MALTA
DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)
IS-SEBA' PARLAMENT
Seduta Nru. 120
It-Tnejn, 22 ta' Marzu, 1993
Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
MALTA
Prezz Lm1
IS-SEBA' PARLAMENT
Seduta Nru. 120
It-Tnejn, 22 ta' Marzu, 1993
Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,
il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.14 p.m.
Talba
SEDUTA NRU. 120
It-Tnejn, 22 ta' Marzu, 1993
WERREJ
MINUTI ................................................ 1330
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI ........................ 1330
TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA ........................ 1335
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT
DWAR ŻWIEĠ
MARRIAGE (AMENDMENT) BILL
AĠĠORNAMENT ........................................... 1366
MISTOQSIJIET IMWIEĠBA BIL-MIKTUB ...................... 1373
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 119 li saret fis-17 ta' Marzu, 1993 ġew konfermati
MISTOQSIJIET -
TWEĠIBIET ORALI
GĦAWDEX - STUDENTI FL-ISKEJJEL
8704. L-ONOR. EVARIST BARTOLO: staqsa lill-Ministru ta' l- Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal u żgħażagħ Għawdxin li jattendu f'kull skola f'Għawdex: 1) Kindergarten; 2) Primarja; 3) Tas-Snajja'; 4) Sekondarji; 5) Post-sekondarji? Kemm hemm għalliema, assistenti kapijiet, kapijiet u caretakers, skola skola?
ONOR. UGO MIFSUD BONNICI (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani): Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Onor. Alfred Portelli, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jista' l-Ministru jgħid jekk il- Ministeru tiegħu għadux impennjat biżżejjed li jara kemm studenti jew għalliema qegħdin jitilqu mill-iskejjel tal-Gvern biex jidħlu fl- iskejjel privati jew tal- Knisja? Jista' l-Ministru jgħidli x'persentaġġ ta' tfal hemm f'dawn l-iskejjel li għal xi raguni jew oħra jinsabu lura fit-tagħlim? X'inhu jagħmel magħhom id-Dipartiment?
MR SPEAKER: Il-Ministru. ONOR. UGO MIFSUD BONNICI: Nieħu pjaċir li l-Onor. Interpellant għamel din id- domanda. Fil-fatt rrid ngħid li kieku l-Onorevoli Membru għamel din l-istess domanda bil-miktub kieku kont nagħtih iċ-ċifri mitluba aktar bl'eżatt, għaliex f'rasi għandi l-kwadru kollu mentri f'idejja m'għandix in-numru preċiż.
Mill-aħħar indaġini li kont għamilt ftit ilu kien irriżultali li l-perċentwali ta' dawk l-istudenti li qegħdin imorru fil-kindergarten tal- Gvern kiber konsiderevolment. Għar-rigward l-iskejjel primarji rrid ngħid li fil- perċentwal hemm xi tnaqqis żgħir. Jiġifieri hawn qiegħed jidher li l-iskejjel privati - mhux l-iskejjel tal-Knisja - żdiedu b'kemm kemm aktar milli kienu qabel. Għar-rigward l- iskejjel sekondarji rrid ngħid li dawn kienu żdiedu b'ammont li joqrob lejn dak li għandu l- Gvern. Iż-żieda ta' studenti li hemm fil-post-sekondarju toqrob ħafna lejn dik li għandu il-Gvern. (Interruzzjonijiet).
ONOR. EVARIST BARTOLO: Min jigdeb imur l-infern.
ONOR. UGO MIFSUD BONNICI: Ir-reliġjon kattolika ili nipprattikaha minn mindu kont għadni tifel żgħir u naf ben tajjeb li min jigdeb ikun qiegħed imur kontra t-tielet kmandament (Interruzzjonijiet). L-Onor. Alfred Portelli staqsieni jekk kemm il-darba wieħed għandux bżonn iżomm taħt għajnejh dawk l-istudenti li fit-tagħlim tagħhom aktarx jibqgħu daqsxejn lura.
Hawn irrid ngħid li fis-sena akkademika li għadha kif għaddiet niftakar li konna għamlina a remedial teaching programme mill-year 3 għal year 4 biex dawk l -istudenti kollha li kienu baqgħu daqsxejn lura kellhom jittieħdu l-barra mill-klassi biex imorru fi klassi oħra ħalli dawn ikunu jistgħu jinġiebu daqs l-oħrajn.
Għandek tkun taf ukoll li fis-sajf li ġej se nkomplu norganizzaw sessions bl- istudenti ta' l-Universita fejn dawn jibdew jgħallmu lit-tfal tal-year 3 u tal-year 4 li hemm fl-iskejjel primarji u jibdew jgħamlulhom lezzjonijiet ħalli dawn l-istudenti jiġu tajbin daqs l-oħrajn. Dan l-istess servizz se nibdewh ukoll għal dawk l-istudenti li qegħdin mill-form 1 għal form 2 tas- sekondarji u tal-liċejiet kollha biex kemm jista' jkun innaqsu minn numru ta' dawk l- istudenti li kienu baqgħu lura.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, ftit xhur ilu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni kont għamiltlu mistoqsija dwar kemm suppost għandu jkun hemm teachers f'kull skola u dwar kemm huwa l-ammont ta' teachers fil- verita'. Sal-lum il-Ministru għadu ma rrispondiniex forsi għax ma jinsabx f'qagħdha li jweġibni.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. UGO MIFSUD BONNICI: Jiena ma niftakarx li inti qatt xi darba kont għamiltli xi tip ta' domanda b'referenza għal dawn it-termini li qiegħed issemmi bħalissa. Nista' ngħidlek li f'kull skola m'hemmx numru ta' teachers li huwa fiss, pero niftakar li konna għidna wkoll kemm suppost għandu jkun hemm studenti f'kull klassi primarja u konna għidna wkoll li għal kull klassi primarja naturalment għandu jkun hemm teacher. Jigifieri jekk kemm il-darba fl-iskola tal-Birgu jew fl- iskola tal-Kalkara hemm tant tfal, allura skond in-numru ta' tfal li hemm irid ikun hemm tant numru ta' teachers. (Interruzzjonijiet). Ma nistax niftakar liema kienet id- domanda preċiża għax safejn naf jien id-domandi kollha nipprova nirrispondihom mill aħjar li nista'. Issa jekk inti fil- passat kont għamiltli xi domanda li jien għadni ma rrispondejtx għaliha allura nitolbok tfakkarni liema waħda kienet ħalli b'hekk inkun nista' nirrispondik.
SERVIZZ TAT-TELEPHONE
8978. L-ONOR. JOE MIZZI: staqsa lill-Ministru għat- Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikanti għat- telephone AT 585/91, AT 6367/91, 4026/91, 8139/91 u 7925/91 għadhom ma ġewx servuti b'dan is-servizz? Meta huwa maħsub li jingħata dan is- servizz?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH (Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni): Huwa ppjanat li l-applikant AT/585/91 (Kalkara) jingħata s-servizz is-sena d-dieħla wara li jitlesta x-xogħol meħtieġ. L- applikant numru AT/6367/91 (Fgura) ingħata s-servizz bit- telefon numru 693406. L- applikant numru AT/4026/91 (Fgura) se jingħata s-servizz iżjed tard din is-sena meta jitlesta x-xogħol meħtieġ. L- applikant numru AT/7925/91 (Fgura) se jingħata s-servizz iżjed tard din is-sena meta jitlesta x-xogħol meħtieġ. L- applikant numru AT/8139/91 ingħata s-servizz fuq telefon numru 697579.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Jista' l- Ministru jgħid kif inhuwa pprogrammat ix-xogħol għal matul din is-sena li għandu jsir fil-Kalkara, fix-Xgħira, u fil-Fgura? Jista' l-Ministru jgħidli wkoll għaliex meta fil- Kalkara hemm jinsab lest id- duct, meta fil-Birgu hemm diġa il-link li allura tista' tintuża għal-Kalkara, meta jaf ukoll li fil-Kalkara hemm ammont sostanzjali ta' nies li huma morda u li qegħdin jistennew transfer tal-linja tagħhom, għaliex se jħalli dan is-servizz biex jitlesta is- sena d-dieħla?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr. Speaker, il-Korporazzjoni Telemalta qegħdha tgħamel tajjeb li timxi bi programm. L- agħar ħaġa li nistgħu ngħamlu huwa li kull fejn tinħoloq problema nimxu b'sistema ta' minor extensions li jispiċċa biex jirrendu dak ix-xogħol ta' kaf kaf.
Issa jekk ix-xogħol li jrid isir fuq il-Kalkara jinsab fit- termini li għadu kif semma l- Onor. Interpellant u hemm bżonn li jsir aktar malajr jiena lest li nindaga. Imma peress li parti l-kbira tad-domanda li ressaq l-Onor. Interpellant kienet tirrigwardja lill-Fgura irrid ngħidlu li minn hawn u ftit ġranet oħra - nispera l-ġimgħa d-dieħla - hemmhekk se toħroġ scheme ġdida. Dan ikun ifisser li l-applikanti kollha li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fid- domanda tiegħu jkunu jistgħu jingħataw dan is-servizz tat- telephone fi'żmien xahrejn wara li toħroġ din l-istess scheme. Nista' ngħid ukoll li dawk l- applikanti kollha li kienu joqgħodu l-Fgura u li bejn Diċembru 1992 u Jannar 1993 kienu applikaw għas-servizz tat-telephone dawn sejrin jingħataw dan is-servizz b'din l-iskema.
Issa rigward areas oħra wieħed dejjem irid jara l-pjan tax-xogħol li tkun qegħdha tagħmel il-Korporazzjoni Telemalta, mhux għal area waħda partikolari biss imma għal Malta u Għawdex kollu.
MR SPEAKER: L-Onor. Alfred Portelli, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Issa nixtieq li l-Ministru jkun aktar ċar u jgħidilna eżattament fuq liema policy vera tinsab miexja l- Korporazzjoni Telemalta.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, il-policy li fuqha tinsab miexja l-Korporazzjoni Telemalta hija dik li - kif għidt f'okkażjonijiet oħra - biha rridu naslu għal sistema fejn il-pajjiż kollu jkun moqdi on demand. B'service on demand nifhem li ladarba fl-exchanges kollha ta' Malta għandek spare capacity biżżejjed u allura issa m'għandekx aktar dik il- problema li f'ċertu areas anqas biss tista' tagħti linja għaliex fl-exchange m'għandekx dik il-kapaċita', allura inti trid tagħmel enhancement tal- cable distribution system li għandu l-pajjiż , area wara area, skond il-programm hekk ippjanat, biex aktar u aktar partijiet minn Malta jiġu moqdija. Dan konna għamilnieh ġewwa l-Belt u l-Ħamrun, imbagħad estendejnieh għal- postijiet bħal Mellieħa, Hal- Qormi, s-Swieqi, Baħar ic- Ċagħaq u l-Mosta, u minn hemm tlaqna għal partijiet oħra fejn tkun tista' tgħid li lestejna anke l-enhancement tal-cable network u allura dawn il- partijiet jistgħu jitqiesu bħala li huma serviced on demand.
Hawn irid ikollna sistema fejn meta tapplika għas-servizz tat-telephone fi zmien xahar inti għandek tingħata dan is- servizz. Naturalment f'dan ir- rigward inti ma tistax tagħti dan is-servizz lill-kull post f'Malta u f'Għawdex f'daqqa, għax din hija il-parti tax- xogħol li minn natura tagħha hija labour intensive u li tinvolvi ċertu ppjanar. F'dawn iċ-ċirkostanzi tkun trid tara jekk għandekx bżonn tħaffer trinek jew inkella tgħaddix minn taħt l-art. Biex tara wkoll x'distribuzzjoni trid tgħamel mal-ħitan, tkun trid tara jekk ma ċertu ħitan għandekx distribution points biżżejjed.
Għandek tkun taf li kull sena jsir programm li jkollu distribuzzjoni geografika li tkun ekwa għal kullimkien fejn allura dawn jieħdu parti minn kull parti ta' Malta. Dan il- programm jeżisti u l-pjan finali hu li sa l-aħħar ta' l- 1994 il-pajjiż kollu jkun serviced on demand.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Il-Ministru semma każijiet ta' minor extensions biex jinħeles il- ftit xogħol li jkun hemm. Il- Ministru jaf li hemm każijiet ta' minor extensions li ntallbu tliet snin ilu u saru issa.
Apparti dan, peress li l- Gvern jgħid li fejn hemm industrial area għandu l-ewwel jgħaddi l-cable biex ikun hemm faċilita' għal telephone, nista' nistaqsi jekk ir- Ricasoli hijiex meqjusa bħala industrial area? Meta jingħata telephone, il-Ministru jiċċekkja biex jara jekk ikunx hemm xi ħadd li nqabeż? Per eżempju, kont staqsejt fuq applikant 1717/76 u l-Ministru rrispondieni li jkun jista' jingħata s-servizz s-sena d- dieħla wara li jitlesta x- xogħol meħtieġ. Għaliex qed jirrispondini hekk meta jien nista' naċċertah li teknikament tista' tingħata l-linja tat- telephone ġol-Kalkara? Għaliex meta wieħed jitlob ringing bell għax forsi għandu bżonn li jkollu qanpiena fil-bitħa, jdum snin jitlobha?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, nibda bl-aħħar parti. L-ewwelnett naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li s- sistema ta' ringing bell hija waħda antikwata. Jista' jkun li fadal xi ftit imma mhijiex ħaġa li llum tapplika għal ringing bell biex tagħmel qanpiena addizzjonali f'xi parti oħra tad-dar. (Interruzzjonijiet) Iva, imma għandek sistemi daqsxejn iktar moderni u aħjar. Hemm sistemi fejn is-sett stess tat- telephone jista' jkollu l- volume level ivarja. Jiġifieri apparti li tista' tagħmel extensions għandek diversi sistemi. (Interruzzjonijiet)
ONOR. GEORGE GATT: Fuq il- kwestjoni tar-ringing bell nista' ngħid xi ħaġa.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien naf dwar il-każ ta' l- Onor. Gatt ukoll u t-tweġiba hija l-istess. Dan huwa tip ta' apparat li ma tantx għadu jintuża. L-Onor. Gatt jista' jagħmel talba biex inġibulu ftit ringing bells apposta għall-bżonnijiet tiegħu. Qed ngħidlek li l-Korporazzjoni Telemalta m'għadhiex tuża din is-sistema għax tista' ssir extension mit-telephone. Jekk tagħmel extension ma jdoqqx ukoll? Jekk qed nifhem tajjeb, l-Onor. Interpellant qed jitlob biex ikun hemm qanpiena fl- apert, jiġifieri jew fi ġnien jew f'bitħa u għalhekk ma tagħmilx extension. Jekk tagħmel is-sistema tal- cordless, tista' żżommu fuqek il-ħin kollu basta jkollok sett tajjeb. Jista' jkollok sistema wkoll fejn min iwieġeb it- telephone, jista' jagħmel bleeping għal fuq il-cordless. Dawn huma sistemi ftit aktar moderni u effiċjenti mis- sistema tar-ringing bell. Issa jekk hemm bżonnijiet partikolari, wieħed għandu jarahom ukoll.
Meta jkun hemm applikazzjoni għat-telephone trid tikkonsidra kollox. Per eżempju, fost affarijiet oħrajn, għalkemm ikollok numru ta' requests - jiġifieri loose file requests li l-Onor. Mizzi qed igħid li għandna narawhom ukoll - meta tiġi biex tagħmel skema, trid tara wkoll jekk hemmx nies fl- istess area li jkunu applikaw qabel u tara jekk ikunx hemm konsiderazzjonijiet partikolari. Lill-Onor. Mizzi, jien qed ngħidlu li s-servizz se jingħata fi ftit żmien ieħor għax it-tweġiba nagħtihielu fid-dawl tal-pjan għall-area partikolari li qed jagħmel referenza għaliha - sakemm ma jressaqx xi ġustifikazzjoni partikolari bħall-fil-każ ta' morda, anzjani li jgħixu waħedhom jew xi nisa li r-raġel tagħhom jaħdem f'pajjiż ieħor u meta l-Onor. Mizzi għamel ġustifikazzjoni bħal din ġie mogħti s-servizz li talab bħal diversi Deputati oħrajn taż- żewġ naħat tal-Kamra - u mhux għall-individwu.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda.
Tqegħid ta' karti.
TQEGĦID TA' KARTI FUQ
IL-MEJDA
ONOR. GEORGE HYZLER (Ministru għas-Sigurta' Soċjali): Inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra:
Avviż Legali Nru. 38 ta' l-1993 - Ordni ta' l-1993 dwar l-Awtorita' tad-Djar (Trasferiment ta' Proprjeta') (Nru. 2).
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra:
Avviż Legali Nru. 39 ta' l-1993 - Regolamenti ta' l-1993 li jemendaw ir- Regolamenti dwar il- Vetturi bil-Mutur (Tariffa ta' Nollijiet).
MR SPEAKER: Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET
TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA
L-ATT DWAR IŻ-ŻWIEĠ
MARRIAGE (AMENDMENT) BILL
L-Ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Charles Mangion, President tal-Kumitati, jippresjedi.
Ikompli mis-17 ta' Marzu, 1993.
Klawsola 2 - Emenda ta' l- artikolu 2 ta' l-Att prinċipali. (Kont.)
Clause 2 - Amendment of section 2 of the principal Act. (Cont.)
THE CHAIRMAN: Rimarki? L- Onor. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Mr Chairman, rigward it-tribunal, fl-aħħar seduta li kellna jien kont staqsejt jekk dan it- tribunal jistax ikun tribunal ta' Malta jew tribunal ta' barra minn Malta u l-Ministru qalli li jista' jkun it-tnejn. Issa nixtieq ngħid ukoll li meta kien qed jirrispondi biex jiġġustifika kif aħna f'dan il- Parlament se nħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi l-kawżi tagħna, jekk niftakar sewwa, kien semma l-emendi li għamilna hawnhekk għall-Kostituzzjoni tagħna biex daħħalna l-Qorti Ewropea. Safejn naf jien, biex għamilna dak kellna bżonn il- maġġoranza ta' żewġ terzi tal- Membri għaliex dan jolqot affarijiet li huma entrenched fil-Kostituzzjoni u allura biex temendahom trid il-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Membri tal- Kamra. Issa flok tribunal wieħed, għandna tnejn - wieħed f'Malta u ieħor barra - li se jieħdu deċiżjonijiet bl-istess saħħa tal-Qrati tagħna.
L-ewwelnett kif se niġġustifikaw, meta l-Qrati tagħna huma mwaqqfa fuq sistema indipendenti ... F'liema sens? Fid-dinja demokratika parlamentari hemm żewġ sistemi ta' ġudikatura. Jien ma nafx liema hi l-aħjar waħda għax fil-prattika naf waħda biss. Imma jekk nieħdu s-sistema Amerikana nsibu li, kif taf id- dinja kollha, fl-Amerika mhux jipprovaw jagħżlu nies li jkunu newtrali, jew almenu m'għandhom l-ebda xaqlib politiku, imma jipprovaw jibbilanċjaw in-nies li huma importanti biex jiddeċiedu affarijiet fundamentali għall-pajjiż billi jagħżlu tant nies li jkollhom it-tali veduta u tant nies li jkollhom veduta differenti.
Hawnhekk qed nitkellem fuq is-Supreme Court Amerikana. Jien ma nafx li xi ħadd minn din il-Kamra qatt ikkritika lid-demokrazija Amerikana għax is-Supreme Court hija magħmula minn nies li kulħadd ikun jaf lil liema partit jappoġġjaw. Fil-fatt kull president li jiġi elett fl-Amerika jipprova jżid nies li jappoġġjaw lill-partit tiegħu biex ixaqleb il-miżien lejh. Jien m'inix qed nitkellem dwar affarijiet partiġġjani żgħar, imma proprju dwar veduti partiġġjani. Dik hija s-sistema li hija wżata fl-Amerika.
Imbagħad hemm is-sistema l- oħra li, fl-opinjoni tiegħi, hija mibnija fuq ħafna fiction, fejn tipprova ssib avukat - għax irid ikun avukat - li jkun ilu jipprattika għal ċertu numru ta' snin, ikollu l-fama li jaf il-liġi sew, televah għal pożizzjoni li jista' jiġġudika u tgħid li huwa bniedem newtrali. Jien qed ngħid li din is-sistema fiha ħafna fiction għax il-bniedem jibqa' bniedem u bilfors jieħu l-kuluri ta' madwaru. M'inix se nsemmi lil ħafna nies li huma kamaleonti għax jieħdu kulur differenti minn minuta għal oħra, pero' nista' ngħid li anke dawk li ngħidulhom bnedmin ta' integrita' kbira, bilfors jieħdu l-kuluri ta' madwarhom. Iżda, finzjoni jew mhijiex, il-Kostituzzjoni tagħna tgħid li ladarba dawn ikunu appointed, ikunu indipendenti, ħadd ma jista' jneħħihom, eċċ. Il- Kostituzzjoni tagħna hekk tgħid, u naturalment aħna aċċettajna dak li tgħid il- Qorti Ewropea għax nafu li hija mibnija fuq l-istess prinċipji u nafu li min waqqafha għandu l-istess ideat li għandna aħna. Pero', nerġa' ngħid, biex tajna dan l-aċċess lill-poplu tagħna għall-Qorti Ewropea, ridna ngħaddu liġi minn dan il- Parlament b'maġġoranza ta' iktar minn żewġ terzi tal- Membri tal-Kamra.
Issa għandna żewġ tribunali li għal dawk li jemmnu għandhom il-poteri divini kollha, iżda għal dawk li ma jemmnux m'għandhom xejn u huma assolutament estranei għax mhumiex imwaqqfa fuq il- prinċipji li nimxu fuqhom aħna. Jien m'inix qed ngħid li huma mwaqqfa fuq xi prinċipji kriminali, imma huma prinċipji differenti u għalhekk semmejt ukoll il-prinċipji Amerikani għax fid-dinja jeżistu ħafna sistemi. Per eżempju hemm is- sistema ispirata minn twemmin divin, hemm is-sistema parlamentari ispirata mit-tama li lil min se tagħtih l- appointment se jinsa' il- passjonijiet u t-twemmin politiku kollu tiegħu u f'daqqa waħda jsir newtru u hemm is-sistema Amerikana li diġa' semmejt. Imbagħad hemm sistemi oħrajn imma jien qed insemmi dawn it-tlieta għax ħadd ma jista' jgħid li qed indaħlu xi affarijiet li mhumiex qrib il-kultura politika tagħna.
Mela issa morna fuq sistema li m'għandha x'taqsam xejn mat- twemmin politiku li mbottana biex ilkoll flimkien għamilna Kostituzzjoni li tista' tgħid ilkoll naqblu magħha u anke min ma kienx jaqbel magħha m'għadux jgħid li mhux qed jaqbel. Issa qed indaħħlu tribunal għal xejn b'xejn u mingħajr bżonn.
Jiena nixtieq ngħid ukoll illi l-aħħar darba meta kien qed jitkellem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni dar lejja u qalli: Craxi għamel iktar minn hekk. Jien għidtlu li mhux veru u ċċalenġajtu. Hu ma rrisponda xejn. Issa ngħidlu li mhux jien biss naħseb li mhux hekk. Jien rajt id- dokumenti u mhux se noqgħod naqra l-konkordat li għamlu. Aħna mhux konkordat għandna iżda għandna biċċa ftehim fuq tikka. Minflok ipprovajna niftehmu fuq l-affarijiet kollha fejn tidħol il-Knisja - ma ninsewx li l-Knisja f'Malta mhijiex biss forza spiritwali imma hija forza wkoll fiżika fejn l-affarijiet tal-Knisja bilfors jiċċapsu biex ngħid hekk ma' dawk ta' l-Istat - aħna qegħdin nagħmlu bukkun, bukkun - għaliex bukkun jiġi l-ewwel jew it-tieni ma nafux - u mhux qed nipprovaw nkomplu dak li pprovajna in good faith - u ħadd ma attakkana lanqas l- Knisja - biex nagħmlu ħaġa sħiħa li tkun aċċettabbli għal naħa u oħra mingħajr ma tirfes drittijiet, mingħajr ma tirfes sentimenti differenti ta' ċittadini oħra fil-pajjiż li m'għandhomx l-istess twemmin reliġjuż.
Quddiemi jien għandi rassenja Kattolika, jisimha "ADISTA" - naħseb li n-naħa tal-Gvern li huma aktar dilettanti ta' l- affarijiet ta' dan il-generu aktar minni jafu x'inhi din r- rivista - li fiha l- informazzjoni fuq id-dinja Kattolika. Qed nirreferi għal paġna 13, fil-ħarġa tat-13 ta' Marzu, 1993 li ssemmi l-Ftehim li sar bejn in-Nunzju Appostoliku Pierre Luigi Celata u l-Gvern Nazzjonalista. L- ewwel jibda jgħid x'kienet il- leġislazzjoni tagħna fl-1975 u jgħid:
" ... prevede una netta separazione tra vita civile e vita religiosa ..."
- u sewwa qal - jiġifieri kien magħmul b'mod li jkun hemm separazzjoni preċiża bejn ħajja ċivili u ħajja reliġjuża. Dan jgħid li fil-liġi tagħna ... Se ngħid il-kliem eżatt ħalli 'l quddiem ma jibdewx jgħidu li aħna qed inħalltu n-nullita' mad- divorzju u jgħidu li dan m'għandux x'jaqsam, għax tajjeb li anke dawk li qed jippropagaw u jiddefendu b'saħħithom kollha l-fidi Kattolika jibdew jitkellmu bħan-nies Ewropej. Dan il-paragrafu jgħid:
"Nella proposta di legge Maltese c'e' pero' una novita' che riguarda il divorzio:".
Qed insemmi din u qed nagħmel enfasi fuq id-divorzju għax m'hemmx differenza, ħlief fictitious, bejn wieħed li ħa annullament għax jgħid li ż- żwieġ tiegħu sar ħażin, u wieħed li ħa annullament għax jgħid li ż-żwieġ ma rnexxiex. M'hemmx differenza fir-riżultat għax dawn it-tnejn ifissru divorzju. Allura noqogħdu kull darba nistaħbew wara l-kelma "annullament"! Aħna, u naturalment il-Knisja, qed inħallu d-divorzju jitwettaq f'pajjiżna imma qed ngħidu li biex tagħmel divorzju trid tipprova li meta sar iż-żwieġ il-kondizzjonijiet ma kenux perfetti u li m'intix kuntent. Min se jmur għall-annullament għax hu kuntent? Din ħrafa li toqgħod tgħid li trid tapplika u turi li m'intix kuntent. Min ikun irid id-divorzju jridu għax mhux kuntent. Hawn min ikun iridu għax jgħid li ż- żwieġ tiegħu ma rnexxiex mingħajr ma joqgħod isib l- oriġini tar-raġuni għaliex ma rnexxiex, u hawn min joqgħod jgħid li ż-żwieġ tiegħu ma rnexxiex għax wieħed forsi kien daqsxejn imġenġel, l-ieħor ma kienx, u affarijiet bħal dawn. Pero' l-fatt li kien hemm request għal annullament ifisser li l-partijiet ma kenux kuntenti fiż-żwieġ tagħhom, għax kieku ma kenux jitolbu għal annullament.
Jien qed ngħid dan għax kull darba li din in-naħa tal-Kamra ssemmi l-kelma "divorzju", in- naħa tal-Gvern titkaża u tgħid: Mela l-Knisja tagħmel id- divorzju?! Jien qed nikkwota eżattament dak li ntqal fir- rivista biex nuri li mhux aħna biss insemmu l-kelma "divorzju", imma anke min hu serju hekk issejjaħlu u ma joqgħodx ifittex ix-xagħra fl- għaġina u jgħid li l-annullament mhux divorzju. Is- separazzjoni mhijiex divorzju, imma l-annullament huwa divorzju, għax fiż-żewġ każijiet il-partijiet ikunu għexu flimkien u forsi anke kellhom it-tfal, imbagħad wara 20 sena jew 30 sena jinfirdu. Ladarba dawn jkunu jistgħu jerġgħu jiżżewġu, dan huwa divorzju u mhux separazzjoni. Hemm qegħda d-differenza u dan ma tistax tgħid li huwa annullament għax inkella d- dinja civilizzata ma tifhmekx; biex tifhmek trid tgħid li huwa divorzju.
Qed ngħid dan il-kliem u qed nikkwota dan li ntqal biex min- naħa l-oħra ma nisimgħux affarijiet li huma ta' l- antikrist. F'din ir-rivista jkomplu jgħidu x'inhi din in- novita' fil-każ tagħna - u novita fis-sens li hija differenti minn dak li għamel il-Gvern Taljan - u jgħidu hekk:
"... se uno dei due coniugi desiderasse l'ann- ullamento religioso,..."
- u jużaw il-kelma "annullament" għax dik hija d-diction tal-Knisja, imma n-nies civili jsejħulu divorzju -
"... l'altro sarebbe costretto a piegarsi e a sottomettersi ad un tribunale ecclesiastico. In questo caso, la sentenza del tribunale della Chiesa avrebbe anche effetti civili. Non vale invece il contrario: lo Stato non puo' annullare un matrimonio religioso. Questa mancanza di "reciprocita" tra Chiesa e Stato e' uno dei motivi principali dell'opposizione del partito laborista, secondo cui inoltre vi sarebbero seri dubbi di costituzionalita' del nuovo accordo."
Dan qed jgħid li f'dan ir- rigward aħna niddiferixxu minn dak li għamlu t-Taljani u biex wasal għal din il-konklużjoni, dan naturalment qara sew il- konkordat li għamel l-Gvern Taljan mal-Vatikan. Jien ma qrajtux kollu għax lanqas għandi kopja tiegħu imma qrajt biss ir-referenzi li saru fil- gazzetti. Imma meta kien qed jitkellem il-Ministru ta' l- Edukazzjoni jien iċċalinġjajtu għax kont ċert li Craxi mhux se jasal għal dawn l-affarijiet.
Il-wing Kattoliku fi ħdan il- Partit Soċjalista Taljan kien wasal biex ikkonvinċa lill- Vatikan li lanqas il-Marxsisti ma jiġu kkundannati min-naħa tal-Vatikan, aħseb u ara kemm dan se jasal biex jimponi fuq il-poplu Taljan li dak li jagħmel Tribunal Ekklesjastiku jkollu saħħa aktar minn tribunal ċivili. Dan ikompli jgħid hekk:
"Grande soddisfazione per l-intesa e' stata invece espressa dal Nunzio Appostolico Monsignor Pier Luigi Celata ...".
U hawnhekk qed jikkwota lil Monsinjur Celata - u naħseb li kien qiegħed jikkwotah bl-ikbar ironija u bl-ikbar sarkażmu - li qal hekk:
""Un'espressione di autentica democrazia - lo ha definito - in quanto garantisce l'effettivo esercizio di una liberta' fondamentale dell'individuo e, allo stesso tempo, salvaguarda promuovendolo, il bene comune della societa' Maltese.".".
Dan ikkwotah apposta biex juri d-differenza fil-veduti ta' wieħed li jiftaħar bid- demokrazija awtentika li għandna u l-pożizzjoni ta' din in-naħa tal-Kamra. Lilna almenu għamlilna pjaċir għax dan ifisser li lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni mhux aħna biss ngħidulu li ma qalx il- verita' u li gideb meta qal li anke Craxi għamel hekk.
Mr Chairman, ma jistax ikun li din in-naħa tal-Kamra taċċetta li jkun hemm tribunal li nagħtuh poteri daqskemm tajna lill-Qorti Ewropea meta f'dan it-tribunal il- konċessjonijiet huma kollha reliġjużi u m'għandhom x'jaqsmu xejn mad-drittijiet ċivili. It-Tribunal tal-Knisja ma jistax jibda jagħmlilna l- liġijiet fuq serq u affarijiet bħal dawn għax dawn xorta waħda huma affarijiet ċivili. Kif nistgħu nabdikaw is-sovranita' tagħna biex naċċettaw tribunal illi jiddeċiedi fuq affarijiet ċivili meta dan it-tribunal jiġi mwaqqaf mill-Isqof, mill- Papa jew minn nies oħrajn fuq prinċipji differenti, u meta dawn iwaqqfuh għax jemmnu li għandhom soċjeta' perfetta u li dak li jagħmlu huma japplika għal kull min irid joqgħod għar-regolamenti ta' dik is- soċjeta'? Issa jekk inġiegħlu lil min mhuwiex f'dik is- soċjeta' jaċċetta wkoll dawk ir-regolamenti, mhux biss inkunu qed nagħmlu żball kontra l-Kostituzzjoni imma nkunu qegħdin verament immorru kontra l-prinċipji demokratiċi kollha li s'issa pprova jħaddan dan il-Parlament.
Għal dawn ir-raġunijiet irrid nistaqsi lill-Ministru li qed jippilota din il-liġi jekk hux veru dak li smajna, jiġifieri li intom diġa' committed mal- Vatikan u mal-Knisja li ma temendaw xejn minn dawn il- liġijiet. Jekk inhu hekk, għidulna minn qabel biex inkunu nafu. Veru li intom diġa' ġejtu hawnhekk bil-commitment li se tgħaddu dan l-Abbozz ta' Liġi kif inhu u m'intom se tbiddlu xejn? Jekk inhu hekk għaliex ma tgħidulniex? Għalfejn se noqogħdu naqtgħu nifisna? Allura aħna jmissna nimxu mod ieħor. Jekk intom ma tikkalkolawx lilna, aħna m'għandniex għalfejn nikkalkolaw lilkom. Din x'demokrazija hi? Dan x'Parlament hu, li jiġi xi ħadd hawn u jgħid li tant hu committed, li we should lump it? Allura għalfejn qed nagħmlu l-liġijiet? Il- liġijiet suppost li jiġu diskussi u jekk in-naħa tal- Gvern ma jkollhiex raġunijiet serji għalfejn tagħmilhom ... Dan żgur li mhux qiegħed fil- programm elettorali tagħkom u allura ma tistgħux tgħidu li l- poplu tagħna jrid hekk. Min qal li l-poplu tagħna jrid hekk? Ma tistgħux tgħidu li b'dan li qed tagħmlu qed timxu mal-programm elettorali tagħkom u jien ma nafx għalfejn għamiltu hekk.
Jien ma nafx kemm huwa veru li intom diġa' committed, pero' din hija l-impressjoni li qed nieħu minn dak li smajt hawn ġew. Jien nerġa' ngħid li lanqas hu sewwa li li meta l- Gvern jaf li hemm raġunijiet serji għaliex aħna nemmnu li dan mhux kostituzzjonali .... Il-Gvern dan jafu u qed ngħidulu x'inhuma r-raġunijiet tagħna. Il-paragun mal-Qorti Ewropea mhux jien għamiltu imma għamlu l-istess Ministru li qed jippilota din il-liġi. Aħna m'għidniex li jkunu xi jkunu l-guidelines tal-Qorti Ewropea se naċċettawhom. Aħna aċċettajna l-guidelines li kellha l-Qorti Ewropea, imma jekk 'il quddiem dawn il-guidelines jinbidlu, aħna ma nibqgħux marbutin mal- Qorti Ewropea u jaqa' kollox. Dawk il-guidelines għalhekk tressqu għall-approvazzjoni tal-Parlament. M'hawn l-ebda dikjarazzjoni li aħna aċċettajna li jibdlu x'jibdlu minn dawk il-guidelines, aħna xorta nibqgħu marbutin, jew għamilna xi liġi f'dak is- sens. Pero' hawnhekk hekk qed nagħmlu.
Imma l-agħar ħaġa hija li intom tant m'intomx qed tieħdu dawn l-affarijiet bis-serjeta', li meta għandkom protest fil- Qorti, qed tgħidu li l- ewwelnett din il-liġi għadha m'għaddietx, u li jekk wieħed ma jkunx se jinqaras m'għandux għalfejn jagħmel protest. Mela hemm għalfejn tinqaras illum biex tagħmel protest? Għalfejn tridu din il-konfużjoni fil- pajjiż? Ħalli nimmaġinaw li aħna għandna raġuni u li hemm Qorti li dawn l-affarijiet se teħodhom bis-serjeta'. Issa biex tittieħed deciżjoni bħal din mill-qorti jridu jgħaddu sena jew sentejn u sadanittant tkun qed tiġi applikata l-liġi. Allura mbagħad x'se jiġri minn dawk l-affarijiet li jkunu laħqu saru? Hawnhekk għandna l-interess li ma nħallux lill- pajjiż jidħol f'dan it-taħwid jekk ma nkunux certi li kostituzzjonalment qed nagħmlu sew.
Dawn huma l-punti li ħassejt li għandi nżid f'din is-seduta mingħajr ma nerġa' nirrepeti l- affarijiet l-oħra li għidna fis-seduta ta' qabel. Nixtieq li l-Ministru jirrispondi ħalli nkun nista' nirregola ruħi. THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Vici Prim Ministru.
Dostları ilə paylaş: |