Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET IMWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 363,65 Kb.
səhifə5/6
tarix30.04.2018
ölçüsü363,65 Kb.
#49479
1   2   3   4   5   6

MISTOQSIJIET IMWIEĠBA BIL-MIKTUB




ĦABS ĊIVILI - SENTENZA FUQ DROGA

17908. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħabsin li qed jiskontaw sentenza fuq droga? Kemm minnhom huma Maltin? Kemm minnhom huma barranin? Kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom huma rġiel? Jista' jiġi assigurat li dawn il-ħabsin mhux qed jiddeġeneraw, issa li hemm akkużi serji li fil-ħabs qed ikun hemm numru kbir ta' drogi? Kif se jiġu riformati dawn in-nies?
ONOR. LOUIS GALEA: Bħalissa hemm 33 priġunier iservu sentenzi fuq drogi. 19 minn dawn il-priġunieri huma Maltin u 14 huma stanġieri. It-33 priġunier fuq sentenzi ta' drogi huma kollha rġiel.
Fil-preżent il-Ħabs ta' Kordin għandu madwar 180 resident. Terz minnhom huma reġistrati bħala li kienu additivi għad-droga qabel ma daħlu l-Ħabs. Il-maġġor parti tagħhom kienu fallew li jagħmlu mill-inqas programm wieħed fil-kommunita' biex ifiequ mill-effetti tad-droga. B'riżultat ta' dan il-Ħabs għandu fih każijiet diffiċli ta' drogati.
Id-drogi jistgħu jidħlu l-Ħabs b'ħafna mezzi, iżda l-arterji prinċipali ta' dħul huma identifikati bħala (a) il-viżitaturi (b) il-viżti tal-priġunieri fil-Qorti u fl-Isptar. Kien hemm suspett ukoll fuq ċertu staff li jaħdem il-Ħabs.
F'Novembru 1993 inħolqot skwadra speċjali (l-'iSpecial Response Team'). F'Jannar sitt persuni ntbagħtu biex jagħmlu 'training' fi skejjel speċjalizzati fil-Kanada. Grupp ieħor telaq fl-aħħar ta' April.
Malli ġiet ifformata l-iskwadra beda jinħass l-effett tagħha. Fid-29 ta' Novembru nqabad suldat idaħħal siringi fil-Ħabs. Is-suldat ġie sospiż u ttieħdu passi kontrih. Fl-istess żmien gwardjan inqabad idaħħal flixkun inbid fil-Ħabs u dan ukoll ġie sospiż sakemm saru l-investigazzjonijiet neċessarji. Bejn Marzu u April kien hemm diversi każijiet ta' sejbiet ta' droga fil-Ħabs. Is-sejbiet ma kenux b'kumbinazzjoni iżda għax kien hemm azzjoni maħsuba u koordinata biex il-problema titla' fil-wiċċ.
Sussegwentement biex iktar issir sorveljanza fuq 'staff' u ħabsin ittieħdu dawn il-passi:-
(a) Inbniet kamra fejn jiġu mfittxija, b'mod effettiv u bil-konfidenzjalita' kollha, l-ħabsin meta jirritornaw mill-Qorti, l-Isptar, jew postijiet oħra. L-istaff li mar il-Kanada ġie ittrenjat kif għandu jsir dan it-tiftix.
(b) It-tabib tal-Ħabs ġie fornut b'apparat għal 'rapid diagnostic tests' biex tiġi iċċekjata l-urina għall-morfina, kokaina u kannabis. Ftit ħafna kienu l-priġunieri illi rrifjutaw dan it-'test'.
(c) Inxtara 'proctoscope' għat-tabib biex ikun jista' ifittex ġewwa l-persuna hekk kif il-priġunieri jirritornaw minn viżti fuq barra.
(d) Ġiet ordnata 'breathalyser' biex jittestja l-pazjenti għax-xorb.
(e) Il-ħabsin qed jiġu klassifikati skond jekk humiex jew kenux xi darba dipendenti fuq id-drogi, jew jekk humiex traffikanti.
(f) Inxtraw klieb apposta magħrufa bħala 'sniffers' mill-Ingilterra biex jkunu jistgħu jxommu l-preżenza tad-droga. Dawn il-klieb diġa' waslu u jibdew jagħtu l-kontribut tagħhom hekk kif ikollhom l-eta' u t-'training' neċessarju.
(g) Qed isiru 'random searches' fuq l-istaff. Kulħadd, mingħajr distinzjoni, hu suġġett għat-tfittxija. Min jirrifjuta jaqa' awtomatikament taħt suspett.
(h) Inbniet 'reception area' ġdida fejn il-viżitaturi jiġu mfittxija qabel jidħlu l-Ħabs u xi affarijiet li ma jkunux jistgħu jiddaħlu jiġu miżmuma ġewwa 'lockers' speċjali.

Il-problema qed tittieħed b'serjeta' kbira u qed isir xogħol ieħor, bħal per eżempju:


ġie stabbilit programm flimkien ma' l-'Alcoholic Anonymous'; hemm pjan biex jiġi stabbilit programm ieħor man-'Narcotic Anonymous'; kif ukoll programm ta' edukazzjoni fuq id-droga. Huwa wkoll ippjanat li jkun hemm 'Social Worker', Psikoloġista u Kunsillier fuq kura tad-droga. Hemm pjan biex fil-futur il-Faċilita' ikollha sezzjoni separata għall-priġunieri li jridu serjament ifiequ mid-droga.


AWTORITA' TAD-DJAR - GĦAJNUNA FINANZJARJA

17909. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għas-Sigurta' Soċjali: Liema huma l-iskemi (2 fil-fatt) li ma reġgħux iġġeddew biex titkompla l-għajnuna finanzjarja lil min hu fil-bżonn? X'inhi r-raġuni li ma reġgħux infetħu? Xi skemi simili jistgħu jiġu introdotti bl-aħħar parti tas-sena 1994?
ONOR. GEORGE HYZLER: L-iskemi SHD 15 u SHD 15A skadew fil-31 ta' Lulju, 1992. Dawn ma gewx imgedda biex jilhqu jigu pprocessati l-mijiet ta' applikazzjonijiet li kien hemm pendenti. Qieghed jigi kkonsidrat xi tip ta' sussidju iehor wara li jkunu mehlusa is-629 applikazzjoni li baqa' pendenti.


ENEMALTA - APPLIKAZZJONIJIET GĦAD-DAWL

17910. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jara u jispjega għaliex qed ikun hemm ħafna "red tape" biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għad-dawl fil-fondi, biex ma nsemmiex il-Lm50 li jridu jħallsu b'riżultat ta' ħafna dewmien biex jiġi nstallat?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li l-applikazzjonijiet għad-dawl elettriku jiġu proċessati waħda wara l-oħra u mingħajr l-ebda dewmien.
Jekk l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku nkun nista' ninvestiga għax din l-ewwel darba li kelli dan l-ilment.


LIĊENZJI - TAXXI

17925. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Kemm beħsiebu jdaħħal il-Gvern mit-taxxa ta' Lm5 f'sena minn kull min għandu liċenzja għal:
(1) fabbrika;

(2) restaurant;

(3) lukandi;

(4) ħanut;

(5) laboratorji eċċ;

(6) irziezet jew intrapriżi agrikoli separatament?


Din it-taxxa se tkompli titħallas kull sena?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Nissuggerixxi li din il-mistoqsija ssir lil Ministru tal-Finanzi.


VALLETTA - TRASFERIMENT TAL-MONTI

17934. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Huwa minnu li l-Monti se jispiċċa minn Triq Merkanti l-Belt?
ONOR. LOUIS GALEA: Safejn hi nformata l-Pulizija, le.
MTARFA - ĠIBJUNI TA' L-ILMA

17952. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għas-Sigurta' Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17364 dwar il-Ġibjuni ta' l-ilma fl-Imtarfa?
ONOR. GEORGE HYZLER: Fi zmien is-servizzi Inglizi, fl-Imtarfa kien hemm 18-il gibjun. Mhux talli dawn ma nqerdux minhabba l-izvilupp fl-Imtarfa, talli l-Awtorita' tad-Djar bniet tnejn ohra hdejn il-Cluster Block I u II.


PERSUNI B'DIŻABILITA' - IMPIEG

17953. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani:
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17357 kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilita' jirreġistraw għax-xogħol illum?
Kemm minn dawn ilhom jirreġistraw għal aktar minn tlett snin u kemm hemm żgħażagħ taħt il-35 sena?
X'impiegi ġew offruti dawn matul is-snin li ilhom jirreġistraw?
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien informat li bħalissa hawn 281 persuna b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol.
Minn dawn hemm 112-il persuna taħt il-35 sena.
Mill-281, hemm 78 persuna li ilhom jirreġistraw għal aktar minn tliet snin.
L-impjiegi offruti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ lil persuni b'diżabilita' kienu jinkludu dawk ta' Stores Assistant, Salesperson, Storekeeper, Machine Operator, Watchman, Junior Clerk, Waiter, Cleaner u Pressor.


PULIZIJA - APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-PASSAPORTI

17954. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Billi f'ħafna mill-għases tal-Pulizija jirriżulta li hemm applikazzjoni tal-passaporti qodma b'riżultat li meta ċ-ċittadin jirrikorri għal servizz partikolari jiġi mogħti applikazzjonijiet/formoli ħżiena, jista' l-Ministru jara li fil-fatt jinbidlu dawn l-applikazzjonijiet sabiex iċ-ċittadini ma jiltaqgħux ma aktar diffikultajiet ta' din ix-xorta?
ONOR. LOUIS GALEA: Ingħataw struzzjonijiet lill-Pulizija biex jintużaw l-applikazzjonijiet il-ġodda.


POWER STATION - DELIMARA

17988. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14848, fejn ngħatat informazzjoni sat-30 ta' Settembru, 1993, jista' l-Ministru jgħid issa kif inhi l-pożizzjoni sa l-aħħar ta' Marzu, 1994?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li l-bilanċ ta' retentions għall-Power Station ta' Delimara fl-aħħar ta' Marzu 1994 huma:


Civil Works

Lm241,884

Administrative Block

Lm 14,906

Misc. Mech. Services

Lm 68,849

Boilers

Lm689,744

HV Switchgear

Lm193,115

LV Swtichgear

Lm 45,842







Total

Lm1,254,340


ENEMALTA - DAWL FIT-TOROQ

17989. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Liema sistemi kienu u qed jintużaw issa sabiex jinxtegħlu u jintfew id-dwal tat-toroq?
Il-mezzi ta' rapportaġġ u bdil ta' bozoz maħruq?
Kemm hu l-perjodu bejn wieħed u ieħor sabiex jinbiddlu l-bozoz difettużi?
Kemm hu l-ammont preżenti ta' bozoz rapportati diffetużi?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li hemm żewġ sistemi li jikkontrollaw is-sistema tad-dawl fit-toroq. Fejn hemm control cable taħt l-art ikkonnetjat ma' l-Power Station, is-sistema tad-dawl hija kontrollata direttament mill-Power Station. Fi bnadi oħra jintuża time switch.
Il-bozoz difettużi jiġu rrapportati direttament mill-pubbliku jew jinstabu min-nies ta' Enemalta stess meta jinxtegħlu partijiet tas-sistema tad-dawl biex issir xi manutenzjoni. Il-bozoz bħalissa jinbidlu prinċipalment mis-sezzjoni ta' li street lighting, u xi bozoz jitranġaw ukoll direttament mid-distrett ta' fejn ikunu.
Il-perijodu sabiex jinbidlu l-bozoz difettużi jvarja. Normalment dan jkun ħamest ijiem bejn wieħed u ieħor. Fejn ikun hemm xi ħsara f'cable taħt l-art jew meta l-bozza konċernata tkun waħda f'ringiela fi triq prinċipali, dan il-perijodu jista' jkun itwal.
Fl-aħħar ta' April kien hemm 359 bozza f'Malta u Għawdex biex jitranġaw.


FURJANA - LATRINA TAL-PLAYING FIELD

17994. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jara li l-latrina tal-playing field fil-Furjana tinfetaħ mill-ġdid għax dejjem tkun magħluqa?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Din il-latrina ilha magħluqa erba' snin peress li kienet ta' spiss issir ħsara fiha minn vandali. Biex terġa tinfetaħ, trid prattikament issir mill-ġdid. Għalissa ma jeżisti ebda pjan għal dan ix-xogħol.


ISLA - XOGĦLIJIET FIX-XATT

17996. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jara s-sitwazzjoni dwar ix-Xatt ta' l-Isla fejn qed jingħad li x-xogħol mhux se jitlesta għaliex il-fondi għal dan ix-xogħol intnefqu?
Jista' l-Ministru wkoll jara li fl-istess area fil-parti ta' ġewwa tingħata tindifa ġenerali u x-Xatt jinżamm f'kondizzjoni tajba l-aktar issa li dieħel is-sajf?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-programm ta' xogħol ta' dan ix-Xatt?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Dwar l-ewwel u t-tielet parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 18293 (Seduta 264).
Dwar it-tieni parti, tlabt lid-Dipartiment konċernat jieħu l-passi meħtieġa.


POWER STATION - DELIMARA

17997. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Għal liema raġunijiet Enemalta waslet sabiex it-tieni phase tal-p.s. ta' Delimara issir bil-metodu magħruf bħala "combined cycle" għal produzzjoni ta' l-elettriku?
Kien hemm xi rapporti sottomessi jew intalbu li tawh dawn il-parir? Jekk fl-affermattiv, tista' tingħata lista ta' min għamel dawn ir-rapporti u l-pariri dwar il-metodu li għandu jintuża?
Ta' min ħadet il-parir Enemalta u x'rapporti kellha suġġeriti meta saret l-ewwel fażi ta' din il-Power Station sabiex saret kif saret?
X'inhu l-persentaġġ mnaqqas ta' emissjoni ta' sulphur b'din is-sistema ta' l-aħħar?
Kemm hu preżentament il-"cost per unit" tal-Power Station tal-Marsa ta' Delimara u dak li se jkun għas-second phase?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Il-Korporazzjoni Enemalta iddeċidiet dwar il-combined cycle għall-Power Station ta' Delimara, wara li għamlet studju dwar metodi differenti ta' ġenerazzjoni ta' l-elettriku, fl-isfond lokali, u ukoll studju dwar l-emissions. Dawn ir-rapporti saru mill-konsulenti Ewbank Preece u Electricite' de France.
Wara r-rapporti, l-Korporazzjoni Enemalta dehrilha li l-aħjar mezz ta' ġenerazzjoni hu tal-combined cycle.
Jekk tikkalkola fuq il-kontenut ta' sulphur bil-fuels, it-tnaqqis hu ta' iktar minn 80%.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar paragrafu tal-mistoqsija, qiegħda tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


ENEMALTA - IMPJEGATI

17998. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid min kienu u għadhom in-nies impjegati ma' Enemalta bħala konsulenti, advisers, etc., għal dawn l-aħħar seba' snin sal-lum?
Tista' tingħata l-lista ta' dawn, il-perjodu kemm damu fix-xogħol li għamlu, il-ħlas u benfiċċji oħra li kellhom, kif ukoll in-nazzjonalita' u għaqdiet ta' minn fejn ġew issekondati?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


SKEJJEL - SKOLA TAL-BAĦRIJA

18056. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Hemm xi pjani biex minflok ma tikber l-iskola tal-Baħrija, l-istudenti li m'hemmx post għalihom se jintbagħtu f'xi skola oħra?
Fil-każ, f'liema skola se jintbagħtu? Peress li l-Baħrija qed tikber u qed jiżdiedu t-tfal hemm xi ħsieb biex tikber l-iskola tal-Baħrija?
ONOR. MICHAEL FALZON: Mżhemm ebda ħsieb li l-istudenti fl-iskola tal-Baħrija jintbagħtu f'xi skola oħra. Anzi, hemm il-ħsieb li iżjed 'il quddiem l-iskola tal-Baħrija titkabbar.


GMF PRECAST LTD.

18057. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Il-Kumpannija GMF Precast Ltd. għandha l-permess tipproduċi travi tal-konkos jew prodotti oħra tal-konkos minn xi bini fil-limiti tal-Magħtab?
Meta ħareġ dan il-permess? Il-bini li qed topera minnu din il-kumpannija fil-limiti tal-Magħtab meta ngħatalu l-ilma u d-dawl?
Kien hemm xi ilmenti kontra x-xogħol li qed isir minn din il-kumpannija?
Fil-każ li iva, x'passi ttieħdu jew se jittieħdu dwar dawn l-ilmenti?
Hemm xi ħsieb li l-inħawi jsiru zona industrijali?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Permess inħareġ lil GMf Precast Ltd biex jinbnew precast factory, uffiċini u store. Il-permess inħareġ fis-7 ta' Settembru, 1990 bin-numru 3442/90/4729/89.
Ninsab informat li hemm ukoll liċenzja tal-Pulizija biex topera. Iċ-ċertifikat li x-xogħol sar skond il-permess biex jistgħu jingħataw is-servizzi tad-dawl u l-ilma inħareġ mill-uffiċċju ta' l-ispettorat madwar sentejn ilu.
Dan l-aħħar sar ilment minn persuna u wara li saret spezzjoni fuq il-post instab illi qed isir xogħol ta' ħitan u tħammil ta' estenzjoni ma' l-istess fabbrika mingħajr permess, u għalhekk inħarġet stop notice.
S'issa m'hemm ebda pjan sabiex l-area indikata ssir żona industrijali.


BUNKERING TAŻ-ŻEJT

18081. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kemm suppost hu l-limitu li jista' jsir il-bunkering taż-żejt? Jista' l-Ministru jiżgura li dan il-limitu qiegħed jiġi osservat b'detriment għall-ibħra territorjali u xtut dwar Malta?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Nistieden l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lil Ministru għall-Affarijiet Barranin.


KALKARA - SCRAPYARD

18082. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Dan l-aħħar osservajt li l-iscrapyard tar-Rinella qiegħda testendi sewwa fit-triq. Dan qiegħed ikerraħ l-ambjent u joħloq ingombru għat-traffiku. Jista' l-Ministru jordna l-awtoritajiet konċernati biex ma jħallux il-liġi tkompli tinkiser?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Qed jittieħdu passi biex dan l-iscrap fis-sit imsemmi mill-Onor. Membru, li hemm fit-triq jitneħħa.
Se toħroġ Enforcement Notice u tkun informata l-Pulizija.


KALKARA - TINDIF TA' TOROQ

18083. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: F'dawn l-aħħar snin partijiet mill-Kalkara tħallew jakkumulaw ħafna ħmieġ u skart speċjalment fir-Ramla tar-Rinella, ħdejn il-Housing Estate Binja Bighi u fil-viċinanza tal-Film Studio Facilities. Il-budget ta' Lm19,000 li huma se jkunu għad-dispożizzjoni tal-Kunsill Lokali żgur mhux se jkun biżżejjed biex jitnaddfu dawn il-postijiet. Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li dawn il-postijiet jitnaddfu mid-dipartiment konċernat?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Il-Kunsill Lokali għandu kuntratt ta' tindif ta' toroq mhux urbani mad-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet li beda jseħħ fl-1 ta' Mejju 1994.
B'kollox, hemm maħsub tindif ta' ħames kilometri ta' toroq fit-trufijiet tal-Kalkara. Il-programm ta' xogħol isir bi qbil bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment konċernat.


KALKARA - SLIPWAY TAX-XEWKIJA UŻATA BĦALA SCRAPYARD

18084. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex partijiet mis-slipway tax-Xewkija fil-bajja tal-Kalkara qed titħalla tintuża bħalha scrapyard b'numru ta' karozzi mkissrin u żarmati kollha abbandunati?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt li jittieħdu passi biex l-iscrap fil-bajja tal-Kalkara jitneħħa.


KALKARA - BOWSERS MIMLIJA ĦMIEĠ U MATERJAL IEĦOR

18085. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li xi persuni qegħdin ibattlu bowsers mimlija ħmieġ u materjal minn razzett tal-majjali fil-viċinanza ta' Xgħajra, fl-inħawi ta' Triq Missjoni Taljana, fil-Kalkara. Għalkemm dan l-abbuż diġa' kien ġie għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet, li ġew kostretti li jiwweldjaw il-manholes tad-drenaġġ, l-abbuż xorta waħda baqa' jsir billi l-materjal issa qiegħed jintefa' minn toqob fiċ-ċmieni tal-ventilazzjoni tad-drenaġġ li hemm fl-istess triq, jista' l-Ministru jara li dan ma jibqax isir?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ninsab informat li waslu diversi lmenti fid-Dipartiment tad-Drenaġġ dwar l-effett tat-tbattil ta' bowsers tal-fosos tar-raħħala tax-Xgħajra fuq is-sistema ta' dawk l-inħawi. Dan kien joħloq ħafna każijiet ta' sadd u fawran.
Ġie ddentifikat sit iktar qrib is-sistema prinċipali fejn dawn il-problemi ma jinħolqux, fiċ-ċumnija tal-ventilazzjoni fi Triq il-Missjoni Taljana. Irriżulta pero' li anke għal dan is-sit waslu lmenti ta' rwejjaħ, u ġie deċiż li dawn it-talin ikunu awtorizzati jbattlu qrib il-pumping station ta' l-outfall f'Wied Għammieq.


MTARFA - ĠBIR TA' SKART

18086. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Kif jispjega l-fatt il-Ministru li s-sistema ta' l-iskart fil-cluster houses fl-Imtarfa (is-chute) m'hijiex prattikabbli biex tintuża mir-residenti għaliex ma hemmx post fejn jitpoġġa skip biex jinġabar l-iskart?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt biex dan l-ilment jiġi investigat.


SAN ĠILJAN/TA' ĠIORNI - SERVIZZ TA' DRENAĠĠ

18124. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jistgħu jittieħdu passi mmedjati biex tiġi msewwija s-sistema tad-drenaġġ fi Blokk A fil-Qasam tad-dajr f'Ta' Ġiorni fi Triq Bertha K Ilg, f'San Ġiljan peress li ilhom li rrapportaw il-problema mill-25 ta' Marzu, 1994 u baqgħu ma tteħdux passi?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nies mit-Taqsima tal-Manutenzjoni tad-Dipartiment tad-Drenaġġ ispezzjonaw l-imsemmija sistema tad-drenaġġ fi Triq Bertha K ilg, San Ġiljan taħt is-superviżjoni tal-Health Inspector ta' San Ġiljan.
F'din l-ispezzjoni rriżulta illi l-ħsara tinsab fil-House Connection ta' Blokk A.
Tlabt lid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tiswija ta' Djar biex jieħu l-passi meħtieġa.


BORG EDWARD - INKJESTA MAĠISTERJALI

18125. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja: Fiex waslet l-inkjesta maġisterjali dwar il-każ ta' Edward Borg li kien instab mejjet f'Villa Bonnici, f'Tas-Sliema fis-26 ta' Novembru, 1991?
Kemm xehdu f'din l-inkjesta?
Għaliex il-ġenituri ta' Borg ma ġewx mgħarrfa bil-konklużjoni ta' din l-inkjesta maġisterjali?
Għaliex l-Uffiċċju ta' l-Avukat tar-Repubblika baqa' qatt ma wieġeb ittra li l-avukat tal-ġenituri ta' Borġ kitbulu f'Jannar, 1993 jitolbu tagħrif dwar din l-inkjesta?
ONOR. JOE FENECH: It-twegiba ghal din il-mistoqsija se tinghata f'seduta ohra.


PULIZIJA - INVESTIGAZZJONI DWAR IL-MEWT TA' EDWARD BORG

18126. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-każ taż-żgħażugħ Edward Borg li fis-26 ta' Novembru, 1991 instab mejjet f'Villa Bonnici, f'Tas-Sliema?
Veru li ġie stabbilit li l-mewta kienet omiċidju?
Veru li mill-awtopsja jirriżulta li ż-żgħażugħ ġie msawwat anki fuq rasu minbarra li kellu ġo fih doża qawwija ta' drogi?
Għaliex il-ġenituri ta' Edward Borg ma ġewx informati fiex waslu l-investigazzjonijiet?
ONOR. LOUIS GALEA: Ġejt informat li mill-investigazzjonijiet li saru dwar il-mewt tas-Sur Edward Borg s'issa irriżulta li l-kawża tal-mewt kienet overdose ta' eroina. Ġie stabbilit ukoll, mill-affarijiet li nstabu fil-post, li dan l-istess post kien jintuża għal abbuż ta' droga.
Għalkemm fl-investigazzjonijiet tagħha l-Pulizija m'eliminat ebda possibilita', f'ebda waqt ma ġie stabbilit li dan kien każ ta' omiċidju.
Mhux minnu li fl-awtopsja irriżulta li Borg kien ġie msawwat. Il-patoloġisti fir-rapport tagħhom qalu li Borg miet minħabba 'Cardio Respiratory Failure'. Għar-rigward tad-daqqa fuq ras Borg, din ġiet deskritta bħala "very superficial" u li l-ebda frattura ma nstabet. Ġie rrapportat ukoll mill-esperti li din il-ferita superfiċjali ma jidhirx li kellha xi konnesjoni "diretta" jew "indiretta" mal-mewt ta' l-istess Borg u li setgħet faċilment ġiet ikkaġunata meta l-istess Borg waqa' u laqat nasu mal-paviment tal-kamra fejn instab. Oltre dan, ma kien hemm ebda sinjali oħra esterni ta' vjolenza.
Kull meta l-ġenituri ta' Borg talbu xi informazzjoni dejjem ġiet mogħtija lilhom.


SKEJJEL - SUSPETT TA' TEĦID TA' DROGA

18127. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: F'din is-sena skolastika kien hemm każi ta' teħid jew suspett ta' teħid ta' droga fost l-istudenti fl-iskejjel (a) ta' l-Istat, (b) tal-Knisja u (c) tal-Privat?
Jekk iva, kemm f'kull każ?
Kemm kienu bniet?
X'azzjoni ttieħdet?
ONOR. MICHAEL FALZON: Meta fl-iskejjel ta' l-Istat ikun hemm suspetti ta' abbuż ta' droga, il-kapijiet jirreferu l-każ lill-Guidance and Counselling Services biex imbagħad dawn jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Matul din is-sena skolastika jien informat li kien hemm żewġ każi ta' oġġetti suspettużi (i.e. siringa u pilloli) li nstabu iżda li wara rriżulta li ma kellhom x'jaqsmu xejn ma' l-abbuż tad-droga. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-iskejjel tal-knisja u dawk privati, jien informat li f'din is-sena skolastika jidher li ma kien hemm ebda każ ta' teħid jew suspett ta' teħid ta' drogi.


MELLIEĦA - SERVIZZ TA' DRENAĠĠ F'TAL-ĦAWLIJA

18148. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet ta' estensjoni tad-drenaġġ f'Tal-Ħawlija, l-Mellieħa?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li x-xogħol tad-drenaġġ f'Tal-Ħawlija, Mellieħa mistenni jibda fil-jiem li ġejjin.

RABAT - HOS TAT-TORRI

18149. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17368?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknoloġija.


SAN VINCENZ DE PAULE - ĦADDIEMA KAŻWALI

18151. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema każwali fl-Isptar San Vinċenz de Paule?
F'liema pożizzjoni jaħdmu il-maġġorita ta' dawn il-ħaddiema? X'inhi l-medja ta' numru ta' snin li ilhom jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm ħsieb li dawk li ilhom jaħdmu numru ta' snin joħroġilhom appointment fil-futur qarib?
ONOR. LOUIS GALEA: Ninsab informat li fir-Residenza San Vincenz de Paule hemm jaħdmu 125 ħaddiem każwali:-
Il-pozizzjoni taghhom hija hekk:-


78

Infermiera

21

Ward Clerks

26

Domestic Cleaners

Dawn il-haddiema każwali ilhom jahdmu medja ta' tliet snin.


Billi dawn il-haddiema mhumiex kkonsidrati bhala mpejagati regolari tal-Gvern, ikun hemm bzonn li ssir sejha ghall-applikazzjonijiet ghal dawn il-gradi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex min jintghazel, johroglu 'appointment'.
Jiena nformat li kien hemm sejhiet ghall-applikazzjonijiet ghall-infermiera mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u kien hemm numru ta' infermiera kazwali li applikaw u saru infermiera regolari. Deċiżjoni dwar ħruġ ta' applikazzjonijiet għal 'Ward Clerks' u d-'Domestic Cleaners' għad trid tittieħed.


BINI TA' ART AGRIKOLA

18220. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid kemm art li kienet agrikola nbniet mill-1971 sa l-1993, sena b'sena?
ONOR. LAWRENCE GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx statistika dwar kemm inbniet art agrikola mill-1971 sa l-1993 sena b'sena, izda qed tingabar informazzjoni mill-Awtorita ta' l-Ippjanar.


ART LI TMISS MA' BINI OKKUPAT MILL-BARRANIN

18221. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministeru ta' l-Agrikoltura jagħmel survey biex isir jaf kemm art hemm tmiss mal-bini okkupat mill-barranin li jgħixu f'Malta? Billi ħafna mill-vilel u rziezet li jixtru dawn il-barranin ikollhom art imdaqqsa magħhom, ma jidhirlux li din hi statistika importanti li għandha tinġabar?
ONOR. LAWRENCE GATT: L-informazzjoni jidher li tista' tinkiseb mill-permessi mahruga mill-Ministeru tal-Finanzi. Ghalhekk ma nhossx li huwa l-kas li jsir survey. Ninforma l-Onor. Interpellant li beda x-xoghol sabiex ir-registrazzjoni tal-art agrikola tigi komputerizzata permezz ta' GIS. L-informazzjoni tkun tista' tinzamm up-to-date b'dan il-mezz.


LOGĦOB TAN-NAR - REGOLAMENTI ĠODDA

18222. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Billi daqs sitt xhur ilu l-Interpellant sema' lill-Ministru ta' l-Intern, fuq l-RTK jgħid lill-intervistatur li fi ftit żmien kien mistenni jiddeċiedi fuq ir-regolamenti ġodda tan-nar tal-festi, u billi l-istaġun tal-festi jinsab magħna, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se joħroġ xi regolamenti ġodda għan-nar tal-festi qabel jibda l-istaġun imsemmi?
ONOR. LOUIS GALEA: Il-miżuri amministrattivi li qed jittieħdu diġa' qed iħallu effett pożittiv li jiġi msaħħaħ bir-regolamenti meta dawn jiġi finalizzati u ppubblikati.


SWALI TAT-TIĠIJIET - ĦRUQ TA' MUSKETTERIJA WARA R-RIĊEVIMENT

18223. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Billi f'ċerti swali tat-tiġijiet qed tittieħed id-drawwa ħażina li wara li jispiċċa r-riċeviment, anke wara nofs il-lejl, jinħarqu beraq, musketterija u anke murtali tal-bomba, ma jaħsibx li dan mhux sewwa? Tista' l-Pulizija toħroġ ordnijiet stretti lis-swali tat-tiġijiet, partikolarment dawk li għandhom il-ġnien attached biex waħda mill-kondizzjonijiet li jagħmlu lill-għarajjes hu li ma jaħarqux nar wara li jispiċċa r-riċeviment? Jaf li dawn qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għal dawk li jitqajjmu mir-raqda bil-ħsejjes tal-murtali, partikolarment dawk li joqogħdu viċin dawn is-swali?
ONOR. LOUIS GALEA: Naqbel li mhux sewwa u hu kontra l-Liġi.
Tlabt li s-suġġeriment ta' l-Onor. membru jiġi kkonsidrat sew.


MIA - RIGGERS MIBGĦUTA GĦAL TEST MEDIKU L-ISPTAR

18224. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: B'referenza għar-riggers li jaħdmu fit-Taqsima ta' l-Ajruport u l-periklu għas-saħħa mir-radjazzjoni, jista' l-Ministru jgħid dettaljatament meta kien li l-ħaddiema msemmija ntbagħtu għal test mediku l-isptar fuq inizjattiva ta' l-AFM jew tad-DCA? Jista' jgħid kemm kienu l-ħaddiema li ntbagħtu għat-testijiet imsemmija? Kemm intbagħtu ħaddiema s-sena li għaddiet u din is-sena għal testijiet l-isptar?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nformat li meta r-"riggers" ikollhom xogħol li jridu jagħmlu fuq "antennas" jew "aerials" ta' apparat elettroniku, l-apparat ikun mitfi bħala "safety precaution" u għaldaqstant ma jkun jeżisti l-ebda periklu għal-saħħithom minn radjazzjoni.

SAFAR MINN MALTIN U GĦAWDXIN

18225. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru Maltin u Għawdxin bħala turisti f'pajjiżi barranin fis-snin 1979 sa l-1993, sena b'sena? F'liema pajjiżi marru, sena b'sena?
ONOR. LOUIS GALEA: Il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.


UNJONI EWROPEA - SĦUBIJA TA' MALTA

18240. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin: Tista' telabora dwar dak li kien hemm imniżżel fi stqarrija tad-DOI li fit-taħdidiet tiegħek ma' ħames kummissarji tal-UE iddiskutejtu inizjattivi ġodda li jistgħu jwasslu għall-bidu tan-negozjati tas-sħubija mingħajr dewmien?
ONOR. GUIDO DE MARCO: Fit-tahdidiet tieghi ma' hames kummissarji ta' l-Unjoni Ewropea. li ghalihom jirriferi l-Onor. Interpellant iddiskutejna kif, f`isfond tal-istadju gdid li Malta lahqet fit-triq li trid twassal ghas-shubija taghha fl-Unjoni Ewropea, il-process prezenti jista' jwassal ghall-bidu tan-negozjat ta` shubija minghajr dewmien, inkluzi d-diskussjonijiet dwar il-`protocol approprie` u l-izvilupp tal-programm ta` riformi li qieghed jaghmel l-Gvern Malti.


UNJONI EWROPEA - SĦUBIJA TA' MALTA

18241. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin: Il-gvernijiet tal-Ġermanja, Franza u l-Ingilterra jaqblu ma' dak li allegatament qalu il-Ministri ta' Affarijiet Barranin ta' l-Olanda u tal-Lussemburgu li n-negozjati dwar is-sħubija ta' Malta fil-UE għandhom jibdew kemm jista' jkun malajr mingħajr il-bżonn li wieħed joqgħod jistenna għall-konferenza intergovernattiva tal-1996?
ONOR. GUIDO DE MARCO: Fiz-zjara tieghi fl-Olanda, il-Belgju u l-Lussemburgu ta` bejn l-24 u d-29 ta` April, 1994 iltqajt barra minn ma` numru ta` Kummissarji Ewropej, ma' l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Olanda u ta' l-Lussemburgu, u mhux ma' dawk tal-Germanja, Franza u l-Ingilterra u ghalhekk stajt biss nghid dak li qaluli l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Olanda w il-Lussemburgu.
Dwar jekk il-gvernijiet tal-Germanja, Franza w l-Ingilterra jaqblux jew le li n-negozjati dwar s-shubija ta` Malta fil-EU ghandhom jibdew kemm jista` jkun malajr minghajr il-bzonn li wiehed joqghod jistenna ghall-Konferenza Intergovernattiva tal-1996, nirriferi lill-Onor. Interpellant ghal dak li gie rrappurtat wara z-zjara f`Malta ta` l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Germaniz Klaus Kinkel f`Dicembru li ghadda, u dik tal-`Foreign Secretary` Ingliz Douglas Hurd f`Jannar ta` din is-sena, u ghal dak li ntqal fil-Konferenza Stampa li nzammet fl-ahhar ta` kull wahda minn dawn iz-zewg zjajjar. Nirriferi lill-Onor. Interpellant ukoll ghal dak li gie rrapportat wara l-ahhar laqgha tieghi f`Parigi, f`Marzu ta` din is-sena ma' l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Franciz Alain Juppe u l-Ministru ghall-Affarijiet Ewropej Alain Lamassoure.


KALKARA - TRIQ VILLA AMMIRAL - ĦRUĠ TA' DRENAĠĠ

18297. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għas-Sigurta' Soċjali: Jista' l-Ministru jieħu bis-serjeta' l-problema li jinsabu fiha r-residenti ta' Blokk 2, Triq il-Villa l-Ammiral, Kalkara peress li ta' kull darba d-drenaġġ qed ifurilhom fil-btieħi tagħhom?

ONOR. GEORGE HYZLER: Nitlob lill-Onor. Membru jaghmel din il-mistoqsija lill-Onor. Ministru ghall-Ambjent.


KALKARA - TRIQ IL-VILLA AMMIRAL - ĦRUĠ TA' DRENAĠĠ

18298. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jieħu bis-serjeta' l-problema li jinsabu fiha r-residenti ta' Blokk 2 Triq il-Villa l-Ammiral, Kalkara peress li ta' kull darba d-drenaġġ qed ifurilhom fil-btieħi tagħhom?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Għaddejt din it-talba lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

HYDROJET BLASTING SYSTEM

18299. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15578, jista' l-Ministru jgħidli saritx d-dimostrazzjoni li kellha ssir fl-aħħar ta' Jannar?
F'liema stadju wasal l-istudju dwar il-Hydrojet Blasting System?
ONOR. JOHN DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ghal din l-mistoqsija tinghata f'xi seduta ohra.


BORMLA - DAWL FI TRIQ SANTA TERESA

18300. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħidli meta se jsir x-xogħol sewwa biex il-bozoz li hemm imwaħħla fuq l-arbli mal-ħajt tad-dockyard fi Triq Santa Teresa, Bormla jinxetgħlu u jibqgħu mixgħula mhux kif qed jiġri li jinxtgħelu għal ftit ġranet u jerġgħu jkunu mitfijin għal żmien twil ieħor?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.


BIRGU - ŻBIR TA' SIĠAR FI TRIQ KOTTONERA

18301. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: JIsta' l-Ministru jieħu passi biex jinżabru s-siġar ta' Triq Kottonera, l-Birgu bl-istess mod li ġew miżbura dawk tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid?
ONOR. LAWRENCE GATT: Ma naqblux li fil-post imsemmi ssir din il-kwalita' ta' zabra peress li l-post jitlob attenzjoni differenti minnhabba ragunijiet ta' estetika u ta' konvenjenza ghal min joqghod fil-post. Jekk issir z-zabra kif suggerita, s-sigar jifformaw hajt kontinwu ta' faxxina proprju fuq il-bankina.


KALKARA - TENEMENT 51895

18302. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15128, jista' l-Ministru jgħidli meta ġiet terminata din il-kirja ta' dan it-tenement?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Il-kirja relattiva kienet itterminata b'effett mit-28 ta' Jannar, 1993 u l-kerrej ta lura ċ-ċwievet tal-fond f'Mejju ta' l-istess sena.


ISLA - ĠNIEN PUBBLIKU

18339. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li fid-daħla ta' l-Isla hemm wesgħa li mhix utilizzata tajjeb, jista' dak il-ħajt jitwaqqa' (inbena m'ilux) u b'koperazzjoni mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura jinbena ġnien pubbliku għall-passatemp tas-Sengleani?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt lid-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jara x'jista' jagħmel dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.


FGURA - TISWIJA TA' TOROQ

18340. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li t-toroq madwar il-ġnien li hemm f'wesgħa Reggie Miller, il-Fgura jinsabu fi stat ħażin, tista tara li jiġu kollha rranġati?
Hu possibbli li r-rokna tal-ġnien issir latrina pubblika għax viċin hemm il-Knisja parrokkjali u ma teżisti ebda latrina fil-viċinanza?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt li t-toroq fil-Fgura madwar il-wesgħa Reggie Miller issirilhom manutenzjoni mid-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi żmien qasir.
Jeżistu diversi talbiet għall-bini ta' latrini pubbliċi ġodda. Mal-ħolqien tal-Kunsilli Lokali, qed jidħlu ukoll diversi talbiet għal titjieb f'dawk eżistenti.
Ħafna minn dawn it-talbiet huma ġustifikati u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li tul l-1994, il-flus disponibbli se jintużaw kollha għall-manutenzjoni u titjieb tal-latrini eżistenti.


FGURA - BANKINI FI TRIQ KENT

18341. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li fi Triq Kent, il-Fgura naħa waħda biss hemm bankini suret in-nies, tista' tara li l-bankini tan-naħa l-oħra tat-triq jiġu rranġati?

ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt lid-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jara x'jista' jagħmel dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.


FGURA - BANKINI FI TRIQ GRAWWA

18342. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li fi Triq Grawwa, il-Fgura naħa waħda biss hemm bankina, tista' tara li n-naħa l-oħra ssir ukoll?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt lid-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jara x'jista' jagħmel dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.


FGURA - XOGĦOL F'AREA RESIDENZJALI

18343. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Peress li għandi rapporti li fi Triq Grawwa, il-Fgura hemm min jaħdem bla permess u li hu ta' nkonvenjenza għall-pubbliku, tista' tara li l-liġi tiġi osservata?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-Pulizija ħarket persuna li kienet qed tagħmel xogħol ta' mechanic fi Triq il-Grawwa, Fgura filwaqt li ma kellux liċenzja.
Informat ukoll li tliet persuni li kienu qed jeżerċitaw snajja' mingħajr liċenzja fl-inħawi ta' Triq il-Grawwa ġew ukoll imħarka u se jitressqu l-Qorti.
Ir-ronda tal-Pulizija fl-inħawi se titkompla.


ISLA - TRIQ MIĠJA TAL-PAPA - ĊINT PERIKOLUŻ

18344. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li fi Triq Miġja tal-Papa, l-Isla hemm tfal tal-mużew u l-ħadid taċ-ċint jinsab imkisser, tista tara li jiġi rranġat malajr kemm jista' jkun biex nevitaw il-periklu?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li x-xogħol imsemmi se jsir mid-Dipartiment tad-Distretti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.



Yüklə 363,65 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin