin jiġu supplied mediċini minn dawn l-istituzzjonijiet privati u jsir profitt fuqhom. Dawn il-mediċini qed iġibuhom mill-ispiżeriji, jekk ma jġibuhomx huma stess direttament mill-aġent, u qed jagħmlu extra charge talli qegħdin jagħtuhom minn hemmhekk, bil-konsegwenza li l-pazjent qed ikollu jħallas iktar għalihom. Se jkun hemm xi regolamenti biex dan ma jkunx jista' jsir?
ONOR. JOHN DALLI: Din m'hux kwestjoni ta' VAT u bħalissa qegħdin nitkellmu fuq il-VAT. Li nista' ngħidlek huwa li m'hu se jkun hemm l-ebda extra charge minħabba l-VAT, għaliex il-mediċinali huma zero rated. Ir-regolamenti l-oħra jidħlu taħt ir-regolamentazzjoni tal-clinics, eċċ. Hawnhekk aħna qed niddiskutu t-taxxa tal-VAT u fit-taxxa tal-VAT il-mediċinali huma zero rated, jingħataw minn fejn jingħataw. Ħadd ma jista' jgħid li se jiċċarġja xi ħaġa iktar fuq mediċinali għaliex qed jiġbor il-VAT fuqhom.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Nixtieq nerġa' mmur lura għall-punt tal-kontraċettivi u nistaqsi lill-Ministru għaliex iddeċieda li dawn ikunu soġġetti għall-VAT. Għaliex il-Ministru ma kkonsidrax il-kontraċettiva bħala mediċinali?
ONOR. JOHN DALLI: Dawn m'humiex mediċina.
ONOR. EDWIN GRECH: X'jiġifieri m'humiex mediċina? Hemm kontraċettivi li jiena nikkonsidrahom bħala mediċina, purely and simply, u ħafna tobba jużawhom mhux bħala kontraċettivi, imma bħala mediċini. (Interruzzjonijiet) Il-hormones mhux mediċini? (Interruzzjonijiet) Jien qed ngħid għal dawk il-kontraċettivi li għandhom il-hormones.
ONOR. JOHN DALLI: Jiena se niċċekkja biex inkun ċert li qed nikkwota tajjeb pero' llum ...
ONOR. EDWIN S. GRECH: Mr Chairman, jiena jidhirli li l-kontraċettivi li fihom il-hormones għandhom jiġu esklużi mill-VAT.
ONOR. JOHN DALLI: Dawn m'humiex ikklassifikati bħala mediċina u fit-tariffa tad-Dwana llum għandhom dazju ... (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Grech, erġa' agħmel il-mistoqsija tiegħek.
ONOR. EDWIN S.GRECH: Il-mistoqsija tiegħi kienet ġenerali ħalli mbagħad inkunu nistgħu nidħlu fid-dettal. Jiena ma nistax nifhem għaliex il-kontraċettivi m'humiex inklużi mal-mediċinali.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Jiena qed ngħid li għandna naraw daqsxejn dawn il-kontraċettivi taħt liema HS Code jiġu mportati u jekk humiex inklużi jew le fix-schedule li tajna.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa nixtieq ngħid li hawn ħafna nies u aġenziji li jipprovdu ...
ONOR. JOHN DALLI: Insurance premiums huma exempt.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Mr Chairman, issa kelli nkun naf li min iħallas insurance premiums - u hawnhekk hawn tobba li qed iħallsu insurance premiums fuq saħħithom - qiegħed isir ħlas mingħalija ta' 2.5% jew 3% fuq id-dokumentazzjoni.
ONOR. JOHN DALLI: Dak huwa l-boll ta' l-insurance. Dik dejjem hekk kienet għaliex dak huwa d-duty on documents. Kull insurance premium għandha boll.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiġifieri l-Ministru qed jgħidilna li m'hux biżżejjed li jkollok tassigura saħħtek biex tkun żgur li tirċievi t-trattament mediku neċessarju, imma trid tħallas iktar fuq il-boll. Jiena naf li l-aġenti ta' l-assigurazzjoni tħabtu ħafna mal-Ministru biex dan il-boll jitneħħa minn fuq l-assigurazzjoni tas-saħħa.
ONOR. JOHN DALLI: Kulħadd jitħabat mal-Ministru tal-Finanzi biex ma jħallas xejn!
ONOR. EDWIN S. GRECH: Hekk qalulna lilna, li dawn għamlu rappreżentazzjoni biex din titneħħa.
ONOR. JOHN DALLI: Onor. Grech, kulħadd jitħabat mal-Ministru tal-Finanzi - ikun min ikun il-ministru tal-finanzi - biex jekk jista' jkun ma jħallas l-ebda taxxa.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiena mhux qed nitkellem fuq hekk, imma fuq l-assigurazzjoni tas-saħħa. Jiena naħseb li l-popolazzjoni kollha, inkluż it-tobba li hawn hawnhekk, jaqblu li fuq assigurazzjoni ta' saħħa m'għandux ikun hemm taxxa.
ONOR. JOHN DALLI: Li qed isemmi l-Onor. Grech hija t-taxxa fuq dokumenti imma għal dak li għandu x'jaqsam ma' VAT nista' ngħidlu li kull premium ta' taxxa, inkluża t-taxxa fuq is-saħħa, huwa exempt.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jista' l-Ministru jgħid kif iċ-ċittadini se jibbenefikaw minn eżenzjoni fis-servizzi tas-saħħa fis-settur privat?
ONOR. JOHN DALLI: Mhux se jkun hemm charge ta' VAT fuq kull servizz li għandu x'jaqsam mas-saħħa. Dan ifisser li ħadd m'għandu jżid prezzijiet ta' servizz ta' saħħa mogħti lokalment minħabba l-VAT.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Għaliex ma saritx eżenzjoni u mhux eżenzjoni bi kreditu? Il-liġi tgħid li fejn jidħlu servizzi privati ...
ONOR. JOHN DALLI: Fil-liġi exempt with credit qiegħda, u dan huwa aħjar biex żgur ma jkun hemm ebda skuża ta' għoli ta' prezz. Qed isir dan sabiex fuq is-supplies li se jkollhom dawn l-istituzzjonijiet jew fuq is-servizzi li se jirċievu, ikunu jistgħu jikklejmjaw il-credit fuq il-VAT li se jħallsu. Jekk dawn ikollhom servizz ta' anestetista ...

ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiġifieri tobba li jagħmlu intervent ma' pazjent f'dawn l-istituzzjonijiet ma jiċċarġjawx VAT.
ONOR. JOHN DALLI: Hekk hu, it-tabib ma jiċċarġjax VAT lill-clinic u lanqas il-clinic ma tiċċarġja VAT lill-pazjent.

ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiġifieri jagħtu rċevuta biss.
ONOR. JOHN DALLI: Hekk hu, il-clinic trid tagħti rċevuta lill-klijent.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Il-clinic jew it-tobba jridu jgħaddu t-taxxa u mbagħad jikklejmjawha mid-dipartiment?
ONOR. JOHN DALLI: M'hemmx taxxa. La l-clinic u lanqas it-tobba m'huma se jiċċarġjaw taxxa.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Allura in the end kif se jibbenefika l-pazjent?
ONOR. JOHN DALLI: Li qegħdin ngħidu aħna huwa li se nżommu l-istatus ...
ONOR. EDWIN S. GRECH: Il-Ministru ma jistax jassigura li l-prezzijiet tat-tobba u l-konsulenti mhux se jiżdiedu.
ONOR. JOHN DALLI: Għalfejn għandhom iżidu ċ-charges tagħhom?
ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA (Segretarju Parlamentari): It-tobba m'għandhomx għalfejn - jikkorreġini l-Ministru jekk jien żbaljat - iżidu ċ-charges tagħhom minħabba l-VAT. Ħafna tobba, bil-VAT u mingħajr VAT, ġieli jgħollu l-prezzijiet tagħhom. Imma m'għandhomx għalfejn jiżdiedu ċ-charges tat-tobba minħabba l-VAT.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Punt ieħor li xtaqt nagħmel huwa dwar is-servizzi li jingħataw mil-laboratorji privati.
ONOR. JOHN DALLI: Dak li għidna japplika wkoll f'dan il-każ.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Nixtieq nillustra x'qiegħed jgħid il-ħabib tiegħi l-Onor. Edwin Grech. L-Onor. Grech qiegħed jipprova jissoliċita informazzjoni mingħand il-Ministru li hu jafha żgur - għaliex il-liġi darha bħalma darha kull Membru ta' din in-naħa - imma bħala parti mid-diskussjoni pubblika, Mr Chairman, qed jipprova joħroġ x'se jkun l-effett dirett u indirett tal-VAT fuq il-professjoni medika.
ONOR. JOHN DALLI: Zero.
ONOR. LINO SPITERI: Waqt li l-effett tal-VAT fuq il-professjoni medika suppost li jkun nil, xi effett se jkun hemm għaliex ġaladarba l-Ministru daħħalha bl-iskop - u sew għamel - li tkun exempt with credit, magħha hemm marbut ukoll li kull min jipprattika fil-professjoni medika jrid jagħti rċevuta allavolja f'dik l-irċevuta mhux se jkun hemm it-taxxa tal-VAT. Mela minħabba li l-pazjent se jkollu f'idejh l-irċevuta fiskali ta' x'ħallas lit-tabib, it-tabib - li ma jkun ġabar l-ebda VAT għaliex m'hemmx x'jiġbor - permezz ta' din l-irċevuta jkun ta record ta' x'daħħal, imbagħad il-Gvern ikun jista' jiċċekkja dawk l-irċevuti fiskali. Issa jista' jkun hemm implikazzjoni ta' din il-miżura għaliex minn hawnhekk toħroġ il-possibilita' - għalissa ħalli ngħidulha biss possibilita' - li ċerti tobba li bħalissa mhux qed jiddikjaraw b'mod li jirrispekkja l-professjoni tagħhom, jibdew jħossu li għandhom jiddikjaraw b'mod iżjed korrett u allura dawn se jiġu aktar taxxabbli. Per eżempju, jista' jkollok każ ta' tabib li jiddikjara li mill-professjoni tiegħu jaqla' Lm3,000. Naħseb li kulħadd jaf li meta tabib jiddikjara dan l-ammont ikun qed iġebbed daqsxejn il-kredibilita' tar-return. (Interruzzjonijiet) Jekk l-Onor. Psaila Savona jrid jidħol fid-dibattitu għandu jqum quddiem il-microphone u jiena nċedilu bil-qalb kollha. (Interruzzjonijiet) Ħalli nirreġistra dak li ntqal barra mill-microphone. Jiena qiegħed ngħid li jista' jkollok ċerti każi fejn tobba jiddikjaraw li jaqilgħu Lm3,000 mill-professjoni tagħhom, u għidt li fl-opinjoni miżera tiegħi - għaliex m'iniex tabib u allura ma nafx kif taħdem dik il-professjoni ħlief meta nkun at the receiving end, kif qed inkun bosta drabi dan l-aħħar - Lm3,000 għal dik il-professjoni ma tantx hija dikjarazzjoni li ġġiegħlek taċċettaha bl-amment. L-Onor. Psaila Savona intervjena b'mod korrett - imma mhux ġol-microphone - biex jgħidli ma niskantax għaliex hawn ħafna tobba li qegħdin f'dak il-livell. Kulma għidt jien huwa li jekk l-Onor. Psaila Savona jrid jidħol fid-dibattitu, jiena nieqaf ħalli nisimgħu għaliex peress li huwa qiegħed f'din il-professjoni jista' jitkellem iktar minni fuq dan is-suġġett. Dan ifisser li assolutament ma kontx sensittiv għall-intervent tiegħu jew ipprovajt inwaqqfu. Huwa qalli wkoll li dan l-aħħar sirt sensittiv. Safejn naf jiena, jiena minn dejjem kont sensittiv u mhux dan l-aħħar sirt sensittiv. Jekk jippermettili l-Onor. Edwin Grech, inkompli nelabora fuq dak li kien qed jgħid hu, u nistaqsi x'se jkunu l-implikazzjonijiet kemm-il darba jkollok sitwazzjoni fejn minħabba l-VAT ikun hemm xi prattikanti mediċi - mhux bilfors tobba imma jista' jkunu speċjalisti bħalma hu l-Onor. Edwin Grech, jiġifieri qed ngħid eżattament għall-medical and kindred profession - li jħossu li issa hemm sistema li twassal għal ħjiel iżjed korrett ta' x'jaqilgħu. Dak huwa li kien qed jistaqsi l-Onor. Edwin Grech. Ma' dan l-argument kien qiegħed jorbot ukoll il-fatt li l-parti l-kbira tat-tobba llum ma jagħtux irċevuta għaliex ma jiġux mitluba jagħmlu hekk, pero' issa se jkunu marbuta li jagħtu rċevuta fiskali u għalhekk se jkollhom huma wkoll dawk li jissejħu compliance costs. Issa peress li l-provvediment ta' health care huwa exempt with credit, it-tobba se jkunu jistgħu jikklejmjaw - allavolja ma ġabruhiex mingħand il-pazjent f'isem il-Gvern - spejjeż ta' VAT li huma jkunu għamlu fin-natura tal-professjoni tagħhom. Nieħdu eżempju ta' tabib li juża karozza biex imur jara l-pazjenti. L-Onor. George Hyzler - li mhux qiegħed hawnhekk - f'Ħal Qormi kien beda b'bicycle. Illum it-tobba l-ewwel jibdew bil-mixi u mbagħad jaqilbu għall-karozza. Wara kollox, għaliex le? Mhux hekk hi d-dinja? Fuq dik il-karozza jrid jagħmel ċertu manteniment fis-sena u fuq dak il-manteniment se jħallas il-VAT. It-tabib se jkun jista' jikklejmja dik il-VAT, dik l-input tax tiegħu, minkejja li ma ġabarx output tax. Mela huwa vantaġġ għat-tabib li dan is-servizz huwa exempt with credit. Imma mbagħad se jkollu compliance cost, fis-sens li issa jrid iqabbad lil xi ħadd - bookkeeper żgħir jew accountant kbir - biex iżommlu r-records tax-xogħol tiegħu u allura l-ispejjeż tiegħu se jiżdidulu. L-Onor. Grech qiegħed jistaqsi kif se jiġi affettwat il-pazjent meta għandek dawn iż-żewġ effetti, il-compliance cost u l-fatt li issa se jkun hemm iżjed ħjiel qawwi ta' x'inhu d-dħul tal-professjoni medika. Se jintlaqat il-pazjent? Nixtieq nagħmilha ċara li dan li qed jistaqsi l-Onor. Edwin Grech hawnhekk, staqsejtu jiena fost oħrajn barra minn din il-Kamra bl-iżjed mod ċar u bl-iżjed mod li ma fihx tlaqliq għaliex ktibtu jiena u meta nikteb ma nlaqlaqx iżjed milli meta nitkellem.
Yüklə 1,01 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   ...   16




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin