Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 294,85 Kb.
səhifə1/5
tarix27.07.2018
ölçüsü294,85 Kb.
#59996
  1   2   3   4   5
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

L-GĦAXAR PARLAMENT

Seduta Nru. 300
L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru, 2005

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


L-GĦAXAR PARLAMENT


Seduta Nru. 300

L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru, 2005

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.02 p.m.

Talba
SEDUTA NRU. 300
L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru, 2005

WERREJ

MINUTI 215

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 215

TQEGĦID TA’ KARTI 222

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 222

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IR-RIFUĠJATI 222

REFUGEES (AMENDMENT) BILL 222

AĠĠORNAMENT 249

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 254





MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 299 li saret fl-4 ta’ Ottubru, 2005 ġew konfermati.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI




AKKOMODAZZJONI SOĊJALI
13483. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f'isem l-Onor. Antoine Mifsud Bonnici) staqsa lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali: Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali u minn liema lokalita’ għal kull sena mill-2000 'il hawn? Kemm-il applikazzjoni ġiet akkomodata u minn liema lokalita'?
ONOR. ANTHONY ABELA (Segretarju Parlamentari) (f'isem il-Ministru tal-Familja u Solidarjeta` Soċjali): It-tagħrif mitlub qiegħed fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

TINDIF TA' CULVERTS F'ĦAL QORMI
13893. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f'isem l-Onor. Clyde Puli) staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq: Jista' il-Ministru jassigura li l-culverts li hemm fit-toroq ta' Ħal Qormi, inkluż Triq l-Imdina, Triq San Bartolomew, Triq Spiteri Fremond u Triq il-Kbira, jitnaddfu qabel ma jagħmel xi għargħar? Meta l-aħħar li tnaddfu?
ONOR. NINU ZAMMIT (Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura) (f'isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq): Ninsab informat li xogħol ta’ tindif fuq il-culverts qed isir mid-dipartiment tat-tindif b’mod regolari f'dawk it-toroq li jaqgħu taħt il-gvern ċentrali, jiġifieri dawk arterjali u distributorji. Mit-toroq msemmija, Triq l-Imdina biss hija distributorja u t-toroq l-oħrajn jaqgħu taħt il-kompetenza tal-kunsill lokali.

BENEFIĊĊJU TAL-MARD
13965. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f'isem l-Onor. Joseph Cassar) staqsa lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali: Tista’ il-Ministru tgħid liema huma dawk it-tipi ta’ mard li għalihom tingħata għajnuna? Kemm-il persuna qed tirċievi għajnuna taħt kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ mard u xi ħlas sar f’kull każ fl-2004?
ONOR. ANTHONY ABELA (f'isem il-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali): Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi d-diversi tipi ta' mard u kondizzjonijiet li dwarhom tħallset l-għajnuna għall-mard u n-numru rispettiv ta' benefiċjarji. Ma tinżammx statistika dwar l-ammont imħallas separatament għal kull tip ta' mard jew kondizzjoni.
Fis-sena 2004 l-ammont totali mħallas f'għajnuna għall-mard kien ta' Lm5,787,938.

REGOLAMENTI TAL-VRT
14353. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f'isem l-Onor. Mario Galea) staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq: Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tat-trasport għandhiex dritt bil-liġi, iżżomm operatur liċenzjat tal-VRT milli joħroġ ċertifikat tal-VRT lis-sid li jkun ressaq vettura għat-test? Jista' jikkwota l-parti tal-liġi li tagħti dan id-dritt lill-awtorita' tat-trasport?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq): Informat li operatur ta’ VRT station m'huwiex obbligat li jagħmel test fuq vettura jekk meta jeħodha għat-test, is-sid ta' l-istess vettura ma jippreżentax id-dokument ta’ reġistrazzjoni jew juri dokument ta’ reġistrazzjoni, b’dettalji li jkunu jaqblu mad-dettalji attwali tal-vettura li tittella’ għat-test. Dan skond regolament 16 tar-regolamenti dwar testijiet biex jiċċertifikaw li vetturi bil-mutur ikunu tajba għat-triq (vide avviż legali 126 ta’ l-1998).
Informat ukoll li bħala r-regolatur ta’ dan is-settur, kemm-il darba l-awtorita’ dwar it-trasport tintalab tagħti tifsira legali tar-regolamenti li jkopru l-operat tal-VRT stations u ta’ l-ittestjar tal-vetturi, id-dmir ta’ l-awtorità hu li t-tifsira li tagħti tkun konformi ma’ dak li hemm fir-regolamenti, f’dan il-każ fir-regolamenti dwar testijiet biex jiċċertifikaw li l-vetturi bil-mutur ikunu tajba għat-triq.

TRAFFIC LIGHTS F'IMDINA ROAD, ZEBBUG
14379. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Gavin Gulia) staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq: Jista' il-Ministru jgħid huwiex possibbli li jitwaħħlu traffic lights jew issir pedestrian crossing f'dik il-parti ta' Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ, 'l isfel mill-iskola Garendon u mill-istabiliment kummerċjali SMW Cortis?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq): Ninsab informat li pedestrian crossing ħdejn Garendon School qiegħda fil-proċess li tiġi stallata.
L-awtorita' dwar it-trasport rċeviet rikjesta biex issir pedestrian crossing oħra ħdejn l-istabiliment SMW Cortis u bħalissa l-istess rikjesta qed tiġi studjata fid-dettall mill-awtorita'.

LICENSING & TESTING
14396. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq: Jista' il-Ministru jgħid jekk il-post quddiem bieb A fejn jitħallsu l-liċenzji tal-karozzi u li issa qed jintuża bħala garage, jistax isir użu aħjar minnu biex il-pubbliku jinqeda aħjar?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq): Ninsab informat li l-garage imsemmi mill-Onor. Interpellant qed jintuża bħala store ta' l-awtorita' wara li ġew żvujtati stores li kienu jinsabu f'postijiet oħra u b'hekk ġew iffankati l-flus.

REĠISTRAZZJONI TA' DGĦAJJES
13808. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni: Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' dgħajjes li ġew reġistrati mal-maritime authority għall-ewwel darba fis-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni): Jien informat li n-numru ta' dgħajjes li ġew reġistrati ma' l-awtorita' marittima għall-ewwel darba fis-snin indikati huwa kif ġej: 368 fl-2003, 518 fl-2004 u 359 fl-2005 sa l-aħħar t'Awissu.

QBID TA' ĦUT
13809. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent: Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont u l-valur ta' ħut maqbud mis-sajjieda Maltin u Għawdxin f'dawn l-aħħar tliet snin?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent): Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

ELECTRIC CARS
13810. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq: Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' electric cars li hawn fit-toroq?
ONOR. NINU ZAMMIT (f'isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq): Ninsab informat li n-numru ta’ electric cars reġistrati ma’ l-awtorita’ dwar it-trasport jammonta għal 14.

MEPA - ĦRUĠ TA' ENFORCEMENT NOTICES
13811. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent: Jista’ il-Ministru jindika l-ammont ta' enforcement notices maħruġa mill-MEPA din is-sena u s-sena l-oħra?
ONOR. TONIO FENECH (Segretarju Parlamentari) (f'isem il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent): Skond informazzjoni miġbura mis-sistema ta’ l-informatika tal-MEPA, din is-sena nħarġu 867 enforcement notice sa l-aħħar ta’ Settembru, b’630 minnhom f'Malta u 237 f'Għawdex.
Fis-sena 2004 inħarġu 1,022 enforcement notice, 715 minnhom f'Malta u 307 f'Għawdex.

HELPLINE 153
13812. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi: Jista’ il-Prim Ministru jindika l-ammont medju ta' telefonati li jidħlu kuljum fuq il-helpline 153?
ONOR. ANTHONY ABELA (f'isem il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.


EMERGENCY LINE 112
13813. L-ONOR. ROBERT ARRIGO (f'isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern: Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont medju ta' telefonati li jidħlu kuljum fuq in-numru ta' emerġenza 112?
ONOR. TONIO BORG (Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern): Ninsab informat illi jkun hemm medja ta' 1,735 telefonata kuljum fuq il-linja ta' emerġenza 112.

REVIŻJONI TAL-PENSJONI
14455. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali: Tista' il-Ministru tgħid meta se tinħadem ir-reviżjoni tal-pensjoni ta' l-ex ħaddiema tat-tarzna u ta' kumpanniji privati?
ONOR. ANTHONY ABELA (f'isem il-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali): Id-dipartiment tas-sigurta' soċjali għaddej b'eżerċizzju ta' reviżjoni ta' pensjonijiet, inkluż dawk ta' ex-impjegati tat-tarzna u kumpanniji privati. Hekk kif titlesta r-reviżjoni ta' ex-impjegati ta' ażjenda, il-pensjonanti konċernati jiġu informati individwalment bir-rata ta' pensjoni ġdida u, fejn ikun applikabbli, jitħallsu l-arretrati dovuti.
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' is-Segretarju Parlamentari jgħid għaliex ir-reviżjoni tal-pensjonijiet tieħu x-xhur u anke s-snin biex titlesta?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.


ONOR. ANTHONY ABELA: Veru dan li qed jgħid l-Onor. Membru, imma għandi għax nifhem li qed isiru l-isforzi kollha biex din il-ħidma titlesta kemm jista' ikun malajr.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' is-Segretarju Parlamentari jgħid jekk hemmx grupp ta' nies apposta mqabbdin fuq dan ix-xogħol?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. ANTHONY ABELA: Iva, hemm sezzjoni apposta li ma' kull opportunita' tieħu ħsieb ir-reviżjonijiet li jkun hemm bżonn.

TWAQQIGĦ TA' LUKANDI
14456. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent: Jista' il-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet daħlu mis-sena 2003 sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jitla' bini ġdid? Liema huma?
ONOR. TONIO FENECH (f'isem il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent): Ninsab informat li l-MEPA rċeviet tmien applikazzjonijiet mill-2003 sal-lum sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jitla’ bini ġdid. Dawn huma:
PA 0141/03 - Grand Hotel Verdala, Inguanez Street, Rabat, Malta
PA 3069/03 - Clover Hotel, Triq it-Tartarun c/w Triq il-Baħħara, San Pawl il-Baħar
PA 6500/03 - Corner Site at Triq it-Tamar c/w Triq it-Trill, San Pawl il-Baħar
PA 7420/03 - Parti mill-kumpless tal-Galaxy Hotel, St. Ignatius Street c/w Depiro Street, Sliema
PA 7482/03 - Cartwheel Hotel, Triq Sant'Antnin, San Pawl il-Baħar

PA 2444/04 - Ex-Andar Hotel, Triq Munxar, Munxar, Għawdex


PA 4543/04 - Site at Triq iż-Żewwieqa, Għajnsielem, Għawdex
PA 5538/04 - Mistra Village, Xemxija Hill, St. Paul's Bay
PA 6153/04 - Les Lapins Hotel, Ta' Xbiex Seafront, Ta' Xbiex
PA 3043/05 - Forum Hotel Triq Sant’Andrija, Swieqi

COTTONERA REHABILITATION COMMITTEE
14458. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura: Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera? Jista' jgħid kemm ingħataw fondi sena b'sena mit-twaqqif tiegħu sal-lum?
ONOR. NINU ZAMMIT: Jien informat li l-membri tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera huma kif jidher hawn taħt:
Paul Vella Critien - Chairman

Perit Chris Spiteri - Deputy Chairman

Ray Bondin - Koordinator Eżekuttiv

Joseph Scerri - Kunsill Lokali Bormla

John Boxall - Kunsill Lokali Birgu

Joseph Casha - Kunsill Lokali Isla

Michael Cohen - Kunsill Lokali Kalkara

Lawrence Farrugia

Charmaine Gerada

Mark Lombardo

Lorenzo Zahra

Spiżjar Maurice Debono

Joseph Carbonaro

James Cauchi

Mario Farrugia - Fondazzjoni Wirt Artna

Charles Bonello

Maria Sultana

Charles D’Alfonso - Riżorsi u Infrastruttura

Perit Anthony Abela - Riżorsi u Infrastruttura

Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirriferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 11301.



BINI TA' CAR PARK F'BORMLA
14459. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi: Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress dwar il-bini ta’ car park taħt il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla, anke sabiex il-ground innifsu jinġieb fi stat tajjeb u forsi xi darba jibda jitgawda mit-tfal ta' Bormla?
ONOR. TONIO BORG (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi): Peress li l-proġett tal-car park ma jaqax taħt ir-responsabbilta' tiegħi, m'iniex informat dwar is-suġġett.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, ma jifhimx l-Aġent Prim Ministru li donnu hawnhekk hawn min qed jittanta jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu?
MR SPEAKER: L-Aġent Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, hawnhekk hawn 14-il ministru u lil kull wieħed isirulu l-mistoqsijiet skond ir-responsabbilta' li jġorr. F'dan il-każ il-ministru ta' l-edukazzjoni m'għandux l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Farrugia, peress li l-Onor. Louis Galea m'huwiex responsabbli mill-car parks, responsabbilta' li taqa' taħt ministru ieħor.
Jiena ċert li jekk l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-ministru konċernat, jingħata tweġiba kif jixtieq.

KUMPLESS SPORTIV TAL-KOTTONERA
14460. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi: Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjan oriġinali li fil-kumpless sportiv ikun hemm ukoll football pitch tal-five-a-side għadux fil-ħsieb li jsir? Meta se jibda?
ONOR. TONIO BORG (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi): Informat li kien hemm pjani sabiex jinbena pitch tal-five-a-side maġenb il-kumpless tal-Kottonera. Fl-istess żmien li nbeda xogħol fuq il-kumpless ġie żviluppat pitch ieħor minn club tal-football tal-five-a-side biswit il-kumpless. Għalhekk dak iż-żmien kien ġie deċiż li din il-parti tal-proġett tiġi posposta, peress li l-gvern ħass li m'għandhiex tinħoloq kompetizzjoni mal-club li bena dan il-pitch, speċjalment meta wieħed iżomm quddiem għajnejh l-investiment li għamel dan l-istess club u li allura kien jirrikjedi ċertu dħul sabiex jitħallsu l-ispejjeż.
Wieħed irid jiftakar ukoll li kemm jista' ikun għandu jkun hemm razzjonalita' fid-distribuzzjoni ta' faċilitajiet sportivi. Dan b'mod speċjali minħabba l-fatt li l-impjanti sportivi iqumu ħafna flus biex jinbnew u mbagħad ikunu jridu jiġu sostnuti jew mid-dħul ta' l-użu tal-faċilita' jew minn sorsi oħra.
MR SPEAKER: L-Onor. Gavin Gulia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GAVIN GULIA: Sur President, se nabbuża mill-fatt li hawn preżenti l-Aġent Prim Ministru u se naqbeż għal suġġett kompletament differenti, dak dwar l-immigrazzjoni illegali.
Fuq ċerti mezzi tal-media ġie rrapportat li l-bieraħ ġew deportati madwar 70 immigrant irregolari. Jista' l-Aġent Prim Ministru jgħidilna jekk dawn l-immigranti għażlux minn jeddhom li jmorru lura lejn pajjiżhom?
MR SPEAKER: L-Aġent Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Ma naħsibx li dawk li ħallsu mijiet ta' dollari biex ġew hawn Malta laqgħu b'xi entużjasmu kbir l-aħbar li kienu se jiġu rimpatriati, pero' fl-istess ħin ngħid ukoll li dawn m'għamlux reżistenza. Jiġifieri r-rimpatriju sar b'mod trankwill u ma nqala l-ebda inċident.
Fil-fatt nieħu l-okkażjoni biex minn hawnhekk nirringrazzja pubblikament lill-Ambaxxatur ġdid Eġizzjan - kif irringrazzjajtu wkoll llum wara nofsinhar meta ġie jżurni f'laqgħa ta' korteżija - li l-ewwel kompitu tiegħu kien proprju li jqatta' sigħat twal mal-kummissarju tal-pulizija sabiex ikun jista’ isir dan ir-rimpatriju.
MR SPEAKER: L-Onor. Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA: Imma jista' l-Aġent Prim Ministru jgħidilna jekk dawn l-immigranti għażlux minn jeddhom li jirritornaw lejn l-Eġittu?
MR SPEAKER: L-Aġent Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Nibqa' insostni dak li għedt qabel, jiġifieri li dawn ma rreżistewx ir-rimpatriju u li meta ġew informati li se jintbagħtu lura f’pajjiżhom, lanqas biss ipprotestaw. Allura nassumi li kienu kuntenti li jmorru lura.
Naturalment qed nuża l-kelma kuntenti tra virgolette għax bejn li jmorru lura f'pajjiżhom jew li joqogħdu hawnhekk f'detenzjoni, b’ċans tajjeb li l-każ tagħhom jiġi miċħud, ippreferew li jmorru lura lejn pajjiżhom.


IL-MAĊINA
14462. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f'isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern: Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid taħt min qiegħda t-tmexxija tal-bini tal-Maċina? Jista' jara li dan il-bini storiku ma jibqax fl-istat miskin li jinsab fih?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab informat illi l-bini tal-Maċina huwa mogħti b'ċens lil Maċina Dev. Co Ltd.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' l-Aġent Prim Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjonijiet li ssottomettew il-bdiewa numru ta' xhur ilu, fejn ħallsu ħafna flus sabiex ikollhom xi forma ta' titlu fuq ir-raba' li għandhom f'idejhom?
MR SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, ma nistax ma nfakkarx li meta kienet tħabbret din l-iskema, l-Onor. Interpellant kien minn ta' l-ewwel li kkritikaha u qal li qiegħda biex tinganna lill-bdiewa. Issa nieħu gost ninnota li l-Onor. Interpellant tant qed jaqbel ma' din l-iskema li qed jistaqsini għala l-proċedura m'hijiex qed timxi b'mod iktar mgħaġġel!
Irrid ngħid li sfortunatament kienu ħafna dawk li abbużaw minn din l-iskema jew li adirittura applikaw - jista' ikun innoċentement - meta ma kellhomx għalfejn japplikaw. Kien hemm oħrajn li taw informazzjoni żbaljata. L-iktar li ħoloq staġnar fis-sistema huwa l-fatt li kien hemm eluf ta' applikanti li diġa' kellhom titlu għall-art flimkien ma' ħuthom u għalkemm xtaqu li jsir il-qsim bejniethom, dan ma setax isir peress li fuq l-applikazzjoni ma kienx hemm il-firma ta' l-aħwa kollha kif titlob l-iskema.
Fl-istess waqt kien hemm nies li qalu li huma biss qed jokkupaw dik l-art u li huma biss iħallsu l-kera lil-lands jew lill-joint office meta fil-fatt dan mhux minnu, bil-konsegwenza li nħela ħafna ħin biex wieħed jaqsam il-każijiet li ħolqu problema u oħrajn li ma kienx hemm problemi dwarhom. Jien tajt istruzzjonijiet lid-dipartiment sabiex jikkonċentraw fuq dawk illi m'hemmx problemi dwarhom, pero' l-ammont ta' dawn il-każi huwa żgħir ħafna.
L-Onor. Membru qal li dawn il-bdiewa ħarġu ħafna flus. Irrid ngħid li din kienet applikazzjoni ta' darba u sar ħlas ta' Lm50 lill-gvern. Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li l-gvern selaħ lil dawn in-nies permezz ta' din l-iskema li għamel. Dawn huma nies li strettament skond il-liġi m'għandhomx dritt tal-ktieb tal-qbiela fuq l-art tagħhom. Imma l-gvern, bħala sid ta' l-art, iddeċieda illi min ġenwinament kien qiegħed jokkupa l-art u jużaha għal skop agrikolu, seta' japplika taħt din l-iskema.
Irrid ngħid ukoll illi l-ammont ta' persuni li diġa' ingħatalhom titlu f'dawn is-snin huwa ferm u ferm iktar milli qatt ingħata titlu lill-bdiewa taħt skemi oħra fil-passat.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Filwaqt li m'iniex għal kollox konvint minn dak li qed jgħid l-Aġent Prim Ministru, jikkonferma li ħafna mill-bdiewa ħallsu aktar minn Lm50 ma' l-applikazzjoni tagħhom?
MR SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, fil-fatt insejt ngħid - u ta' dan nirringrazzja lill-Onor. Interpellant talli fakkarni - li dawk il-bdiewa li għandhom art agrikola f'idejhom, baqgħu jokkupawha u jużawha. U l-gvern mhux talli ma keċċihomx, talli tahom iċ-ċans li japplikaw taħt din l-iskema billi għal kull applikazzjoni li jagħmlu jħallsu Lm50 darba u mbagħad jagħtihom din l-art bi qbiela fenomenali ta' Lm4 kull tomna!
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Allura għandi għax nihfem li dawk il-bdiewa li ħallsu aktar minn Lm50, se jieħdu lura l-flus li ħallsu żejda?

MR SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, l-iskema kienet tgħid li għal kull applikazzjoni u għal kull biċċa art li għandek, trid tħallas Lm50. Imbagħad jekk inti għandek farmhouse wkoll ... (Interruzzjonijiet) Il-maġġoranza kbira ta' l-applikazzjonijiet kienu ta' artijiet. Issa jekk l-Onor. Interpellant qed jara din is-somma bħala waħda eċċessiva, nitolbu jiċċekkja ħalli jara kemm qed imorru l-artijiet. (Interruzzjonijiet) Jiena nisma' bi stejjer fejn il-qbiela tiġi ttrasferita b'eluf kbar ta' liri - mhux għall-proprjeta' qed ngħid - u ġieli anke jsir abbuż fuq art tal-gvern.
Sakemm l-Onor. Interpellant jgħidli biex infittxu nipproċessaw din l-iskema li hu kien kontra tagħha fil-bidu nifhimha - għax wieħed għandu kull dritt ibiddel l-opinjoni tiegħu u f'dan il-każ biddilha għall-aħjar - imma mhux minn fuq jiġi jikkritikana li qegħdin nisolħu lin-nies minħabba li għamilna skema li jekk tista' tikkritikaha, tista’ tikkritikaha biss għax hija waħda ġeneruża. Fil-fatt kien hemm min ikkritikana li qegħdin nagħtu l-art b'xejn, imma aħna dehrilna li fejn in-nies kienu qed jokkupaw biċċa art ... (Interruzzjonijiet) Ħa nġib eżempju, Sur President.
Nagħtu kas imut bniedem li kien jaħdem ir-raba'. Jekk dan kien ġuvni u mingħajr tfal, bil-liġi dik l-art ma tistax tgħaddi fuq in-neputi tiegħu. Aħna rraġunajna li ladarba dak in-neputi xorta waħda qed jaħdem dik l-art u huwa kważi impossibbli li l-gvern jikkontrolla l-artijiet kollha, ikun aħjar jekk nagħtu t-titlu lilu u lil oħrajn bħalu.
Jien qed nieħu gost li l-Onor. Farrugia li tant kien kontra din l-iskema, issa sar favur tagħha u qiegħed saħansitra jikkritikana li m'aħniex qed nipproċessaw l-applikazzjonijiet malajr kemm jista' ikun, Sur President.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-Mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Ninu Zammit.


Yüklə 294,85 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin